Language of document : ECLI:EU:T:2008:318

Kawżi magħquda T-349/06, T-371/06, T-14/07, T-15/07 u Kawża T-332/07

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“FEŻR – Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja – Modifiki tal-pjanijiet ta’ finanzjament mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni – Kunċett ta’ modifika sostanzjali – Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Rikors għal annullament”

Sommarju tas-sentenza

1.      Koeżjoni ekonomika u soċjali – Għajnuna strutturali – Finanzjament Komunitarju – Għoti ta’ għajnuna finanzjarja

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, kif emendat bir-Regolament Nru 2082/93, Artikoli 24 u 25(5))

2.      Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Testi f’diversi lingwi

3.      Koeżjoni ekonomika u soċjali – Għajnuna strutturali – Finanzjament Komunitarju – Ħlas ta’ għajnuna finanzjarja

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, kif emendat bir-Regolament Nru 2082/93, Artikolu 24)

1.      Kull għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fondi Strutturali għandha tiġi implementata skont id-deċiżjoni li tapprovaha u, b’mod partikolari, skont it-tabella finanzjarja annessa ma’ din id-deċiżjoni peress li dik it-tabella hija strument ta’ programmar li jirrifletti l-pożizzjoni konġunta miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali. Il-modifiki ta’ pjan ta’ finanzjament approvat mill-Kummissjoni implementati mingħajr il-kunsens tagħha, jwasslu, bħala regola, għat-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija fil-programm inkwistjoni, u dan indipendentement mill-importanza kwalitattiva jew kwantitattiva tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-Linji gwida tal-Kummissjoni għall-għeluq finanzjarju ta’ għajnuna operazzjonali (1994-1999) mill-Fondi Strutturali, li jippermettu trasferimenti ta’ fondi bejn il-miżuri diversi ta’ programm li għalih tkun ingħatat għajnuna finanzjarja, sakemm l-ammont totali tas-sottoprogramm, kif stabbilit fil-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ, ma jkunx żdied, għandhom jinftehmu li huma intiżi li jiffaċilitaw l-għeluq tal-programmi fis-sens li l-Kummissjoni, bis-saħħa tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha permezz tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet tal-Fondi Strutturali bejniethom, minn naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn eżistenti, min-naħa l-oħra, kif emendat bir-Regolament Nru 2082/93, sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex tnaqqas jew tissospendi jew le l-għajnuna Komunitarja, taċċetta ċerta flessibbiltà u li, konsegwentement, il-modifiki li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati ma jwasslux għal tnaqqis anki jekk il-modifiki ma jkunux ġew sottomessi lilha għall-approvazzjoni tagħha. Jirriżulta minn dan li l-punt 6.2 tal-Linji gwida, li jistabbilixxi l-imsemmija klawżola ta’ flessibbiltà, għandu jiġi interpretat restrittivament. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 4253/88 jistipula, fl-Artikolu 25(5) tiegħu, proċedura formali dwar il-modifika tal-pjanijiet ta’ finanzjament, li torbot kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni b’tali mod li n-numru ta’ każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jijġu eżentati milli jsegwu din il-proċedura mingħajr ma jirriskjaw li jkun hemm tnaqqis tal-għajnuna għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun.

(ara l-punti 60, 64, 72)

2.      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat li peress li d-dritt Komunitarju huwa redatt f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti huma kollha awtentiċi, interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni timplika paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji titlob li verżjoni lingwistika waħda m’għandhiex tiġi kkunsidrata waħedha, iżda teżiġi li din tiġi interpretata u applikata fid-dawl tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra, anki jekk dan jimplika li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata u applikata b’mod differenti mis-sens proprju jew tas-soltu tal-kliem użati f’waħda jew f’aktar mill-verżjonijiet lingwistiċi, kuntrarjament għall-eżiġenzi taċ-ċertezza legali.

(ara l-punt 67)

3.      Fil-kuntest tas-sistema tas-sussidji stabbilita bir-regoli Komunitarji, mhuwiex biżżejjed li jintwera li proġett ġie implementat sabiex ikun jista’ jintalab il-ħlas ta’ għajnuna finanzjarja. Fil-fatt l-imsemmija sistema hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżekuzzjoni mill-benefiċjarju ta’ numru ta’ obbligi li għalihom huwa suġġett il-ħlas tal-għajnuna finanzjarja prevista. Jekk il-benefiċjarju ma jwettaqx l-obbligi kollha jew parti minnhom, bħal dawk dwar il-konformità mal-qafas legali u finanzjarju, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet tal-Fondi Strutturali bejniethom, minn naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn eżistenti, min-naħa l-oħra, kif emendat bir-Regolament Nru 2082/93, jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-portata tal-obbligi tagħha li joħorġu mid-deċiżjoni li tagħti din l-għajnuna. Il-ksur tal-obbligi li l-osservanza tagħhom hija ta’ importanza fundamentali għat-tħaddim tajjeb ta’ sistema Komunitarja jista’ jiġi ssanzjonat bit-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr ma dan jimplika ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punt 77)