Language of document : ECLI:EU:C:2018:602

Kawża C268/17

AY,

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa miż-Županijski Sud u Zagrebu)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(2), il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4 – Raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni – Għeluq ta’ investigazzjoni kriminali – Prinċipju ne bis in idem – Persuna rikjesta li kellha l-kwalità ta’ xhud fi proċedura preċedenti dwar l-istess fatti – Ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej kontra l-istess persuna”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑25 ta’ Lulju 2018

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Domandi relatati mal-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, magħmula mill-awtorità ġudizzjarja emittenti – Domandi ammissibbli

(Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Portata – Tieni mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tal-istess persuna u li jirrigwarda l-istess fatti bħall-mandat preċedenti, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni – Inklużjoni

(Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(2))

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna rikjesta li kienet is-suġġett ta’ sentenza finali għall-istess fatti – Kunċett ta’ “sentenza” – Deċiżjoni li ttemm definittivament proċeduri kriminali minn awtorità msejħa sabiex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali – Inklużjoni

(Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-punt 2 tal-Artikolu 3)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna rikjesta li kienet is-suġġett ta’ sentenza finali għall-istess fatti – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Persuna rikjesta li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni finali għall-istess fatti jew li kienet ikkonċernata minn deċiżjoni sabiex ma jinbdewx proċeduri kriminali jew sabiex dawn jintemmu – Mandat ta’ arrest maħruġ fir-rigward ta’ persuna li kellha l-kwalità ta’ xhud fi proċedura magħluqa dwar l-istess fatti – Esklużjoni

(Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu 4)

1.      F’kull każ, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, filwaqt li l-qorti tar-rinviju hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-MAE. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ MAE għandu bħala konsegwenza l-arrest possibbli tal-persuna rikjesta u, għaldaqstant, tippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ proċedura dwar MAE, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali primarjament hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50). Għalhekk, għall-finijiet li tinkiseb garanzija ta’ dawn id-drittijiet – li tista’ twassal awtorità ġudizzjarja tieħu deċiżjoni ta’ rtirar tal-MAE maħruġ minnha –, huwa importanti li tali awtorità tiddisponi mill-fakultà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

(ara l-punti 28, 29)

2.      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ kull mandat ta’ arrest Ewropew trażmess lilha, anki meta, f’dan l-Istat Membru, diġà kien hemm deċiżjoni dwar mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti dwar l-istess persuna u li jikkonċerna l-istess fatti, iżda li t-tieni mandat ta’ arrest Ewropew nħareġ biss minħabba l-ħruġ tal-att tal-akkuża, fl-Istat Membru emittenti, fil-konfront tal-persuna rikjesta.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jipprevedi li “[l]-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.” Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) u (6) tad-deċiżjoni kwadru jiddisponi li “[MAE] għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza” u li “[g]ħandhom jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Kwadru jistabbilixxi li “[l-]awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti bid-deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed dwar il-[MAE]”.

Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tibqa’ siekta wara l-ħruġ ta’ MAE u ma tibgħat l-ebda deċiżjoni lill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar dan tikser l-obbligi tagħha skont l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

(ara l-punti 34 sa 36, u d-dispożittiv 1)

3.      Waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE huwa li l-persuna rikjesta tkun “s-suġġett ta’ sentenza finali”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 tirreferi, fil-formulazzjoni tagħha, għal “sentenza”, din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll għal deċiżjonijiet ta’ awtorità msejħa sabiex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, li jtemmu definittivament proċeduri kriminali fi Stat Membru, minkejja li tali deċiżjonijiet ikunu adottati mingħajr l-intervent ta’ qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(ara l-punti 40, 41)

4.      Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-punt 3 tal-Artikolu  4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku, bħal dik tal-Uffiċċju Nazzjonali Ungeriż tal-Investigazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li temmet investigazzjoni mibdija kontra awtur mhux magħruf, li fiha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew instemgħet biss bħala xhud, mingħajr ma jkunu nbdew proċeduri kriminali kontra din il-persuna u li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, ma tistax tiġi invokata għall-finijiet li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 63, u d-dispożittiv 2)