Language of document : ECLI:EU:T:2016:18

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Jannar 2016

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali mill-Qorti Ġenerali – Multi – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ammont inizjali – Livell ta’ kontribuzzjoni għal ksur”

Fil-Kawża T‑404/12,

Toshiba Corp., stabbilita f’Tokjo (Il-Ġappun), rappreżentata minn J. MacLennan, solicitor, A. Schulz u S. Sakellariou, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, rappreżentata minn N. Khan u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4381, tas-27 ta’ Ġunju 2012, li temenda d-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (li sar l-Artikolu 101 TFUE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sal-punt li kienet indirizzata lil Mitsubishi Electric Corp. u Toshiba Corp. (Kawża COMP/39.966 – Switchgear Iżolat bil-Gass – Multi), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti.

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti,

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Toshiba Corp., hija kumpannija Ġappuniża attiva f’diversi setturi u, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ switchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem is-“SIG”). Bejn Ottubru 2002 u April 2005, l-attività tagħha fil-qasam tas-SIG kienet eżerċitata minn kumpannija konġunta, jiġifieri TM T&D Corp., li tagħha hija kienet proprjetarja, f’ishma indaqs, ma’ Mitsubishi Electric Corp. (iktar ’il quddiem “Melco”) li ġiet xolta fl-2005.

2        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/39.966 – Switchgear Iżolat bil-Gass), (iktar ’il quddiem id“Deċiżjoni tal-2007”).

3        Fid-Deċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni kkonstatat li ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekomomika Ewropea kien jeżisti fis-suq tas-SIG taż-Żona Ekomomika Ewropea (ŻEE) bejn il-15 ta’ April 1988 u l-11 ta’ Mejju 2004 u imponiet fuq id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, li kienu prodotturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ SIG, multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat skont il-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il-quddiem il-“linji gwida għall-kalkolu tal-multi”) kif ukoll fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

4        Il-ksur imsemmi fid-Deċiżjoni tal-2007 kien fih tliet elementi essenzjali:

–        ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“ftehim GQ”) li kellu bħala suġġett l-allokazzjoni ta’ proġetti relatati ma’ SIG fuq livell mondjali skont regoli miftiehma sabiex iżommu l-kwoti jirriflettu prinċipalment “ishma tas-suq storiċi stmati”; il-ftehim, li kien applikabbli għad-dinja kollha, ħlief l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent, kien ibbażat fuq l-allokazzjoni ta’ “kwota konġunta Ġappuniża” għall-prodotturi Ġappuniżi u ta’ “kwota konġunta Ewropea” għall-prodotturi Ewropej;

–        arranġament parallel (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”) skont liema, minn naħa, il-proġetti relatati ma’ SIG li jinsabu fil-Ġappun u fil-pajjiżi ta’ membri Ewropej tal-akkordju kienu riżervati, rispettivament, għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell u, min-naħa l-oħra, il-proġetti relatati ma’ SIG li jinsabu fil-pajjiżi l-oħra Ewropej kienu wkoll riżervati għall-grupp Ewropew, peress li l-produtturi Ġappuniżi impenjaw ruħhom li ma jissottomettux offerti għal proġetti li jinsabu fl-Ewropa; madankollu, bi skambju għal dan l-impenn, proġetti bħal dawn kellhom jiġu nnotifikati lill-grupp Ġappuniż u attribwiti fuq il-“kwota konġunta Ewropea” prevista fil-ftehim GQ;

–        ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 u intitolat “E-Group Operation Agreement for GQ-Agreement” (iktar ’il quddiem il-“ftehim EQ”), iffirmat mill-membri tal-grupp Ewropew ta’ produtturi u li kellu bħala suġġett it-tqassim tal-proġetti relatati ma’ SIG assenjati lill-imsemmi grupp taħt il-ftehim GQ.

5        Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni sabet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004.

6        Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2007, ir-rikorrenti ġiet ikkundannata, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2007, tħallas multa fl-ammont ta’ EUR 90 900 000, li minnhom EUR 4 650 000, kienu jikkorrispondu għall-ksur imwettaq minn TM T&D, u kellhom jitħallsu in solidum ma’ Melco.

7        Fit-18 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2007.

8        Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T‑113/07, Ġabra, EU:T:2011:343), minn naħa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti sa fejn kien intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2007. Min-naħa l-oħra, hija annullat l-Artikolu 2(h) u (i) tad-Deċiżjoni tal‑2007, sa fejn kien jikkonċerna lir-rikorrenti, minħabba li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi għażlet, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sena ta’ referenza għar-rikorrenti li kienet differenti minn dik magħżula għall-parteċipanti Ewropej tal-ksur.

9        Fit-23 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343).

10      Fil-15 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra ta’ fatti li indikat li kellha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ġdida li timponilha multa (iktar ’il quddiem l-“ittra li tesponi l-fatti”). Il-Kummissjoni esponiet il-fatti li kienu, skontha, rilevanti għall-kalkolu tal-ammont ta’ din il-multa, meħud kont tas-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343).

11      Fis-7 u t-23 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra li tesponi l-fatti.

12      Fit-12 ta’ Ġunju 2012 saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u t-tim tal-Kummissjoni inkarigat bil-kawża.

13      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4381, tas-27 ta’ Ġunju 2012, li temenda d-Deċiżjoni tal-2007 sa fejn Melco u r-rikorrenti kienu destinatarji (Kawża COMP/39.966 – Switchgear Iżolat bil-Gass – Multi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2007 ġie emendat biż-żieda ta’ żewġ punti ġodda bl-inċiżi (h) u (i). Fl-inċiż (h) ir-rikorrenti ġiet imposta fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 4 650 000, sabiex titħallas in solidum ma’ Melco. Fl-inċiż (i) ir-rikorrenti ġiet imposta fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 56 793 000 bħala unikament responsabbli.

14      Sabiex tirrimedja t-trattament mhux ugwali kkritikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq id-dħul mill-bejgħ globali tas-SIG għall-2003. Peress li, matul din is-sena, l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG tar-rikorrenti u ta’ Melco kienu mwettqa minn TM T&D, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2003 (premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Għalhekk, l-ewwel nett, fil-kuntest tat-trattament differenzjat biex jirrifletti l-kontributi rispettivi tad-diversi parteċipanti fl-akkordju, il-Kummissjoni kkalkolat is-sehem tas-suq ta’ TM T&D fl-2003 għal dak li jirrigwarda s-SIG (15 sa 20 %) u kklassifikatu fit-tieni kategorija skont l-kategorizzazzjoni stabbilita fil-premessi 482 sa 488 tad-Deċiżjoni tal-2007. Għalhekk, ġie stabbilit ammont inizjali ipotetiku ta’ EUR 31 000 000 li ġie attribwit lil TM T&D (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      It-tieni nett, sabiex jirrifletti l-kapaċità mhux ugwali tar-rikorrenti u Melco biex jikkontribwixxu għall-ksur għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ TM T&D, l-ammont inizjali tal-multa ta’ din tal-aħħar tqassam fost l-azzjonisti tagħha fil-proporzjon tal-bejgħ rispettiv tagħhom ta’ SIG fl-2001, l-aħħar sena sħiħa qabel l-ħolqien ta’ TM T&D. Għalhekk, ir-rikorrenti ngħatat ammont inizjali ta’ EUR 10 863 199 u Melco ammont inizjali ta’ EUR 20 136 801 (premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat effett dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ dissważjoni ta’ 2 lir-rikorrenti, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2005 (premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Ir-raba’ nett, biex jirrifletti t-tul tal-ksur matul il-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ TM T&D, l-ammont inizjali tar-rikorrenti żdied b’140 % (premessi 73 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Il-ħames nett, sabiex jirrifletti t-tul tal-ksur matul il-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D, ir-rikorrenti u Melco kien impost in solidum fuqhom ammont ugwali għal 15 % tal-ammont inizjali ipotetiku ta’ TM T&D (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fl-aħħar, is-sitt nett, l-ammont tal-multa in solidum ġie mmultiplikat bil-koeffiċjenti ta’ dissważjoni tar-rikorrenti u l-ammont li jirriżulta minn din il-multiplikazzjoni li jeċċedi l-ammont tal-multa in solidum kien impost fuqha fuq bażi individwali (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2013, il-proċeduri ġew sospiżi sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża C‑498/11 P, Toshiba Corp. vs Il-Kummissjoni.

23      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

24      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell imressaq mir-rikorrenti mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343). Il-proċeduri f’dan il-każ, għalhekk, setgħu jitkomplew.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet, fit-3 ta’ Frar 2015, li tiftaħ il-proċedura orali u, bħala parti minn miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw dokument u għamlitilhom xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw mat-talbiet tal-Qorti Ġenerali.

26      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2015, li ddaħħlet fil-proċess, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali. Mehmuża ma’ din l-ittra hi bagħtet lill-Qorti Ġenerali sommarju mħejji mill-avukati tagħha wara l-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju 2012.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ April 2015.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-garanzija bankarja.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq it-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

30      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tat-talba prinċipali tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltà tar-rikorrenti fil-ksur meta mqabbla mal-parteċipanti Ewropej.

31      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li, wara l-għoti tas-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2013:866), kienet qiegħda tirtira l-ewwel motiv tagħha. Għalhekk, huwa meħtieġ biss li jiġu eżaminati mit-tieni sal-ħames motivi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina l-motivi rigward il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar, jiġifieri t-tieni u r-raba’ motivi, qabel ma jiġu indirizzati t-tielet u l-ħames motivi li jikkonċernaw il-fondatezza tal-kalkolu tal-ammont tal-multa magħmula fl-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

32      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li, minn naħa, hija ma bagħtitx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, hija ma indirizzatx fl-ittra li tesponi l-fatti l-elementi importanti kollha li jiddeterminaw l-ammont tal-multa imposta.

33      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.

34      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, iktar milli tibgħatilha sempliċi ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni kien missha bagħtitilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

35      Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija “salvagwardja proċedurali essenzjali” li tiżgura d-dritt għal smigħ lid-destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u ssostni li ittra li tesponi l-fatti ma tipprovdix l-istess garanziji, b’mod partikolari fis-sens li ma tippermettix li wieħed jitlob smigħ quddiem uffiċjal tas-seduta indipendenti mit-tim inkarigat mill-fajl.

36      F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni, b’mod żbaljat li dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija meħtieġa biss meta oġġezzjonijiet ġodda huma invokati. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun meħtieġa sabiex tippermetti lill-impriża kkonċernata tiddefendi ruħha mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa ġdida. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 [TFUE] u 102 [TFUE] (ĠU 2011 C 308, p. 6, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-aħjar prattiċi”) kif ukoll minn dikjarazzjonijiet tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni. Bl-istess mod, l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni ġdida tal-oġġezzjonijiet tikkorrispondi għall-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni f’każijiet paragunabbli għal dan il-każ fejn deċiżjoni kienet ġiet annullata mill-qrati tal-Unjoni Ewropea.

37      Ir-rikorrenti żżid tgħid li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura segwita sabiex tiġi ssostitwita proċedura annullata għandha, fil-prinċipju, titkompla mill-punt preċiż li fih l-illegalità seħħet. F’dan il-każ, l-iżball li ġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2007 kien żball ta’ liġi sostantiva li kien inevitabbilment affettwa l-validità tal-miżuri preparatorji għal dik id-deċiżjoni, li jfisser li kienet tkun meħtieġa dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.

38      Il-Kummissjoni tqis li, peress li ma aċċettatx evidenza ġdida kontra r-rikorrenti, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida ma kinitx neċessarja f’dan il-każ.

39      Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi deskrizzjoni tal-oġġezzjonijiet miktuba b’mod ċar biżżejjed, anki jekk ikunu fil-qosor, sabiex jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jieħdu effettivament konjizzjoni tal-aġir allegat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, hija biss taħt din il-kundizzjoni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tissodisfa l-funzjoni mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonsisti f’li tipprovdi l-elementi kollha meħtieġa biex l-impriżi jkunu jistgħu effettivament jiddefendu ruħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra, EU:T:2006:74, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, peress li l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk huwiex xieraq li jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li hija tindika l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li dan twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi għal smigħ. Meta tagħmel dan, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra kostatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 39 hawn fuq, EU:T:2006:74, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, ġaladarba tkun indikat il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ser tibbaża l-kalkolu tal-ammont tal-multi, li tispeċifika kif ser tuża kull wieħed minn dawn il-punti sabiex ikun iddeterminat l-ammont tal-multa. Li jiġu pprovduti indikazzjonijiet rigward l-ammont tal-multi maħsuba, qabel ma l-impriżi jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-allegazzjonijiet magħmula kontrihom, tfisser antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 39 hawn fuq, EU:T:2006:74, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2007 kienet preċeduta mit-trażmissjoni, fl-20 ta’ April 2006, ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006”). Peress li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi speċifikament li din hija deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-2007, il-proċedura tal-adozzjoni tagħha hija kontinwazzjoni tal-proċedimenti li wasslu għad-Deċiżjoni tal-2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343).

43      F’dan ir-rigward, fil-punt 9.2 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, il-Kummissjoni ħabbret espressament l-intenzjoni tagħha li timponi multi fuq id-destinatarji tal-imsemmi dokument (premessa 408) u speċifikat il-fatturi essenzjali għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn il-multi (premessi 409 sa 416), inkluż, b’mod partikolari, il-gravità tal-ksur, in-natura intenzjonali u t-tul tiegħu, in-natura sigrieta u istituzzjonalizzata tal-akkordju, id-dimensjoni ġeografika tiegħu, il-piż relattiv tal-ksur imwettaq mid-diversi impriżi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom u l-importanza tagħhom fis-suq tas-SIG, u l-intenzjoni li tiżgura effett dissważiv tal-multi.

44      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq għal dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

45      Barra minn hekk, għalkemm is-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), annullat id-Deċiżjoni tal-2007 sa fejn multa kienet ġiet imposta fuq ir-rikorrenti, hija ma poġġietx f’dubju r-realtà, ir-rilevanza jew il-fondatezza tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rigward il-kalkolu tal-ammont tal-multa esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 u mqassra fil-punt 43 hawn fuq.

46      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali la kkritikat ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura effett dissważiv tal-multi, u lanqas l-għażla tagħha li tirrifletti l-piż relattiv tal-ksur imwettaq mid-diversi impriżi għal dak li jirrigwarda l-importanza tagħhom fuq is-suq tas-SIG, peress li hija sempliċement osservat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx raġonevoli li tibbaża l-aħħar eżerċizzju fuq snin differenti ta’ referenza għal diversi impriżi.

47      Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), ma jipprekludux it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa waqt l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.

48      L-argumenti l-oħra imqajma mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

49      Għalhekk, ir-rikorrenti tinvoka ġurisprudenza li tipprovdi li dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-impriża kkonċernata tiddefendi ruħha mhux biss kontra kostatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa li ma ġietx imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet preċedenti (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95  sa  T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95  sa  T‑65/95, T‑68/95  sa  T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 480).

50      Madankollu, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-każ li fih, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni imponiet multi kemm fuq impriżi kif ukoll fuq assoċjazzjonijiet professjonali, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet qed tirreferi biss għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi. Għalhekk id-drittijiet tad-difiża tal-assoċjazzjonijiet professjonali kkonċernati kienu ġew miksura peress li huma ma kinux ġew mistiedna, matul il-proċedura amministrattiva, jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eżerċizzju possibbli tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa fuqhom (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 49 hawn fuq, EU:T:2000:77, punt 480).

51      Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-premessa 408 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 kienet tesprimi espliċitament l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fuq id-destinatarji tal-imsemmi dokument, fosthom ir-rikorrenti. Għalhekk, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 49 hawn fuq (EU:T:2000:77), ingħatat f’ċirkustanzi fattwali differenti ħafna u għaldaqstant ma hijiex kapaċi ssostni l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

52      L-istess konstatazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-allegata prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li tinkludi tliet deċiżjonijiet.

53      Fil-fatt, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/215/KEFA, tas‑16 ta’ Frar 1994, adottata mill-ġdid fit-8 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/38.907 – Travi tal-azzar), it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida kienet dovuta għall-fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ qabel kienet intbagħtet lil TradeArbed SA, filwaqt li l-multa kienet finalment imposta fuq il-kumpannija parent, Arbed SA. Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/247/KEFA tal-21 ta’ Jannar 1998, adottata mill-ġdid fl-20 ta’ Diċembru 2006 (Każ COMP/39.234 – Alloy surcharge – adozzjoni mill-ġdid), l-illegalità kienet tikkonsisti f’li fid-deċiżjoni finali, ThyssenKrupp Stainless AG tqiset responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ Thyssen Stahl AG fl-akkordju, mingħajr ma din l-akkuża kienet antiċipata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, għalhekk, mingħajr ma ThyssenKrupp Stainless setgħet tiddefendi ruħha f’dan ir-rigward. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2001, adottata mill-ġdid fit-23 ta’ Ġunju 2010 (Każ COMP/36.212 – Karta saħħara) l-illegalità li saret, għall-kuntrarju, kien il-fatt li Bolloré SA ma setgħetx tiddeduċi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet preċedenti l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq l-involviment dirett tagħha fl-akkordju, u mhux biss fuq dak tas-sussidjarja tagħha Copigraph.

54      Għalhekk, fit-tliet każijiet, it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida tnisslet mill-fatt li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tieħu kont tal-imġiba tal-impriżi li ma kinux koperti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet preċedenti. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, li, barra minn hekk, ir-rikorrenti mhux qed tikkontesta.

55      Fir-rigward tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi, il-kwistjonijiet rilevanti għall-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi huwa fformulat kif ġej:

“84.      Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet se tindika b’mod ċar jekk il-Kummissjoni għandhiex il-ħsieb li timponi multi fuq l-impriżi, f’każ li l-oġġezzjonijiet jintlaqgħu [Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003]. F’każijiet bħal dawn, id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tirreferi għall-prinċipji rilevanti msemmija fil-Linji Gwida dwar l-iffissar tal-multi. Fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni se tindika l-fatti essenzjali u l-materji tal-liġi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multa, bħat-tul u l-gravità tal-ksur u li l-ksur twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza. Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet se ssemmi wkoll b’mod preċiż biżżejjed li ċerti fatti jistgħu jagħtu lok għal ċirkostanzi aggravanti u, safejn ikun possibbli, għal ċirkostanzi attenwanti.

85. Għalkemm taħt l-ebda obbligu f’dan ir-rigward, sabiex iżżid it-trasparenza, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tinkludi fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet (bl-użu tal-informazzjoni disponibbli) aktar kwistjonijiet li huma rilevanti għal kull kalkolu sussegwenti tal-multi, inklużi l-figuri tal-bejgħ rilevanti li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni u s-sena jew snin li se jiġu kkunsidrati għall-valur ta’ dan il-bejgħ. Tali informazzjoni tista’ tiġi pprovduta wkoll lill-partijiet wara d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Fiż-żewġ każijiet, il-partijiet jiġu pprovduti b’opportunità li jikkumentaw.”

56      Madankollu, l-ewwel nett, kif issostni l-Kummissjoni, il-punt 7 tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi jipprovdi espliċitament li “[l-imsemmi] avviżi ma joħloq l-ebda dritt jew [ebda] obbligu ġdid u lanqas ma jbiddel id-drittijet jew l-obbligi li joħorġu mit-Trattat [FUE], ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”. Għalhekk, l-Avviż dwar l-aħjar prattiċi ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiddevja mill-ġurisprudenza elenkata fil-punti 39 sa 41 hawn fuq.

57      Imbagħad, l-istess konstatazzjoni hija a fortiori valida fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punt 85 tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi, peress li l-Kummissjoni stqarret b’mod espliċitu li l-indikazzjoni tagħhom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx parti minn obbligu legali u li setgħet, fi kwalunkwe każ, tikkomunikahom lill-impriżi kkonċernati fi stadju ulterjuri.

58      Fl-aħħar nett, l-elementi elenkati fil-punt 84 tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi jikkorrispondu għal dawk koperti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 sa 41 hawn fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta minn eżami magħmul fil-punti 43 u 44 hawn fuq li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 84 tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi.

59      Għalhekk, l-eżami tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi ma jappoġġjax l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

60      Huwa l-istess fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-14 ta’ April 2011 magħmula mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni u mqajma mir-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni meta tadotta deċiżjonijiet li jimponu multi għall-ksur ta’ regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni meħuda minn tali membri tal-Kummissjoni, kif irrappurtat mir-rikorrenti, tirrigwarda impenn politiku prospettiv u ma tikkostitwixxix l-espressjoni ta’ regola legali mandatorja eżistenti.

61      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-iżball li ġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2007 huwa żball ta’ liġi sostantiva li kellu bilfors jaffettwa l-validità tal-miżuri preparatorji għal dik id-deċiżjoni, li jimplika, skontha, li dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida kienet meħtieġa.

62      Madankollu, ir-rikorrenti ma tispeċifikax liema miżuri preparatorji tad-Deċiżjoni tal-2007 kienu vvizzjati mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343).

63      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie osservat, essenzjalment, fil-punti 45 u 46 hawn fuq, il-kritika mressqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), la tirrigwarda l-identifikazzjoni fattwali u l-evalwazzjoni ġuridika tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, u lanqas id-determinazzjoni tal-fatturi li għandhom jitqiesu meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Il-Qorti Ġenerali kkundannat biss l-għażla tad-data ta’ referenza li kellha tintuża biex isir kalkolu dettaljat, li hija, konsegwentement, l-unika miżura preparatorja li tista’ tiġi vvizzjata mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343). Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 sa 41 hawn fuq li dan il-kalkolu ma għandux isir fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li l-indikazzjoni tal-fatturi rilevanti hija biżżejjed għad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-argument marbut mal-miżuri preparatorji lanqas ma juri li dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida kienet meħtieġa f’dan il-każ.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 pprovdiet lir-rikorrenti l-elementi meħtieġa biex tkun tista’ ssostni d-difiża tagħha, inkluż għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-multa, sussegwentement, li r-realtà, ir-rilevanza u l-fondatezza ta’ dawn l-elementi ma ġewx affettwati mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), u, finalment, li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pprovdietx provi ġodda kontra r-rikorrenti, meta mqabbla ma’ dawk indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti, li jimplika li hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt ta’ smigħ tar-rikorrenti fir-rigward tal-ammont addizzjonali

66      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru peress li l-ittra li tesponi l-fatti ma indirizzatx l-elementi kollha importanti tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta, minkejja l-obbligu tal-Kummissjoni biex tinkludi kemm jista’ jkun dettalji possibbli rigward il-metodoloġija ta’ dan il-kalkolu.

67      Fil-fatt, l-ittra li tesponi l-fatti ma indirizzatx l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi ammont addizzjonali tal-multa ta’ EUR 4.65 miljun li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ dissważjoni tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D, imsemmi fil-punt 20 hawn fuq (iktar ’il quddiem l-“ammont addizzjonali”).

68      Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tikkummenta dwar l-applikazzjoni tal-ammont addizzjonali msemmi fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, li jimplika li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

69      Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-impożizzjoni tal-ammont addizzjonali, minbarra l-multa imposta fuq TM T&D, hija żbaljata.

70      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

71      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-ħarsien tagħhom jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 66).

72      Barra minn hekk, diġà ġie mfakkar fil-punt 40 hawn fuq li, peress li l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li hija tistabbilixxi l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għal multa, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi li jinstemgħu, peress li tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tiġi imposta multa fuqhom (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 39 hawn fuq, EU:T:2006:74, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, jirriżulta espliċitament mill-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ammont addizzjonali huwa intiż sabiex jiżgura l-effett dissważiv tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 43 hawn fuq, ir-rieda li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa tqajmet, b’mod adegwat, fil-punt 9.2 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, li tista’ tkun meqjusa f’dan il-każ (ara punt 42 hawn fuq). Konsegwentement, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 u 72 hawn fuq ġew issodisfatti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont addizzjonali.

74      Din il-konstatazzjoni hija madankollu mingħajr preġudizzju għal li, wara t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 hawn fuq, li tipprovdi lir-rikorrenti l-elementi addizzjonali rigward il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-intenzjoni tagħha li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa, sabiex tkun tista’ tagħmel użu tal-fehmiet tagħha f’dan ir-rigward, inkluż fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ammont addizzjonali.

75      Madankollu, kuntrarjament għall-impressjoni mogħtija mir-rikorrenti, peress li l-ittra li tesponi l-fatti ma għandha l-ebda status proċedurali speċjali, ma huwiex meħtieġ li l-elementi inkwistjoni jiġu spjegati mill-Kummissjoni b’mod preċiż f’dan id-dokument. Minflok għandu jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni, b’mod xieraq, li tifhem din l-intenzjoni u twieġeb għaliha.

76      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li elementi rilevanti f’dan il-kuntest jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-2007. Fil-fatt, il-premessa 491 ta’ din id-deċiżjoni tiddetermina l-koeffiċjent ta’ dissważjoni applikabbli għar-rikorrenti, filwaqt li l-premessa 503 tipprevedi espliċitament, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, li ammont addizzjonali, ikkalkolat fuq il-bażi ta’ dan l-istess koeffiċjent, ser jiġi impost fuq ir-rikorrenti għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D. Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, ir-rikorrenti kienet għalhekk f’pożizzjoni li tifhem li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tiżgura l-effett dissważiv tal-multa wkoll fir-rigward tal-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D.

77      It-tieni nett, ma hemm xejn fis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), biex jappoġġja l-fehma li l-għażla tal-Kummissjoni li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti wkoll fir-rigward tal-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D hija illegali jew mhux xierqa, peress li din is-sentenza ma tindirizzax din il-kwistjoni.

78      It-tielet nett, fil-punt 20 tal-ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni spjegat li, fid-deċiżjoni l-ġdida li kellha tiġi adottata fid-dawl tas-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343) hija ma kellhiex oġġezzjonijiet ġodda kontra r-rikorrenti u li l-kalkolu tal-multa l-ġdida kien ser ikun ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula fid-Deċiżjoni tal-2007, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), u s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni (T‑133/07, Ġabra, EU:T:2011:345). Fil-punti 22, 31 u 32 tal-ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni fakkret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi l-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement għoli sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha u ddikjarat li l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward kienet ser tkun ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti u ta’ Melco. Fil-punti 21 u 41 tal-ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti u lil Melco sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari rigward il-metodoloġija tal-kalkolu u l-parametri rilevanti, u stabbilixxiet terminu f’dan ir-rigward.

79      Għalhekk, permezz tal-qari tal-ittra li tesponi l-fatti, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem, minn naħa waħda, li, sa fejn il-parametri għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni tal-2007 kienu kompatibbli mas-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), huma kienu ser jiġu inklużi fid-deċiżjoni li kellha tiġi adottata u, min-naħa l-oħra, li dawn il-parametri kienu jinkludu r-rieda li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa. Madankollu, sa fejn l-istess rieda kienet wasslet lill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal-2007, sabiex timponi fuq ir-rikorrenti ammont addizzjonali għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem li ammont addizzjonali analogu seta’ jiġi impost fuqha mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

80      Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ittra li tesponi l-fatti ma kinitx irreferiet fil-punti 31 u 32 tagħha, għad-Deċiżjoni tal-2007 fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ammont addizzjonali, filwaqt li għamlitu għal aspetti oħra tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, b’mod partikolari fil-punti 26 u 39 tagħha.

81      Mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi indirizzata l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, ikkontestat mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrimarkat li, kif ġie osservat fil-punti 78 u 79 hawn fuq, il-fatt li d-deċiżjoni li kellha tiġi adottata kienet ser tkun ibbażata, sa fejn possibbli, fuq il-parametri użati fid-Deċiżjoni tal-2007 ħareġ ċar mill-ittra li tesponi l-fatti, u b’mod partikolari fil-punt 20 tagħha, minkejja l-assenza ta’ referenza espliċita għad-Deċiżjoni tal-2007 fil-punti 31 u 32 tal-imsemmija ittra.

82      Ir-raba’ nett, fil-punti 21 u 22 tal-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra li tesponi l-fatti, ir-rikorrenti rreferiet għall-koeffiċjent ta’ dissważjoni li kellu jiġi applikat għaliha, mingħajr ma kkontestat il-perijodu li matulu għandha tiġi applikata. Għalhekk, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-ittra li tesponi l-fatti ma jindikawx inċertezzi dwar id-determinazzjoni ta’ dan il-perijodu.

83      Il-ħames nett, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ dissważjoni għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D ġietx diskussa fil-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju 2012. Il-Kummissjoni ssostni li dan kien il-każ, abbażi tal-minuti interni ta’ din il-laqgħa. Ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li tirreferi għas-sommarju imħejji mill-avukati tagħha wara l-imsemmija laqgħa, li tinsab fl-anness għall-ittra tagħha tal-15 ta’ April 2015.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-minuti interni tal-Kummissjoni fihom, fit-tieni inċiż li jinsab fit-tielet paġna, silta li tista’, eventwalment, tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ dissważjoni għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D, din is-silta ma kinitx miktuba b’mod ċar biżżejjed, kif ammettiet il-Kummissjoni stess, u dan jimplika li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

85      Madankollu, jirriżulta espliċitament kemm minn partijiet oħra tal-minuti interni tal-Kummissjoni, abbozzati b’mod ċar u preċiż, kif ukoll mis-sommarju mħejji mill-avukati tar-rikorrenti, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni peress li huwa reazzjoni għall-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għal domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑243/04 P, EU:C:2005:238, punt 32), li, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma kienx hemm bżonn li jinbidlu l-parametri tal-kalkolu tal-ammont tal-multa stabbiliti fid-Deċiżjoni tal‑2007 li ma kinux ġew ikkritikati mill-Qorti Ġenerali u li l-unika bidla biss fil-metodoloġija għalhekk kellha, bħala konsegwenza, tkun dwar is-sena ta’ referenza. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punti 76 u 77 hawn fuq, il-koeffiċjent ta’ dissważjoni kien applikat mill-Kummissjoni għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D fid-Deċiżjoni tal-2007, mingħajr ma dan l-element tal-kalkolu tal-ammont tal-multa ġie kkritikat sussegwentement mill-Qorti Ġenerali.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li l-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fil-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju 2012, kif rifless kemm fil-minuti interni kif ukoll fis-sommarju mħejji mill-avukati tar-rikorrenti, tikkorrobora l-elementi rilevanti l-oħra li jindikaw li kellha l-intenzjoni li tibda tapplika l-koeffiċjent tad-dissważjoni għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D u, għalhekk li timponi fuq ir-rikorrenti l-ammont addizzjonali.

87      Fid-dawl ta’ dan, huwa xieraq li jiġi konkluż li, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, ir-rikorrenti kienet taf li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa imposta. Għall-inqas mid-Deċiżjoni tal-2007, hija kienet f’pożizzjoni li tifhem li din l-intenzjoni kienet timplika l-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D. Din l-intenzjoni ma ġietx ikkontestata mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), u ġiet ikkonfermata mill-ġdid kemm fl-ittra li tesponi l-fatti kif ukoll fil-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju 2012.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu miksura rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqha l-ammont addizzjonali. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti sa fejn din hija bbażata fuq ksur ta’ dawn id-drittijiet.

89      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-impożizzjoni tal-ammont addizzjonali huwa żball, għandu jiġi rrilevat li l-argument tagħha huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ dan il-motiv, fis-sens li ma jagħmel xejn biex jistabbilixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

90      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċiment indikat li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata imponiet multi differenti “għal Toshiba” u “għal TM T&D”, l-ammont addizzjonali ma setax jiġi impost flimkien mat-tieni multa, peress li TM T&D kienet distinta mill-azzjonisti tagħha u li d-dħul mill-bejgħ tagħha ma kienx kbir biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ dissważjoni. Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, billi d-deċiżjoni kkontestata ma imponietx multi separati “għar-rikorrenti” u “għal TM T&D”, iżda multa waħda għar-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur. Barra minn hekk, il-fatt li parti mill-multa imposta fuq ir-rikorrenti tikkorrispondi għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D ma jimplikax li l-istess parti tal-multa ma tistax tiżdied bl-ammont addizzjonali bil-għan li jiġi żgurat effett dissważiv fir-rigward tar-rikorrenti, li ġiet meqjusa bħala responsabbli għall-ksur imwettaq minn TM T&D.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv u, bħala konsegwenza, dan il-motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

92      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-ammont inizjali ta’ TM T&D, użat fid-deċiżjoni kkontestata għall-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti, il-multa li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D, kif ukoll l-ammont addizzjonali. Ir-rikorrenti tippreċiża f’dan ir-rigward, li l-bażi li fuqha l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont inizjali ta’ EUR 31 000 000 għal TM T&D ma kienx spjegat fid-deċiżjoni tal-2007 u li d-deċiżjoni kkontestata tieħu l-istess ammont mingħajr ma kienet ipprovduta spjegazzjoni ulterjuri. Għalhekk, meta ddeterminat l-ammont inizjali ta’ TM T&D, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

93      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

94      Skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u ekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni għall-miżura sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra, EU:C:2003:473, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm, skont l-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni hija meħtieġa li ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha tadottaha, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li jiġu diskussi l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew ittrattati waqt il-proċedura amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2003:473, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom mill-ispjegazzjonijiet li jirċievu (ara, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija hija applikabbli, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 53(1), tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

95      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi speċifikament li din hija deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-2007, fir-rigward tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti u fuq Melco. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2007, sa fejn din ma ġietx affettwata mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), u li dan ma huwiex kontradett mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat dan il-motiv.

96      F’dan ir-rigward, fil-premessi 57 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur ikkonċernat kien tant serju li kien xieraq li jiġi applikat trattament differenzjat sabiex jirrifletti l-kapaċità mhux ugwali tad-diversi impriżi li jikkawżaw ħsara sinjifikanti lill-kompetizzjoni. Hija kkunsidrat li dan it-trattament differenzjat kellu jieħu l-forma ta’ kategorizzazzjoni tal-ammonti inizjali bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ dinji relatat mas-SIG għas-sena 2003, pprovdut mid-diversi impriżi involuti fil-ksur. Billi tirreferi għall-kategorizzazzjoni stabbilita fil-premessi 484 sa 488 tad-Deċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ TM T&D għas-SIG kien iqegħidha fit-tieni kategorija, li jimplika li l-ammont inizjali ipotetiku tagħha kien ta’ EUR 31 000 000.

97      Il-premessa 483 tad-Deċiżjoni tal-2007 tippreċiża wkoll li l-kategoriji ġew stabbiliti b’mod li d-differenzi bejn il-partijiet tas-suq tas-SIG tal-impriżi fl-istess kategorija jkunu inqas importanti mid-differenzi meta mqabbla mal-partijiet tas-suq tal-impriżi mqiegħda f’kategoriji differenti.

98      F’dan il-kuntest, huwa wkoll ċar mill-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi li, fir-rigward ta’ ksur serju ħafna, l-ammont inizjali possibbli jaqbeż l-ammont ta’ EUR 20 000 000.

99      Dawn l-elementi huma tali li jippermettu lir-rikorrenti tifhem il-fatturi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tiddetermina l-gravità tal-ksur imwettaq minnha, li jimplika li l-Kummissjoni rrispettat l-obbligu ta’ motivazzjoni li kellha u li hija ma kinitx partikolarment obbligata tinkludi fid-deċiżjoni kkontestata spjegazzjoni iktar iddettaljata jew tindika ċifri relatati mad-determinazzjoni preċiża tal-ammont inizjali ta’ TM T&D (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra, EU:T:2004:118, punt 252).

100    Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni ma indikatx fid-deċiżjoni kkontestata għaliex hija għażlet il-figura preċiża ta’ EUR 31 000 000 għall-impriżi kklassifikati fit-tieni kategorija, bħal TM T&D, din l-għażla ma tistax tiġi kkwalifikata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tad-diskrezzjoni li hija għandha f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 99 hawn fuq, EU:T:2004:118, punt 224), peress li hija limitata mill-elementi mfakkra fil-punti 96 sa 98 hawn fuq.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa meħtieġ li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa

102    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha abbażi tal-ammont inizjali ta’ TM T&D, u mhux fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar.

103    Ir-rikorrenti tallega, f’dan ir-rigward, li, iktar milli tiddetermina ammont inizjali ipotetiku għal TM T&D u tqassmu bejnha u Melco, il-Kummissjoni kellha, l-ewwel nett, taqsam bejniethom id-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D għall-2003, imbagħad, tikkalkola l-partijiet tagħhom fuq is-suq dinji fl-2003 abbażi tas-sehem rispettiv tagħhom tad-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D u, fl-aħħar, tikklassifikahom fil-grupp tal-ammonti inizjali xierqa, iddeterminati fid-Deċiżjoni tal-2007 skont il-partijiet tas-suq dinji. Ir-rikorrenti ssostni li għalhekk kellha tiġi trattata bl-istess mod bħall-prodotturi Ewropej.

104    Ir-rikorrenti tappoġġja l-pożizzjoni tagħha b’sett ta’ erba’ argumenti.

105    L-ewwel nett, hija tinvoka d-Deċiżjoni tal-2007, is-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), kif ukoll ċerti siltiet tad-deċiżjoni kkontestata, li juru li d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi kellha tkun ibbażata fuq il-valur tal-bejgħ tas-SIG fl-2003.

106    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka diversi argumenti bbażati, essenzjalment, fuq allegata inkonsistenza bejn l-għażla li jiġi ddeterminat ammont inizjali għal TM T&D u l-fatt li l-multi ġew imposti fuq ir-rikorrenti stess.

107    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata li l-metodu li hija pproponiet kien jirriżulta fl-użu tad-dħul mill-bejgħ tagħha virtwali għall-2001.

108    Ir-raba’ nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrifjutat li ssegwi l-metodu li hija pproponiet mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti, u b’mod partikolari, mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għaliex l-imsemmi metodu kien żbaljat jew mhux xieraq.

109    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

110    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 99 hawn fuq, EU:T:2004:118, punt 216 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    L-ammont tal-multa huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur u, jekk ikun meħtieġ, it-tul tiegħu. Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ kriterji bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi. Fatturi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-imġiba antikompetittiva, in-numru u l-intensità, il-firxa tas-suq affettwat u d-dannu subit mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u l-parti tas-suq tal-impriżi responsabbli u rikorrenza possibbli (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 71 hawn fuq, EU:C:2004:6, punti 89 sa 91).

112    Madankollu, kull meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi skont il-liġi tal-kompetizzjoni, hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, li jinkludu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra, EU:T:2006:272, punt 315). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra, EU:T:1998:93, punt 309 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li r-rikorrenti ma tikkontestax li matul is-sena ta’ referenza, jiġifieri l-2003, hija stess ma kinitx irreġistrat bejgħ ta’ SIG, billi hija kienet ittrasferiet l-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam lil TM T&D fl-2002.

114    Dan il-fatt jimplika li l-multa tar-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkalkolata bl-istess mod bħal dik tad-destinatarji Ewropej tad-Deċiżjoni tal-2007 u li, fuq dan il-punt, is-sitwazzjoni tagħha ma kinitx komparabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament għażlet li tiddetermina ammont inizjali ipotetiku għal TM T&D u li tqassmu fost l-azzjonisti tagħha minflok tqassam il-bejgħ dinji tas-SIG ta’ TM T&D bejn l-azzjonisti tagħha u tiddetermina l-ammonti inizjali individwali tagħhom abbażi tal-ishma rispettivi tagħhom ta’ tali bejgħ.

116    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 61 tad-Deċiżjoni tal-2007, TM T&D kienet impriża konġunta hija nnifisha responsabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ tas-SIG. Għalhekk, TM T&D kienet entità separata mill-azzjonisti tagħha, għalkemm ikkontrollata minnhom flimkien.

117    Dan il-fatt jirriżulta barra minn hekk mill-punt 7.2.7 tad-Deċiżjoni tal-2007, iddedikat għad-determinazzjoni tad-destinatarji tagħha. Fil-fatt, fil-premessi 407 u 435 tal-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrenti u Melco kienu espliċitament inżammu responsabbli, bħala azzjonisti, tal-“ksur imwettaq minn TM T&D bejn l-1 ta’ Ottubru  2002 u l-11 ta’ Mejju 2004” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

118    L-argumenti tar-rikorrenti ma humiex tali li jistgħu jikkontestaw din il-konklużjoni.

119    Fil-fatt, fl-ewwel sett ta’ argumenti tagħha, imsemmija fil-punt 105 hawn fuq, ir-rikorrenti ssostni li mid-Deċiżjoni tal-2007, mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), u mill-premessi 59, 60, 62 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi kellha tkun ibbażata fuq il-valur tal-bejgħ individwali tas-SIG tagħha stess u ta’ Melco fl-2003.

120    Madankollu, jirriżulta mill-premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li, fil-każ tar-rikorrenti, ir-regola ġenerali segwita fid-Deċiżjoni tal‑2007 u li fuqha l-Qorti Ġenerali insistiet fis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), jiġifieri l-użu tas-sena 2003 bħala s-sena ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, għandha tiġi applikata b’modi partikolari, peress li matul dik is-sena, ir-rikorrenti ma kinitx irreġistrat hija nnifisha bejgħ ta’ SIG, peress li hija kienet ittrasferiet l-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam lil TM T&D.

121    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata kemm mill-premessi 62 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mis-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), fejn il-Qorti Ġenerali evokat espliċitament il-metodu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala eżempju xieraq.

122    Fir-rigward tat-tieni sett ta’ argumenti, imsemmija fil-punt 106 iktar ’il-fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tirreferi b’mod żbaljat għas-“sehem ta’ TM T&D fil-ksur”, peress li kien kompitu tal-Kummissjoni li tiddetermina, mhux il-multa ta’ TM T&D, iżda dik tal-kumpanniji parent tagħha. F’dan il-kuntest, id-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D jikkostitwixxi s-somma tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti u ta’ Melco fir-rigward tas-SIG.

123    Madankollu, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 117 hawn fuq, il-fatt li l-Kummissjoni rreferiet għall-ksur imwettaq minn TM T&D huwa kompletament konsistenti mal-konstatazzjonijiet li saru fid-Deċiżjoni tal-2007.

124    Imbagħad, minħabba l-pożizzjoni ta’ TM T&D bħala entità separata, ma huwiex korrett li r-rikorrenti ssostni li d-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D jikkostitwixxi sempliċement is-somma tad-dħul mill-bejgħ tal-azzjonisti tagħha f’dak li jirrigwarda s-SIG.

125    Fl-aħħar nett, b’mod iktar ġenerali, il-fatt li l-multi imposti fid-deċiżjoni ikkontestata kienu biss fuq ir-rikorrenti u Melco, minħabba x-xoljiment ta’ TM T&D fl-2005, ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-Kummissjoni tkun meħtieġa li artifiċjalment taqsam id-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar, bi ksur tal-fatt li hija kienet attiva fis-suq matul is-sena ta’ referenza bħala operatur separat mill-azzjonisti tagħha. Fil-fatt, tali approċċ jiddevja b’mod effettiv mill-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ miksub f’dik is-sena meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi.

126    Fil-kuntest tat-tielet sett ta’ argumenti, imsemmija fil-punt 107 hawn fuq, ir-rikorrenti tikkontesta li l-użu tal-metodu ssuġġerit minnha jkollu l-konsegwenza li jintuża “id-dħul mill-bejgħ virtwali tal-2001”. Hija tippreċiża li hija kellha dħul mill-bejgħ reali fl-2001 u li, fi kwalunkwe każ, ma kienx l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkalkola d-dħul mill-bejgħ virtwali tagħha għall-2001, iżda għall-2003 u mbagħad tqabblu mad-dħul mill-bejgħ reali ta’ parteċipanti oħra fil-ksur.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rikonoxxut li t-tifsira tal-ħames sentenza tal-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li l-metodu ssuġġerit mir-rikorrenti “ma huwiex xieraq inkwantu jinvolvi l-paragun tad-dħul mill-bejgħ virtwali għall-2001 ta’ Melco u [ta’] Toshiba mad-dħul mill-bejgħ għall-2003 tal-impriżi l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma hijiex ċara għal kollox, peress li, b’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ddefinitx il-kunċett ta’ “dħul mill-bejgħ virtwali għall-2001”.

128    Madankollu, fit-tielet u r-raba’ sentenza tal-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-metodu propost mir-rikorrenti ma kienx jippermetti li jiġi rifless il-piż ta’ TM T&D, bħala entità involuta fil-ksur tal-2003, fi ħdan din tal-aħħar. Għalhekk, moqrija fil-kuntest tas-sentenzi li jippreċeduha immedjatament, il-ħames sentenza tal-premessa 66 tesprimi li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-metodu propost mir-rikorrenti jkollu bħala konsegwenza li jaqsam artifiċjalment id-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D, minkejja l-kwalità tagħha ta’ entità separata mill-azzjonisti tagħha, biex tiddetermina d-dħul mill-bejgħ virtwali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, kif indikat fil-punti 115 sa 117 u 123 sa 125 hawn fuq, din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni hija fondata.

129    Fir-raba’ sett ta’ argumenti, miġbura fil-qosor fil-punt 108 hawn fuq, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma tatx raġunijiet għar-rifjut tal-metodu propost minnha u b’mod partikolari ma indikatx ir-raġunijiet għaliex dan il-metodu kien żbaljat jew mhux xieraq.

130    Madankollu, minn naħa, peress li dan il-motiv ma huwiex intiż għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-allegazzjoni tar-rikorrenti hija ineffettiva fil-kuntest tagħha.

131    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija allegazzjoni hija manifestament nieqsa mill-fatti. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 127 u 128 hawn fuq, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għaliex hija kkunsidrat bħala mhux xieraq il-metodu propost mir-rikorrenti.

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltà tar-rikorrenti meta mqabbla mal-produtturi Ewropej

133    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, il-livell ta’ inqas responsabbiltà mill-prodotturi Ewropej. Hija tispjega, f’dan ir-rigward, fir-rikors, li filwaqt li l-parteċipanti Ewropej tal-ksur pparteċipaw f’żewġ istanzi ta’ ksur, jiġifieri l-arranġament komuni u l-allokazzjoni ta’ proġetti relatati mas-SIG fiż-ŻEE, il-parteċipanti Ġappuniżi, inkluża hija stess, kienu involuti biss fl-arranġament komuni.

134    Ir-rikorrenti tkompli tgħid li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Issa, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, din l-evalwazzjoni hija neċessarja fl-istadju tal-iffissar tal-ammont inizjali, peress li impriża li pparteċipat biss f’aspett wieħed ta’ akkordju wettqet ksur inqas serju minn dik li pparteċipat f’diversi aspetti tal-istess akkordju.

135    Fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża, bħala risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, li l-ħames motiv la jikkonċerna l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu u l-anqas il-gravità tal-imġiba tagħha msemmija fil-punt 260 tas-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq (EU:T:2011:343), iżda l-kontribut tagħha għall-akkordju, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

136    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Hija tesponi b’mod partikolari li l-ksur ikkonstatat mid-Deċiżjoni tal-2007 kien ksur uniku u kontinwu u li l-parteċipazzjoni f’dan il-ksur ta’ impriżi Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti, ma kienx inqas serju minn dak tal-impriżi Ewropej.

137    Skont il-ġurisprudenza, meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, huwa xieraq li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minnhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punt 90).

138    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, diġà tfakkar fil-punti 1 sa 4 hawn fuq li, fid-Deċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li jinkludi l-arranġament komuni, il-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ. Għalhekk, ir-rikorrenti tallega, b’mod żbaljat, li l-impriżi Ewropej ipparteċipaw f’żewġ ksur, filwaqt li hija stess kienet ipparteċipat fi ksur wieħed biss.

139    Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-kontribut tagħha għall-ksur ma huwiex inqas minħabba l-fatt li hija ma pparteċipatx fl-allokazzjoni ta’ proġetti relatati mas-SIG fiż-ŻEE, irregolati mill-Ftehim EQ.

140    F’dan ir-rigward, huwa ċertament veru li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi u dik tal-produtturi Ewropej fil-ftehimiet u l-prattiċi miftiehma identifikati fid-Deċiżjoni tal-2007 u intiżi għaż-ŻEE ma kinux tal-istess natura. Fil-fatt, l-impriżi Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti, intrabtu, taħt l-arranġament komuni, li ma jidħlux fi-suq taż-ŻEE u l-parteċipazzjoni tagħhom b’hekk kienet tikkonsisti f’nuqqas ta’ azzjoni. L-impriżi Ewropej, sadanittant, kienu qassmu bejniethom id-diversi proġetti rigward is-SIG fl-istess suq, permezz ta’ atti kollużivi pożittivi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq, EU:T:2011:343, punt 260).

141    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-impriżi Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti, kien prerekwiżit sabiex l-allokazzjoni tal-proġetti relatati mas-SIG fiż-ŻEE seta’ jsir bejn il-produtturi Ewropej skont ir-regoli miftiehma f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, punt 8 hawn fuq, EU:T:2011:343, punt 261). Għalhekk, billi rrispettaw l-impenji tagħhom skont l-arranġament komuni, l-impriżi Ġappuniżi għamlu kontribut neċessarju għall-funzjonament tal-ksur kollu kemm hu.

142    Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi konkluż li l-kontribut tar-rikorrenti għall-ksur huwa paragunabbli ma’ dak tal-impriżi Ewropej, li jimplika li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

144    Peress li l-motivi kollha invokati insostenn tat-talba prinċipali ġew miċħuda, huwa għalhekk meħtieġ li tiġi miċħuda t-talba fl-intier tagħha.

 Fuq it-talba sussidjarja, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

145    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tirreferi f’dan ir-rigward, għal kalkolu ta’ sostituzzjoni li hija ppreżentat bħala anness mar-rikors.

146    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba fuq il-bażi li ma hijiex sostnuta bl-ebda motiv.

147    Mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kalkolu ta’ sostituzzjoni ppreżentat mir-rikorrenti ma huwiex sostnut minn argumenti oħra għajr dawk eżaminati fil-kuntest tat-talba prinċipali, u li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jimplementaw il-metodoloġija li r-rikorrenti ddefendiet fil-kuntest tat-tielet motiv. Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fin-nuqqas ta’ elementi oħra f’dan il-każ tali li jwasslu għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti, ma hemmx lok, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li tintlaqa’ t-talba sussidjarja tagħha.

148    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

149    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitluba mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Toshiba Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Jannar 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq it-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.

– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt ta’ smigħ tar-rikorrenti fir-rigward tal-ammont addizzjonali

Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltŕ tar-rikorrenti meta mqabbla mal-produtturi Ewropej

Fuq it-talba sussidjarja, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż