Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miz-Županijski sud u Zagrebu (il-Kroazja) fit-18 ta’ Mejju 2017 – Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta vs AY

(Kawża C-268/17)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Županijski sud u Zagrebu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta

Konvenut: AY

Domandi preliminari

Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ma jinbdewx proċeduri kriminali għall-ksur li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew li jiġu mitmuma huwa marbut biss mal-ksur li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li r-rinunzja għall-proċeduri kriminali jew l-irtirar tal-akkużi għandhom ukoll jirrigwardaw il-persuna rikjesta fil-kwalità ta’ persuna ssuspettata/akkużata fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri?

Stat Membru jista’ jirrifjuta, taħt il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru l-ieħor tkun iddeċidiet, jew li ma tibdiex proċeduri kriminali għall-ksur li huwa s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jew li ttemmhom, fil-każ fejn, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-persuna rikjesta kellha l-kwalità ta’ xhud u mhux dik ta’ persuna ssuspettata/akkużata?

Id-deċiżjoni li tintemm investigazzjoni li fil-kuntest tagħha l-persuna rikjesta ma kellhiex il-kwalità ta’ persuna ssuspettata, peress li tkun instemgħet fil-kwalità ta’ xhud, tikkostitwixxi, għall-Istati Membri l-oħra, raġuni sabiex ma jaġixxux fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ, skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI?

X’inhi r-rabta bejn ir-raġuni obbligatorja għar-rifjut ta’ konsenja prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ fejn “l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti ” u r-raġuni għall-għażla ta’ rifjut ta’ konsenja prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ fejn “sentenza finali inatat fuq il-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħallix proċeduri oħra”?

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat ta’ eżekuzzjoni huwa marbut jadotta deċiżjoni fuq kull mandat ta’ arrest Ewropew li jintbagħtlu, u dan ukoll meta huwa jkun diġà ddeċieda fuq mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja l-oħra kontra l-istess persuna rikjesta fil-kuntest tal-istess proċeduri kriminali u meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ġdid jinħareġ minħabba bdil fiċ-ċirkustanzi fl-Istat ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew (deċiżjoni ta’ rinviju – ftuħ tal-proċedura kriminali, kriterju iktar strett fil-qasam ta’ indizji tat-twettiq tal-ksur, awtorità ġudizzjarja ġdida/qorti kompetenti)?

____________