Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ April 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – l-Ungerija) – Lear Corporation Hungary Autóipari Gyártó Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-532/23 1 , Lear Corporation Hungary)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 183 – Dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Modalitajiet ta’ eżerċizzju – Rimbors tardiv – Dewmien ikkawżat mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali – Effett ta’ sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara dawn il-fatti – Interessi moratorji – Preskrizzjoni – Prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Lear Corporation Hungary Autóipari Gyártó Kft.

Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Dispożittiv

L-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali, fis-sens li:

fil-każ fejn il-persuna taxxabbli titlob ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li qabel ma kinitx tista’ tinġabar lura minħabba l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni legali li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet tikser dak l-artikolu, huwa ma jipprekludix li, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, dik it-talba għal rimbors tista’ titqies li tinkludi wkoll talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji, fid-dawl tal-għan tal-ħlas ta’ interessi fuq l-eċċessi tal-VAT miżmuma minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, li huma intiżi li jikkumpensaw t-telf finanzjarju ġġenerat, bi ħsara għall-persuna taxxabbli, mill-indisponibbiltà tas-somom ikkonċernati.

Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux prattika ta’ Stat Membru li tikkonsisti fl-esklużjoni ta’ kull obbligu għall-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat li talloka, fl-istadju ta’ talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji, imressqa fit-terminu ta’ preskrizzjoni, relatati ma’ ammonti ta’ VAT miżmuma mill-imsemmi Stat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, interessi mhux koperti minn din it-talba, iżda jipprekludu, min-naħa l-oħra, li dik l-amministrazzjoni tikklassifika bħala ġdida, bil-konsegwenza tal-preskrizzjoni tagħha, it-tieni talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji li ssemmi perijodu li ma kienx is-suġġett ta’ din l-ewwel talba, meta t-tieni talba tirrigwarda interessi moratorji relatati ma’ ammonti ta’ VAT miżmuma minħabba l-istess ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal dak li mmotiva l-ewwel talba u li l-possibbiltà li jiġi estiż il-kamp ratione temporis tagħha kienet magħrufa mill-persuna taxxabbli biss wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE.

Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jimplikaw li għandha tiġi kkunsidrata, skont il-modalitajiet li huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina fid-dawl tad-dritt nazzjonali tiegħu, it-tieni talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji li ssemmi perijodu li ma kienx is-suġġett tal-ewwel talba għall-ħlas ta’ tali interessi bħala suppliment għal din l-ewwel talba, meta din it-tieni talba tirrigwarda interessi moratorji relatati ma’ ammonti ta’ VAT miżmuma minħabba l-istess ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal dak li mmotiva l-ewwel talba u li l-possibbiltà li jiġi estiż il-kamp ratione temporis ta’ din tal-aħħar ma kinitx magħrufa mill-persuna taxxabbli ħlief wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE.

____________

1     ĠU C, C/2023/1127.