Language of document : ECLI:EU:T:2014:846





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2014 —
L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑256/13)

“Politika soċjali — Programmi ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam taż-żgħażagħ — Ħlas lura parzjali tal-finanzjament imħallas — Nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ ċerti somom — Qbiż tal-limitu massimu stabbilit għal kategorija ta’ azzjonijiet — Implementazzjoni mill-aġenziji nazzjonali tal-proċeduri ta’ rkupru tas-somom użati indebitament mill-benefiċjarji finali”

1.                     Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Ċħid ta’ rikors fil-mertu mingħajr deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà — Setgħa diskrezzjonali tal-qorti tal-Unjoni (Artikolu 263 TFUE) (ara l-punt 39)

2.                     Edukazzjoni, taħriġ professjonali, żgħażagħ u sport — Programm ta’ azzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ — Adozzjoni ta’ gwida ta’ programm mill-Kummissjoni li jimplementa l-imsemmi programm ta’ azzjoni — Stabbiliment tal-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti għall-benefiċċju tal-fondi — Effett vinkolanti tal-gwida ta’ programm — Nuqqas ta’ osservanza tal-limitu massimu ta’ finanzjament previst għal ċertu kategorija ta’ azzjonijiet li jifformaw parti mill-programm imsemmi għall-finijiet li jiġi żgurat użu effettiv tal-fondi mogħtija — Inammissibbiltà — Nuqqas ta’ qbiż tal-ammont massimu tal-finanzjament tal-azzjonijiet kollha relatati mal-programm — Assenza ta’ effett (Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1719/2006, Artikolu 10; Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4918 u C (2007) 1807, Artikoli 4 u 5) (ara l-punti 45-51)

3.                     Edukazzjoni, taħriġ professjonali, żgħażagħ u sport — Programm ta’ azzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ — Għoti ta’ finanzjament mill-Kummissjoni — Somom użati indebitament mill-benefiċjarji finali — Obbligu tal-aġenziji nazzjonali li jimplementaw rigorożament proċeduri ta’ rkupru tas-somom imsemmija — Rinunzja jew irkupru — Obbligu li r-rinunzja tiġi mmotivata u ssostanzjata bi provi tal-osservanza tal-proċeduri msemmija iktar ’il fuq (Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1031/2000) (ara l-punti 60-75)

Suġġett

Talba għall-annullament, fl-ewwel lok, tal-ittra tal-Kummissjoni Ares (2013) 237719, tat-22 ta’ Frar 2013, indirizzata lill-Agenzia nazionale per i giovani (aġenzija nazzjonali għaż-żgħażagħ, l-Italja), li tħabbar il-ħruġ ta’ nota ta’ debitu għal ammont totali ta’ EUR 1 486 485.90, sa fejn dan l-ammont jinkludi parti minn EUR 52 036.24 għal spejjeż sostnuti għal attivitajiet ta’ taħriġ rigward is-servizz volontarju Ewropew, u parti minn EUR 183 729.72 għal somom mhux irkuprati mill-Agenzia nazionale per i giovani mingħand il-benefiċjarji finali f’dak li jirrigwarda l-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2004, u, fit-tieni lok, tal-ittra tal-Kummissjoni Ares (2013) 267064, tat-28 ta’ Frar 2013, indirizzata lid-Dipartimento della gioventù e del servizio civile nazionale (dipartiment għaż-żgħażagħ u għas-servizz ċivili nazzjonali, l-Italja), li tikkomunika l-konklużjonijiet fuq l-evalwazzjoni finali tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni u fuq ir-rapport annwali tal-imsemmija aġenzija għas-sena 2011.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.