Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-1 ta’ Frar 2024 – NM, OU vs TE

(Kawża C-77/24, Wunner 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NM, OU

Konvenut: TE

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu mressqa kontra organu ta’ kumpannija minn kreditur tal-kumpannija li jibbaża ruħu fuq ir-responsabbiltà delittwali għal ksur ta’ dispożizzjonijiet protettivi (bħal dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-azzard) minn dan l-organu?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjoni għall-kumpens għad-dannu bbażata fuq ir-responsabbiltà delittwali minħabba telf relatat mal-logħob, li titressaq kontra organu ta’ kumpannija li toffri logħob tal-azzard online fl-Awstrija mingħajr liċenzja, il-post fejn seħħ id-dannu għandu jiġi ddeterminat skont

il-post minn fejn il-ġugatur jagħmel trasferimenti ta’ kreditu mill-kont bankarju tiegħu lejn il-kont tal-logħob ġestit mill-kumpannija,

il-post fejn il-kumpannija tiġġestixxi l-kont tal-logħob, fejn jiġu ddepożitati t-trasferimenti tal-ġugatur, ir-rebħ, it-telf u l-bonusijiet,

il-post minn fejn il-ġugatur iwettaq l-imħatri tiegħu permezz tal-kont tal-logħob, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżultaw f’telf,

il-post ta’ residenza tal-ġugatur bħala l-post tal-pretensjoni tiegħu għall-ħlas tal-bilanċ fil-kont tal-logħob tiegħu,

il-post fejn jinsab il-patrimonju prinċipali tiegħu?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2007, L 199, p. 40