Language of document : ECLI:EU:T:2015:209

Kawża T‑402/12

Carl Schlyter

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) – Opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni li tirrigwarda abbozz ta’ digriet dwar id-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli, innotifikat mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE – Rifjut ta’ aċċess”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ April 2015

1.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 98/34 – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku – Portata – Ksur tal-obbligu – Konsegwenzi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikolu 8(1))

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Portata – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Portata – Applikazzjonali għall-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni mogħtija fil-kuntest tad-Direttiva 98/34 – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikoli 8 u 9)

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 98/34 – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku – Distinzjoni bejn il-proċedura ta’ notifika u l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Artikolu 258 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikoli 8 u 9)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 49‑51, 76)

3.      L-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, ma taqax taħt investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jiġifieri proċedura li permezz tagħha amministrazzjoni tiġbor informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tiġbor informazzjoni qabel l-għoti ta’ opinjoni dettaljata. Fit-tieni lok, jekk abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru li jinnotifika, il-Kummissjoni tivverifika ċerti fatti, hija ma tadottax deċiżjoni, iżda, jekk ikun il-każ, tagħti opinjoni ta’ natura mhux vinkolanti u intermedja. Fil-fatt, l-għoti ta’ opinjoni dettaljata huwa biss ir-riżultat tal-analiżi tal-abbozz ta’ regolament tekniku, imwettqa mill-Kummissjoni, li sussegwentement għaliha din tal-aħħar tqis li l-abbozz ta’ regolament tekniku għandu aspetti li jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern. Barra minn hekk, din l-opinjoni dettaljata ma tirriflettix neċessarjament pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, peress li, wara li tingħata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq tali opinjoni u l-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

L-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 lanqas ma tikkostitwixxi r-riżultat ta’ tiftix imwettaq minn awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit ksur. Fil-fatt, min-natura tiegħu, abbozz ta’ regolament tekniku huwa test preparatorju, li jista’ jiġi żviluppat u emendat. Sakemm l-imsemmi regolament tekniku ma jiġix adottat, huwa ma jistax jikser ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern. Konsegwentement, l-Istat Membru destinatarju ta’ din l-opinjoni ma jistax jitqies ħati ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, għaliex fil-mument tal-għoti tal-opinjoni dettaljata abbażi tad-Direttiva 98/34, ir-regolament tekniku nazzjonali kien jeżisti biss fl-istat ta’ abbozz.

Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li l-opinjoni dettaljata taqa’ taħt investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi l-investigazzjonijiet bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ statu quo, ta’ opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma jippreġudikax neċessarjament l-għan ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni tiżvela l-opinjoni dettaljata tagħha li skontha aspetti tal-abbozz ta’ regolament tekniku jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern ma jipperikolax l-għan li jikkonsisti filli jkun hemm regolament tekniku nazzjonali li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, tali żvelar ser jiġi pperċepit mill-Istat Membru kkonċernat bħala inċentiv addizzjonali sabiex jiżgura li r-regolament tekniku tiegħu jkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw tali libertajiet fundamentali.

(ara l-punti 55, 56, 58‑61, 63, 64, 84, 87)

4.      In-natura tal-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, hija fundamentalment differenti minn dik fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE. Il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva 98/34 hija eżempju ta’ kontroll ex ante, li huwa intiż li jiżgura li l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li l-Istati Membri jipprevedu li jadottaw ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. L-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies li huwa ħati, matul l-imsemmija proċedura, ta’ kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-għan innifsu ta’ din il-proċedura hija li tevita l-eventwali inkompatibbiltajiet bejn l-abbozz ta’ regolament tekniku u d-dritt tal-Unjoni. It-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni għalhekk ma jistax ikun vinkolanti u ma jistax ifittex li jissanzjona xi aġir.

Min-naħa l-oħra, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija eżempju klassiku ta’ kontroll ex post, li jikkonsisti fil-kontroll tal-miżuri nazzjonali, ladarba dawn ikunu ġew adottati mill-Istati Membri, u li huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid l-osservanza tal-ordinament ġuridiku. Huwa ċertament minnu li l-fażi prekontenzjuża prevista mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tipprevedi wkoll fażi ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, l-għan huwa li jintlaħaq ftehim bonarju fir-rigward ta’ tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u, fin-nuqqas, li jiġi previst it-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-inkompatibbiltajiet ta’ miżura nazzjonali li tkun daħlet fis-seħħ u li tipproduċi effetti legali fis-suq intern.

F’dan ir-rigward, l-opinjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix intimazzjoni peress li ma teżisti formalment ebda tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat f’dan l-istadju tal-imsemmija proċedura. Fil-fatt, sakemm ir-regolament tekniku jkun biss previst, l-eventwali inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, li titqajjem mill-Kummissjoni f’tali opinjoni dettaljata, ma tkunx seħħet u, f’dan is-sens, tkun biss ipotetika. Barra minn hekk, il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-opinjoni dettaljata hija provviżorja fis-sens li, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni. In-natura provviżorja ta’ din l-opinjoni dettaljata tipprekludi li tista’ tippreġudika diskussjoni sussegwenti fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tippreżupponi fl-ewwel lok li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha fl-intimazzjoni. Sakemm il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tiġix stabbilita, hija ma tistax tippreġudika negozjati.

(ara l-punti 78‑81)