Language of document : ECLI:EU:C:2018:602

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(2), il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 – Raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni – Għeluq ta’ investigazzjoni kriminali – Prinċipju ne bis in idem – Persuna rikjesta li kellha l-kwalità ta’ xhud fi proċedura preċedenti dwar l-istess fatti – Ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej kontra l-istess persuna”

Fil-Kawża C‑268/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa miż-Županijski Sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2017, fi proċedura relatata mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra

AY,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AY, minn L. Valković u G. Mikuličić, odvjetnici, kif ukoll minn M. Lester, S. Abram u P. FitzGerald barristers, kif ukoll minn M. O’Kane, solicitor,

–        għall-Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta, minn T. Laptoš, V. Marušić u D. Hržina, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Kroat, minn T. Galli, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn G. Mullan, BL,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, C.‑M. Florescu u R.‑M. Mangu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters, M. Mataija u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2), il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34 u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Kwadru 2002/584”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) kontra AY, ċittadin Ungeriż, miż-Županijski Sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja).

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jistabbilixxi:

“1.      Il-[MAE] hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-deciżjoni kwadru, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      [MAE] jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.      Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond [MAE]:

[…]

–        korruzzjoni,

[…]”

5        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni kwadru, intitolat “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit [MAE]”:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ‘il quddiem ‘l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

[…]”

6        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-[MAE]”, jiddisponi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-[MAE]:

[…]

fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ddeċidew jew li ma jieħdux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-[MAE] jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn sentenza finali inatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħalliex li jsiru proċedimenti oħra;

[…]”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        AY, ċittadin Ungeriż u president tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija Ungeriża, ġie akkużat b’korruzzjoni attiva fil-Kroazja fil‑31 ta’ Marzu 2014. Skont l-att tal-akkuża tal-Ured za suzbijanje korupcije i organiziranog kriminaliteta (l-Uffiċċju għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, il-Kroazja), huwa ġie kkritikat talli illegalment ħallas somma sinjifikattiva ta’ flus lil uffiċjal għoli politiku Kroat sabiex jikseb inkambju l-konklużjoni ta’ kuntratt.

8        L-investigazzjoni kontra AY infetħet fil-Kroazja, fl‑10 ta’ Ġunju 2011. Waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ssir investigazzjoni, l-awtorità kompetenti Ungeriża ntalbet tipprovdi assistenza legali internazzjonali billi tintervista lil AY bħala ssuspettat u toħroġ taħrika fil-konfront tiegħu

9        L-awtoritajiet Kroati tennew din it-talba diversi drabi permezz ta’ ittri rogatorji. Madankollu, l-Ungerija ma tatx segwitu lil din it-talba, minħabba li l-eżekuzzjoni ta’ din kienet tippreġudika l-interessi nazzjonali Ungeriżi. Konsegwentement, l-investigazzjoni Kroata ġiet sospiża f’Diċembru 2012.

10      Madankollu, fuq il-bażi tad-data kkomunikata mill-awtoritajiet Kroati, l-Avukat Ġenerali Ungeriż fetaħ, fl‑14 ta’ Lulju 2011, investigazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li kien twettaq reat kriminali li jikkonsisti f’fatti ta’ korruzzjoni attiva f’qafas internazzjonali, skont il-Kodiċi Kriminali Ungeriż. Il-qorti tar-rinviju tindika li din l-investigazzjoni ngħalqet b’deċiżjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni tal‑20 ta’ Jannar 2012, minħabba li l-atti mwettqa ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont id-dritt Ungeriż.

11      Din l-investigazzjoni ma kinitx infetħet kontra AY bħala ssuspettat, iżda biss b’konnessjoni mar-reat kriminal fil-konfront ta’ awtur mhux magħruf. F’dan il-kuntest, AY instema’ biss bħala xhud. Barra minn hekk, l-uffiċjal għoli politiku Kroat li kien tħallas ma ġiex mismugħ.

12      Fl‑1 ta’ Ottubru 2013, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea u qabel il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fil-Kroazja, l-Uffiċċju għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata ħarġet MAE kontra AY.

13      L-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE ġiet irrifjutata b’deċiżjoni tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), tas‑7 ta’ Ottubru 2013, minħabba li l-informazzjoni disponibbli kienet tippermetti li jiġi stabbilit li proċeduri kriminali kienet diġà ġiet mibdija fl-Ungerija fuq il-bażi tal-istess fatti bħal dawk li fuqhom l-MAE kien fondat u li din il-proċedura ntemmet.

14      Wara r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE, AY kien jinsab fil-Ġermanja u fl-Awstrija, iżda dawn iż-żewġ Stati Membri indikaw li huma kienu ddeċidew li ma jagħtux segwitu lill-avviż ta’ tfittxija internazzjonali maħruġa permezz tal-Interpol, peress li l-eżekuzzjoni tiegħu tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Sussegwentement, is-segretarjat tal-Interpol iddeċieda li jħassar l-avviż ta’ tfittxija internazzjonali maħruġa kontra AY u li jirrifjuta lir-Repubblika tal-Kroazja l-użu tal-mezzi tal-Interpol b’rabta ma’ AY minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-prinċipju ne bis in idem u għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali mressqa mill-Ungerija.

15      Wara l-ħruġ tal-att tal-akkuża fil-konfront ta’ AY fil-Kroazja, inħareġ MAE ġdid fil‑15 ta’ Diċembru 2015, din id-darba mill-awla inkarigata mill-MAE tal-qorti tar-rinviju, li madankollu qatt ma ġie eżegwit mill-Ungerija.

16      Fis‑27 ta’ Jannar 2017, il-qorti tar-rinviju reġgħet ikkomunikat dan il-MAE lill-awtorità ġudizzjarja Ungeriża kompetenti. Din il-qorti ppreċiżat li, f’dan ir-rigward, proċeduri kriminali kontra AY inbdew quddiemha u l-MAE inizjalment maħruġ mill-prosekutur pubbliku inħareġ fil-fażi ta’ qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, għaldaqstant iċ-ċirkustanzi fl-Istat Membru emittenti nbidlu.

17      Peress li, wara li ntbagħat dan it-tieni MAE, għaddew 60 jum mingħajr tweġiba, il-qorti tar-rinviju indirizzat lill-membru Kroat tal-Eurojust. Din il-qorti tindika li, wara li intervjena, dan il-membru bagħat lill-qorti tar-rinviju l-opinjoni tal-awtorità kompetenti Ungeriża, li fiha indikat li ma hijiex obbligata tagħti segwitu lill-MAE li nħareġ peress li fir-rigward tiegħu diġà ttieħdet deċiżjoni waqt il-fażi istruttorja tal-proċeduri kriminali fil-Kroazja. Konsegwentement, hija lanqas ma hija marbuta bit-termini għat-trattament previsti fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Barra minn hekk, kien indikat li ma kienx hemm, fl-Ungerija, rimedji legali li jawtorizzaw l-arrest ta’ AY jew il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għall-eżekuzzjoni tat-tieni MAE maħruġ fil-Kroazja fil‑15 ta’ Diċembru 2015. Avviż identiku mill-awtorità kompetenti Ungeriża ntbagħat lill-qorti tar-rinviju fl‑4 ta’ April 2017.

18      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesponi, minn naħa, id-dubji li hija kellha fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Fil-fatt, din il-qorti tikkunsidra li hija l-persuna li hija s-suġġett tal-MAE, b’tali mod li deċiżjoni li hija invokata bħala raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE għandha tirrigwarda l-persuna rikjesta fil-kwalità tagħha ta’ persuna ssuspettata jew akkużata. Fejn il-persuna rikjesta ġiet mismugħa bħala xhud matul il-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni, din ma tistax tikkostitwixxi l-bażi ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE. Konsegwentement, id-deċiżjoni li ttemm fl-Ungerija investigazzjoni li ma kinitx tressqet kontra AY ma tistax tiġġustifika rifjut ta’ konsenja.

19      L-imsemmija qorti tqis neċessarju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issir taf liema huma l-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta MAE nħareġ f’diversi okkażjonijiet minn diversi awtoritajiet kompetenti, matul il-fażijiet ta’ qabel u wara l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali.

20      Għalhekk, iż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1)      Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ma jinbdewx proċeduri kriminali għall-ksur li huwa s-suġġett ta’ [MAE] jew li jiġu mitmuma huwa marbut biss mal-ksur li huwa s-suġġett ta’ [MAE] jew din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li r-rinunzja għall-proċeduri kriminali jew l-irtirar tal-akkużi għandhom ukoll jirrigwardaw il-persuna rikjesta fil-kwalità ta’ persuna ssuspettata/akkużata fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri?

(2)      Stat Membru jista’ jirrifjuta, taħt il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, li jeżegwixxi [MAE] maħruġ meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru l-ieħor tkun iddeċidiet, jew li ma tibdiex proċeduri kriminali għall-ksur li huwa s-suġġett tal-[MAE], jew li ttemmhom, fil-każ fejn, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-persuna rikjesta kellha l-kwalità ta’ xhud u mhux dik ta’ persuna ssuspettata/akkużata?

(3)      Id-deċiżjoni li tintemm investigazzjoni li fil-kuntest tagħha l-persuna rikjesta ma kellhiex il-kwalità ta’ persuna ssuspettata, peress li tkun instemgħet fil-kwalità ta’ xhud, tikkostitwixxi, għall-Istati Membri l-oħra, raġuni sabiex ma jaġixxux fuq il-[MAE] maħruġ, skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI?

(4)      X’inhi r-rabta bejn ir-raġuni obbligatorja għar-rifjut ta’ konsenja prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ fejn ‘l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti’ u r-raġuni għall-għażla ta’ rifjut ta’ konsenja prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ fejn ‘sentenza finali inatat fuq il-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħallix proċeduri oħra’?

(5)      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat ta’ eżekuzzjoni huwa marbut jadotta deċiżjoni fuq kull [MAE] li jintbagħtlu, u dan ukoll meta huwa jkun diġà ddeċieda fuq [MAE] preċedenti maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja l-oħra kontra l-istess persuna rikjesta fil-kuntest tal-istess proċeduri kriminali u meta l-[MAE] ġdid jinħareġ minħabba bdil fiċ-ċirkustanzi fl-Istat ta’ ħruġ tal-[MAE] (deċiżjoni ta’ rinviju – ftuħ tal-proċedura kriminali, kriterju iktar strett fil-qasam ta’ indizji tat-twettiq tal-ksur, awtorità ġudizzjarja ġdida/qorti kompetenti)?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti ppreċiżat, b’mod partikolari, li l-persuna rikjesta tista’ tiġi arrestata u li miżura ta’ detenzjoni provviżorja ġiet deċiża fil-konfront tagħha.

22      Il-Ħames Awla ddeċidiet, fl‑1 ta’ Ġunju 2017, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba. Madankollu, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2017, ta trattament prijoritarju lil din il-kawża skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23      AY jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li r-risposti għad-domandi magħmula ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-proċedura fil-kontumaċja kontrih fil-Kroazja. Il-kwistjonijiet jikkonċernaw il-punt dwar jekk Stati Membri oħra kinux u humiex obbligati jeżegwixxu l-ewwel u t-tieni MAE maħruġa kontrih. Issa, ma huwiex neċessarju li dawn il-kwistjonijiet jiġu deċiżi sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-kapi ta’ akkuża.

24      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes, C‑278/16, EU:C:2017:757, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes, C‑278/16, EU:C:2017:757, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Issa, f’dan il-każ, ma jirriżultax b’mod manifest mill-proċess imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-sitwazzjoni tal-kawża tikkorrispondi ma’ waħda minn dawn l-ipoteżijiet. Fil-fatt, huma attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju żewġ proċeduri separati dwar AY, jiġifieri proċeduri kriminali fil-kontumaċja quddiem l-awla aġġudikanti ta’ din il-qorti u proċedura dwar il-ħruġ ta’ MAE quddiem l-awla kompetenti f’dan il-qasam. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta, abbażi tar-risposti għad-domandi magħmula, deċiżjoni ta’ rtirar tal-MAE maħruġ kontra AY. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li d-domandi magħmula ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

28      F’kull każ, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, filwaqt li l-qorti tar-rinviju hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-MAE. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ MAE għandu bħala konsegwenza l-arrest possibbli tal-persuna rikjesta u, għaldaqstant, tippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ proċedura dwar MAE, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali primarjament hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50).

29      Għalhekk, għall-finijiet li tinkiseb garanzija ta’ dawn id-drittijiet – li tista’ twassal awtorità ġudizzjarja tieħu deċiżjoni ta’ rtirar tal-MAE maħruġ minnha –, huwa importanti li tali awtorità tiddisponi mill-fakultà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

30      Għalhekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, iż-żamma fis-seħħ tal-MAE inkwistjoni jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tiegħu tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, jew skont il-każ, għandha, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, ma tadottax deċiżjoni fir-rigward tal-MAE li ġiet trażmessa lilha jew tirrifjuta li teżegwixxiha.

31      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ħames domanda

32      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ kull MAE trażmess lilha, anki meta, f’dan l-Istat Membru, diġà kien hemm deċiżjoni dwar MAE preċedenti dwar l-istess persuna u li jikkonċerna l-istess fatti, iżda li t-tieni MAE nħareġ biss minħabba l-ħruġ tal-att tal-akkuża, fl-Istat Membru emittenti, fil-konfront tal-persuna rikjesta.

33      Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull MAE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni kwadru. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għaldaqstant jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat għajr fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti minn din id-deċiżjoni kwadru u l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Għalhekk, l-imsemmija deċiżjoni kwadru tiddikjara espliċitament ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja (Artikolu 3) u fakultattiva (Artikoli 4 u 4a) tal-MAE (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 50 u 51).

34      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jipprevedi li “[l]-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.” Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) u (6) tad-deċiżjoni kwadru jiddisponi li “[MAE] għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza” u li “[g]ħandhom jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Kwadru jistabbilixxi li “[l-]awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti bid-deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed dwar il-[MAE]”.

35      Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tibqa’ siekta wara l-ħruġ ta’ MAE u ma tibgħat l-ebda deċiżjoni lill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar dan tikser l-obbligi tagħha skont l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

36      Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għall-ħames domanda tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ kull MAE trażmess lilha, anki meta, f’dan l-Istat Membru, diġà kien hemm deċiżjoni dwar MAE preċedenti dwar l-istess persuna u li jikkonċerna l-istess fatti, iżda li t-tieni MAE nħareġ biss minħabba l-ħruġ tal-att tal-akkuża, fl-Istat Membru emittenti, fil-konfront tal-persuna rikjesta.

 Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda

37      Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, bħal dik tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li temmet investigazzjoni mibdija kontra awtur mhux magħruf, li fiha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE nstemgħet biss bħala xhud, tista’ tiġi invokata għall-finijiet li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584

38      Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jistabbilixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, li permezz tagħha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE meta tiġi informata li l-persuna rikjesta kienet is-suġġett ta’ sentenza finali għall-istess fatti fi Stat Membru, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, din tkun ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew tista’ ma tibqax tiġi skontata taħt il-liġi tal-Istat Membru tas-sentenza.

39      Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li jiġi evitat li persuna terġa’ tiġi akkużata jew iġġudikata għall-istess fatti (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 40), u dan jirrifletti l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata darbtejn għall-istess reat.

40      Waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE huwa li l-persuna rikjesta tkun “s-suġġett ta’ sentenza finali”.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 tirreferi, fil-formulazzjoni tagħha, għal “sentenza”, din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll għal deċiżjonijiet ta’ awtorità msejħa sabiex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, li jtemmu definittivament proċeduri kriminali fi Stat Membru, minkejja li tali deċiżjonijiet ikunu adottati mingħajr l-intervent ta’ qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna rikjesta titqies li kienet is-suġġett ta’ sentenza finali fir-rigward tal-istess atti fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 meta, fi tmiem proċeduri kriminali, l-azzjoni pubblika ssir definittivament estinta jew ukoll meta l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jkunu adottaw deċiżjoni li permezz tagħha s-suspettat jinħeles definittivament fir-rigward tal-fatti li bihom huwa akkużat (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Li tingħata “sentenza finali”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, jippreżupponi l-eżistenza ta’ proċeduri kriminali preċedenti, mibdija kontra l-persuna rikjesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 46 u 47; tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 31 u 32, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 34 u 35).

44      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu japplika biss għal persuni li ġew definittivament iġġudikati fi Stat Membru (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 37). Min-naħa l-oħra, huwa ma jestendix għal persuni li nstemgħu biss fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, bħax-xhieda.

45      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess issottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-investigazzjoni fl-Ungerija wara l-ittra rogatorja Kroata, li ġiet itterminata permezz tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni tal‑20 ta’ Jannar 2012, inbdiet kontra awtur mhux magħruf. Hija ma kinitx kontra AY bħala suspettat jew akkużat u l-awtorità Ungeriża kompetenti semgħet lil din il-persuna biss fil-kwalità tagħha ta’ xhud. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ proċeduri kriminali kontrih, AY ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li kien is-suġġett ta’ sentenza finali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

46      Konsegwentement, deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, bħal dik tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li temmet investigazzjoni li fiha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE nstemgħet biss bħala xhud, ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

 Fuq il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584

47      Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jistabbilixxi tliet raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattivi.

48      Skont l-ewwel raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previst fil-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE meta l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkunu ddeċidew li ma jinbdewx proċeduri kriminali għar-reat li huwa s-suġġett tal-MAE.

49      Issa, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax rinunzja milli jinbdew proċeduri kriminali, b’tali mod li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija irrilevanti f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża.

50      Skont it-tieni raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi rrifjutata meta, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu ddeċidew li jtemmu l-proċeduri kriminali għar-reat li huwa s-suġġett tal-MAE.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, li jistabbilixxi din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, jirreferi biss għar-“reat li fuqu hu bbażat il-[MAE]” u mhux għall-persuna rikjesta.

52      Għandu jitfakkar ukoll li, peress li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE jikkostitwixxi eċċezzjoni, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni, interpretazzjoni li tgħid li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tiġi rrifjutata, abbażi tat-tieni raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, meta dan il-mandat jirrigwarda fatti identiċi għal dawk li diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni preċedenti, mingħajr ma hija ta’ rilevanza l-identità tal-persuna suġġetta għall-proċeduri kriminali, hija manifestament wiesgħa wisq u toħloq riskju li l-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE tiġi evitata.

54      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, l-MAE hija deċiżjoni ġudizzjarja bil-ħsieb tal-arrest u tal-konsenja ta’ persuna rikjesta. Għalhekk, MAE ma għandux jinħareġ fir-rigward biss ta’ reat, iżda neċessarjament għandu jirreferi għal persuna speċifika.

55      Barra minn hekk, din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex l-għan li tipproteġi persuna mill-possibbiltà li tiġi investigata sussegwentement, għall-istess fatti, f’diversi Stati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fil-fatt, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 taqa’ fil-kuntest tal-ispazju Ewropew ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha huwa żgurat, minn naħa, il-moviment liberu tal-persuni, filwaqt li, min-naħa l-oħra, ikun hemm miżuri xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 46).

57      Għaldaqstant, it-tieni raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi promossa l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 47).

58      Għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm involviment ta’ din il-persuna fil-proċeduri msemmija fl-ewwel parti tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 li tiġġustifika r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, twettqet investigazzjoni kontra awtur mhux magħruf, u mhux kontra l-persuna rikjesta skont il-MAE, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li temmet din l-investigazzjoni ma tkunx ittieħdet fir-rigward ta’ din il-persuna.

59      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, peress li jirriżulta mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni (COM [2001] 522 finali, p. 18) li l-ewwel parti tal-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kwadru huwa r-rifless tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, “[l-]estradizzjoni tista’ tiġi rrifjutata jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li ssirilha t-talba ddeċidew li ma jiftħux jew li jtemmu l-proċeduri kriminali fir-rigward tal-istess fatt jew fatti”. F’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża li din id-dispożizzjoni tkopri l-każ ta’ individwu li “kien is-suġġett” ta’ deċiżjoni li tipprekludi proċeduri kriminali jew li ttemmhom (ara p. 9 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (Pariġi, 13.12.1957, Serje tat-Trattati Ewropej – Nru 24)).

60      Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE, abbażi tat-tieni raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

61      Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE meta l-persuna rikjesta kienet is-suġġett, fi Stat Membru, ta’ sentenza finali għall-istess fatti li tipprekludi proċeduri kriminali ulterjuri.

62      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, peress li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din ma humiex issodisfatti.

63      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, bħal dik tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li temmet investigazzjoni mibdija kontra awtur mhux magħruf, li fiha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE nstemgħet biss bħala xhud, mingħajr ma jkunu nbdew proċeduri kriminali kontra din il-persuna u li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, ma tistax tiġi invokata għall-finijiet li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ kull mandat ta’ arrest Ewropew trażmess lilha, anki meta, f’dan l-Istat Membru, diġà kien hemm deċiżjoni dwar mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti dwar l-istess persuna u li jikkonċerna l-istess fatti, iżda li t-tieni mandat ta’ arrest Ewropew nħareġ biss minħabba l-ħruġ tal-att tal-akkuża, fl-Istat Membru emittenti, fil-konfront tal-persuna rikjesta.

2)      Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, bħal dik tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li temmet investigazzjoni mibdija kontra awtur mhux magħruf, li fiha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew instemgħet biss bħala xhud, mingħajr ma jkunu nbdew proċeduri kriminali kontra din il-persuna u li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, ma tistax tiġi invokata għall-finijiet li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.