Language of document : ECLI:EU:T:2021:764

Kawża T602/15 RENV

Liam Jenkinson

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal10 ta’ Novembru 2021

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Persunal ċivili internazzjonali ta’ missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Reklutaġġ fuq bażi kuntrattwali – Kuntratti ta’ ingaġġ suċċessivi għal żmien determinat – Talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha f’kuntratt għal żmien indeterminat – Rikors għad-danni kuntrattwali – Rikors għad-danni mhux kuntrattwali”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Motivi insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mhux sostnuti b’argumenti preċiżi – Inammissibbiltà tal-eċċezzjoni

(Artikolu 277 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(d))

(ara l-punt 48)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Relazzjoni kuntrattwali bbażata fuq kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat – Talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha f’kuntratt għal żmien indeterminat u għal kumpens għal tkeċċija abbużiva – Klawżoli ta’ arbitraġġ li jiddenominaw, fl-aħħar kuntratt, il-qrati tal-Unjoni u, f’ċerti kuntratti preċedenti, il-qrati ta’ Stat Membru – Talba li tirriżulta mill-aħħar kuntratt – Teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jippreċedu l-aħħar kuntratt

(Artikolu 272 TFUE)

(ara l-punti 64-66)

3.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Atti adottati minn missjoni internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal – Inklużjoni

(Artikolu 19(1) u t-tieni subparagrafu tal-24(1) TUE; Artikolu 268, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 68, 69)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt suġġett għad-dritt nazzjonali – Applikabbiltà tad-dritt nazzjonali materjali – Osservanza tal-projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

(Artikoli 151 u 272 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness)

(ara l-punti 96-101)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratti ta’ xogħol tal-persunal ta’ missjoni internazzjonali tal-Unjoni – Rikors għal responsabbiltà kuntrattwali – Determinazzjoni tal-liġi applikabbli

(Artikolu 272 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikoli 3(1) u 8)

(ara l-punti 103-106, 119, 123, 125, 128-139)

6.      Politika soċjali – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti – Persunal ċivili internazzjonali ta’ missjoni internazzjonali tal-Unjoni – Tiġdid suċċessiv ta’ kuntratti marbuta mill-qrib mal-kuntest speċifiku u temporanju tal-imsemmija missjoni – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 5(1)(a); Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, Artikolu 9(3))

(ara l-punti 150-156, 176-188)

7.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Portata – Projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita – Obbligu li jiġi osservat il-kuntest tal-kawża ddefinit mill-partijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 76 u 84(1))

(ara l-punti 208, 209)

8.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Persunal – Persunal ċivili internazzjonali – Reklutaġġ fuq bażi kuntrattwali – Bażi legali

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1), Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, Artikoli 9(3) u 10(3))

(ara l-punti 226-228)

9.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Persunal – Persunal ċivili internazzjonali – Reklutaġġ fuq bażi kuntrattwali – Applikazzjoni tad-drittijiet nazzjonali differenti skont il-kuntratti konklużi individwalment – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – Assenza

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE, Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, Artikoli 9(3) u 10(3))

(ara l-punt 230)

10.    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Persunal – Persunal ċivili internazzjonali – Reklutaġġ fuq bażi kuntrattwali – Diskriminazzjoni meta mqabbla mal-persunal tal-Unjoni kkollokat fi ħdan dawn il-missjonijiet u impjegat taħt is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal oħra – Assenza

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE, Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, Artikoli 9(3) u 10(3))

(ara l-punti 231, 232)

11.    Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni – Assenza ta’ indikazzjonijiet fir-rigward tan-natura u l-portata tad-dannu mġarrab kif ukoll tar-rabta kawżali – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(d))

(ara l-punti 243, 244)

Sunt

Ir-rikorrent, ċittadin Irlandiż, kien impjegat minn Awwissu 1994 sa Novembru 2014 fi ħdan tliet missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea, b’interruzzjonijiet qosra bejn il-perijodi ta’ impjieg fi ħdan kull waħda mill-imsemmija missjonijiet, fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (iktar ’il quddiem il-“KŻD”). Bejn April 2010 u Novembru 2014, huwa ġie rreklutat, fl-aħħar lok, bħala membru tal-persunal internazzjonali fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, missjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi internazzjonali maħluqa fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK). Il-ħdax u l-aħħar KŻD tiegħu ma ġġeddidx wara l-14 ta’ Novembru 2014, minħabba deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni ta’ din il-missjoni li wasslet għat-tneħħija tal-pożizzjoni tiegħu.

F’Ottubru 2015, ir-rikorrent ippreżenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, rikors kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll kontra l-Missjoni Eulex Kosovo (iktar ’il quddiem il-“konvenuti”). Permezz ta’ dan ir-rikors, huwa talab, essenzjalment:

- l-ewwel, ir-riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi kollha f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat (iktar ’il quddiem “KTD”) u l-kumpens għad-danni kuntrattwali mġarrba minħabba l-abbuż ta’ KŻD suċċessivi u t-terminazzjoni irregolari tal-KTD hekk irrikklassifikat (iktar ’il quddiem l-“ewwel kap ta’ talbiet”);

- it-tieni, kumpens għad-danni mhux kuntrattwali li huwa ġarrab talli ma ġiex irreklutat taħt is-sistema applikabbli għall-persunal tal-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni kap tat-talbiet”); u

- it-tielet u sussidjarjament, kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-fatt li l-konvenuti, fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali li huma imponew fuqha, kisru diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“tielet kap tat-talbiet”).

Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Novembru 2016 (1), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors, għar-raġuni li hija manifestament ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet u li t-tielet wieħed kien manifestament inammissibbli. Madankollu, permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018 (2), mogħtija fuq appell tar-rikorrent, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dan id-digriet u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Permezz tas-sentenza tagħha mogħtija wara dan ir-rinviju, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tliet kapijiet tat-talbiet, tiċħad madankollu mill-ġdid ir-rikors fl-intier tiegħu, bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, minn naħa, dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ klawżola ta’ arbitraġġ u, min-naħa l-oħra, dwar il-kwistjoni ta’ liema huma s-sistema u d-dritt applikabbli għall-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi t-tilwima.

Fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet intiż, essenzjalment, għar-riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi kollha f’KŻI u għall-kumpens tad-dannu kuntrattwali relatat magħhom, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta minn klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li tinsab fl-aħħar KŻD tar-rikorrent u li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni għal kull tilwima relatata mal-kuntratt. B’mod partikolari, hija tqis li din il-ġurisdizzjoni testendi għall-eżami tal-KŻD li ppreċedew l-aħħar kuntratt, anki jekk dawn ma kinux jinkludu tali klawżola ta’ arbitraġġ, peress li t-talbiet tar-rikorrent huma marbuta mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol unika u kontinwa bbażata fuq suċċessjoni ta’ KŻD, liema talbiet jirriżultaw ukoll mill-aħħar KŻD.

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet li jikkonċernaw, essenzjalment, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali eventwali tal-konvenuti għal atti ta’ ġestjoni tal-persunal relatati mal-operazzjonijiet “fuq il-post”, fosthom ir-reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat FUE li jagħtu lill-qorti tal-Unjoni ġurisdizzjoni għal tilwim fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. (3)

Sussegwentement, matul l-eżami tal-fondatezza tal-ewwel kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali tfakkar, preliminarjament, li, fid-dawl tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenominaha, hija għandha tiddeċiedi dwar it-talba għar-riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD konklużi mal-Missjoni Eulex Kosovo konformement mad-dritt sostantiv nazzjonali tax-xogħol applikabbli għall-imsemmija kuntratti, b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt. Sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli, hija tirrikorri għar-regoli tad-dritt internazzjonali privat u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I. (4)

Filwaqt li teżamina, sussegwentement, il-ħdax-il KŻD fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li hemm lok li jiġi applikat id-dritt Irlandiż għar-relazzjoni kuntrattwali kollha stabbilita skont l-imsemmija kuntratti. Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-ewwel disa’ KŻD, hija tikkonstata, billi tapplika r-regola tal-għażla tal-liġi mill-partijiet (5), li l-partijiet kontraenti għażlu d-dritt tal-pajjiż ta’ oriġini u ta’ residenza fiskali permanenti tar-rikorrent qabel ma beda jaħdem fi ħdan il-missjoni, jiġifieri d-dritt Irlandiż, bħala dritt industrijali nazzjonali applikabbli. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-aħħar żewġ KŻD, li ma kinux jinkludu stipulazzjoni fir-rigward tal-għażla tad-dritt applikabbli, il-Qorti Ġenerali applikat ir-regola tar-rabtiet l-iktar stretti (6) li wassluha għall-konklużjoni li dawn iż-żewġ kuntratti jibqgħu suġġetti għad-dritt Irlandiż, sa fejn kienet teżisti, fil-fatt, relazzjoni ta’ xogħol kontinwa bejn il-partijiet sa mill-ewwel tal-ħdax-il KŻD u li l-iskemi fiskali, tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet li r-rikorrent jaqa’ taħthom kienu rregolati, skont l-aħħar żewġ KŻD, mid-dritt Irlandiż.

Għalhekk, skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli għall-KŻD (7), li tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam (8), wara tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tiġdid sussegwenti ta’ KŻD jippreżupponi l-eżistenza ta’ “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw dan, li fin-nuqqas tagħhom il-kuntratt imġedded jitqies li ġie konkluż għal żmien indeterminat.

Issa, billi kkonstatat li f’dan il-każ, it-tul massimu permess mil-leġiżlazzjoni Irlandiża kien inqabeż fil-mument tal-konklużjoni tal-aħħar żewġ KŻD inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk kinux jeżistu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-konklużjoni tagħhom. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li ċ-ċirkustanzi proprji tal-Missjoni Eulex Kosovo u b’mod partikolari n-natura temporanja u kontinwa tal-mandat tagħha, fir-rigward tat-tul tiegħu, tal-kontenut tiegħu u tal-finanzjament tiegħu, li jiddetermina neċessarjament in-natura temporanja wkoll tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tiegħu, jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu tal-KŻD suċċessivi inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-aħħar KŻD, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi, minbarra dan, l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi oħra, iktar konkreti u ddettaljati, marbuta mad-deċiżjoni li titneħħa l-pożizzjoni tar-rikorrent wara r-ristrutturazzjoni tal-missjoni, peress li d-data tat-tmiem ta’ dan l-aħħar kuntratt tikkoinċidi mad-data prevista għal din it-tneħħija. Minn dan hija tiddeduċi li kien mingħajr ma twettaq abbuż li ġiet proposta fil-konfront tar-rikorrent il-konklużjoni tal-aħħar KŻD.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba għal riklassifikazzjoni tal-KŻD f’KŻI uniku u, għaldaqstant, ukoll it-talba għal kumpens kuntrattwali sussegwenti.

Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet li permezz tiegħu r-rikorrent jitlob, essenzjalment, kumpens għad-danni mhux kuntrattwali li huwa ġarrab minħabba li ġie rreklutat bħala persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali u mhux taħt is-sistema iktar favorevoli li kienet tapplika għall-persunal tal-Unjoni kkollokat mal-missjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tiċħdu wkoll bħala infondat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, b’mod partikolari, li d-dritt primarju tal-Unjoni li jirrigwarda speċifikament il-PESK u d-dispożizzjonijiet legali relatati mal-Missjoni Eulex Kosovo, kienu jikkostitwixxu bażi legali li tippermetti li r-rikorrent jiġi rreklutat bħala persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali u li ma kienx hemm diskriminazzjoni, u lanqas nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament tar-rikorrent meta mqabbel mal-membri l-oħra tal-persunal bil-kuntratt ta’ din il-missjoni jew tal-persunal tal-Unjoni kkollokat magħha.

Fl-aħħar nett, billi tiċħad l-aħħar kap tat-talbiet tar-rikorrent bħala manifestament inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur allegatament imwettaq mill-konvenuti u d-dannu invokat, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors kollu kemm hu.


1      Digriet tad‑9 ta’ Novembru 2016, Jenkinson vs Il-Kunsill et (T‑602/15, EU:T:2016:660).


2      Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531).


3      Ara Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.


4      Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6),


5      Ara l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I.


6      Ara l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I.


7      Protection of Employees (Fixed – Term Work) Act 2003 (il-Liġi tal-2003 dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema Impjegati (Xogħol għal Żmien Determinat)).


8      Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll il-Ftehim qafas li jinsab fl-anness tagħha.