Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Settembru 2012 - Intrasoft International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-403/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Intrasoft International SA (Luxembourg, il-Lussemburgu) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Serbja tal-10 ta' Awwissu 2012 (ref.: RH(2012)3471), kif ukoll iċ-ċaħda impliċita tal-ilment tar-rikorrenti tal-10 ta' Awwissu 2012 kontra tali deċiżjoni, sabiex ir-rikorrenti titħalla tipparteċipa fl-istadji sussegwenti tal-offerta;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta' din l-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tat-termini ta' referenza u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. B'mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni/kjarifiċi addizzjonali mogħtija lill-offerenti kollha mill-awtorità kontraenti wara l-proċedura ta' sejħa għal offerti kkompletaw it-termini ta' referenza, kienu jifformaw parti mill-qafas legali li jippresjiedi l-offerta inkwistjoni u sussegwentement kienu jorbtu fuq il-partijiet kollha, inkluż fuq l-awtorità kontraenti. F'dan il-każ, tali termini ġew miksura mill-konvenuta.

It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, billi:

Ir-rikorrenti kienet eskluża mill-proċedura ta' sejħa għal offerti abbażi ta' kunflitt ta' interess mingħajr ma ġiet mogħtija l-opportunità li ġġib u tikkorrobora provi li juru li dan ma kienx il-każ;

L-amministrazzjoni naqset milli tevalwa u tissostanzja l-fatt li l-involviment tar-rikorrenti f'offerta oħra preċedenti seta' ħalla impatt fuq l-offerta inkwistjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)