Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2024 minn PNB Banka AS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-15 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-732/19, PNB Banka et vs SRB

(Kawża C-74/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: PNB Banka AS (rappreżentant: O. Behrends, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), Ir-Repubblika tal-Latvja, Il-Bank Ċentrali Ewropew, HG, HH, HI, HJ, HL, HM, HN, HO

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara n-nullità skont l-Artikolu 264 TFUE tad-Deċiżjoni tas-SRB SRB/EES/2019/131 tal-15 ta’ Awwissu 2019 li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu PNB Banka AS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq il-mertu, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji:

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet irregolarità proċedurali billi naqset milli tittratta b’mod xieraq l-indħil illegali fir-rigward tar-rappreżentanza effettiva tal-appellanti.

It-tieni aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti billi naqset milli tiddeskrivi l-modifika tal-pożizzjoni illegali tal-appellanti bid-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali assumiet għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tas-SRB.

It-tielet aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fir-rigward tad-dritt għal smigħ tal-appellanti.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi n-natura ultra vires tad-deċiżjoni tas-SRB f’din il-kawża billi naqset milli tirrikonoxxi li s-SRB ma għandux il-kompetenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni sabiex jadotta kwalunkwe deċiżjoni b’effett estern, b’mod speċjali wkoll fil-każ fejn il-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunux issodisfatti.

____________