Language of document : ECLI:EU:T:2016:18

Kawża T‑404/12

Toshiba Corp.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali mill-Qorti Ġenerali – Multi – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ammont inizjali – Livell ta’ kontribuzzjoni għall-ksur”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Jannar 2016

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kontenut neċessarju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Evalwazzjoni – Deċiżjoni li temenda l-ammont tal-multa li ġie adottat wara l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni inizjali – Teħid kont tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inizjali

(Artikolu 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni li temenda l-ammont tal-multa adottata mingħajr dikjarazzjoni ġdida tal-oġġezzjonijiet ‑ Evalwazzjoni rigward il-progress tal-proċedura kollha li wasslet għad-deċiżjoni li temenda

(Artikolu 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li temenda l-ammont tal-multa adottat wara l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni inizjali – Teħid kont tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali

(Artikolu 81 KE; Artikolu 296 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

4.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Determinazzjoni tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Attivitajiet ta’ ċerti parteċipanti f’akkordju eżerċitati minn impriża konġunta matul is-sena ta’ referenza – Adattament tal-metodu ta’ allokazzjoni u ta’ distribuzzjoni tal-ammont inizjali – Ammissibbiltà

(Artikolu 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

5.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Individwalizzazzjoni bbażata fuq il-gravità relattiva tal-kontribuzzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi implikati – Ksur uniku u kontinwu – Parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju fil-forma ta’ nuqqas ta’ azzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Evalwazzjoni

(Artikolu 81 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

1.      Meta, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, din id-deċiżjoni tipprevedi b’mod espliċitu li din hija deċiżjoni li temenda deċiżjoni inizjali li imponiet ammont differenti ta’ multa u li ġiet parzjalment annullata mill-qorti tal-Unjoni, il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda hija estensjoni tal-proċedura li wasslet għall-imsemmija deċiżjoni inizjali.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet inizjali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ma hijiex ikkontestata mill-imsemmija sentenza ta’ annullament parzjali. Barra minn hekk, sa fejn din is-sentenza tal-aħħar ma poġġietx f’dubju r-realtà, ir-rilevanza jew il-fondatezza tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rigward il-kalkolu tal-ammont tal-multa esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, il-konstatazzjonijiet magħmula f’din is-sentenza ma jipprekludux it-teħid inkusiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni inizjali tal-oġġezzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa waqt l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ta’ emenda kkontestata.

Għalhekk, meta, fl-ewwel lok, id-dikjarazzjoni inizjali tal-oġġezzjonijiet ipprovdiet lill-impriża implikata, l-elementi meħtieġa biex tkun tista’ ssostni d-difiża tagħha, inkluż għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-multa, u meta, fit-tieni lok, ir-realtà, ir-rilevanza u l-fondatezza ta’ dawn l-elementi ma ġewx affetwati mis-sentenza li annullat parzjalment id-deċiżjoni inizjali kif ukoll meta, fit-tielet lok, fid-deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni ma pprovditx provi ġodda kontra l-imsemmija impriża, meta mqabbla ma’ dawk indikati fid-dikjarazzjoni inizjali tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lil din l-impriża.

(ara l-punti 42, 45, 47, 64, 65, 72)

2.      Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-qasam tal-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, meta l-Kummissjoni, wara l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni li timponi multa, tadotta deċiżjoni li temenda l-ammont tagħha hija għandha tipprovdi lill-impriża kkonċernata l-elementi addizzjonali rigward il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-intenzjoni tagħha li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa, sabiex tkun tista’ tagħmel użu tal-fehmiet tagħha, inkluż fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ammont addizzjonali. F’dan il-kuntest, jekk il-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda, tibgħat ittra li tesponi l-fatti lill-imsemmija impriża, ma huwiex madankollu meħtieġ li l-elementi inkwistjoni jiġu spjegati b’mod preċiż f’dan id-dokument, li ma għandux status proċedurali speċjali. Minflok għandu jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda, l-impriża implikata kienet f’pożizzjoni, b’mod xieraq, li tifhem din l-intenzjoni u twieġeb għaliha.

Minn dan isegwi li, meta, mid-dikjarazzjoni inizjali tal-oġġezzjonijiet, l-impriża kkonċernata kienet taf li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa imposta u li, għall-inqas mid-deċiżjoni inizjali hija kienet f’pożizzjoni li tifhem li din l-intenzjoni kienet timplika l-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali għal perijodu ta’ attività partikolari minkejja li din l-intenzjoni ma ġietx ikkontestata mis-sentenza ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali u li ġiet ikkonfermata mill-ġdid kemm fl-ittra li tesponi l-fatti kif ukoll f’laqgħa bejn il-Kummissjoni u din l-impriża, ma jistax jiġi stabbilit li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża fir-rigward tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponilha ammont addizzjonali.

(ara l-punti 71, 74, 75, 87, 88)

3.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li kkonstatat ksur tal-Artikoli 81(1) KE u 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li imponiet multi tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li temenda din id-deċiżjoni inizjali, adottata wara annullament parzjali ta’ din tal-aħħar mill-qorti tal-Unjoni, sa fejn din il-motivazzjoni ma tkunx ġiet affettwata mis-sentenza tal-annullament u li ma tkunx kontradetta mill-kliem tad-deċiżjoni ta’ emenda.

Għalhekk, fir-rigward tal-motivazzjoni dwar l-ammont inizjali stabbilit mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa fid-deċiżjoni ta’ emenda, l-fatt li l-impriża implikata hija f’pożizzjoni li tifhem l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tiddetermina l-gravità tal-ksur imwettaq minnha fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali jimplika li l-Kummissjoni ha hijiex partikolarment obbligata tinkludi fid-deċiżjoni tagħha spjegazzjoni iktar iddettaljata jew tindika ċifri relatati mad-determinazzjoni preċiża tal-ammont inizjali.

(ara l-punti 95, 99)

4.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta, matul is-sena ta’ referenza magħżula għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, l-attivitajiet ta’ xi parteċipanti f’akkordju fil-qasam ikkonċernat kienu eżerċitati minn impriża konġunta, li sussegwentement ġiet xolta, b’tali mod li l-parteċipanti, b’differenza mill-oħrajn, ma rreġistrawx bejgħ fl-imsemmi qasam, il-Kummissjoni ma twettaqx ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tiddetermina, fl-ewwel lok, ammont inizjali ipotetiku għall-imsemmija impriża konġunta u meta taqsmu, fit-tieni nett, bejn il-parteċipanti li kellhom l-istatus ta’ azzjonisti fl-impriża li ġiet xolta. Fil-fatt, il-fatt li dawn tal-aħħar ikunu ttrasferew l-attivitajiet tagħhom lill-imsemmija entità separata jimplika li l-multa tagħhom ma tistax tiġi kkalkolata eżattament bl-istess mod bħal dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li, fuq dan il-punt, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 112-115)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara punti 137, 140-142)