Language of document : ECLI:EU:T:2015:209

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ April 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) – Opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni li tirrigwarda abbozz ta’ digriet dwar id-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli, innotifikat mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE – Rifjut ta’ aċċess”

Fil-Kawża T‑402/12,

Carl Schlyter, residenti f’Linköping (l-Isvezja), irrappreżentat minn O. Brouwer u S. Schubert, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, C. Stege, S. Johannesson u H. Karlsson, sussegwentement minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, E. Karlsson, L. Swedenborg u C. Hagerman, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira, A. Tokár u C. Zadra, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn B. Beaupère-Manokha, D. Colas u F. Fize, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2012, li rrifjutat, matul il-perijodu ta’ statu quo, l-aċċess għall-opinjoni dettaljata tagħha li tirrigwarda abbozz ta’ digriet dwar il-kontenut u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli (2011/673/F), li kienet ġiet innotifikata lilha mill-awtoritajiet Franċiżi, b’applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli u l-implementazzjoni tagħha fil-prattika

1        Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), hija intitolata “Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika” u torganizza proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-inizjattivi nazzjonali ta’ standards jew ta’ regolamenti tekniċi, minn naħa, u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, min-naħa l-oħra.

2        In-notifika lill-Kummissjoni ta’ kull abbozz ta’ regolament tekniku intiż li jirregola din il-merkanzija jew dawn is-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34, bħala prinċipju, hija obbligatorja [Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva].

3        Fil-prattika, il-Kummissjoni tieħu ħsieb tibgħat l-imsemmi abbozz lil kull wieħed mill-Istati Membri u tinkludih f’database pubbliku msejjaħ TRIS (Technical Regulations Information System – Sistema ta’ informazzjoni tar-regolamenti tekniċi). Dawn it-testijiet huma aċċessibbli kompletament għall-operaturi ekonomiċi u għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

4        Kull abbozz innotifikat jista’ jiġi eżaminat mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-operaturi ekonomiċi sabiex jiġu skoperti l-elementi potenzjalment protezzjonisti u tittieħed azzjoni sabiex jiġu eliminati.

5        Sabiex ikun jista’ jsir dan l-eżami, għandu jiddekorri, bħala prinċipju, terminu ta’ tliet xhur bejn il-komunikazzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku u l-adozzjoni tiegħu. Matul dan il-perijodu ta’ statu quo, il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jqisu li l-abbozz joħloq ostakoli mhux iġġustifikati għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi jistgħu jissottomettu kummenti jew opinjonijiet dettaljati lill-Istat Membru li jinnotifika. L-għoti ta’ opinjoni dettaljata testendi l-imsemmi perijodu ta’ statu quo b’ċertu numru ta’ xhur skont is-suġġett tal-abbozz ta’ regolamenti tekniċi [ara l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 98/34].

6        L-Istat Membru kkonċernat, bħala prinċipju, għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq l-opinjonijiet dettaljati tagħha u l-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni [ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34].

 Fuq il-proċedura ta’ notifika inkwistjoni

7        Fid-29 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, abbozz ta’ digriet dwar il-kontenut u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat nanopartiċelli, adottat b’applikazzjoni tal-Artikoli R. 523‑12 u R. 523‑13 tal-Kodiċi tal-ambjent (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ digriet”).

8        Konformement mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34, il-perijodu ta’ statu quo ta’ tliet xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva beda jiddekorri fit-30 ta’ Diċembru 2011. F’Marzu 2012, matul dan il-perijodu ta’ statu quo, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet u, sussegwentement, irċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Franċiżi dwar l-abbozz ta’ digriet.

9        Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni tat opinjoni dettaljata li l-effett tagħha, konformement mat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, kien li l-perijodu ta’ statu quo inizjali ġie estiż bi tliet xhur addizzjonali. Fit-2 ta’ April 2012, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ukoll għamel il-kummenti tiegħu f’dak li jirrigwarda l-abbozz ta’ digriet, konformement mal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għall-kummenti tar-Renju Unit fis-6 ta’ Ġunju 2012.

10      B’ittra tas-16 ta’ April 2012, jiġifieri matul il-perijodu ta’ statu quo, ir-rikorrent, Carl Schlyter, issottometta applikazzjoni għal aċċess għall-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq.

11      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal aċċess tas-16 ta’ April 2012 billi invokat l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u billi kkunsidrat li aċċess parzjali ma kienx possibbli minħabba li d-dokument sħiħ kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni invokata. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument.

12      Fid-29 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent issottometta applikazzjoni konfermattiva lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bil-għan li din tal-aħħar terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.

13      B’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermattiva tar-rikorrent għar-raġunijiet spjegati fil-punti 14 sa 16 iktar ’il quddiem.

14      Fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni”, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iżvelar tal-opinjoni dettaljata inkwistjoni jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

15      Fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Aċċess parzjali”, il-Kummissjoni qieset li dan kien japplika għad-dokument kollu li għalih saret l-applikazzjoni għal aċċess, u din il-kunsiderazzjoni kienet teskludi kull żvelar parzjali b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

16      Fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Interess pubbliku superjuri għall-iżvelar”, il-Kummissjoni kkunsidrat li lanqas ma kien jeżisti interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika li d-dokument jiġi madankollu żvelat.

17      Il-perijodu ta’ statu quo fir-rigward tal-abbozz ta’ digriet intemm fit-2 ta’ Lulju 2012. Ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għall-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Lulju 2012. Fis-26 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi jissottomettulha l-abbozz ta’ digriet emendat, ħaġa li dawn tal-aħħar għamlu dakinhar stess.

18      Fis-6 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Franċiża adottat id-digriet dwar il-kontenut u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat nanopartiċelli, adottat b’applikazzjoni tal-Artikoli R. 523‑12 u R. 523‑13 tal-Kodiċi tal-ambjent (JORF Nru 0185 tal-10 ta’ Awwissu 2012, p. 13166). L-imsemmi digriet ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Awwissu 2012.

19      Fil-25 ta’ Ottubru 2012, wara li temmet l-eżami tad-digriet u ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni bagħtet kopja tal-opinjoni dettaljata inkwistjoni lir-rikorrent.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

21      Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. Hija sostniet, b’mod partikolari, li r-rikors ma kienx għad kellu skop wara l-komunikazzjoni lir-rikorrent tad-dokument li għalih huwa kien talab l-aċċess, billi dan tal-aħħar ma kienx għad kellu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni.

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent ma qajjimx oġġezzjonijiet għal dan l-intervent. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit.

23      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-21 u fl-14 ta’ Diċembru 2012 rispettivament, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Isvezja talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent ma qajjimx oġġezzjonijiet għal dawn l-interventi. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit.

24      B’digriet tat-7 ta’ Frar 2013, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent.

25      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw noti ta’ intervent, li fuqhom il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet fit-termini stabbiliti.

26      Peress li nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża, għaldaqstant, ġiet assenjata lil din l-awla.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu għal din il-mistoqsija fit-terminu stabbilit.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet prinċipali u tal-intervenjenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-15 ta’ Jannar 2014.

29      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ta’ kull intervenjent.

30      Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

31      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

33      Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar it-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi kkonstatat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni, peress li r-rikorrent kien tilef kull interess fl-eżitu tal-kawża wara l-komunikazzjoni tad-dokument li għalih kien intalab aċċess, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, irrikonoxxiet li r-rikorrent kellu interess fl-eżitu tal-kawża u li, konsegwentement, kienet qed tirtira t-talba tagħha sabiex jiġi kkonstatat li r-rikors kien inammissibbli, u ttieħdet nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta.

 Id-dritt

34      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13). It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-interess pubbliku superjuri li jeżiġu l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

35      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, fl-ewwel lok, il-punti ta’ nuqqas ta’ qbil prinċipali bejn il-partijiet jirrigwardaw il-kwistjoni jekk l-opinjoni dettaljata inkwistjoni, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, taqax taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tan-natura tal-imsemmija opinjoni dettaljata, il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha, matul il-perijodu ta’ statu quo, fuq preżunzjoni ġenerali, b’applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-iżvelar tal-imsemmija opinjoni jippreġudika tali għanijiet.

36      Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 98/34, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għandha tiġi żgurata l-ikbar trasparenza fir-rigward tal-inizjattivi nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti standards jew regolamenti tekniċi.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 98/34 tfittex, permezz ta’ kontroll preventiv, li tipproteġi l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi, li jifformaw parti mis-sisien tal-Unjoni, u dan il-kontroll huwa utli sa fejn regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ tal-merkanzija u tas-servizzi bejn l-Istati Membri, ostakoli li jistgħu jiġu aċċettati biss jekk ikunu neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti imperattivi li jkollhom għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia, C‑303/04, Ġabra, EU:C:2005:528, punt 22; tal-15 ta’ April 2010, Sandström, C‑433/05, Ġabra, EU:C:2010:184, punt 42, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, C‑361/10, Ġabra, EU:C:2011:382, punt 10).

38      Peress li l-obbligu ta’ notifika prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq tal-kontroll preventiv imsemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq, l-effikaċja tal-imsemmi kontroll iktar u iktar tissaħħaħ jekk din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b’mod li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront ta’ individwi (sentenzi Lidl Italia, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:2005:528, punt 23, u Sandström, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:2010:184, punt 43).

39      Matul il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, il-Kummissjoni tista’ tagħti opinjoni dettaljata li fiha hija tagħti l-kummenti tagħha bil-għan li twissi lill-Istat Membru li jinnotifika bl-ostakoli potenzjali għall-kummerċ li tista’ toħloq leġiżlazzjoni mhux neċessarja u sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li tfittex li tilħaq. L-Istat Membru għandu l-għażla, u mhux l-obbligu, li jemenda l-abbozz innotifikat fil-każ ta’ inkompatibbiltà mar-regoli tat-Trattat. Madankollu, bħala prinċipju, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq tali opinjonijiet dettaljati, u l-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni [ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34].

40      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni għal dan il-każ tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi kkunsidrat li l-iżvelar lill-pubbliku tal-opinjoni dettaljata inkwistjoni matul il-perijodu ta’ statu quo jnaqqas ir-rieda tar-Repubblika Franċiża li tikkoopera magħha fi klima ta’ fiduċja reċiproka u, għalhekk, jipperikola l-għan tal-evalwazzjoni tagħha, li huwa li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni (ir-raba’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      L-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplika għall-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, peress li din id-dispożizzjoni tkopri l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati (il-ħames paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-pożizzjoni kienet ibbażata fuq analoġija bejn, minn naħa, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, prevista mill-Artikolu 258 TFUE, u l-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, prevista mill-Artikolu 108 TFUE (is-sitt sat-tmien paragrafi tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Barra minn hekk, peress li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tista’ potenzjalment twassal għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru li jinnotifika, l-iżvelar tal-opinjoni dettaljata matul il-perijodu ta’ statu quo tista’ tippreġudika d-diskussjonijiet sussegwenti bejn il-partijiet (id-disa’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent, sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, isostni li t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli għall-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, għaliex din tal-aħħar ma tistax titqies li hija “investigazzjoni”. Huwa jżid li l-analoġija bejn, minn naħa, il-proċedura prevista mill-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-użu li għamlet mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma hijiex adegwata.

44      Skont ir-rikorrent, il-karatteristika essenzjali ta’ investigazzjoni hija li tista’ tingħalaq permezz ta’ konstatazzjoni li s-suġġett tagħha aġixxa, jew ippropona li jaġixxi, b’mod li jikser id-dritt tal-Unjoni.

45      Ir-rikorrent jispeċifika li proċeduri ta’ “investigazzjoni” huma intiżi li jippreparaw is-sisien ta’ deċiżjonijiet vinkolanti li jirrigwardaw l-aġir ammissibbli tad-destinatarji tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant huma kkaratterizzati mill-fatt li l-istituzzjonijiet deċiżjonali ngħataw setgħat ta’ investigazzjoni.

46      Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li investigazzjoni hija ddefinita bħala proċedura strutturata intiża li tiċċara l-punti ta’ fatt u ta’ liġi u l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li n-natura ta’ investigazzjoni tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tirriżulta mill-fatt li hija tagħti opinjoni dettaljata meta jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ abbozz ta’ regolament tekniku mad-dritt tal-Unjoni sabiex tistieden lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdi ġustifikazzjonijiet jew jikkonforma ruħu mal-imsemmi dritt.

47      Ir-Repubblika Franċiża tqis li, għall-Istati Membri, il-proċedura prevista mid-Direttiva 87/34 ma hijiex sempliċi proċedura ta’ konsultazzjoni jew ta’ djalogu mal-Kummissjoni, iżda proċedura li għandha effetti legali vinkolanti. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-Kummissjoni twettaq investigazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni li twassal għal teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 4, l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 255(2) KE, huwa li jagħti lill-pubbliku l-iktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, Ġabra, EU:C:2013:738, punt 40).

49      Meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din hija obbligata tevalwa, f’kull każ inkwistjoni, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra, EU:C:2008:374, punt 35).

50      Is-sistema tal-eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li jiġu ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li jiġu mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ inkwistjoni (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punt 42).

51      Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra, EU:C:2011:496, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata deċiżjoni, f’dan il-każ, fuq il-kwistjoni jekk, kif jallegaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 għandhiex tiġi kklassifikata bħala investigazzjoni u jekk l-għoti ta’ opinjoni dettaljata fil-kuntest tal-imsemmija proċedura mill-Kummissjoni jaqax taħt investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ investigazzjoni jkopri kemm it-tiftix kollu mwettaq minn awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit ksur kif ukoll il-proċedura li permezz tagħha amministrazzjoni tiġbor informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni.

54      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, il-Kummissjoni tista’ tagħti opinjoni dettaljata li fiha hija tqis li l-abbozz ta’ regolament tekniku għandu aspetti li jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern.

55      L-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 madankollu ma taqax taħt proċedura li permezz tagħha l-amministrazzjoni tiġbor informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni.

56      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tiġbor informazzjoni qabel l-għoti ta’ opinjoni dettaljata.

57      Il-premessa 5 tad-Direttiva 98/34 tispjega li l-Kummissjoni għandu jkollha l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-dispożizzjonijiet tekniċi u li, għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawha bl-abbozzi tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi. Barra minn hekk, l-għan tal-imsemmija notifika imposta mill-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva huwa li jippermetti lill-Kummissjoni jkollha l-iktar informazzjoni kompleta possibbli fuq kull abbozz ta’ regolament tekniku fir-rigward tal-kontenut, tal-portata u tal-kuntest ġenerali tiegħu sabiex tkun tista’ teżerċita, bl-iktar mod effikaċi possibbli, is-setgħat li tagħtiha din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑145/97, Ġabra, EU:C:1998:212, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fit-tieni lok, jekk abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru li jinnotifika, il-Kummissjoni tivverifika ċerti fatti, hija ma tadottax deċiżjoni, iżda, jekk ikun il-każ, tagħti opinjoni ta’ natura mhux vinkolanti u intermedja. Fil-fatt, l-għoti ta’ opinjoni dettaljata huwa biss ir-riżultat tal-analiżi tal-abbozz ta’ regolament tekniku, imwettqa mill-Kummissjoni, li sussegwentement għaliha din tal-aħħar tqis li l-abbozz ta’ regolament tekniku għandu aspetti li jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern [ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34]. Barra minn hekk, din l-opinjoni dettaljata ma tirriflettix neċessarjament pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, peress li, wara li tingħata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq tali opinjoni u l-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

59      L-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 lanqas ma tikkostitwixxi r-riżultat ta’ tiftix imwettaq minn awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit ksur.

60      Fil-fatt, min-natura tiegħu, abbozz ta’ regolament tekniku huwa test preparatorju, li jista’ jiġi żviluppat u emendat. Sakemm l-imsemmi regolament tekniku ma jiġix adottat, huwa ma jistax jikser ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern.

61      Konsegwentement, l-Istat Membru destinatarju ta’ din l-opinjoni ma jistax jitqies ħati ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, għaliex fil-mument tal-għoti tal-opinjoni dettaljata abbażi tad-Direttiva 98/34, ir-regolament tekniku nazzjonali kien jeżisti biss fl-istat ta’ abbozz (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat-13 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑341/97, Ġabra, EU:C:2000:434, punti 18 u 19). L-opinjoni opposta twassal sabiex l-opinjoni dettaljata tkun tammonta għal intimazzjoni kundizzjonali li l-eżistenza tagħha tkun suġġetta għall-azzjoni li jieħu l-Istat Membru kkonċernat fuq l-imsemmija opinjoni. Ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, li huma inerenti f’kull proċedura li tista’ ssir kontenzjuża, jipprekludu tali inċertezza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitat iktar ’il fuq, EU:C:2000:434, punt 20).

62      Il-fatt li d-Direttiva 98/34 tipprovdi li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri l-oħra jistgħu jagħtu opinjoni dettaljata fuq l-abbozz ta’ regolament tekniku tal-Istat Membru li jinnotifika jikkonferma li l-għoti ta’ opinjoni dettaljata mill-Kummissjoni ma jaqax taħt attività ta’ tiftix li hija twettaq sabiex tistabbilixxi ksur. Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu biss jiddenunzjaw ksur tar-regoli tal-Unjoni minn Stat Membru ieħor, iżda ma jistgħux jadottaw opinjoni motivata li permezz tagħha l-Kummissjoni tifformalizza l-eżistenza, fil-fehma tagħha, ta’ ksur. Issa l-opinjoni dettaljata, kemm jekk tiġi adottata mill-Kummissjoni kemm jekk tiġi adottata minn Stat Membru, hija biss forma ta’ denunzja ta’ kunflitt potenzjali bejn l-abbozz ta’ regolament tekniku u d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-moviment liberu tas-servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern.

63      Minn dan isegwi li l-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma taqax taħt investigazzjoni, peress li ma tikkostitwixxix deċiżjoni li tikkonstata ksur billi hija teħid ta’ pożizzjoni inizjali, provviżorja u konsultattiva tal-Kummissjoni abbażi tal-analiżi ta’ abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat, li għalhekk tħalli kull possibbiltà lill-Istat Membru li jinnotifika li jemenda l-imsemmi abbozz qabel ma jadottah.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi validament sostnut li opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 taqa’ taħt investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

65      Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 55 u 59 iktar ’il fuq, l-approċċ b’analoġija mwettaq mill-Kummissjoni u intiż sabiex jassimila l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 mal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, jew sabiex jipparagunahom, ma jistax jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għall-opinjoni dettaljata inkwistjoni, peress li, fi tmiem dawn il-proċeduri tal-aħħar, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li ttemm investigazzjoni fid-dettall, jekk ikun il-każ, bil-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu jew bil-konstatazzjoni tan-natura inkompatibbli ta’ għajnuna mas-suq intern.

66      F’dak li jirrigwarda r-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni li skonthom l-iżvelar tal-opinjoni dettaljata inkwistjoni matul il-perijodu ta’ statu quo jnaqqas ir-rieda tal-Istat Membru kkonċernat li jikkoopera magħha fi klima ta’ fiduċja reċiproka u, għalhekk, jipperikola l-għan tal-evalwazzjoni tagħha, li huwa li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni (ara r-raba’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat dan li ġej.

67      Kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 98/34, l-għan tan-notifika tal-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi u l-evalwazzjoni tagħhom huwa li tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri nfushom, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw l-eventwali ostakoli għall-kummerċ u jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-miżuri korrispondenti ma jidħlux fis-seħħ jew li jitqiegħdu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, Ġabra, EU:C:1996:172, punti 40, 41 u 50).

68      Madankollu, il-Kummissjoni tiżbalja meta, mill-għan ta’ kooperazzjoni bejnha u l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri nfushom, li tfittex li tilħaq il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, hija tiddeduċi li l-iżvelar tal-opinjoni dettaljata inkwistjoni matul il-perijodu ta’ statu quo jnaqqas ir-rieda tal-Istat Membru li jinnotifika li jikkoopera magħha fi klima ta’ fiduċja reċiproka u, għalhekk, jipperikola l-għan tal-evalwazzjoni tagħha, li huwa li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni (ara r-raba’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 98/34 tobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu li jadottaw regolamenti tekniċi li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva li jikkooperaw kemm mal-Kummissjoni kif ukoll mal-Istati Membri l-oħra.

70      Fil-prattika, skont l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, l-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, l-obbligu li jikkomunikaw l-abbozzi kollha ta’ regolamenti tekniċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, it-tieni nett, l-obbligu li jipposponu l-adozzjoni tal-imsemmija abbozzi b’tal-inqas tliet xhur u, it-tielet nett, meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni dettaljata, l-obbligu li jirrapportaw lil din tal-aħħar dwar l-azzjoni li jipproponu li jieħdu fuq tali opinjoni dettaljata.

71      Għalhekk, il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat li tikkonsisti fil-komunikazzjoni u fl-għarfien tal-intenzjoni tagħhom fir-rigward tal-opinjonijiet dettaljati ma tiddependix mir-rieda li jikkoopera tal-Istat Membru li jinnotifika, iżda hija imposta mid-Direttiva 98/34, b’mod li l-iżvelar ta’ opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma tistax taffettwa l-imsemmija rieda li jikkoopera tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika.

72      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 hija element li ser jittieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali meta jadotta l-abbozz ta’ regolament tekniku. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jkunu jafu l-bażijiet tal-azzjoni leġiżlattiva hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, EU:C:2008:374, punt 46, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, Ġabra, EU:C:2013:671, punt 33). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, in-neċessità li tiġi ggarantita r-rieda ta’ Stat Membru li jinnotifika li jikkoopera mal-Kummissjoni fi klima ta’ fiduċja reċiproka ma tikkostitwixxix raġuni leġittima sabiex tiġi llimitata t-trasparenza fil-proċess għall-adozzjoni ta’ regolament tekniku.

73      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, l-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni li tirrigwarda abbozz ta’ regolament tekniku li ġie nnotifikat lilha tingħata fi stadju preċedenti għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament tekniku.

74      Issa ma jistax jiġi preżunt li, fil-każ ta’ żvelar possibbli ta’ opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, ir-rieda ta’ Stat Membru li jikkoopera fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-imsemmija direttiva tkun inqas qawwija. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Istat Membru li jinnotifika huwa obbligat jikkoopera mid-Direttiva 98/34 (ara l-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li l-fatt li opinjoni dettaljata tiġi reża pubblika jikkostitwixxi inċentiv għall-imsemmi Stat Membru sabiex jeħodha debitament inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, meta l-eventwali inkompatibbiltajiet mad-dritt tal-Unjoni li jinsabu f’din l-opinjoni dettaljata jiġu reżi pubbliċi, dan l-Istat Membru iktar u iktar ikun obbligat jispjega r-raġunijiet li għalihom iqis li r-regolament tekniku previst ma joħloqx ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern jew jemenda l-abbozz ta’ regolament tekniku sabiex jirrendih konformi mad-dritt tal-Unjoni.

75      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-iżvelar ta’ opinjoni dettaljata matul il-perijodu ta’ statu quo jippermetti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat u l-Istati Membri l-oħra.

76      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, meta istituzzjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li jkun ntalab mingħandha, bħala prinċipju, hija għandha tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett b’eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka din l-istituzzjoni (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki/Commission, T‑167/10, EU:T:2012:651, punt 64). Issa f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovatx, konkretament u effettivament kif l-iżvelar tal-opinjoni dettaljata matul il-perijodu ta’ statu quo seta’ jippreġudika r-rieda tar-Repubblika Franċiża li tikkoopera. L-affermazzjoni tar-Repubblika Franċiża, waqt is-seduta, li ma għandux jiġi ssottovalutat l-aspett destabbilizzanti tal-fatt li tinġieb għall-konoxxenza tal-pubbliku kritika potenzjali tal-Kummissjoni fil-konfront tal-abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat qabel ma l-Istat Membru jkollu l-opportunità li jwieġeb għaliha, ma ġietx issostanzjata. Ir-Repubblika Franċiża ma spjegatx, b’mod partikolari, liema istanza tiġi destabbilizzata b’mod mhux iġġustifikat minħabba l-fatt li tiġi reża pubblika opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità ta’ abbozz ta’ regolament tekniku ma’ ċerti aspetti tad-dritt tal-Unjoni.

77      Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni li l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ statu quo, tal-opinjoni dettaljata li hija tat fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 jista’ jippreġudika d-diskussjonijiet sussegwenti bejn il-partijiet (id-disa’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata), sa fejn l-imsemmija proċedura tista’ potenzjalment twassal għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru li jinnotifika.

78      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li n-natura tal-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tad-Direttiva 87/34 hija fundamentalment differenti minn dik fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva 98/34 hija eżempju ta’ kontroll ex ante, li huwa intiż li jiżgura li l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li l-Istati Membri jipprevedu li jadottaw ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti opinjoni dettaljata biss fil-każijiet fejn miżura nazzjonali prevista tista’ eventwalment toħloq ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern bil-għan li teliminahom f’ras il-għajn. Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies li huwa ħati, matul l-imsemmija proċedura, ta’ kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-għan innifsu ta’ din il-proċedura hija li tevita l-eventwali inkompatibbiltajiet bejn l-abbozz ta’ regolament tekniku u d-dritt tal-Unjoni. It-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni għalhekk ma jistax ikun vinkolanti u ma jistax ifittex li jissanzjona xi aġir.

79      Min-naħa l-oħra, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija eżempju klassiku ta’ kontroll ex post, li jikkonsisti fil-kontroll tal-miżuri nazzjonali, ladarba dawn ikunu ġew adottati mill-Istati Membri, u li huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid l-osservanza tal-ordinament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza, C‑230/99, Ġabra, EU:C:2000:603, punt 28). Huwa ċertament minnu li l-fażi prekontenzjuża prevista mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tipprevedi wkoll fażi ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, l-għan huwa li jintlaħaq ftehim bonarju fir-rigward ta’ tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u, fin-nuqqas, li jiġi previst it-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-inkompatibbiltajiet ta’ miżura nazzjonali li tkun daħlet fis-seħħ u li tipproduċi effetti legali fis-suq intern.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix intimazzjoni peress li ma teżisti formalment ebda tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat f’dan l-istadju tal-imsemmija proċedura. Fil-fatt, sakemm ir-regolament tekniku jkun biss previst, l-eventwali inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, li titqajjem mill-Kummissjoni f’tali opinjoni dettaljata, ma tkunx seħħet u, f’dan is-sens, tkun biss ipotetika.

81      Barra minn hekk, il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-opinjoni dettaljata li hija tagħti fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 hija provviżorja fis-sens li, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni fuq aspetti li jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern, li jagħti bidu għal djalogu bejn din tal-aħħar u l-Istat Membru inkwistjoni [ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34]. In-natura provviżorja ta’ din l-opinjoni dettaljata tipprekludi li tista’ tippreġudika diskussjoni sussegwenti fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tippreżupponi fl-ewwel lok li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha fl-intimazzjoni. Sakemm il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tiġix stabbilita, hija ma tistax tippreġudika negozjati.

82      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn il-fatt li l-intimazzjoni fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tirriproduċi allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni simili għal dak imsemmi fl-opinjoni dettaljata li hija tagħti fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 jibdel in-natura u l-iżvolġiment tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u jippreġudika l-eventwali negozjati bejnha u l-Istat Membru inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-iżvelar ta’ tali opinjoni dettaljata ma jippermettix lil persuni estranji għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bħar-rikorrent, li jkunu jafu l-kontenut tal-intimazzjoni. L-iktar l-iktar dan tal-aħħar jista’ jispekula dwar l-imsemmi kontenut abbażi tal-opinjoni dettaljata. Madankollu, tali spekulazzjoni minn persuna estranja għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex ta’ natura li tibdel in-natura, is-suġġett u l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn spekulazzjonijiet ta’ terzi fuq il-pożizzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ regolament tekniku mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern jippreġudikaw in-negozjati li hija jista’ jkollha mal-Istat Membru kkonċernat.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, fid-dawl tal-kontenut tagħha u tal-kuntest li fiha tħejjiet, ma taqax taħt investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li, billi invokat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta li tiżvela l-opinjoni dettaljata inkwistjoni, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

84      Sussidjarjament, għandu jiġi enfasizzat li, anki fl-ipoteżi li l-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 taqa’ taħt investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi l-investigazzjonijiet bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra, EU:T:2006:190, punt 52, u tal-14 ta’ Frar 2012, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑59/09, Ġabra, EU:T:2012:75, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u, b’mod partikolari, dak tal-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-imsemmija proċedura huwa li tiġi evitata l-adozzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ regolament tekniku li jostakola l-moviment liberu tal-merkanzija jew il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

86      Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ statu quo, ta’ opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tistax taffettwa l-għan imsemmi fil-punt 85 iktar ’il fuq.

87      Għandu jiġi rrilevat li l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ statu quo, ta’ opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma jippreġudikax neċessarjament l-għan ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni tiżvela l-opinjoni dettaljata tagħha li skontha aspetti tal-abbozz ta’ regolament tekniku jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern [ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34] ma jipperikolax l-għan li jikkonsisti filli jkun hemm regolament tekniku nazzjonali li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, tali żvelar ser jiġi pperċepit mill-Istat Membru kkonċernat bħala inċentiv addizzjonali sabiex jiżgura li r-regolament tekniku tiegħu jkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw tali libertajiet fundamentali.

88      Għall-istess motivi bħal dawk spjegati fil-punti 67 sa 82 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq ir-riskju ta’ kooperazzjoni inqas qawwija tal-Istati Membri u ta’ effett fuq proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ ta’ żvelar tal-opinjoni dettaljata.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn irrifjutat l-aċċess għall-opinjoni dettaljata inkwistjoni abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

90      Għalhekk, la għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk, fid-dawl tan-natura tal-opinjoni dettaljata inkwistjoni, il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha, matul il-perijodu ta’ statu quo, fuq preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tal-imsemmija opinjoni jippreġudika għanijiet ta’ investigazzjoni, u lanqas fuq it-tieni u t-tielet motivi invokati mir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

92      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-27 ta’ Ġunju 2012, li rrifjutat, matul il-perijodu ta’ statu quo, l-aċċess għall-opinjoni dettaljata tagħha li tirrigwarda abbozz ta’ digriet dwar il-kontenut u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli (2011/673/F), li kienet ġiet innotifikata lilha mill-awtoritajiet Franċiżi, b’applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Carl Schlyter.

3)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.