Language of document : ECLI:EU:T:2015:774

Kawża T‑403/12

Intrasoft International SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Assistenza teknika għall-amministrazzjoni tad-dwana Serba fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tas-sistema doganali – Kunflitt ta’ interessi – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tas-Serbja – Ċaħda impliċita tal-ilment imressaq kontra ċ-ċaħda tal-offerta”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2015

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti skont is-sustanza tal-att

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Ittra ta’ delegazzjoni tal-Unjoni li tinforma lil offerent li ma jistax jipparteċipa fil-fażi tal-għoti ta’ kuntratt minħabba l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Kwalità ta’ konvenut – Delegazzjoni tal-Unjoni – Assenza ta’ kwalità ta’ korp jew organu tal-Unjoni – Atti adottati mill-kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Atti imputabbli lill-Kummissjoni

(Artikoli 221 TFUE u 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Locus standi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti indirizzata lil konsorzju offerenti li ma għandux personalità ġuridika – Rikors ta’ kumpannija membru tal-imsemmi konsorzju – Ammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

5.      Rikors għal annullament – Termini – Dekadenza – Rikors kontra deċiżjoni ta’ istituzzjoni meħuda fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti li tipprevedi proċeduri ta’ ta’ riżoluzzjoni amikevoli fakultattitivi – Rikors mir-rikorrent għal tali proċedura ta’ riżoluzzjoni – Assenza ta’ effett fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors għal annullament

(Artikolu 263 TFUE)

6.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent

(Artikolu 263 TFUE)

7.      Rikors għal annullament – Rikors kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva – Assenza ta’ elementi ġdid imqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u assenza ta’ eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tad-deċiżjoni

(Artikolu 263 TFUE)

8.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu ta’ komunikazzjoni lill-offerenti esklużi, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar, ta’ informazzjoni komplementari fuq il-motivi ta’ ċaħda – Rispett tal-obbligu li għandu l-effett li jissostitwixxi d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 149(3))

9.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Astensjoni ta’ istituzzjoni sabiex twieġeb għal ilment imressaq minn offerent eskluż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li tipprovdi l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni amikevoli fakultattivi – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

10.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta' kuntratti – Esklużjoni ta’ offerenti f’sitazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi – Kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi – Appartenanza ta’ offerent għal konsorzju li rrediġa dokumenti fi proċedura ta’ sejħa għal offerti preċedenti, filwaqt li dawn id-dokumenti sussegwentement intużaw bħala bażi għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni – Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-offerent fix-xogħlijiet preparatorji għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti preċedenti – Assenza ta’ kunflitt ta’ interessi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 94(a))

11.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Esklużjoni ta’ offerenti f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni konkreta tal-offerta u tas-sitwazzjoni tal-offerent – Neċessità li tikkonstata riskju reali u mhux eventwali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 94)

12.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ offerenti u ta’ trasparenza – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-30)

2.      L-effetti tad-dritt obbligatorji ta’ att għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħalma hu l-kontenut ta’ dan l-att, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll il-poteri tal-istituzzjoni li kienet l-awtur tal-att.

Fir-rigward ta’ ittra ta’ delegazzjoni tal-Unjoni li topera bħala awtorità kontraenti subdelegata tal-Kummissjoni li permezz tagħha l-awtur ħa pożizzjoni fuq il-kapaċità ta’ offerent li jipparteċipa fil-fażi tal-għoti ta’ kuntratt, u indika wkoll li l-offerent kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi u, għalhekk, bħala konsegwenza, stabbilixxa li l-kuntratt ma setax jingħata lill-konsorzju li l-persuna kkonċernata kienet tagħmel parti minnu, din l-ittra tikkostitwixxi, minħabba l-kontenut tagħha, il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih inkitbet kif ukoll is-setgħat tal-awtorità li adottatha, att li jikkawża preġudizzju lill-imsemmi offerent u li tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem lil-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 32, 43-45)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 35)

5.      Fir-rigward ta’ ittra ta’ delegazzjoni tal-Unjoni li tinforma lil offerent bid-deċiżjoni tagħha li ma tagħtihiex il-kuntratt, li tissemma f’din l-ittra il-possibbiltà li tagħmel ilment, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.4.15.3 tal-Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Kummissjoni, ma jippreġudikax id-dritt tad-destinatarju tal-att li jadixxi lill-Qorti Ġenerali, fit-termini espressament imsemmija mid-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li tali possibbiltà ma teħlisx lill-persuna kkonċernata mill-obbligu li tosserva l-imsemmija termini għall-preżentata ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata ma għandhiex tistenna tweġiba għall-ilment tagħha sabiex tippreżenta r-rikors.

(ara l-punti 38, 39, 46)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 47)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 48, 50, 52, 54)

8.      Jekk, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, l-offerenti esklużi jkollhom l-opportunità li jitolbu bil-miktub lill-awtorità kontraenti sabiex tipprovdilhom informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet għar-rifjut, il-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni addizzjonali ma għandhiex l-effett li tissostitwixxi d-deċiżjoni li permezz tagħha l-offerta tal-offerent inkwistjoni ġiet miċħuda, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni għal deċiżjoni bħal din jista’ jitwettaq f’diversi stadji.

(ara l-punt 51)

9.      Is-skiet oppost minn istituzzjoni meta mistiedna sabiex tieħu pożizzjoni ma jistax, fih innifsu u bħala tali, jipproduċi effetti legali, ħlief fejn dan ir-riżultat huwa espressament previst minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet espressi tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi jitqies li tkun ittieħdet deċiżjoni impliċita, u li jiddefinixxu l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ deċiżjoni, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat.

Għaldaqstant, l-inerzja tal-awtorità kontraenti meta jiskadi t-terminu ffissat fil-punt 2.4.15.1 tal-Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ ilment ta’ offerent eskluż. Fil-fatt, l-imsemmija Gwida hija għodda sempliċi tax-xogħol li tispjega l-proċeduri applikabbli f’ċertu settur u li ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi bażi legali għall-introduzzjoni ta’ ilment amministrattiv obbligatorju minn qabel. Bl-istess mod, l-imsemmija Gwida ma tistax tifforma l-bażi legali għall-introduzzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza għall-benefiċċju tal-awtorità responsabbli li twieġeb għal ilment.

(ara l-punti 57, 58)

10.    Dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi f’offerent għal proċedura ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tal-Artikolu 94(a) tar-Regolament Nru 1605/2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi għandu karattru oġġettiv li jirrikjedi li jinjora l-intenzjonijiet tar-rikorrenti u s-sempliċi possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi offerent mill-proċedura, għaliex l-imsemmi riskju għandu attwalment ikun ikkonstatat f’dan il-każ.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat li r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jista’ jkun ibbażat fuq is-sempliċi fatt li l-offerent ikkonċernat ma kellux aċċess, qabel l-offerenti l-oħra, għal dokumenti li jappartjenu lil proċedura ta’ sejħa għal offerti oħra minħabba li huwa kien jagħmel parti minn konsorzju li abbozza dawn id-dokumenti li, iktar tard, kienu magħżula sabiex jintużaw bħala riferiment għal attivitajiet relatati mas-sejħa għal offerti inkwistjoni. Issa, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi ma jistax ikun ibbażat fuq is-sempliċi preżunzjoni li fiż-żmien tar-redazzjoni tad-dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti, l-imsemmi offerent kien jaf bl-intenzjoni tal-awtorità kontraenti li ser tippubblika avviż ġdid ta’ sejħa għal offerti u l-intenzjoni tagħha li tagħżel id-dokumenti redatti mill-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu bħala bażi għal ċerti attivitajiet involuti fil-kuntratt pubbliku kopert mis-sejħa għal offerti l-ġdida.

Għalhekk, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jeżisti għall-persuna inkarigata mix-xogħlijiet preparatorji fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, li tipparteċipa f’dan l-istess kuntratt. Issa, peress li, bl-espressjoni “xogħlijiet preparatorji”, isir riferiment għal xogħlijiet magħmula fil-kuntest tal-istess proċedura għal sejħa għal offerti, l-awtorità kontraenti ma tistax tqabbel ir-redazzjoni ta’ dokumenti redatti fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti għall-każ ta’ xogħlijiet preparatorji fuq is-sejħa għal offerti inkwistjoni, sakemm ma jurux oġġettivament u b’mod konkret, minn naħa, li l-imsemmija dokumenti kienu ġew ippreparati għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li huma kienu wasslu għal benefiċċju reali għall-offerent ikkonċernat. Fin-nuqqas ta’ tali dimostrazzjoni, id-dokumenti redatti fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti u magħżula ulterjorment mill-awtorità kontraenti bħala riferiment għal xi wħud mill-attivitajiet ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti differenti ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu bħala “xogħlijiet preparatorji” fis-sens tal-punt 2.3.6 tal-Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Kummissjoni, li jidentifika b’mod partikolari bħala xogħlijiet preparatorji dawk li jikkonċernaw it-tħejjija tal-proġett, bħar-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

(ara l-punti 74, 75, 82-85)

11.    L-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1605/2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ma jippermettix li jiġi eskluż offerent fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku biss jekk is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi hija reali u mhux ipotetika. Madankollu, dan ma jfissirx li riskju ta’ kunflitt ta’ interessi ma huwiex biżżejjed biex jeskludi offerta. Fil-fatt, huwa biss bħala regola ġenerali li qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt li l-kunflitt ta’ interessi jista’ jkun biss potenzjali u din id-dispożizzjoni tar-Regolament Finanzjarju għalhekk timplika raġunament f’termini ta’ riskju. F’dan ir-rigward, ir-raġunament f’termini ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jeħtieġ evalwazzjoni konkreta, minn naħa, tal-offerta u, min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni tal-offerent ikkonċernat, u li l-esklużjoni ta’ dan l-offerent huwa rimedju li għandu l-għan li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ opportunitajiet indaqs tal-offerenti.

F’dan ir-rigward, ma hemmx obbligu assolut fuq l-awtoritajiet kontraenti sabiex jiġu esklużi b’mod sistematiku l-offerenti f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, peress li tali esklużjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każijiet fejn huwa possibbli li din is-sitwazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq l-aġir tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ma hemmx riskju reali li l-prattiki li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-offerenti jseħħu. Madankollu, l-esklużjoni ta’ offerent f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi huwa essenzjali meta ma jkunx hemm rimedju iktar xieraq sabiex jiġi evitat kull ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza.

(ara l-punti 74, 76, 79)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 77, 78)