Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2024 – Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-200/24)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: U. Małecka u M. Mataija, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li, billi adottat l-Artikolu 94a(1) tal-Prawa Farmaceutycznego (il-Liġi dwar il-Prodotti Mediċinali), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ, u elettroniku, fis-Suq Intern 1 , u taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-1 ta’ Jannar 2012, ir-Repubblika tal-Polonja emendat il-Liġi dwar il-Prodotti Mediċinali billi żiedet fiha dispożizzjoni ġdida, jiġifieri l-Artikolu 94a(1). Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi r-reklamar għall-ispiżeriji u għall-punti ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali, kif ukoll għall-attivitajiet tagħhom.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li din il-projbizzjoni tikser l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31, peress li tkopri kull forma ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali, inkluż permezz ta’ sit internet maħluq minn spiżjar li jaħdem fi spiżerija jew f’punt ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali. Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li din il-projbizzjoni tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-Repubblika tal-Polonja. Il-projbizzjoni hekk ifformulata tostakola b’mod partikolari l-eżerċizzju tal-attività ta’ spiżeriji ta’ Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-Repubblika tal-Polonja (restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi) u tirrestrinġi l-libertà tal-ispiżeriji li jistabbilixxu entitajiet ekonomiċi ġodda jew li jkomplu jeżerċitaw l-attività tagħhom u jkomplu joffru s-servizzi tagħhom lill-klijenti ta’ dan il-pajjiż (restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment).

Il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja fil-25 ta’ Jannar 2019 u opinjoni motivata fit-3 ta’ Lulju 2020. Fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx waqfet milli twettaq il-ksur allegat mill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.