Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Awwissu 2009 - Colegio Oficial de Farmacéuticos de Valencia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-337/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Colegio Oficial de Farmacéuticos de Valencia (Valencia, Spanja) (rappreżentanti: E. Navarro Varona, abogada)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla, abbażi tal-Artikoli 230 u 231 tat-Trattat KE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta' Ġunju 2009, li permezz tagħha din tal-aħħar tiċħad parzjalment it-talba għal aċċess għall-informazzjoni magħmula minn MICOF permezz tat-talba inizjali tagħha tat-23 ta' Ottubru 2008 u fit-talba konfermattiva tagħha tad-19 ta' Jannar 2009.

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn MICOF f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tiċħad parzjalment l-aċċess għal ċerti dokumenti mfassla mill-konsulenti ECORYS Nederland BV bi tħejjija għar-rapport intitolat "Study of regulatory restrictions in the field of pharmacies", tat-22 ta'Ġunju 2007, li kien iddestinat għad-Direttorat Ġenerali tas-suq intern u għad-dipartimenti tal-konvenuta.

Insostenn tat-talbiet tagħha r-rikorrenti tallega ksur tal-Artikoli 4(2) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.1

F'dan ir-rigward r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn:

Nuqqas ta' motivazzjoni

Evalwazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni relatata mal-interessi kummerċjali ta' persuna ġuridika, inkluż f'dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali.

Żball manifest ta' motivazzjoni, inkwantu din id-deċiżjoni ma teżaminax ir-rekwiżit ta' interess pubbliku superjuri,

Nuqqas ta' osservanza tat-termini previsti sabiex tingħata risposta għat-talba konfermattiva ta' aċċess għad-dokumenti.

____________

1 - ĠU L 145, 31.05.2001, p. 43