Language of document : ECLI:EU:C:2018:317

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2018 (1)

Kawża C268/17

Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta

vs

AY

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miż-Županijski Sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Kunċett ta’ sentenza finali fir-rigward tal-istess atti – Persuna rikjesta – L-istatus ta xhud fl-Istat Membru li jeżegwixxi”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taż-Županijski Sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja) ser tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara li, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”), fejn id-domandi huma magħmula minn qorti tal-Istat Membru li ħarġet l-imsemmija MAE f’konformità mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Kwadru”) (2).

 Il-kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

3.        L-Artikolu 2, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jiddisponi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.      Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

–        korruzzjoni,

[…]”

4.        “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew” huma elenkati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru, skont liema:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ‘il quddiem l-‘awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2.      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

[…]”

5.        Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

3.      fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ddeċidew jew li ma jieħdux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn sentenza finali inatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħalliex li jsiru proċedimenti oħra;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.        AY huwa ċittadin Ungeriż, president tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija Ungeriża, li kontriha ġew imressqa proċeduri kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-att tal-akkuża maħruġ mill-Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta (l-Uffiċċju għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, iktar ’il quddiem l-“USKOK”), fil‑31 ta’ Marzu 2014, AY allegatament qabel li jħallas ammont kunsiderevoli ta’ flus lid-detentur ta’ kariga għolja fil-Kroazja, bħala riżultat tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-kumpannija Ungeriża u l-Gvern Kroat.

7.        Fl‑10 ta’ Ġunju 2011, l-USKOK fetħet investigazzjoni kontra AY bħala ssuspettat li wettaq atti ta’ korruzzjoni attiva, u informat b’mod sħiħ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ungeriż u lill-Avukat Ġenerali Ungeriż qabel ma nfetħet l-investigazzjoni. Dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex tinfetaħ investigazzjoni, l-awtorità kompetenti Ungeriża ntalbet tipprovdi assistenza legali internazzjonali billi tintervista lil AY bħala ssuspettat u toroħ taħrika fil-konfront tiegħu. Ittri rogatorji ntbagħtu bejn l‑10 ta’ Ġunju 2011 u Settembru 2013.

8.        L-awtoritajiet Ungeriżi ma eżegwixxewx l-ittri rogatorji. Għalhekk kien impossibbli għall-awtoritajiet Kroati kompetenti li jilħqu lis-suspettat AY u l-investigazzjoni Kroata kontra lis-suspettat AY ġiet sospiża f’Diċembru 2012.

9.        Madankollu, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata lilu fl-anness tal-ittra rogatorja, l-Avukat Ġenerali Ungeriż fetaħ investigazzjoni peress li kien hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li kien twettaq reat kriminali li jippreġudika l-integrità tal-ħajja pubblika f’forma ta’ korruzzjoni attiva fil-livell internazzjonali taħt il-Kodiċi Kriminali Ungeriż. Dik l-investigazzjoni ngħalqet fl‑20 ta’ Jannar 2012 b’deċiżjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni skont il-Liġi Ungeriża dwar il-proċedura kriminali, minħabba li l-atti mwettqa ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali. Madankollu, dik l-investigazzjoni ma kinitx infetħet kontra AY bħala ssuspettat, iżda biss b’konnessjoni mal-allegat reat kriminali. F’dan ir-rigward, AY kien intervistat bħala xhud. Id-detentur tal-kariga għolja fil-Kroazja ma ġiex intervistat bħala xhud f’dik il-proċedura ta’ investigazzjoni.

10.      Skont il-qorti tar-rinviju, proċeduri oħra mibdija fl-Ungerija ġew magħluqa fin-nuqqas ta’ fatti ġodda meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2012.

11.      Fl‑1 ta’ Ottubru 2013, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, u qabel ma nbdew proċeduri kriminali fil-Kroazja skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-USKOK ħareġ MAE kontra AY.

12.      L-eżekuzzjoni ta’ dak il-MAE ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) tas‑7 ta’ Ottubru 2013 minħabba li l-informazzjoni disponibbli wriet li diġà kienu tressqu proċeduri kriminali fl-Ungerija fir-rigward tal-istess atti bħal dawk li fuqhom kien ibbażat il-mandat ta’ arrest, li l-awtorità ġudizzjarja Ungeriża kienet waqqfet.

13.      Wara l-proposta biex il-każ jiġi rriferut għal kulleġġ ġudikanti u d-deċiżjoni li l-każ ta’ AY jiġi riferut lill-qorti tar-rinviju, il-każ kien assenjat lill-qorti istruttorja ta’ dik il-qorti, Taqsima Ewropea tal-Mandati ta’ Arrest, skont id-dispożizzjoni rilevanti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Kroata. It-tieni MAE kontra AY, il-persuna rikjesta, inħareġ fil‑15 ta’ Diċembru 2015. Dan il-mandat qatt ma ġie eżegwit mir-Repubblika tal-Ungerija.

14.      Fis‑27 ta’ Jannar 2017, it-tieni MAE reġa’ ġie sottomess lill-awtoritajiet kompetenti Ungeriżi mill-qorti tar-rinviju.

15.      Sussegwentement, wara l-iskadenza tas-60 jum minn dik l-aħħar sottomissjoni tat-tieni MAE, il-qorti tar-rinviju indirizzat lill-membru Kroat tal-Eurojust. Wara li intervjena, il-membru Kroat tal-Eurojust bagħat lill-qorti tar-rinviju l-opinjoni tal-awtorità kompetenti Ungeriża, li tikkunsidra li ma hijiex obbligata taġixxi fuq il-MAE li nħareġ u li ma huwiex possibbli bil-liġi fl-Ungerija li tarresta lil AY, il-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali, jew li tibda proċedura ġdida għall-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġ fil-Kroazja fil‑15 ta’ Diċembru 2015. Opinjoni identika ngħatat mill-awtorità ġudizzjarja Ungeriża kompetenti lill-qorti tar-rinviju fl‑4 ta’ April 2017.

16.      Peress li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew previst fil-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, b’deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Mejju 2017, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ma jinbdewx proċeduri kriminali għall-ksur li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew li jiġu mitmuma huwa marbut biss mal-ksur li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li r-rinunzja għall-proċeduri kriminali jew l-irtirar tal-akkużi għandhom ukoll jirrigwardaw il-persuna rikjesta fil-kwalità ta’ persuna ssuspettata/akkużata fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri?

(2)      Stat Membru jista’ jirrifjuta, taħt il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru l-ieħor tkun iddeċidiet, jew li ma tibdiex proċeduri kriminali għall-ksur li huwa s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jew li ttemmhom, fil-każ fejn, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-persuna rikjesta kellha l-kwalità ta’ xhud u mhux dik ta’ persuna ssuspettata/akkużata?

(3)      Id-deċiżjoni li tintemm investigazzjoni li fil-kuntest tagħha l-persuna rikjesta ma kellhiex il-kwalità ta’ persuna ssuspettata, peress li tkun instemgħet fil-kwalità ta’ xhud, tikkostitwixxi, għall-Istati Membri l-oħra, raġuni sabiex ma jaġixxux fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ, skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI?

(4)      X’inhi r-rabta bejn ir-raġuni obbligatorja għar-rifjut ta’ konsenja prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ fejn ‘l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti’ u r-raġuni għall-għażla ta’ rifjut ta’ konsenja prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ fejn ‘sentenza finali inatat fuq il-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħallix proċeduri oħra’?

(5)      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat ta’ eżekuzzjoni huwa marbut jadotta deċiżjoni fuq kull mandat ta’ arrest Ewropew li jintbagħtlu, u dan ukoll meta huwa jkun diġà ddeċieda fuq mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja l-oħra kontra l-istess persuna rikjesta fil-kuntest tal-istess proċeduri kriminali u meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ġdid jinħareġ minħabba bdil fiċ-ċirkustanzi fl-Istat ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew (deċiżjoni ta’ rinviju – ftuħ tal-proċedura kriminali, kriterju iktar strett fil-qasam ta’ indizji tat-twettiq tal-ksur, awtorità ġudizzjarja ġdida/qorti kompetenti)?”

17.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tiegħu, dan il-każ ingħata prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Kroazja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija, tal-Awstrija u tar-Rumanija, u l-Irlanda, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Kroazja u tal-Ungerija u l-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta, li saret fit‑28 ta’ Frar 2018.

 Evalwazzjoni

 Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Fil-każ inkwistjoni, il-qorti tal-Istat Membru li toħroġ il-MAE tfittex kjarifika dwar l-eżekuzzjoni ta’ dak il-MAE. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel firxa ta’ domandi rigward ir-raġunijiet ta’ rifjut biex teżegwixxi MAE previst fil-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru.

20.      Dan jidher stramb peress li r-risposta pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tikkonċerna biss lill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni.

21.      Każijiet dwar il-MAE tipikament jirriżultaw minn tilwima bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ żewġ Stati Membri. L-awtoritajiet ta’ Stat Membru joħorġu MAE, filwaqt li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor jeżegwixxu dan il-MAE.

22.      Bħala konsegwenza, tipikament, każijiet relatati ma’ domandi dwar l-eżekuzzjoni u, b’mod iktar partikolari, dwar ir-raġunijiet possibbli ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni joriġinaw mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, minħabba li dawn l-awtoritajiet jitolbu ċarezza dwar il-parametri ta’ dawk ir-raġunijiet ta’ rifjut (3). Dawn l-awtoritajiet ifittxu li jaċċertaw jekk jistgħux jew ma jistgħux jeżegwixxu MAE.

23.      Jidher li l-qorti tar-rinviju temmen li abbażi tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssib ruħha f’pożizzjoni fejn tirtira l-MAE. Jekk, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja issib li hemm raġunijiet għal rifjut biex jiġi eżegwit l-MAE min-naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi, il-qorti tar-rinviju tiżgura ruħha li l-MAE jiġi rtirat.

24.      Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tirrispondi għall-ewwel sar-raba’ domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tagħmel dan (4).

25.      Jirriżulta mill-Artikolu 267(2) TFUE li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni preliminari meta deċiżjoni fir-rigward ta’ domanda magħmula titqies mill-qorti tar-rinviju bħala “neċessarja” biex tkun tista’ tagħti sentenza.

26.      F’każ bħal dak inkwistjoni, manifestament ma narax din il-ħtieġa tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa veru li, bħala regola, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli u huwa biss f’każijiet rari u estremi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti risposta għalihom. Talbiet bħal dawn igawdu preżunzjoni ta’ rilevanza (5). Din il-kwistjoni tar-rilevanza ta’ domanda hija waħda oġġettiva.

27.      F’dak li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tiddeskrivi bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali” (6), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrifjutat li tirrispondi domandi f’każijiet ipotetiċi, meta d-domandi mqajma ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, fejn id-domandi ma kinux artikolati biżżejjed b’mod ċar jew fejn il-fatti ma kinux ċari biżżejjed.

28.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-ewwel sar-raba’ domanda ma jidhrux li jaqgħu fl-ebda waħda mill-kategoriji ta’ każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrispondi d-domandi. Iżda, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ġietx affaċċjata b’sitwazzjoni bħal dik tal-każ preżenti, jiġifieri fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li joħorġu l-MAE jipprovaw ikunu informati dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk li għandhom jeżegwixxu l-MAE.

29.      Il-kwistjoni dwar jekk awtorità li toħroġ il-MAE tiddeċidix li żżomm il-MAE hija u għandha tkun indipendenti mill-kwistjoni tar-raġunijiet possibbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Jekk, ngħidu aħna, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssostni li l-awtoritajiet Ungeriżi jistgħu joqogħdu fuq il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru sabiex ma jeżegwixxux il-MAE, legalment dan ma jkollu l-ebda inċidenza dwar jekk il-MAE jinżammx minn l-awtorità emittenti jew le. Il-qorti tar-rinviju tista’ żżomm il-MAE jew tista’ tirtirah.

30.      Il-każ sottostanti għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni, f’każ konkret, tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Ungeriża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru. Id-deċiżjoni finali dwar jekk ir-rekwiżiti tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru humiex sodisfatti jew le, hija waħda li għandhom jieħdu l-awtoritajiet Ungeriżi. Il-qorti tar-rinviju ma tistax tissodisfa dan il-kompitu u, b’mod effettiv, tissostitwixxi ruħha mal-awtoritajiet Ungeriżi.

31.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi l-ewwel sar-raba’ domanda f’dan il-każ, id-deċiżjoni tagħha, ovvjament, ma tkunx “purament konsultattiva mingħajr effetti vinkolanti” (7). Madankollu, fil-fatt u fir-rigward tal-qorti tar-rinviju fil-każ speċifiku inkwistjoni, ikun preċiżament dan: bla dubju interessanti fuq il-karta, iżda mhux kapaċi jiġi applikat fil-prattika għall-każ konkret ikkontestat mill-awtoritajiet Kroati. Id-deċiżjoni tista’ tkun rilevanti biss għall-awtoritajiet Ungeriżi — li ma humiex fl-oriġini ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

32.      Barra minn hekk, ma għandux jintesa li s-sistema sħiħa li tirfed il-MAE hija bbażata fuq fiduċja u rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tal-ħruġ u tal-eżekuzzjoni. Ma hemmx għalfejn ngħidu li huwa, l-ewwel u qabel kollox, għall-Istat Membru li jeżegwixxi li jafda l-azzjonijiet tal-Istat Membru emittenti. Madankollu, anki l-Istat Membru emittenti għandu jafda l-azzjonijiet tal-Istat Membru li jeżegwixxi meta dan tal-aħħar jibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE. Ladarba l-Istat Membru emittenti jibdew japplikaw u jinterpretaw il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u jipprovaw jaċċertaw jekk dan tal-aħħar applikax il-liġi b’mod korrett, dan jasal qrib il-ksur ta’ dik il-fiduċja reċiproka. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal, pereżempju, materji ta’ liġi ċivili, ma huwiex komuni għall-awtoritajiet ta’ pajjiż wieħed li japplikaw, jinterpretaw u jevalwaw il-liġi ta’ pajjiż ieħor. Fil-mekkaniżmu stabbilit mill-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, il-qrati nazzjonali jipprovdu l-fatti u d-deskrizzjoni tal-liġi nazzjonali inkwistjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi interpretazzjoni utli u bi skop tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan jista’ jkun iggarantit biss jekk il-qorti tar-rinviju tkun f’pożizzjoni li tapplika l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-każ inkwistjoni. Peress li l-qorti Kroata ma tistax tapplika l-liġi kriminali Ungeriża, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja se tkun nieqsa mill-iskop f’dan il-kuntest (8).

33.      Bħala konklużjoni, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru fil-kuntest ta’ kwistjonijiet li jappartjenu għall-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru li jeżegwixxi, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula.

34.      Fir-rigward tal-ħames domanda, ma jidhirx li hemm problema ta’ ġurisdizzjoni. Skont id-Deċiżjoni Kwadru, li hija msejsa fuq l-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ bosta Stati Membri, ir-risposta mogħtija lil din id-domanda hija l-ewwel u qabel kollox rilevanti għall-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Madankollu, deċiżjoni fir-rigward ta’ din id-domanda, li biha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tivverifika jekk bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hijiex meħtieġa li tadotta deċiżjoni dwar MAE trażmessa lilha, hija wkoll meħtieġa għall-qorti tar-rinviju sabiex tkun taf jekk tistax tistenna risposta legali mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Dan jippermetti lill-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk għandhiex tirtira t-tieni MAE jew le. Barra minn hekk, il-ħames domanda hija l-unika domanda li ma tirrikjedix interpretazzjoni tad-dritt Ungeriż mill-qorti tar-rinviju Kroata.

 Sustanza


 Il-ħames domanda

35.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hijiex meħtieġa li tadotta deċiżjoni dwar MAE trażmess lilha anki meta, f’dak l-Istat Membru, MAE preċedenti kien diġà ġie deċiż dwar l-istess persuna rikjesta, fl-istess proċeduri kriminali, fejn it-tieni MAE inħareġ minn awtorità ġudizzjarja oħra minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi fl-Istat Membru emittenti.

36.      Skont il-kliem ċar tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kull MAE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Deċiżjoni Kwadru. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Kwadru jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi fil-limiti ta’ żmien definit fid-Deċiżjoni Kwadru dwar il-konsenja tal-persuna rikjesta. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Kwadru jipprovdi li MEA għandu jiġi pproċessat u eżegwit bħala kwistjoni ta’ urġenza u li għandhom jingħataw raġunijiet għal kull rifjut biex jiġi eżegwit, skont il-paragrafu 6 ta’ dak l-artikolu. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Kwadru jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar id-deċiżjoni dwar is-segwitu mogħti lill-MAE.

37.      Barra minn dan, kif jidher iktar ’il quddiem hawn taħt, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 et seq. tad-Deċiżjoni Kwadru. L-eżistenza ta’ MAE preċedenti ma tidhirx fost ir-raġunijiet ta’ rifjut.

38.      Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jeżegwixxi li ma jirrispondux għal MAE jiksru l-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni Kwadru.

39.      Ir-risposta proposta tiegħi għall-ħames domanda hija, għalhekk, li bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija meħtieġa li tadotta deċiżjoni dwar MAE trażmess lilha, anki fejn, f’dak l-Istat Membru, MAE preċedenti jkun diġà ġie deċiż dwar l-istess persuna rikjesta, fl-istess proċeduri kriminali, iżda dan it-tieni MAE nħareġ minn awtorità ġudizzjarja oħra minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi fl-Istat Membru emittenti.

 L-ewwel sar-raba’ domanda

40.      Fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja ma’ tikkondividix l-analiżi tiegħi dwar il-ġurisdizzjoni li tikkonċerna l-ewwel sar-raba’ domanda, fuq bażi ipotetika, issa se nindirizza d-domandi li fadal.

41.      Permezz tal-ewwel sar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk deċiżjoni bħal dik tal‑20 ta’ Jannar 2012 tal-Uffiċċju Ċentrali Ungeriż tal-Investigazzjonijiet li twaqqaf l-investigazzjoni mwettqa fl-Ungerija tistax tikkostitwixxi raġuni għal rifjut fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, li tipprekludi l-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġ kontra AY. Tistaqsi wkoll dwar ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

 Relazzjoni bejn l-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 fil-kuntest tad-Deċiżjoni Kwadru

42.      Il-karatteristiċi bażiċi tad-Deċiżjoni Kwadru għal skopijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE huma diġà magħrufa sewwa mill-Qorti tal-Ġustizzja: id-Deċiżjoni Kwadru hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fih innifsu, bħala l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka (9) bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (10). Għal dan l-għan, l-imsemmija Deċiżjoni Kwadru tistabilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola skont liema l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni kwadru. Ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għaldaqstant jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat għajr fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Kwadru u l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi l-prinċipju, rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (11).

43.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru jipprovdi raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni mandatorja tal-MAE, filwaqt li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru jelenka raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-MAE.

44.      Sabiex jiġi aċċertat jekk, fil-każ inkwistjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi setgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu l-MAE, l-ewwel ser nindirizza r-raġunijiet obbligatorji ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, qabel ma ngħaddi għar-raġunijiet fakultattivi.

 Dwar l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru

45.      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE jekk tkun informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment iġġudikata minn Stat Membru fir-rigward tal-istess atti sakemm, meta ngħatat is-sentenza, il-piena ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew tista’ ma tibqax tiġi skontata taħt il-liġi tal-Istat Membru tas-sentenza.

46.      Id-domanda issa hija jekk il-persuna inkwistjoni hijiex “finalment iġġudikata” skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru, u jekk id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2012 tal-Uffiċċju Ċentrali Ungeriż tal-Investigazzjonijiet, li temmet investigazzjoni li fiha l-persuna sussegwentement mitluba minn MAE kienet interrogata biss bħala xhud, tikkostitwixxix tali sentenza finali.

47.      Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, li jgħid li persuna ma tistax tiġi kkundannata jew akkużata darbtejn fir-rigward tal-istess att (12). Dan il-prinċipju, li f’ġurisdizzjonijiet ta’ liġi komuni, jissejjaħ “double jeopardy rule” (13), fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni issa huwa definit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi” (14).

48.      Filwaqt li AY u l-Gvern Ungeriż jikkunsidraw dik id-deċiżjoni li tikkostitwixxi “sentenza finali” skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru, il-partijiet l-oħra kollha fil-proċedura jqisu li dan ma huwiex il-każ.

49.      Il-kliem tad-dispożizzjoni ma joffrix gwida li ma hijiex ambigwa f’dan l-istadju. Filwaqt li mill-inqas verżjoni lingwistika waħda tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tispeċifika espliċitament li l-persuna rikjesta kellha tkun finalment ikkundannata f’sentenza b’saħħa ta’ res judicata (15), fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, is-sitwazzjoni ma hijiex ċara.

50.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum ma tidhirx li toffri risposta ċara għad-domanda inkwistjoni.

51.      Fis-sentenza Mantello (16), il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet interpretazzjoni pjuttost wiesgħa tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru. Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ittrasponiet il-ġurisprudenza tagħha li toħroġ mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni ta’ Schengen u ddeċidiet li persuna mitluba hija meqjusa li ġiet finalment iġġudikata fir-rigward tal-istess atti skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru fejn, wara proċeduri kriminali, prosekuzzjoni ulterjuri hija definittivament preskritta jew fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru adottaw deċiżjoni li permezz tagħha l-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali tiġi finalment illiberata fir-rigward tal-atti allegati (17).

52.      Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jekk persuna kinitx “finalment” iġġudikata għall-finijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru jiġi determinat mil-liġi tal-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza.

53.      AY kellu biss l-istatus ta’ xhud fl-investigazzjoni Ungeriża. Huwa ma kienx mressaq quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali. Fil-fehma tiegħi, sabiex ikun “finalment iġġudikat”, individwu jrid ikun mressaq quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali f’ċertu stadju tal-proċedura. Fi kliem ieħor, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, għal sitwazzjoni li taqa’ taħt il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru skont liema proċedura jridu jkunu tressqu kontra l-istess persuna.

54.      Barra minn hekk, mis-sentenza Turanský jista’ jiġi dedott li l-prinċipju ne bis in idem ma jistax jiġi applikat għal deċiżjoni li biha awtorità ta’ Stat Membru, wara li teżamina l-merti tal-kawża quddiemha, tagħmel ordni, fi stadju qabel l-inkriminazzjoni ta’ persuna ssuspettata b’reat, li tissospendi l-proċeduri kriminali, fejn id-deċiżjoni ta’ sospensjoni ma tgħaddix barra minn prosekuzzjoni ulterjuri skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat u għalhekk ma tipprekludix proċeduri kriminali ġodda fir-rigward tal-l-istess atti, f’dak l-Istat (18).

55.      Fl-aħħar nett, fis-sentenza Kossowski l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li ttemm il-proċeduri kriminali u li finalment tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni kontra persuna, ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni finali meta jkun ċar li l-proċedura kienet magħluqa mingħajr ma twettqet investigazzjoni ddettaljata (19).

56.      Fir-rigward tal-każ inkwistjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ikun diffiċli li jiġi determinat jekk twettqitx investigazzjoni ddettaljata. Mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, fil-fehma tiegħi, hemm preżunzjoni li twettqet investigazzjoni bir-reqqa. F’dan il-kuntest, għalkemm il-qorti tar-rinviju (Kroata) tabilħaqq tkun f’pożizzjoni diffiċli sabiex tesplora l-prattika tal-awtoritajiet Ungeriżi, ma narax li din il-preżunzjoni ġiet imwarrba mill-qorti tar-rinviju. U madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ipotetiċi peress li, kif intqal hawn fuq, ma tressqux proċeduri kontra AY, li jfisser li l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru ma ġiex skattat.

57.      Għalhekk nikkunsidra li persuna li ġiet mismugħa bħala xhud fi proċeduri kriminali ma setgħetx tkun “finalment iġġudikata” minn Stat Membru fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru.

 Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru

58.      L-ewwel u t-tieni domandi jirreferu għall-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru. L-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tiġi rrifjutata fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li jeżegwixxi ddeċidew li ma jipproċessax jew li jwaqqfu l-proċeduri fir-rigward tar-reat li huwa s-suġġett tal-MAE.

59.      Jidher li l-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti jiddependu fuq id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru sabiex irrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE.

60.      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, li sa issa għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi raġuni fakultattiva ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE tiddeċiedi jew li ma tiħux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-MAE jew li twaqqaf il-proċedura fir-rigward ta’ dak ir-reat, jew fejn sentenza finali ngħatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward tal-istess atti, li ma tħalliex li ssir proċedura oħra. F’dan ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni dwar jekk huwiex xieraq jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE (20).

61.      Ta’ spiss jiġi sostnut li l-ewwel parti tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, li hija inkwistjoni hawnhekk, hija wkoll, bħall-punt 2 tal-Artikolu 3, manifestazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem (21). Filwaqt li ma nistax ma naqbilx ma’ tali affermazzjoni, naħseb li huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru huwa usa’ fl-ambitu mill-prinċipju ne bis in idem. Barra minn hekk, minħabba n-natura fakultattiva ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ne bis in idem ma jistax jintuża biex jillimita din id-dispożizzjoni jew biex inaqqasha.

62.      Dan l-ambitu usa’ huwa rifless fil-kliem usa’ korrispondenti. Għalhekk, il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru jirreferi sempliċement għal “ir-reat li fuqu huwa bbażat il-MAE”, minflok għall-“persuna rikjesta”.

63.      Skont il-Gvernijiet tal-Kroazja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Awstrija u tar-Rumanija, u l-Irlanda, il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru ma jistax jiġi invokat meta d-deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ttieħdet matul investigazzjoni li fiha l-persuna rikjesta kienet biss xhud. Dan ikun kuntrarju għall-prinċipju ne bis in idem, li għandu l-għan li jipproteġi lill-individwu kontra l-konsegwenzi negattivi tal-prosekuzzjoni doppja.

64.      Fil-fehma ta’ AY u tal-Gvern Ungeriż, il-fatt li AY kien biss xhud fil-proċeduri Ungeriżi huwa irrilevanti għall-finijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru. L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni huma simili.

65.      B’mod partikolari, il-Gvern Ungeriż isostni li l-kwistjoni f’liema kapaċità proċedurali l-persuna msemmija fil-MAE kienet involuta fil-proċeduri li ġew mwaqqfa hija irrilevanti minnha nfisha. Minflok, ikun meħtieġ li jiġu riveduti l-merti tad-deċiżjoni nazzjonali li ma jiġux ipproċessati jew imwaqqfa. Sabiex l-eżekuzzjoni tal-MAE tkun irrifjutata, ikun biżżejjed li jkun hemm deċiżjoni dwar ir-reat, jiġifieri li kienet ibbażata fuq l-istess sett ta’ azzjonijiet bħal dawk tar-reat li fuqhom l-MAE kien ibbażat. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

66.      Il-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jiddikjarax espressament li l-proċeduri kriminali inkwistjoni għandhom ikunu diretti kontra l-persuna rikjesta. Madankollu, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiġi rrifjutata meta l-fatti inkwistjoni huma l-istess, iżda fejn il-persuni kkonċernati huma differenti, jidhirli li huma wiesa’ wisq. Għall-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, id-deċiżjoni li ma jinfetħux il-proċeduri kriminali jew li jitwaqqfu għandha tikkonċerna l-persuna rikjesta, mingħajr ma jkun meħtieġ li dik il-persuna tiġi nnominata formalment bħala konvenut jew suspett. Dak li huwa deċiżiv huwa li għandu jkun hemm eżaminazzjoni tal-possibbiltà li l-persuna rikjesta wettqet ir-reat ikkonċernat ġiet eżaminata.

67.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni takkomoda bis-sħiħ lil dawk is-sistemi legali nazzjonali fejn il-liġijiet tal-proċedura kriminali jipprovdu li investigazzjonijiet in rem (22) jitwettqu qabel investigazzjonijiet in personam (23). Ma hemmx bżonn li l-awtoritajiet kriminali ta’ Stat Membru jipproċedu għat-tieni fażi jekk l-ewwel fażi twassal għall-konklużjoni li l-ebda reat ma twettaq. Għall-finijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, ma għandux ikun rilevanti jekk l-investigazzjoni kriminali ġietx mitmuma fil-fażi in rem jew in personam.

68.      Għalhekk nifhem li l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru ifisser li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tiġi miċħuda jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li huma wkoll kompetenti għall-prosekuzzjoni tar-reat li huwa s-suġġett tal-MAE, ma fetħux proċeduri jew ġabuhom fi tmiemhom, anki meta l-persuna rikjesta ma kinitx konvenuta jew issuspettata f’dik il-proċedura, sakemm dawk l-awtoritajiet kienu eżaminaw il-possibbiltà li l-persuna kienet wettqet ir-reat inkwistjoni.

69.      Ir-risposta proposta tiegħi għall-ewwel sar-raba’ domanda hija, għalhekk, kif ġej: Persuna li ġiet mismugħa bħala xhud fi proċeduri kriminali ma setgħetx tkun “finalment iġġudikata” minn Stat Membru għall-finijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru. Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tiġi rrifjutata jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li jeżegwixxi, li huma wkoll kompetenti għar-reat li huwa s-suġġett tal-MAE ma fetħux proċeduri jew ġabuhom fi tmiemhom, anki meta l-persuna rikjesta ma kinitx konvenuta jew issuspettata f’dik il-proċedura, sakemm dawk l-awtoritajiet kienu eżaminaw il-possibbiltà li l-persuna kienet wettqet ir-reat inkwistjoni.

 Konklużjoni

70.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari miż-Županijski Sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja) kif ġej:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għall-ewwel sar-raba’ domanda rriferuti għal deċiżjoni preliminari miż-Županijski Sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb) permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2017.

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (“id-Deċiżjoni Kwadru”) l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija meħtieġa li tadotta deċiżjoni dwar Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) trażmess lilha, anki fejn, f’dak l-Istat Membru, MAE preċedenti jkun diġà ġie deċiż dwar l-istess persuna rikjesta, fl-istess proċeduri kriminali, iżda dan it-tieni MAE nħareġ minn awtorità ġudizzjarja oħra minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi fl-Istat Membru emittenti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


3      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683); tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198); tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346); u tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628).


4      Jiena konxju sew tad-distinzjoni legali bejn il-ġurisdizzjoni u l-ammissibbiltà, għalkemm l-importanza prattika tagħha tista’ tkun limitata, u f’dan ir-rigward naqbel kompletament mal-ħarsa ġenerali mogħtija mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu f’Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168, punti 16 sa 25). Fuq din id-distinzjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75, punt 48), u Naômé, C., Le renvoi préjudiciel en droit européen — Prattika gwida (it-tieni edizzjoni), Larcier, Brussell, 2010, p. 85 u 86.


5      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 1997, Celestini (C‑105/94, EU:C:1997:277, punt 22).


7      Din hija t-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddistingwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE fil-Konklużjonijiet 1/91 (l-Ewwel Konklużjoni dwar il-Ftehim ŻEE) tal‑14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punt 61).


8      U huwa hawnhekk li hemm id-differenza kruċjali għal sitwazzjonijiet fejn il-qrati nazzjonali japplikaw liġi barranija, bħalma hu l-każ fid-dritt ċivili, bħala riżultat tar-regoli tal-kunflitt tad-dritt internazzjonali privat. F’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju dejjem tagħti sentenza, anki jekk tapplika liġi barranija. Dan mhux il-każ hawnhekk.


9      Jidher li l-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża tal-kawżi tal-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi jirreferu għal “kunfidenza reċiproka” minflok “fiduċja reċiproka”. Nifhem li dawn it-termini għandhom eżattament l-istess tifsira u jistgħu jiġu użati b’mod interkambjabbli.


10      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 49).


11      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara Klimek, L., European Arrest Warrant, Springer, Heidelberg et al., 2015, p. 152.


13      Pereżempju, huwa msemmi f’dan il-mod fil-kuntest tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru minn Peers, S., EU Justice and Home Affairs Law, Volume II: EU Criminal Law, Policing and Civil Law, ir-raba’ edizzjoni, OUP, Oxford, 2016, p. 89.


14      Barra minn hekk, dan il-prinċipju huwa rifless fl-Ewropa f’numru ta’ strumenti legali oħra: Protokoll Nru 7 għall-KEDB, il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom u l-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Estradizzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 1957.


15      Ara, bħala eżempju, il-verżjoni bil-Ġermaniż (“rechtskräftig verurteilt”).


16      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010 (C‑261/09, EU:C:2010:683).


17      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 46).


18      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turansky (C‑491/07, EU:C:2008:768, punt 45). Ara wkoll is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M (C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 31), u tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 34). Ovvjament, tkun il-qorti tar-rinviju li tistabilixxi din il-kwistjoni.


19      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 54).


20      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21), rigward il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru.


21      Ara, pereżempju, Klimek, L., European Arrest Warrant, Springer, Heidelberg et al., 2015, p. 159, u Cimamonti, S., “Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-prattika u ne bis in idem”, fi: Keijzer, N., u Van Sliedregt, E., The European Arrest Warrant in practice, T.M.C. Asser, Den Haag, 2009, p. 114.


22      Matul liema l-ewwel jiġi stabbilit jekk reat ikunx sar.


23      Fejn jinġabru l-provi fir-rigward ta’ persuna speċifika.