Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikoli 1, 3 u 17 − Kamp ta’ applikazzjoni − Attività okkażjonali u stagjonali ta’ persuni li għandhom ‘kuntratt ta’ xogħol edukattiv’ – Limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ dan il-persunal li jwettaq 80 ġurnata xogħol fis-sena f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu − Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix, għal dan il-persunal, perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum − Derogi previsti fl-Artikolu 17 − Kundizzjonijiet − Garanzija ta’ perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ protezzjoni xierqa”

Fil-Kawża C‑428/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Union syndicale Solidaires Isère

vs

Premier ministre,

Ministère du Travail, des Relations sociales, de la Famille, de la Solidarité et de la Ville,

Ministère de la Santé et des Sports,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Union syndicale Solidaires Isère, minn E. Decombard, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        It-talba ġiet ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors li permezz tiegħu l-Union syndicale Solidaires Isère (iktar ’il-quddiem l-“Union syndicale”) titlob lill-Conseil d’État jannulla d-Digriet Nru 2006-950, tat-28 ta’ Lulju 2006, dwar ix-xogħol edukattiv, adottat għall-implementazzjoni tal-Liġi Nru 2006-586, tat‑23 ta’ Mejju 2006, dwar il-volontarjat assoċjattiv u x-xogħol edukattiv, sa fejn dan jinserixxi fil-Kodiċi tax-Xogħol l-Artikoli D. 773-2-1, D. 773-2-2 u D. 773-2-3, kif ukoll id-deċiżjoni impliċita li permezz tagħha il-Prim Ministru ċaħad ir-rikors tagħha ppreżentat kontra l-imsemmi digriet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 89/391/KEE

3        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat‑12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), dik id-Direttiva “għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan [ta’ ħin liberu], etċ.)”.

4        L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi madankollu li din “ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha”.

 Id-Direttiva 2003/88

5        Id-Direttiva 2003/88 ħassret, b’effett mit‑2 ta’ Awwissu 2004, id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat‑23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), li kkodifikat id-dispożizzjonijiet tagħha.

6        Il-ħames, is-seba’, il-ħmistax u s-sittax-il premessa tad-Direttiva 2003/88 jiddikjaraw:

“(5)      Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan [mistrieħ]. […] Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan [mistrieħ] ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa [u annwali], u waqfien adekwati. […]

[…]

(7)       Ir-riċerka uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta’ organizzazzjoni u li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol.

[…]

(15) In vista tal-kwestjonijiet imqajma mill-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fi ħdan impriża, jidher li huwa mixtieq li jkun hemm provvediment għal flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, waqt li jassiguraw konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

(16) Huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment li ċerti disposizzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għal derogi implimentati, skond iċ-ċirkostanzi, mill-Istati Membri jew miż-żewġ naħat tal-industrija. Bħala regola ġenerali, fil-każ ta’ deroga, il-ħaddiema kkonċernati għandhom jingħataw perjodi kompensatorji ta’ mistrieħ.”

7        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, li jikkonċerna l-għan u l-iskop [kamp ta’ applikazzjoni] tagħha jgħid is-segwenti:

“1.       Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.       Din id-Direttiva tapplika għal:

a)       il-perjodi minimi ta’ serħan [mistrieħ] ta’ kull jum, serħan [mistrieħ] ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.       Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha tal-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(8), din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal baħħara, kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE [tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni ta' l-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FST) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 363)].

[…]”

8        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi għad-dritt tal-ħaddiema kollha għal perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 11‑il siegħa konsekuttivi matul kull perijodu ta’ 24 siegħa.

9        L-Artikolu 17(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedu:

“1.       F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

a)       eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

b)       ħaddiema parti mill-familja; jew

c)       ħaddiema li juffiċċjaw f’ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f’komunitajiet reliġjużi.

2.       Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-industrija, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta’ serħan [mistrieħ] obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.

3.       B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

b)       fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-proprjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà;

c)       fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment […]

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2006-950 inserixxa fil-Kodiċi tax-Xogħol l-Artikoli D. 773-2-1 sa D. 773-2-7.

11      Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol issa jikkorrispondu, b’riżerva għal xi modifiki żgħar, għall-Artikoli D. 432-1 sa D. 432-9 tal-Kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji.

12      L-Artikolu D. 773-2-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi li l-kuntratt ta’ xogħol edukattiv jiġi konkluż bejn persuna fiżika u persuna fiżika jew ġuridika kif definit fl-Artikolu L. 774-2 u li t-tul ta’ żmien kumulattiv tal-kuntratti konklużi mill-istess impjegat ma għandux jeċċedi 80 ġurnata f’perijodu ta’ tnax-il xahar konsekuttivi.

13      L-Artikolu D. 773-2-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“Fi kwalunkwe każ, l-impjegat jibbenefika minn mistrieħ ta’ kull ġimġħa li t-tul ta’ żmien tiegħu ma jistax ikun inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa konsekuttivi.”

14      L-Artikolu L. 774-2 tal-Kodiċi tax-Xogħol, li jirreferi għalih l-Artikolu D. 773‑2‑1 tal-istess Kodiċi, u li issa jinsab, b’riżerva għal xi modifiki żgħar, fl-Artikoli L. 432-1sa L. 432-4 tal-Kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji, jipprevedi:

“Il-parteċipazzjoni okkażjonali, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, ta’ persuna fiżika f’funzjonijet ta’ animazzjoni jew ta’ tmexxija ta’ laqa’ kollettiva ta’ minuri ta’ natura edukattiva organizzata fl-okkażjoni ta’ vaganzi tal-iskola, vaganzi tax-xogħol jew ta’ divertiment […] hija kklassifikata bħala xogħol edukattiv.

[…]

Il-persuni li jkollhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I u II tat-Titolu IV tal-Ktieb I, għal dawk tal-Kapitoli II u III tat-Titolu I tal-Ktieb II, u lanqas għal dawk tal-Kapitoli preliminari u I tat-Titolu II tal-istess Ktieb ta’ dan il-Kodiċi.

[…]

It-tul ta’ żmien tax-xogħol ta’ persuni li jkollhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv għandu jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim jew ftehim kollettiv estiż jew, fin-nuqqas, permezz ta’ digriet. In-numru ta’ ġranet maħduma ma għandux jeċċedi għal kull persuna l-ammont massimu annwali ta’ tmenin. Il-parti kkonċernata tibbenefika minn mistrieħ minimu ta’ kull ġimgħa ta’ erbgħa u għoxrin siegħa konsekuttivi. […]”

15      Il-leġiżlazzjoni Franċiża ma tipprevedix, u mhux dejjem tipprevedi, li l-membri okkażjonali u staġjonali tal-persunal ta’ ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, li għandhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv, jibbenefikaw minn mistrieħ ta’ kuljum ta’ tul ta’ żmien minimu ta’ ħdax-il siegħa konsekuttivi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2007, l-Union syndicale talbet lill-Conseil d’État jannulla d-Digriet Nru 2006-950. Hija argumentat li dan id-digriet jikser id-Direttiva 2003/88 sa fejn dan jeskludi lil dawk li għandhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv li jwettqu attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu mid-dritt għal perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum mogħti lill-ħaddiema mill-Kodiċi tax-Xogħol.

17      Skont l-Union syndicale, in-nuqqas ta’ tali dritt fil-leġiżlazzjoni Franċiża jmur kontra l-għanijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 u l-ammont massimu annwali ta’ 80 ġurnata maħduma stabbilit mill-Kodiċi tax-Xogħol ma jistax jiġi kkunsidrat bħala protezzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva, li tiffissa ċerti kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw id-derogi awtorizzati b’mod partikolari għall-imsemmi Artikolu 3.

18      Billi qies li hemm lok li tingħata risposta ċara għall-mistoqsijiet mqajma fil-kawża li tressqet quddiemu fir-rigward tal-Artikoli 1, 3 u 17 tad-Direttiva 2003/88, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-prċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-Direttiva [2003/88] tapplika għal persunal okkażjonali u staġjonali li jwettaq massimu ta’ erbgħa u għoxrin il-ġurnata xogħol fis-sena f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda:

a)       fid-dawl tal-għan tad-Direttiva [2003/88] li huwa, skont it-termini tal-Artikolu 1(1) tagħha, li tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-Artikolu 17 [tagħha] għandu jiġi kkunsidrat fis-sens li jippermetti:

-       kemm, abbażi tal-Artikolu 17(1), li l-attività okkażjonali u stagjonali ta’ persuni li għandhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv tinsab fost dawk li “minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom”,

-       kemm, abbażi tal-Artikolu 17(3)(b), li jitqiesu bħala ‛attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-proprjetà u persuni’?

b)       f’dan l-aħħar każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva [2003/88], f’termini ta’ “perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju” jew ta’ “protezzjoni xierqa”, mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati, għandhom jinftiehmu bħala li jistgħu jiġu sodisfatti permezz ta’ dispożittiv li jillimita għal erbgħa u għoxrin il-ġurnata ta’ xogħol fis-sena fiċ-ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, l-attività tal-persuni li għandhom il-kuntratti inkwistjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwettqu attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, u li jwettqu massimu ta’ 80 ġurnata xogħol fis-sena, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

20      Jeħtieġ fl-ewwel lok jiġi mfakkar li din id-direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

21      L-imsemmija direttiva tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod wiesa’, peress li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tagħha, hija tapplika għas-setturi ta’ attivitajiet kollha, kemm pubbliċi u kemm privati, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti setturi speċifiċi espliċitament enumerati (ara s-senetenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, Ġabra p. I-4881, punt 45).

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li jirriżulta kemm mill-għan tad-Direttiva 89/391, jiġifieri l-promozzjoni tat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 2(1) tagħha, li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ta’ bażi għandu jitqies wkoll b’mod wiesa’ (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 52).

23      Fil-lista ta’ attivitajiet enumerati fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, li mhijiex madankollu eżawrjenti, hemm inklużi l-attivitajiet edukattivi, kulturali u ta’ serħan [ta’ ħin liberu] kif ukoll, b’mod globali, l-attivitajiet ta’ servizz.

24      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, din id-direttiva ta’ bażi ma għandhiex tapplika fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, jmorru kontra tagħha b’mod inevitabbli. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u jirreferu għal ċerti attivitajiet speċifiċi tas-servizz pubbliku intiżi sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika, li huma indispensabili għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, Ġabra p. I‑7963, punti 35 u 36, kif ukoll Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 sa 55).

25      Għandu jiġi kkonstatat li l-attività tal-persunal okkażjonali u staġjonali ta’ ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu ma tistax titqies bħala parti minn tali attivitajiet.

26      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-attività tal-imsemmi persunal jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 u f’dak tad-Direttiva 2003/88, peress li l-eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din l-aħħar direttiva ma tapplikax ħlief għall-baħħara.

27      Jeħtieġ ukoll jiġi mfakkar li, għalkemm il-kunċett ta’ “ħaddiem” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/391 bħala li jirreferi għal kwalunkwe persuna impjegata minn min iħaddem, inklużi dawk li jkunu għaddejjin minn taħriġ u apprentisti iżda li jeskludi sefturi fid-djar, id-Direttiva 2003/88 ma għamlet l-ebda riferiment għal din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 89/391 u lanqas għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem kif tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet u/jew mill-prattika nazzjonali.

28      Jirriżulta minn din l-aħħar konstatazzjoni li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, dan il-kunċett ma għandux ikun issuġġettat għal interpretazzjoni li tvarja skont id-dritt nazzjonali, iżda għandu portata awtonoma speċifika fid-dritt tal-Unjoni. Huwa għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg b’kunsiderazzjoni għad-drittijiet u għad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Issa, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li għal ċertu perijodu, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt l-istruzzjonijiet tagħha, servizzi inkambju għal remunerazzjoni (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 39 KE, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punt 16 u 17, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 26).

29      Fil-kuntest tal-klassifikazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ ħaddiem, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi u tevalwa b’mod globali ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li tinsab quddiemha, relatati kemm mal-attivitajiet ikkonċernati kif ukoll mar-relazzjoni bejn il-partijiet inkwistjoni.

30      Anki jekk, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dawk li għandhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv mhumiex suġġetti għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li n-natura ġuridika sui generis ta’ relazzjoni ta’ impjieg fid-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C-116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward ta’ ħaddiema b’kuntratt għal żmien fiss, bħal dawk li għandhom kuntratt fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tad-Direttiva 93/104, li din tal-aħħar ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema li għandhom tali kuntratt u dawk li għandhom kuntratt għal żmien indeterminat, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet relattivi għal perijodi minimi ta’ mistrieħ, li fil-biċċa l-kbira jirreferu għall-“ħaddiema kollha” (ara f’dan is-sens is-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46). Dan it-tagħlim jgħodd bl-istess mod għad-Direttiva 2003/88, u b’mod partikolari għall-Artikolu 3 dwar il-mistrieħ ta’ kuljum.

32      Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jidher li persuni bħal dawk li huma membri tal-persunal okkażjonali u staġjonali li għandhom kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwettqu massimu ta’ 80 ġurnata xogħol fis-sena f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, jidħlu fil-kuntest tal-kunċett ta’ ħaddiema kif definiti fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

33      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li t-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, u li jwettqu massimu ta’ 80 ġurnata xogħol fis-sena, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

 Fuq it-tieni domanda

34      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li fiha żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ħaddiema bħal dawk li għandhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv, li jeżerċitaw attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, jaqgħux taħt id-deroga stabbilita fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 jew taħt dik prevista fl-Artikolu 17(3)(b). Fil-każ li l-Artikolu 17(3)(b) tad-Direttiva 2003/88 huwa applikabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-attività ta’ tali ħaddiema għal 80 ġurnata xogħol fis-sena, tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2), li jeżiġu li l-ħaddiema kkonċernati għandhom jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew, f’każijiet eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, li dawn jingħataw protezzjoni xierqa.

35      F’dan il-kuntest, jeħtieġ fl-ewwel lok jiġi mfakkar li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati membri huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 11‑il siegħa konsekuttivi matul kull perijodu ta’ 24 siegħa.

36      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl kemm tal-kliem tad-Direttiva kif ukoll tal-għan u l-iskema tagħha, ir-rekwiżiti differenti li hija tipprovdi dwar il-ħin minimu ta’ mistrieħ, bħal dak fl-Artikolu 3, jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑484/04, Ġabra p. I‑7471, punt 38).

37      Fid-dawl tal-għan essenzjali tad-Direttiva 2003/88, li huwa li jiġu protetti b’mod effettiv is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, kull wieħed minnhom għandu b’mod partikolari jibbenefika minn perijodi ta’ mistrieħ adegwati, li mhux biss għandhom ikunu effettivi, billi jippermettu lill-persuni kkonċernati jirkupraw mill-għejja li tirriżulta mix-xogħol tagħhom, iżda wkoll ikunu ta’ natura preventiva sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li jiġu affettwati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li jista’ jġib miegħu l-akkumulu ta’ perijodi ta’ xogħol mingħajr il-mistrieħ neċessarju (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C-151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 92, u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

38      Jirriżulta minn dak li ntqal li, bħala prinċipju, hija inkompatibbli mad-Direttiva 2003/88 leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tillimita l-attività mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol edukattiv għal 80 ġurnata fis-sena, ma tipprevedix li l-membri tal-persunal okkażjonali u staġgjonali ta’ ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu li għandhom tali kuntratt, jibbenefikaw minn mistrieħ minimu ta’ kuljum mitlub mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

39      Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk tali leġiżlazzjoni tipprevedi possibbiltajiet ta’ deroga prevista mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari mill-Artikolu 17 tagħha.

40      Bħala eċċezzjonijiet għas-sistema tal-Unjoni fil-qasam tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol previsti fid-Direttiva 2003/88, l-imsemmija derogi għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li dawn id-derogi jippermettu li jiġu protetti (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

41      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 stabbilita fl-Artikolu 17(1) tagħha, din id-deroga tapplika għal ħaddiema li minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività eżerċitata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom.

42      Kif isostnu l-Union syndicale u l-Kummissjoni Ewropea, l-ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-ħaddiema impjegati f’ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol edukattiv għandhom il-possibbiltà li jiddeċiedu dwar in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li huma jwettqu. Id-deskrizzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż tal-attivitajiet ta’ dawn il-ħaddiema u tal-funzjonament tal-imsemmija ċentri, li l-korrettezza tagħha għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jidher li turi l-kuntrarju. Il-proċess ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma fih elementi li jindikaw li l-imsemmija ħaddiema mhumiex obbligati li jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom skont skeda fissa ta’ ħinijiet.

43      Jeħtieġ għalhekk jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi attivitajiet li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ attivitajiet bħal dawk imwettqa minn titolari ta’ kuntratti ta’ xogħol edukattiv f’ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu.

44      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-deroga stabbilita fl-Artikolu 17(3)(b) tad-Direttiva 2003/88, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, skont l-Artikolu 17(2), tista’ ssir deroga mill-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva “fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-proprjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà”.

45      Jekk huwa veru, kif jargumentaw l-Union syndicale u l-Gvern Ċek, li l-membri tal-persunal ta’ ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu jeżerċitaw attivitajiet intiżi sabiex jedukaw u janimaw minuri mlaqqgħin fl-imsemmija ċentri, xorta jibqa’ l-fatt, kif ikkonstatat mill-Gvern Franċiż, li huwa l-kompitu wkoll ta’ dan il-persunal li jiżgura sorveljanza permanenti tal-imsemmija minuri. Dawn tal-aħħar, peress li ma jkunux akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom, huma suġġetti, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom, għal sorveljanza kostanti mill-persunal li jaħdem f’dawn iċ-ċentri. Barra minn dan, kif jargumenta l-Gvern Franċiż, il-kontribuzzjoni edukattiva ta’ dawn iċ-ċentri tinsab ukoll, jekk mhux prinċipalment, fil-mod speċifiku u oriġinali ta’ kif dan jiffunzjona fejn il-minuri milqugħa jgħixu għal diversi ġranet b’mod kontinwu mal-animaturi u mad-diretturi tagħhom.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ ħaddiema bħat-titolari ta’ kuntratti ta’ xogħol edukattiv, li jaħdmu f’ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu, jistgħu jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3)(b) tad-Direttiva 2003/88, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) huma sodisfatti.

47      Barra minn dan, kif targumenta l-Kummissjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-attivitajiet u tal-funzjonament taċ-ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu, dawn l-attivitajiet jistgħu eventwalment jaqgħu wkoll taħt id-deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 prevista fl-Artikolu 17(3)(c) ta’ din tal-aħħar, dwar attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa.

48      Ċertament, l-attivitajiet tal-persunal okkażjonali u staġjonali ta’ ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu mhumiex elenkati fil-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rilevat, minn naħa waħda, li din mhijex lista eżawrjenti u, min-naħa l-oħra li, kif jirriżulta wkoll mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija attivitajiet jinvolvu wkoll l-ħtieġa ta’ servizz kontinwu, peress li l-minuri milqugħa f’dawn iċ-ċentri jgħixu, tul is-soġġorn kollu tagħhom, b’mod koninwu ma’ u taħt l-osservanza tal-persunal ta’ dawn iċ-ċentri.

49      B’dan premess, skont l-istess Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88, l-implementazzjoni tad-derogi stabbiliti fl-Artikolu 17(3)(b) u (c), b’mod partikolari fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-mistrieħ ta’ kuljum previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, hija espressament subordinata għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernati għandhom jingħataw perjodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew li, f’każijiet eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, li dawn jingħataw protezzjoni xierqa.

50      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-“perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kompensatorju” fis-sens tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88 għandhom, sabiex ikunu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kif ukoll mal-għan ta’ din id-direttiva kif speċifikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ikunu kkaratterizzati mill-fatt li, matul dawn il-perijodi, il-ħaddiem ma jkun suġġett għal ebda obbligu lejn min iħaddmu li jista’ jwaqqfu milli b’mod liberu u mingħajr interruzzjonijiet jaqdi l-interessi tiegħu sabiex jinnewtralizza l-effetti tax-xogħol fuq is-sigurtà u s-saħħa tiegħu. Għaldaqstant, dawn il-perijodi ta’ mistrieħ għandhom isegwu b’mod immedjat il-ħin tax-xogħol li għalih huma intiżi li jikkumpensaw, bl-għan li jiġi evitat li l-ħaddiem jesperjenza stat ta’ għejja jew ta’ xogħol eċċessiv minħabba l-akkumulazzjoni tal-perijodi konsekuttivi ta’ xogħol (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

51      Sabiex tkun żgurata protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem, għandu, bħala regola ġenerali, ikun previst li perijodu ta’ xogħol jalterna b’mod regolari ma’ perijodu ta’ mistrieħ. Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jistrieħ b’mod effettiv, il-ħaddiem għandu jibbenefika mill-possibbiltà li jitlaq mill-ambjent tax-xogħol tiegħu għal numru speċifiku ta’ sigħat li mhux biss għandhom ikunu konsekuttivi iżda għandhom ukoll isegwu direttament perijodu ta’ xogħol, sabiex jippermettulu jirrilassa u jelimina l-għejja kkaġunata mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Dan ir-rekwiżit huwa iktar u iktar neċessarju meta, b’eċċezzjoni għar-regola ġenerali, il-ħin normali tax-xogħol ta’ kuljum ikun estiż bit-twettiq ta’ xogħol ta’ għassa. (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).

52      F’dawn il-kundizzjonijiet, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li tipprevedi li t-tul ta’ żmien akkumulat ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv konklużi mill-istess persuna ma jistax jeċċedi 80 ġurnata f’perijodu ta’ tnax-il xahar konsekuttivi, ma tissodisfax l-obbligu impost fuq l-Istati Membri u, skont il-każ, fuq l-imsieħba soċjali, sabiex jiżguraw li jingħataw il-perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju rikjesti mill-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88.

53      Fil-fatt, kif jargumentaw l-Union syndicale u l-Gvern Ċek, fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni li d-Direttiva 2003/88 tipprova tilħaq, in-numru massimu ta’ ġranet tax-xogħol fis-sena mhuwiex rilevanti f’dak li jirrigwarda l-imsemmija perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju.

54      Il-Gvern Franċiż isostni madankollu li n-natura eċċezzjonali tal-attivitajiet tal-persunal ta’ ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu ma tippermettix l-għoti ta’ perijodi ta’ mistrieħ kumpensatorju. Fil-fatt, il-persuni milqugħa f’dawn iċ-ċentri huma minuri li jqattaw diversi ġranet li matulhom huma jkunu taħt is-sorveljanza, kemm filgħodu kif ukoll waqt il-lejl, tal-istess persunal. L-għoti ta’ mistrieħ kumpensatorju, kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 94 tas-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, lill-membri tal-persunal okkażjonali u staġjonali tal-imsemmija ċentri, jimplika li dawn jieħdu l-mistrieħ tagħhom waqt is-soġġorn tal-minuri li jkunu qegħdin jissorveljaw u jkollu bħala konsegwenza li dawn tal-aħħar ikunu nieqsa b’mod temporanju, inkluż matul il-lejl, mill-preżenza tal-animaturi tagħhom, li jkunu madakollu, fin-nuqqas tal-ġenituri tagħhom, l-adulti li jafuhom l-iktar u li fihom huma għandhom fiduċja. Ġaladarba jeżistu raġunijiet oġġettivi li jipprekludu l-għoti ta’ perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju, l-impożizzjoni ta’ ammont massimu ta’ ġranet li jistgħu jinħadmu mit-titolari ta’ kuntratti ta’ xogħol edukattiv tikkorrispondi għal protezzjoni xierqa tal-ħaddiema kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88.

55      Jeħtieġ, fir-rigward ta’ din l-argumentazzjoni, li jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88, huwa biss f’ċirkustanzi totalment eċċezzjonali li din id-dispożizzjoni tippermetti li tista’ tingħata “protezzjoni xierqa oħra” lill-ħaddiema, peress li l-għoti ta’ perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi (ara b’analoġija, s-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

56      Id-deċiżjoni tar-rinviju fiha ftit informazzjoni konkreta dwar l-iżvolġiment tal-attivitajiet tal-persunal ta’ ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu, dawr il-mod kif dawn l-attivitajiet huma pprogrammati u dwar il-bżonnijiet tal-persunal tal-imsemmija ċentri.

57      Ċertament ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-imsemmija attivitajiet u tar-responsabbiltajiet tal-persunal taċ-ċentri kkonċernati fir-rigward tal-minuri hemm milqugħa, li, eċċezzjonalment, għal raġunijiet oġġettivi, ma jkunx possibbli li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ xogħol jalterna b’mod regolari mal-perijodu ta’ mistrieħ kif rikjest mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, b’mod konformi mas-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq.

58      Xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li l-impożizzjoni ta’ ammont massimu annwali fir-rigward tal-ġranet maħduma bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkunsidrata li hija protezzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ħmistax-il premessa ta’ din id-direttiva, jekk l-Istati membri jingħataw ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, dawn għandhom madankollu jiżguraw konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

59      Għaldaqstant, għalkemm l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat bħala li jagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u, skont il-każ, lill-imsieħba soċjali għall-istabbiliment, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ protezzjoni xierqa lill-ħaddiema kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li din il-protezzjoni, li tikkonċerna s-sigurtà u s-saħħa ta’ dawn il-ħaddiema, hija intiża wkoll, bl-istess mod bħal perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jew bħal perijodu ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju previst fl-Artikolu 17(2), li tippermetti lill-ħaddiema kkonċernati jirrilassaw u jeliminaw l-għejja kkaġunata mit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

60      Għalkemm in-natura partikolari tax-xogħol jew il-kuntest partikolari li fih isir dan ix-xogħol jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li ssir deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 u mill-obbligu li l-perijodu ta’ xogħol jalterna b’mod regolari mal-perijodu ta’ mistrieħ, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-ħaddiema li jibbenefikaw mid-dritt għal mistrieħ ta’ kuljum matul iż-żmien kollu tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, anki jekk dan ikun jirrigwarda kuntratt ta’ tul ta’ żmien massimu ta’ 80 ġurnata fis-sena, mhux biss tirrendi mingħajr effett dritt individwali mogħti espressament minn din id-direttiva, iżda wkoll tmur kontra l-għan ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, is-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

61      Fid-dawl ta’ dak li intqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li t-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża priniċipali, li jwettqu attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, jaqgħu taħt id-deroga stabbilita fl-Artikolu 17(3)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2003/88.

62      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-attività tat-titolari ta’ tali kuntratti għal 80 ġurnata xogħol fis-sena, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva għall-applikazzjoni tal-imsemmija deroga, li jeżiġu li l-ħaddiema kkonċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew, f’każijiet eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, li dawn jingħataw protezzjoni xierqa.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, u li jwettqu massimu ta’ 80 ġurnata xogħol fis-sena, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2)      It-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża priniċipali, li jwettqu attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu jaqgħu taħt id-deroga stabbilita fl-Artikolu 17(3)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2003/88.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-attività tat-titolari ta’ tali kuntratti għal 80 ġurnata xogħol fis-sena, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva għall-applikazzjoni tal-imsemmija deroga, li jeżiġu li l-ħaddiema kkonċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew, f’każijiet eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, li dawn jingħataw protezzjoni xierqa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.