Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2013 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-255/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: M. Salvatorelli, avvocato dello Stato u G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 981, tas-26 ta' Frar 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta' ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta' Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), safejn ikun fiha korrezzjonijiet finanzjarji fil-forma ta' somma f'daqqa fir-rigward tal-investigazzjonijiet AC/2005/44, XC/2007/0107 u XC/2007/030 (korrezzjoni finanzjarja fil-forma ta' somma f'daqqa f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għas-snin li għalihom saret applikazzjoni 2005-2006-2007 għal ammont ta' EUR 48 095 235.86), tal-investigazzjonijiet FV/2007/315 u FV/2007/355 (korrezzjoni finanzjarja fil-forma ta' somma f'daqqa f'dak li jirrigwarda l-ipproċessar taċ-ċitru għas-snin finanzjarji 2005-2006 u 2007 għal ammont ta' EUR 17 913 976.32) u b'referenza għall-investigazzjonijiet FA/2008/64, FA/2008/103, FA/2009/064 u FA/2009/104 (korrezzjoni finanzjarja fil-forma ta' somma f'daqqa f'dak li jirrigwarda l-kriterji ta' akkreditazzjoni għas-snin finanzjarji 2007-2008-2009 għal ammont ta' EUR 6 354 112.39).

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Hija tikkontesta d-deċiżjoni billi tikser il-liġi fuq il-bażi ta' raġunijiet differenti:

peress li l-Kummissjoni pproċediet għal korrezzjoni fid-dawl tan-nuqqas ta' traspożizzjoni jew traspożizzjoni mhux kompluta ta' direttivi, li huwa l-iktar suxxettibbli għal ftuħ ta' proċedura ta' ksur.

peress li mingħajr raġuni injorat l-imġieba tal-awtoritajiet Taljani, mingħajr ma kkunsidrat il-ħtieġa ta' approċċ gradwali lejn sistema kkaratterizzata minn kumplessità estrema, ir-rilevanza tar-referenza magħmula mir-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għażliet li għandhom jiġu adottati minn kull Stat Membru, l-inċertezza dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, li tirriżulta fil-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali, legalità, proporzjonalità, bona fide u aspettattivi leġittimi;

peress li injorat kompletament l-eżistenza oġġettiva ta' sistemi differenti ta' kontroll fost l-organi li jħallsu;

peress li applikat livell għoli ta' korrezzjoni, 10 %, li huwa applikabbli biss fil-każ ta' nuqqas ta' kontrolli u kontrolli sporadiċi;

minħabba fi ksur tal-prinċipju ta' motivazzjoni;

Id-Deċiżjoni hija kkontestata wkoll, b'referenza għal kull oġġezzjoni speċifika li tqajmet mill-Kummissjoni, permezz ta' investigazzjoni bir-reqqa tal-fatti fir-rigward tad-dokumenti eżaminati mill-Kummissjoni stess.

Fir-rigward tal-korrezzjonijiet fil-forma ta' somma f'daqqa relatati mal-ipproċessar taċ-ċitru b'referenza għas-snin 2005, 2006 u 2007, id-deċiżjoni tikser il-liġi u hija kkontestata sa fejn din tattribwixxi r-responsabbiltà għall-frodi misjuba fis-settur fin-nuqqas ta' kontrolli adegwati tal-Istat Membru. B'mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li l-ebda ommissjoni jew nuqqas ta' attività ma kienet dovuta għall-Istat Taljan, peress li l-attività ta' frodi kienet dovuta għall-uffiċjali pubbliċi tagħha li kellhom jiċċertifikaw ir-regolarità tal-attività li seħħet u r-rilevanza tal-kontribuzzjonijiet; għalhekk, il-verifiki ma setgħux jitwettqu b'mod alternattiv, sabiex jiġi evitat frodi, sal-mument tal-iskoperta tal-imġieba li għandha rilevanza kriminali.

B'rabta mal-korrezzjonijiet fil-forma ta' somma f'daqqa fir-rigward tal-konformità mal-kriterji ta' akkreditazzjoni (ARBEA) relatati mas-snin finanzjarji 2006, 2007 u 2008, motivati minn allegati nuqqasijiet organizzattivi attribwibbli għall-Istat Taljan, li dawn l-istess huma kkontestati minħabba li f'dan il-każ ġiet applikata regola li ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fiż-żmien li seħħew il-fatti, u minħabba li ma ġiex ikkunsidrat il-fatt li l-Istat Taljan adotta mill-ewwel il-miżuri ta' korrezzjoni neċessarji.

____________