Language of document : ECLI:EU:C:2020:516

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2020 (1)

Kawżi magħquda C245/19 u C246/19

État du Grand-duché de Luxembourg

vs

B (C245/19),

B,

C,

D,

F.C. (C246/19),

fil-preżenza ta’

A

(Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Direttiva 2011/16/UE – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Artikolu 1(1) – Artikolu 5 – Talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor – Ordni għall-għoti ta’ informazzjoni maħruġa mill-awtorità fiskali rikjesta – Rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Artikolu 47 – Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti – Esklużjoni ta’ azzjonijiet ġudizzjarji għal dawk obbligati jipprovdu informazzjoni, għall-persuni taxxabbli kkonċernati mill-informazzjoni u għal terzi oħra kkonċernati”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-ġlieda effettiva kontra l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi fiskali bħalissa tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-pubbliku, tar-riformi ġudizzjarji (2) u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (3). Mingħajr ebda dubju, il-ġlieda internazzjonali kontra t-tnaqqis tal-qligħ iddikjarat u t-trasferiment tal-profitti mill-persuni taxxabbli (l-hekk imsejjaħ proġett BEPS tal-OECD (4)) teżiġi titjib fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati u b’mod partikolari skambju effettiv ta’ data.

2.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jindirizzaw in-naħa l-oħra ta’ sistema effettiva ta’ skambju ta’ informazzjoni: l-interessi legali (pereżempju d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data) tal-persuni obbligati jipprovdu informazzjoni, tal-persuni taxxabbli u ta’ terzi oħra li, f’ċerti ċirkustanzi, ma jkunux jafu dwar il-komunikazzjoni tad-data tagħhom. F’dan il-każ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu eskluda b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tiegħu kull azzjoni ġudizzjarja kontra ordnijiet għall-għoti ta’ informazzjoni.

3.        Fil-kawża Berlioz (5), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li l-persuna li hija obbligata tipprovdi informazzjoni fil-qafas ta’ skambju bejn awtoritajiet fiskali nazzjonali abbażi tad-Direttiva 2011/16 (6) għandha d-dritt li tikkontesta b’mod indirett il-legalità tal-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni fl-Istat Membru rikjest fil-qafas ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li timponi multa amministrattiva, imposta mill-awtorità rikjesta minħabba r-rifjut li tingħata informazzjoni (7).

4.        Iżda f’dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari s-suġġett huwa l-azzjoni ġudizzjarja diretta kontra l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni tal-awtorità fiskali nazzjonali, li tkun trid jew li jkollha tipprovdi informazzjoni lil Stat Membru ieħor li jkun talabha din l-informazzjoni. L-għoti ta’ din l-informazzjoni ma huwiex qiegħed jiġi miċħud biss minn dak li huwa obbligat li jipprovdi l-informazzjoni, iżda wkoll mill-persuna taxxabbli kif ukoll minn terzi oħra kkonċernati.

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja issa hija meħtieġa tiċċara jekk l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni konformement mad-Direttiva 2011/16 tikkostitwixxix indħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna li hija obbligata tipprovdi l-informazzjoni, tal-persuna taxxabbli u ta’ terzi oħra kkonċernati, li fil-konfront tiegħu għandha tkun possibbli azzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar sa fejn huwa meħtieġ li t-talba tkun konkreta u preċiża fir-rigward tal-persuni kkonċernati sabiex l-awtorità fiskali rikjesta tkun tista’ tiddetermina r-“rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba għall-finijiet tal-proċeduri fiskali fi Stat Membru ieħor. L-informazzjoni ta’ “rilevanza prevedibbli” biss hija s-suġġett ta’ kooperazzjoni amministrattiva skont id-Direttiva 2011/16.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6.        L-Artikolu 7 tal-Karta (“Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”) jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.”

7.        L-Artikolu 8 tal-Karta (“Il-protezzjoni tad-data personali”) jipprevedi:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

(3)      […]”

8.        L-Artikolu 47(1) tal-Karta jirregola d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

2.      Id-Direttiva 2011/16

9.        Il-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16 hija fformulata kif ġej:

“[…] L-istandard ta’ ‘rilevanza prevedibbli’ huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa safejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri mhumiex liberi li jippruvaw jiksbu informazzjoni jew jitolbu informazzjoni li x’aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ pagatur speċifiku tat-taxxa […]”

10.      L-Artikolu 1 jiddetermina s-suġġett tad-Direttiva 2011/16:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.

2.      […]

3.      Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kooperazzjoni amministrattiva usa’ li tirriżulta minn strumenti legali oħra, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.”

11.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 jipprevedi l-proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni fuq talba:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi.”

12.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/16 jirregola l-passi li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-talba għall-informazzjoni:

“1.      L-awtorità rikjesta għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta’ kwalunkwe indaġni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.      […]

3.      Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex titwettaq l-indaġni amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta’ awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.

4.      […]”

13.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/16 jiċċara li l-protezzjoni tad-data għandha tibqa’ tapplika anki fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni.

B.      Id-dritt internazzjonali pubbliku

1.      Il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam tat-Tassazzjoni

14.      Fil-25 ta’ Jannar 1988, l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Pajjiżi Membri tal-OECD iffirmaw il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam tat-Tassazzjoni (8). L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kollha rratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam tat-Tassazzjoni.

15.      Għat-tipi kollha ta’ assistenza amministrattiva japplika l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar l-azzjonijiet ġudizzjarji:

“1.      Azzjoni ġudizzjarja kontra l-miżuri implimentati mill-Istat rikjest skont din il-Konvenzjoni tista’ titressaq biss quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat.

2.      […]

3.      Ladarba tkun ingħatat deċiżjoni finali dwar l-azzjoni ġudizzjarja, l-Istat rikjest […] jinforma lill-Istat l-ieħor dwar din id-deċiżjoni u l-effetti tagħha fuq it-talba għal assistenza amministrattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD

16.      Fit-30 ta’ Lulju 1963, il-Kunsill tal-OECD adotta rakkomandazzjoni dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja (il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD) (9).

17.      L-Artikolu 26(1) tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD jindirizza l-iskambju ta’ informazzjoni u jipprevedi:

“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kontraenti għandhom jibagħtu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni jew dawk tal-liġi interna dwar taxxa ta’ kull tip jew deskrizzjoni miġbura f’isem l-Istati kontraenti, is-sottodiviżjonijiet politiċi tagħhom jew l-awtoritajiet lokali tagħhom sakemm it-taxxa prevista fiha ma tkunx kuntrarja għall-Konvenzjoni. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3.      Il-Konvenzjoni dwar it-Taxxa bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta’ Spanja

18.      Sa mill-1988 tapplika l-Konvenzjoni dwar it-taxxa tat-3 ta’ Ġunju 1986 bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta’ Spanja, iffirmata fit-3 ta’ Ġunju 1986 f’Madrid (10). L-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa jirregola l-iskambju ta’ informazzjoni u huwa konformi mal-Artikolu 26(1) tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.

C.      Id-dritt Lussemburgiż

1.      Il-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2013

19.      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ttraspona d-Direttiva 2011/16 permezz tal-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2013 (11).

20.      L-Artikolu 6 tal-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2013 jaqra:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tikkomunikalha kwalunkwe informazzjoni prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru rikjedenti dwar it-taxxi u d-dazji msemmija fl-Artikolu 1, li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li hija tikseb permezz ta’ investigazzjonijiet amministrattivi.”

2.      Il-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014

21.      Din il-liġi kienet segwita mil-loi du 25 novembre 2014 prévoyant la procédure applicable à l’échange de renseignements sur demande en matière fiscale (il-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-proċedura applikabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba fil-qasam tat-tassazzjoni) (12). Fl-Artikolu 1 tagħha huwa previst dan li ġej:

“1.      Din il-liġi hija applikabbli b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għat-talbiet għall-iskambju ta’ informazzjoni li jsiru fil-qasam tat-tassazzjoni u li jsiru mill-awtorità kompetenti ta’ Stat rikjedenti taħt:

[…]

(4)      il-liġi emendata tad-29 ta’ Marzu 2013 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni […]”

22.      L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet fiskali huma awtorizzati jitolbu kull tip ta’ informazzjoni li tkun mitluba għall-applikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni kif previst mill-konvenzjonijiet u liġijiet mingħand il-possessur ta’ din l-informazzjoni.

2.      Il-possessur tal-informazzjoni huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni mitluba, kollha kemm hi, b’mod preċiż, mingħajr alterazzjoni, u dan fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba. Dan l-obbligu jinkludi t-trażmissjoni mingħajr alterazzjoni tal-fajls li fuqhom tkun ibbażata l-informazzjoni.

[…]”

23.      L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jaqra:

“1.      L-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tivverifika r-regolarità formali tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni. Il-forma tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni tkun regolari jekk hija tkun tinkludi l-indikazzjoni tal-bażi legali u tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba kif ukoll l-indikazzjonijiet l-oħra previsti mill-konvenzjonijiet u liġijiet.

[…]

3.      Jekk l-amministrazzjoni fiskali kompetenti ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba, id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew id-delegat tiegħu għandu jinnotifika b’ittra rreġistrata indirizzata lill-possessur tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu li tordna li tingħata l-informazzjoni mitluba. In-notifika tad-deċiżjoni lill-possessur tal-informazzjoni mitluba tiswa bħala notifika lil kull persuna oħra hemm imsemmija.

[…]”

24.      L-Artikolu 5(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jipprevedi:

“Jekk l-informazzjoni mitluba ma tingħatax fit-terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba, multa amministrattiva fiskali sa massimu ta’ EUR 250 000 tista’ tiġi imposta fuq il-possessur tal-informazzjoni. L-ammont għandu jiġi ffissat mid-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew mid-delegat tiegħu.”

25.      L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jistabbilixxi li:

“1.      Ma tista’ tiġi ppreżentata l-ebda azzjoni ġudizzjarja kontra t-talba għal skambju ta’ informazzjoni u d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (3).

2.      Il-possessur tal-informazzjoni għandu jkollu l-possibbiltà ta’ rikors għal bidla tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 quddiem it-tribunal administratif [(it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu)]. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni lid-detentur tal-informazzjoni mitluba. Ir-rikors għandu jkollu effett sospensiv. B’deroga mid-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura quddiem il-qrati amministrattivi, kull parti tista’ tippreżenta nota waħda biss (inkluż ir-rikors). Ir-risposta għar-rikors għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mill-preżentata tar-rikors fl-uffiċċju tar-reġistru tal-qrati. Madankollu, fl-interess tal-istruttorja tal-kawża, il-president tal-awla inkarigata mid-deċiżjoni jista’ jordna ex officio li jitressqu noti supplimentari fit-terminu stabbilit minnu stess. It-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) għandu jiddeċiedi fi żmien xahar mill-preżentata tar-risposta għar-rikors jew mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ noti supplimentari.”

3.      Il-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019

26.      Il-loi du 1er mars 2019 portant modification de la loi du 25 novembre (il-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019 li temenda l-Liġi tal-25 ta’ Novembru) (13) daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Marzu 2019. Permezz tal-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019, ġew emendati b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014.

27.      L-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 issa jipprovdi li l-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tiżgura li l-informazzjoni mitluba ma tkunx nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fid-dawl tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u tad-detentur tal-informazzjoni kkonċernat kif ukoll tal-bżonnijiet tal-kontroll fiskali inkwistjoni.

28.      Skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, id-detentur tal-informazzjoni issa għandu rikors għal annullament quddiem il-qrati amministrattivi kontra d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(3).

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

29.      Il-kawżi prinċipali jikkonċernaw żewġ talbiet għal informazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola lill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża. L-amministrazzjoni fiskali Spanjola tibbaża dawn it-talbiet fuq il-Konvenzjoni dwar it-Taxxa konkluża fit-3 ta’ Ġunju 1986 bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta’ Spanja u fuq id-Direttiva 2011/16. Iż-żewġ talbiet għal informazzjoni jikkonċernaw l-artista F.C. residenti fi Spanja.

1.      Il-kuntest tal-Kawża C245/19

30.      Wara talba inizjali għal informazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2016, fis-16 ta’ Ġunju 2017 id-Directeur de l’administration des contributions directes de Luxembourg (id-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti tal-Lussemburgu) ħareġ deċiżjoni indirizzata lill-kumpannija B, kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, huwa ordna lill-kumpannija B sabiex tipprovdi, għall-perijodu mill-2011 sal-2014, il-kopji tal-kuntratti dwar id-drittijiet ta’ F.C. konklużi mill-kumpannija B mal-kumpanniji E u F.

31.      Barra minn hekk, huwa talab lill-kumpannija B tipprovdilu l-informazzjoni u d-dokumenti segwenti:

“Nitolbok tipprovdi kopji tal-kuntratti l-oħra kollha matul is-snin fiskali 2011 sa 2014 u tal-kuntratti l-oħra kollha konklużi qabel jew wara, li jibdew jiddekorru matul l-imsemmija snin fiskali u li jikkonċernaw l-artista F.C.”

32.      Fl-aħħar nett, huwa ordna lill-kumpannija B sabiex tipprovdi kopji tal-fatturi kollha maħruġa u rċevuti dwar dawn il-kuntratti, kif ukoll sabiex tispeċifika l-mod ta’ kif jiġu rkuprati u l-ħlas tagħhom, kif ukoll informazzjoni iktar iddettaljata dwar il-kontijiet bankarji u l-istituzzjonijiet fiskali li fihom jinżammu r-riżorsi fiskali kkontabbilizzati.

33.      Din l-ittra kienet tindika li, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, din id-deċiżjoni ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors.

2.      Il-kuntest tal-Kawża C246/19

34.      Wara talba oħra għal informazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2017, l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża, fid-29 ta’ Mejju 2017, ħarġet deċiżjoni indirizzata lill-bank A, li għandu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu. F’din id-deċiżjoni, hija ordnat lill-bank A jsemmi, għall-perijodu mill-2011 sal-2014, id-detenturi attwali ta’ kont bankarju partikolari, l-ismijiet tal-persuna jew tal-persuni awtorizzati jwettqu tranżazzjonijiet fil-kont bankarju, l-ismijiet tal-persuna jew tal-persuni li fetħu dan il-kont, anki jekk id-data tal-ftuħ ma tikkorrispondix għall-perijodu kopert minn din id-deċiżjoni, u r-rendikonti għall-perijodu msemmi kif ukoll isemmi s-sidien benefiċjarji tal-kont.

35.      Il-bank A ntalab ukoll jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin għall-perijodu bejn l-2011 u l-2014:

–        “Jekk jogħġbok indika jekk il-kont […] infetaħx wara l-31 ta’ Diċembru 2014. Jekk dan huwa l-każ, indika jekk il-fondi joriġinawx minn kont ieħor miftuħ mal-istituzzjoni tiegħek u, jekk iva, jekk jogħġbok ibgħat l-estratti ta’ dan il-kont l-ieħor għall-perijodu msemmi.

–        Indika l-assi kollha miżmuma minn F.C. għall-kumpannija D, għall-kumpannija B jew għal kumpanniji oħra kkontrollati minn F.C. matul il-perijodu msemmi u jekk jogħġbok ippreżenta l-provi f’dan ir-rigward.

–        Indika l-assi kollha li F.C. hija s-sid benefiċjarju tagħhom matul dan il-perijodu msemmi u ppreżenta provi f’dan ir-rigward.”

36.      Fl-aħħar nett, l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża talbet lill-bank A jipproduċi kopja tad-dokumenti kollha rilevanti għall-punti indikati iktar ’il fuq. Din l-ittra kienet tindika wkoll li, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, ma jista’ jkun hemm l-ebda azzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni.

3.      Il-proċeduri ġudizzjarji fil-kawżi prinċipali

37.      Fis-17 ta’ Lulju 2017, il-kumpannija B (Kawża C 245/19) u F.C. kif ukoll il-kumpanniji B, C u D (Kawża C‑246/19) ippreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) kontra l-ordnijiet tal-amministrazzjoni fiskali tal-Lussemburgu tad-29 ta’ Mejju u tas-16 ta’ Ġunju 2017, fejn talbu, prinċipalment, li ssir emenda għal kull ordni u, sussidjarjament, l-annullament ta’ dawn l-ordnijiet. Il-bank A pparteċipa fil-proċedura tal-aħħar.

38.      Permezz ta’ sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2018, it-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) laqa’ parzjalment dawn ir-rikorsi. Minn naħa, huwa annulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017 (Kawża C‑245/19) sa fejn ordnat lill-kumpannija B tipprovdi kopja tal-kuntratti kollha tas-snin fiskali 2011 sa 2014, minbarra l-kuntratti konklużi mal-kumpanniji E u F relatati mad-drittijiet ta’ F.C. u tal-kuntratti l-oħra kollha konklużi qabel jew wara li għandhom il-bidu tagħhom fis-snin fiskali msemmija u li jikkonċernaw lil F.C.

39.      Min-naħa l-oħra, huwa annulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 (Kawża C‑246/19) sa fejn din tordna lill-bank A:

–        fil-każ li l-kont bankarju inkwistjoni jkun infetaħ wara l-31 ta’ Diċembru 2014, jispeċifika jekk il-fondi joriġinawx minn kont ieħor miftuħ mal-istituzzjoni bankarja u, jekk iva, jippreżenta l-estratti ta’ dan il-kont l-ieħor għall-imsemmi perijodu,

–        jiddikjara l-assi kollha miżmuma mill-persuna taxxabbli kkonċernata għal kumpanniji oħra minbarra l-kumpanniji B u D li din tikkontrolla matul l-imsemmi perijodu u jippreżenta l-provi f’dan ir-rigward, u

–        jindika l-assi kollha li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet is-sid benefiċjarju tagħhom matul dan il-perijodu u jipprovdi l-provi f’dan ir-rigward.

40.      It-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) ibbaża l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet ġudizzjarji fuq il-fatt li l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 imur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta u għalhekk ma għandux jiġi applikat. Fuq il-mertu, huwa qies li l-imsemmija informazzjoni mitluba mill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża ma hijiex “prevedibbilment rilevanti” fis-sens tad-Direttiva 2011/16.

41.      Fl-24 ta’ Lulju 2018, l-État du Grand-duché de Luxembourg (l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) appella minn dawn is-sentenzi quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu). B’mod partikolari, l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, minn naħa, li d-dritt Lussemburgiż jippermetti biss azzjoni quddiem il-qrati amministrattivi kontra l-impożizzjoni ta’ multa. Dan huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet Spanjoli hija “prevedibbilment rilevanti”.

4.      Id-deċiżjonijiet tar-rinviju u d-domandi preliminari

42.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ digrieti tal-14 ta’ Marzu 2019, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin fil-Kawża C‑245/19:

“1.      L-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, possibbilment moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, stabbilita b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE, teskludi kwalunkwe dritt għal azzjoni, b’mod partikolari ġudizzjarja, min-naħa ta’ terz li għandu fil-pussess tiegħu informazzjoni kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbligah li jipprovdilha informazzjoni sabiex jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati, jekk ikun il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura evoluttiva tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, fis-sens li talba għal skambju, flimkien ma’ ordni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jagħti segwitu għaliha, jissodisfaw il-kriterju tal-assenza ta’ nuqqas manifest ta’ rilevanza prevedibbli fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jindika l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni mitluba, meta jipprova jikseb informazzjoni dwar kuntratti u l-fatturazzjonijiet u ħlasijiet relatati, li ma humiex speċifikati iżda li huma ddefiniti permezz tal-kriterji li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li huma ġew konklużi mill-persuna li ġiet identifikata bħala li għandha l-informazzjoni, it-tieni nett, l-applikabbiltà tagħhom matul is-snin taxxabbli kkonċernati mill-investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat li jagħmel it-talba u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli identifikata kkonċernata?”

43.      Fil-Kawża C‑246/19, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, possibbilment moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-imsemmija karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, stabbilita b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE, teskludi kwalunkwe dritt għal azzjoni, b’mod partikolari ġudizzjarja, min-naħa tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u ta’ terza persuna kkonċernata, kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbliga lil persuna li għandha informazzjoni fil-pussess tagħha tipprovdilha informazzjoni sabiex jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati, jekk ikun il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura evoluttiva tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, fis-sens li talba għal skambju, flimkien ma’ ordni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jagħti segwitu għaliha, jissodisfaw il-kriterju tal-assenza ta’ nuqqas manifest ta’ rilevanza prevedibbli fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jindika l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni mitluba, meta jipprova jikseb informazzjoni dwar kontijiet bankarji u assi finanzjarji li ma humiex speċifikati iżda li huma ddefiniti permezz tal-kriterji li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li huma miżmuma minn persuna li ġiet identifikata bħala li għandha l-informazzjoni, it-tieni nett, is-snin taxxabbli kkonċernati mill-investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat li jagħmel it-talba u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli identifikata kkonċernata?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44.      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ April 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19 jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

45.      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2020.

V.      Evalwazzjoni ġuridika

A.      Fuq l-ewwel domandi preliminari

46.      Permezz tal-ewwel domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ ordni għall-għoti ta’ informazzjoni, il-persuna taxxabbli kkonċernata u t-terz ikkonċernat għandux ikollhom id-dritt li jiftħu azzjoni ġudizzjarja effettiva kontra din l-ordni tal-awtorità rikjesta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit jekk l-imsemmija kategoriji ta’ persuni jistgħux jiġu ppreġudikati fid-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali).

1.      Fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tad-destinatarji tal-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni (C245/19)

47.      Għal dak li jirrigwarda d-destinatarji, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, permezz tal-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019, introduċa possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni. Iżda dan ma jaffettwa bl-ebda mod l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑245/19. Dan għaliex, f’dan il-każ, id-destinatarju ppreżenta r-rikors tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019.

48.      Il-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra ordni għall-għoti ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni tippreġudikax id-drittijiet tad-destinatarju fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk din l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u jekk tikkonċernax “[i]d-drittijiet u l-libertajiet garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni”.

a)      Fuq l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni bħala implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

49.      Skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri meta jkunu qiegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss.

50.      Fil-kawża Berlioz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta jipprevedi multa kontra persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi u li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn l-awtoritajiet fiskali bbażat, b’mod partikolari, fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16.(14)

51.      Sa fejn id-deċiżjoni li timponi multa, li ma hijiex irregolata mid-Direttiva 2011/16, tikkostitwixxi diġà implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dan japplika a fortiori fir-rigward tal-passi ulterjuri, irregolati mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/16, meħuda mill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru rikjest fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa għalhekk miftuħ.

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta

52.      L-esklużjoni tal-azzjoni ġudizzjarja kontra l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni tikkostitwixxi għalhekk ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta għad-destinatarju ta’ din l-ordni meta din tal-aħħar tkun tista’ tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

53.      Huwa minnu li d-Direttiva 2011/16 tistabbilixxi biss regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri. Hija għaldaqstant ma tinkludix drittijiet għall-individwi. Madankollu, persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi tista’, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16, tinvoka l-Artikolu 47 tal-Karta u tiddefendi l-kawża tagħha quddiem qorti (15).

54.      Fir-rigward tad-destinatarju tal-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Karta jew li jiġi ddeterminat liema dritt konkretament inkiser. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kawża Berlioz, din il-possibbiltà ta’ ksur teżisti dejjem fir-rigward tad-destinatarju ta’ miżura tal-awtorità pubblika li tikkawżalu preġudizzju (16).

55.      Dan japplika bl-istess mod kemm għad-destinatarju ta’ ordni għall-għoti ta’ informazzjoni kif ukoll għad-destinatarju ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu ċerti Stati Membri, l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni diġà tikkostitwixxi att legali li jikkawża preġudizzju għad-destinatarju tagħha. L-impożizzjoni ta’ tali obbligu li tingħata informazzjoni, marbuta barra minn hekk ma’ sanzjoni, ma tikkostitwixxix sempliċi att preparatorju. Minn naħa, id-destinatarju huwa marbut direttament b’azzjoni preċiża, f’dan il-każ il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma hemm ebda miżura li tikkawża preġudizzju li tiġi ppreparata kontra min hu obbligat li jipprovdi l-informazzjoni. L-iktar l-iktar din il-miżura tiġi ppreparata permezz tal-avviż tat-taxxa indirizzat lill-persuna taxxabbli. L-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni lanqas ma hija miżura preparatorja għal deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, id-deċiżjoni li timponi multa tissanzjona l-ksur tal-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni u ma hijiex l-għan tagħha.

56.      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata abbażi tal-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja inċidentali, bħal dik ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Berlioz, permezz tal-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra eventwali deċiżjoni ta’ multa (17).

57.      Fi Stat tad-dritt, bħal f’Unjoni tad-dritt, ma huwiex raġonevoli li l-individwu kkonċernat jintalab jikser ordni amministrattiva sabiex ikun jista’ jikkontesta, b’mod inċidentali, il-legalità tal-ordni (18). Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, l-awtorità fiskali jkollha setgħa diskrezzjonali sabiex tibda proċedura għall-impożizzjoni ta’ multa. Fil-fatt, f’tali każ, l-awtorità fiskali jkollha s-setgħa li tevita eżami tal-legalità tat-talba għal informazzjoni billi tastjeni milli tirrikorri għal proċedura għall-impożizzjoni ta’ multa.

c)      Konklużjoni

58.      Id-destinatarju ta’ ordni għall-għoti ta’ informazzjoni, adottata fil-kuntest ta’ skambju bejn awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri skont id-Direttiva 2011/16, għandu d-dritt, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, li jissuġġetta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju. L-esklużjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja għad-destinatarju ta’ ordni għall-għoti ta’ informazzjoni għalhekk tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta.

2.      Fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tal-persuni taxxabbli kkonċernati mill-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni (C246/19)

59.      Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja għall-persuni taxxabbli, indirettament ikkonċernati minn ordni għall-għoti ta’ informazzjoni indirizzata lil ħaddieħor, tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

60.      L-adozzjoni tal-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa għalhekk miftuħ (ara l-punti 49 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

a)      Fuq il-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali tal-persuni taxxabbli kkonċernati indirettament

61.      Sabiex japplika l-Artikolu 47 tal-Karta, huwa meħtieġ li jkunu kkonċernati drittijiet jew libertajiet proprji tal-persuni taxxabbli. Ksur tad-dritt fundamentali tal-persuni taxxabbli għall-protezzjoni tad-data personali jista’ jiġi kkunsidrat meta awtorità fiskali tobbliga lil terz (fil-Kawża C‑246/19, bank) sabiex jikkomunika informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, l-ishma soċjali u l-assi finanzjarji ta’ dawn il-persuni taxxabbli.

62.      Skont l-Artikolu 8(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

63.      Data personali tfisser kull tagħrif li jkollu x’jaqsam ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (19). Informazzjoni dwar il-livell tad-dħul hija data personali (20). L-istess japplika għall-informazzjoni dwar id-data bankarja. F’dan ir-rigward, tista’ tintuża wkoll il-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB (21).

64.      F’dan il-każ, hemm inkwistjoni informazzjoni dwar il-kontijiet, il-bilanċ tal-kontijiet, assi u holdings oħra f’kumpanniji ta’ persuna fiżika, jiġifieri data personali. Il-kamp ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 8 tal-Karta huwa għalhekk miftuħ.

65.      L-obbligu li din id-data tintbagħat lill-amministrazzjoni fiskali mid-destinatarju tal-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni huwa ndħil fid-dritt fundamentali tal-persuni taxxabbli. Kuntrarjament għal dak li jsostnu ċerti Stati Membri, dan l-indħil ma jistax jiġi nnegat bl-argument li l-ordni ma tikkostitwixxix fiha nnifisha att legali li jikkawża preġudizzju, iżda biss meta tiġi implimentata. Għall-kuntrarju, l-ordni diġà tikkostitwixxi att legali li jikkawża preġudizzju dirett fir-rigward tad-destinatarju (ara l-punt 61 iktar ’il fuq) u att legali li jikkawża preġudizzju indirett fir-rigward tal-persuna taxxabbli. L-obbligu nnifsu li tittieħed azzjoni mid-destinatarju diġà jipperikola d-drittijiet fundamentali tal-persuna taxxabbli. Fil-fatt, l-implimentazzjoni neċessarja ta’ dan l-obbligu tagħti lill-awtorità pubblika aċċess għad-data personali, mingħajr ma s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu (22).

66.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma tipprekludix dan. Minn dan isegwi li, fl-iktar stadju aħħari, it-trażmissjoni tad-data bankarja tal-persuna taxxabbli lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat rikjedenti tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB (23). Madankollu, dan ma jeskludix li diġà kien hemm indħil fi stadju preċedenti.

67.      B’riżultat ta’ dan, l-obbligu ta’ terz li jikkomunika data personali tal-persuni taxxabbli jirrigwarda, fi kwalunkwe każ, id-dritt fundamentali ta’ dawn il-persuni taxxabbli mislut mill-Artikolu 8 tal-Karta. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk hemmx indħil fl-Artikolu 7 tal-Karta (rispett għall-ħajja privata u tal-familja).

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba l-esklużjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja minkejja l-possibbiltà li jiġi kkontestat l-avviż tat-taxxa

68.      Rimedju ġudizzjarju quddiem il-qrati tal-Istat rikjest, f’dan il-każ il-Gran Dukat Lussemburgu, jista’ ma jkunx neċessarju jekk ikun biżżejjed li l-persuna taxxabbli tkun tista’ sussegwentement tikkontesta l-avviż tat-taxxa li jkun indirizzat lilha, f’dan il-każ mingħand l-awtoritajiet fiskali Spanjoli rikjedenti. Sa fejn il-persuna taxxabbli tista’ wkoll tinvoka, f’din il-kawża, nuqqasijiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova, jista’ jiġi sostnut li l-azzjoni ġudizzjarja li tista’ tressaq fi Spanja hija suffiċjentement effettiva sabiex jiġi eskluż ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

69.      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jinkludi ebda indikazzjoni konkreta dwar il-modalitajiet ta’ azzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda jeżiġi biss li kull persuna għandu jkollha rimedju effettiv quddiem qorti. Dan l-artikolu ma jeħtieġx li l-azzjoni ġudizzjarja għandha tkun immirata kontra l-att ta’ awtorità pubblika tal-Istat. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li anki azzjoni ġudizzjarja inċidentali tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun effettiva (24). Minn dan, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkonkludu, b’mod partikolari, li l-azzjoni ġudizzjarja kontra l-avviż tat-taxxa hija suffiċjenti.

70.      Dan l-argument jista’ jiġi sostnut mill-għan tad-Direttiva 2011/16, jiġifieri l-ġlieda effettiva kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali internazzjonali (25). Ir-rimedju ġudizzjarju minn qabel u kontra l-komunikazzjoni tal-informazzjoni jwassal mill-inqas għal dewmien.

71.      Madankollu, jeżistu żewġ tipi ta’ ndħil distinti u indipendenti wieħed mill-ieħor, fl-isfera tal-qasam tad-drittijiet fundamentali, li ġuridikament għandhom jiġu separati minn xulxin. F’xenarju minnhom tintalab data personali mingħand persuna oħra. Dan jikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata tal-persuna taxxabbli, protetta, fuq il-livell tal-Unjoni, mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fix-xenarju l-ieħor jiġi impost fuq il-persuna taxxabbli obbligu ta’ ħlas ta’ flus. Dan tal-aħħar normalment ma jaffettwax id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata, iżda, jekk ikun il-każ, jolqot id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 20 (l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi) kif ukoll fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta (il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà).

72.      L-indipendenza taż-żewġ tipi ta’ ndħil tirriżulta wkoll mill-fatt li l-ġbir ta’ data ma huwiex illegali minħabba s-sempliċi fatt li l-avviż tat-taxxa huwa żbaljat. L-avviż tat-taxxa lanqas ma huwa neċessarjament żbaljat għas-sempliċi raġuni li l-ġbir ta’ data kien illegali. Fi kwalunkwe każ, jekk il-ġbir illegali ta’ data ġie inkorporat fl-avviż tat-taxxa, mid-dritt tal-Unjoni ma tirriżultax projbizzjoni assoluta fir-rigward tal-użu ta’ din id-data (26).

73.      Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit jekk huwiex ser jinħareġ avviż tat-taxxa, u meta ser jinħareġ. Jekk id-data miġbura tkun timplika, pereżempju, l-assenza ta’ eżiġibbiltà tat-taxxa fl-Istat rikjedenti, qatt ma jkun hemm avviż tat-taxxa fil-konfront tal-persuna taxxabbli li din tkun tista’ tikkontesta. L-istess japplika meta d-data miġbura ma tkunx rilevanti fil-qasam tat-tassazzjoni, iżda jinħareġ avviż tat-taxxa għal raġunijiet oħra. Fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra dan l-avviż tat-taxxa, huwa diffiċli għall-persuna taxxabbli li tikkontesta n-natura illegali tal-ġbir “mingħajr suċċess” ta’ data.

74.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, azzjoni ġudizzjarja inċidentali kontra l-ġbir ta’ data permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra l-avviż tat-taxxa ma tikkostitwixxix azzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Tali azzjoni ġudizzjarja ma tkunx għadha tista’ tipprekludi b’mod effettiv l-indħil fil-protezzjoni tad-data personali. Dan ikun diġà twettaq mal-ġbir tad-data. Sussegwentement, l-eventwali pproċessar tad-data jipperpetwa dan l-indħil, b’tali mod li azzjoni ġudizzjarja kontra l-użu tad-data fil-kuntest tal-proċedura fiskali, anki jekk kienet teżisti projbizzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu, kull ma jagħmel huwa li jneħħi l-kontinwità tal-indħil iżda mhux l-indħil innifsu.

75.      Possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja lanqas ma hija ta’ natura li tostakola l-assistenza amministrattiva transkonfinali, kif jixhdu Stati Membri oħra li jipprevedu possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja (27). Għall-kuntrarju, dan jiddependi mill-modalitajiet tal-azzjoni ġudizzjarja. Fir-rigward ta’ dawn il-modalitajiet, huwa għalkollox possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess ta’ assistenza amministrattiva effettiva u rapida, imsemmi fil-premessi 6, 27 u 29 tad-Direttiva 2011/16. Madankollu, l-esklużjoni ta’ kull azzjoni ġudizzjarja tmur kontra l-garanzija prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta.

76.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2011/16 stess hija bbażata fuq l-obbligu legalment limitat ta’ assistenza amministrattiva. Dan għaliex l-Istat rikjedenti jista’ jitlob biss informazzjoni prevedibbilment rilevanti (ara l-Artikoli 1(1) u 5 kif ukoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16). Din il-kundizzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mitlub mid-destinatarju, kemm fil-kuntest tal-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa (28), kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors kontra l-ordni stess (ara punti 52 et seq. iktar ’il fuq).

77.      B’mod partikolari, l-Artikolu 23(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam tat-Tassazzjoni jippermetti wkoll li tinfetaħ azzjoni ġudizzjarja kontra l-miżuri implimentati mill-Istat rikjest (ara l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2011/16).

78.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza fil-kawża Sabou (29), kuntrarjament għal dak li jsostnu kważi l-partijiet kollha. Din la kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni fil-kawża Berlioz (30) u lanqas dik fil-kawżi preżenti.

79.      Għall-kuntrarju, fil-kawża Sabou, il-kwistjoni kienet dwar jekk seduta (oħra) fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva pendenti kinitx neċessarja għal finijiet ta’ talba għal informazzjoni bejn żewġ awtoritajiet fiskali. Konkretament, il-kwistjoni kienet dwar jekk l-awtorità rikjedenti kinitx meħtieġa tisma’ u tinvolvi lill-persuna taxxabbli qabel ma tivverifika l-informazzjoni li waslet fil-pussess tagħha permezz ta’ talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor.

80.      Filwaqt li l-kawża Sabou kienet tikkonċerna talba indirizzata lil awtorità pubblika oħra, il-kwistjoni hija, f’dawn il-kawżi, dwar ordni marbuta ma’ sanzjoni indirizzata lil individwu. Sakemm awtorità fiskali titlob biss, bħal fil-kawża Sabou, informazzjoni mingħand awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor, hija ma hijiex obbligata, fid-dritt tal-Unjoni, li tinnotifika lill-persuna taxxabbli u li tiġbor l-osservazzjonijiet tagħha (31). Il-Karta ma timponi ebda azzjoni ġudizzjarja kontra kull stadju intermedju fi proċedura amministrattiva (32). Min-naħa l-oħra, l-ordnijiet għall-għoti ta’ informazzjoni indirizzati lil terzi jmorru lil hinn minn tali attività preparatorja ta’ investigazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet fiskali.

81.      Barra minn hekk, fil-kawża Sabou, il-persuna taxxabbli kienet diġà nstemgħet peress li hija stess kienet ħejjiet l-informazzjoni li kellha tiġi vverifikata. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet id-dritt għal smigħ fi stadju intermedju fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (33). F’dawn il-kawżi, iżda, il-kwistjoni ma hijiex dwar id-dritt għal smigħ fi proċedura amministrattiva. Il-kwistjoni hija pjuttost dwar id-dritt ta’ persuna għal azzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti sabiex tiġi mistħarrġa deċiżjoni amministrattiva indirizzata lil individwu ieħor u li tikkonċerna lil din il-persuna stess. Għaldaqstant, f’dan il-każ, is-sentenza Sabou ma hijiex rilevanti.

c)      Konklużjoni

82.      Il-persuna taxxabbli kkonċernata fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri skont id-Direttiva 2011/16 tista’, għalhekk, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, titlob stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ ordni għall-għoti ta’ informazzjoni indirizzata lil terz li tirrigwarda d-data personali tagħha. L-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta.

3.      Fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward ta’ wieħed mit-terzi kkonċernati mill-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni (C246/19)

83.      Għalhekk għad irid jiġi ddeterminat, fil-kuntest tal-ewwel domandi, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terzi kkonċernati għandhom ukoll ikunu jistgħu jiftħu azzjoni ġudizzjarja kontra l-ordnijiet tal-awtorità fiskali rikjesta.

84.      F’dan ir-rigward, dawn it-terzi kkonċernati ma humiex huma stess id-destinatarji tal-ordnijiet tal-awtorità fiskali rikjesta (ara l-punti 47 et seq. iktar ’il fuq) u lanqas ma huma parti fil-proċedura fiskali tal-awtorità fiskali rikjedenti (ara l-punti 59 et seq. iktar ’il fuq).

85.      Fil-proċedura li tat lok għall-Kawża C‑246/19, l-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża talbet lill-bank A sabiex, b’mod partikolari, jipprovdi informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u assi li jikkonċernaw ukoll terzi (il-kumpanniji B, C u D). Bħal fil-konfront tal-persuna taxxabbli (punti 62 et seq. iktar ’il fuq), l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni għandha eventwalment tippreġudika d-“drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni” fil-konfront tat-terzi kkonċernati wkoll (Artikolu 47 tal-Karta).

86.      Hawnhekk ukoll, il-partijiet ikkonċernati adottaw pożizzjonijiet dijametrikament opposti. Filwaqt li r-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqisu li ma huwiex neċessarju li jingħata rimedju ġudizzjarju lit-terzi kkonċernati, il-Kummissjoni tqis li tali dritt jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta.

a)      Fuq il-ksur eventwali tad-drittijiet fundamentali tat-terzi kkonċernati indirettament

87.      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet jew il-libertajiet tat-terzi, f’dan il-każ kumpanniji differenti, humiex ikkonċernati fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta meta l-awtorità fiskali tobbliga lil ħaddieħor jiżvela informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u l-assi tal-kumpanniji. Għal darba oħra, qegħdin jiġu indirizzati hawnhekk id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

88.      Huwa minnu li, skont il-formulazzjoni tiegħu (“persuna”, “data personali”), l-Artikolu 8 tal-Karta huwa applikabbli. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dritt sekondarju tal-protezzjoni tad-data (34), il-persuni fiżiċi biss jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data previst fl-Artikolu 8 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, il-persuni ġuridiċi jistgħu jinvokaw il-protezzjoni tad-“data personali” taħt l-Artikolu 8 tal-Karta fil-każ biss li isimhom jindika persuna fiżika (35). Il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex il-każ hawnhekk tista’ tibqa’ miftuħa peress li l-kumpanniji jistgħu eventwalment jibbażaw ruħhom fuq dritt stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

89.      L-Artikolu 7 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt fundamentali ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dan id-dritt għandu jkopri, għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali, kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (36). Il-protezzjoni tal-ħajja privata tkopri wkoll l-attivitajiet professjonali jew ta’ negozju, inklużi t-tranżazzjonijiet li jirriżultaw minnhom (37). Hija koperta wkoll l-informazzjoni dwar id-data bankarja (38).

90.      F’dan il-kuntest, il-persuni ġuridiċi jistgħu wkoll jinvokaw l-Artikolu 7 tal-Karta (39). Madankollu, fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni ta’ ndħil fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-persuni ġuridiċi jistgħu japplikaw kriterji differenti minn dawk applikabbli għall-persuni fiżiċi (40). Madankollu, dan ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

91.      F’dan il-każ, intalbet informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u l-assi, li jikkonċernaw ukoll il-kumpanniji B, C u D. Għaldaqstant, dawn il-persuni ġuridiċi jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7 tal-Karta.

92.      Kuntrarjament għal dak li sostnew ċerti Stati Membri, l-indħil fl-Artikolu 7 tal-Karta jista’ jkun ta’ importanza simili għat-terzi kkonċernati bħalma huwa għad-destinatarju tal-ordni tal-awtorità rikjesta u tal-persuni taxxabbli. B’hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li t-talba għal informazzjoni u konsegwentement l-ordni tal-awtorità rikjesta jistgħu jkunu bbażati fuq fatti żbaljati li jikkonċernaw lil terzi. It-trażmissjoni tad-data lil awtorità pubblika tippermetti lil persuna barranija taċċedi għaliha, irrispettivament minn jekk is-suġġett ta’ din id-data jagħtix il-kunsens tiegħu jew le. Proprju dan huwa preċiżament dak li jixtieq jipprekludi l-Artikolu 7 tal-Karta. Dan l-eżempju juri l-bżonn prattiku tat-terzi kkonċernati għal azzjonijiet ġudizzjarji effettivi kontra tali ordnijiet.

93.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ndħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata lanqas ma tiddependi min-natura sensittiva tal-informazzjoni inkwistjoni jew mill-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati setgħux sofrew inkonvenjenzi minħabba dan l-indħil (41).

94.      L-obbligu nnifsu li din id-data tiġi kkomunikata lill-amministrazzjoni fiskali minn persuna oħra diġà jikkostitwixxi ndħil fid-dritt fundamentali tal-kumpanniji terzi kkonċernati (42).

95.      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, ordnijiet maħruġa mill-awtorità rikjesta ma jistgħux jitqiesu bħala att preparatorju għall-kisba ta’ informazzjoni li ma jkunx għad għandu effetti li jikkawżaw preġudizzju, b’tali mod li ma jkun għad hemm l-ebda ndħil fl-Artikolu 7 tal-Karta. Fil-fatt, fir-rigward tat-terzi kkonċernati, ebda att legali ulterjuri ma huwa intiż li jiġi ppreparat fuq il-bażi ta’ din l-ordni. Kif diġà ġie rrilevat (ara l-punti 68 et seq. iktar ’il fuq), l-ordni hija l-iktar l-iktar att preparatorju għall-avviż tat-taxxa indirizzat lill-persuna taxxabbli, iżda mhux att legali fil-konfront tat-terzi kkonċernati.

96.      Għall-kuntrarju, ikun diġà seħħ indħil permezz tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mwettqa, konformement mal-ordni, minn individwu ieħor lill-awtorità fiskali. L-Artikolu 7 tal-Karta ma jeżiġix li jseħħ ukoll dannu finanzjarju jew morali, li jkun jista’ jiġi sussegwentement illikwidat b’xi mod ieħor.

97.      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, id-digriet tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Ġunju 2015, Othymia Investments vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, lanqas ma jipprekludi l-ipoteżi ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali tat-terzi kkonċernati. Dan kien jikkonċerna biss rikors li jikkontesta t-talba għal informazzjoni bejn żewġ awtoritajiet fiskali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sempliċement ikkonstatat li l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jimponix obbligu ta’ notifika ta’ informazzjoni minn qabel lill-partijiet kollha potenzjalment ikkonċernati minn skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (43). Is-suġġett ta’ dan id-digriet kien għalhekk biss obbligu ta’ notifika u mhux rimedju ġudizzjarju kontra ordni għall-għoti ta’ informazzjoni.

98.      Meta awtorità fiskali tobbliga lil persuna oħra tikkomunikalha informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u l-assi ta’ terzi, hija tista’ tippreġudika d-drittijiet ta’ dawn it-terzi skont l-Artikolu 7 tal-Karta.

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba l-esklużjoni ta’ azzjonijiet ġudizzjarji

99.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dritt tat-terzi kkonċernati li jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta jinkisirx meta tiġi eskluża azzjoni ġudizzjarja kontra l-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni. Dan ikun il-każ meta ma tiġi ggarantita ebda azzjoni ġudizzjarja effettiva lit-terzi kkonċernati.

100. Il-partikolarità fir-rigward tat-terzi kkonċernati tinsab fil-fatt li huma ma jipparteċipaw direttament f’ebda proċedura amministrattiva. Huma ma humiex direttament involuti, la fil-proċedura amministrattiva fiskali, bħall-persuna taxxabbli, u lanqas fil-proċedura ta’ informazzjoni, bħall-persuna li hija obbligata li tipprovdi l-informazzjoni. F’dan ir-rigward, it-terzi ma għandhom ebda dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura, bħal pereżempju d-dritt għal smigħ.

101. Madankollu, l-ordnijiet tal-awtorità rikjesta jikkonċernaw lil terzi biss sa fejn l-awtorità rikjesta titlob data personali tat-terzi persuni kkonċernati mingħand individwu ieħor. B’differenza mid-destinatarju u mill-persuna taxxabbli, it-terzi kkonċernati la jistgħu jikkontestaw sanzjoni eventwali għal ksur tal-ordni u lanqas l-avviż tat-taxxa ulterjuri. Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, it-terzi kkonċernati ma għandhom ebda azzjoni ġudizzjarja, wisq inqas waħda effettiva, kontra l-ordnijiet għall-għoti ta’ informazzjoni li jaffetwaw lilhom maħruġa mill-awtorità rikjesta.

102. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, azzjoni ġudizzjarja inċidentali fil-kuntest ta’ azzjoni sussegwenti għar-responsabbiltà tal-Istat ma tikkostitwixxix azzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. L-ewwel nett, din l-azzjoni ġudizzjarja, li barra minn hekk hija suġġetta għal kundizzjonijiet oħra, ma tistax tipprekludi ksur tad-drittijiet fundamentali, iżda tista’, l-iktar l-iktar, tikkumpensa dannu mġarrab. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-possibiltajiet sekondarji ta’ kumpens għad-danni ma jikkostitwixxux azzjoni ġudizzjarja effettiva (44).

103. Bl-istess mod, ir-riferiment magħmul mir-Repubblika Franċiża għal azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċedura fiskali ulterjuri mressqa, fost oħrajn, kontra t-terzi kkonċernati, ma huwiex rilevanti. Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, dan l-argument ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-persuna taxxabbli peress li, fil-mument tal-indħil fid-drittijiet fundamentali, bl-ebda mod ma huwa stabbilit jekk huwiex ser ikun hemm avviż tat-taxxa (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 68 et seq. iktar ’il fuq). L-istess japplika a fortiori fir-rigward ta’ terz ikkonċernat.

104. Huwa minnu li r-Repubblika Franċiża ssostni l-“ipoteżi” li t-terzi kkonċernati f’dan il-każ huma kumpanniji “purament artifiċjali” fil-kontroll tal-persuni taxxabbli. L-interessi ta’ dawn il-kumpanniji jikkoinċidu ma’ dawk tal-persuni taxxabbli. Għaldaqstant, fil-fehma tar-Repubblika Franċiża, l-azzjoni ġudizzjarja tal-persuni taxxabbli tkun suffiċjenti. Madankollu, tali kumpanniji għandhom ukoll personalità ġuridika distinta u jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet fundamentali proprji. L-istess japplika jekk dawn ikunu kkontrollati minn oħrajn. Anki jekk jitqies li hemm suspett ta’ struttura korporattiva abbużiva, dan ma jbiddel xejn fir-rigward tal-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, ma jaffettwax id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, jekk xejn sabiex dawn ikunu jistgħu jwarrbu dawn is-suspetti quddiem qorti.

105. Barra minn hekk, mhux it-terzi kollha potenzjalment ikkonċernati mill-ordnijiet tal-awtoritajiet rikjesti huma marbuta mal-persuna taxxabbli. L-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża għalhekk ma hijiex ta’ natura li tbiddel id-dritt tat-terzi kkonċernati għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

106. Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam tat-Tassazzjoni japplikaw bl-istess mod għat-terzi kkonċernati f’dak li jikkonċerna l-persuni taxxabbli (ara l-punt 77 iktar ’il fuq).

107. F’dan ir-rigward, għandu jiġi konkluż li l-esklużjoni ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra ordnijiet għall-għoti ta’ informazzjoni maħruġa mill-awtorità rikjesta tippreġudika d-dritt tat-terzi kkonċernati għal azzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

c)      Konklużjoni

108. It-terzi kkonċernati minn ordni għall-għoti ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri skont id-Direttiva 2011/16 jistgħu, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, jissuġġettaw din l-ordni għal stħarriġ ġudizzjarju. L-esklużjoni tal-possibbiltà li tiġi ppreżentata azzjoni ġudizzjarja tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta.

B.      Fuq it-tieni domandi preliminari: rilevanza prevedibbli fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16.

109. It-tieni domandi preliminari f’kull waħda mill-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19 huma fil-parti l-kbira identiċi. Dawn huma differenti biss fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mill-Istat Membru rikjedenti, ir-Renju ta’ Spanja, mingħand l-Istat Membru rikjest, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

110. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif għandha tinterpreta l-kundizzjoni ta’ informazzjoni “prevedibbilment rilevanti” li tinsab fl-Artikolu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16 tagħha. Il-kwistjoni ta’ jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta f’kull waħda mill-kawżi prinċipali ma hijiex kwistjoni ta’ interpretazzjoni iżda ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali.

111. F’dan ir-rigward, fil-kawża Berlioz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 jirriżulta li l-espressjoni “prevedibbilment rilevanti” tindika l-kwalità li għandu jkollha l-informazzjoni mitluba. L-obbligu impost fuq l-awtorità rikjesta skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 li tikkoopera mal-awtorità rikjedenti ma jestendix għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li ma jkollhiex din il-kwalità (45).

112. Ir-“rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba hija għalhekk kundizzjoni meħtieġa għal talba (46). Dawn il-kawżi jitolbu kjarifiki dwar il-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni.

113. Il-kunċett ta’ rilevanza prevedibbli jirrifletti, f’dan ir-rigward, il-kunċett użat fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat kif xieraq din il-perspettiva bil-fatt li l-kunċetti użati fid-Direttiva 2011/16 u fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD huma simili f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2011/16 (47) tirreferi għall-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD (48).

114. Bl-istess mod, skont il-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD (49), l-Istati Kontraenti ma jistgħux jippruvaw jiksbu informazzjoni b’mod wiesa’ ħafna. Huma ma jistgħux jitolbu informazzjoni li x’aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli partikolari. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm possibbiltà raġonevoli li l-informazzjoni mitluba tkun fil-fatt rilevanti (50). Fit-Taqsima 8 tagħhom, in-noti dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD jinkludu każijiet tipiċi (51) li fihom tkun tista’ tiġi aċċettata rilevanza prevedibbli. Il-każ tal-konsultazzjonijiet għal data dwar il-kontijiet ġie inkluż a posteriori (52). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-emendi għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/16.

115. Konsegwentement, ser neżamina qabelxejn il-kwistjoni dwar jekk emendi ulterjuri fil-kummentarju dwar il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/16 (ara l-punt 1). Imbagħad ser neżamina l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar ir-rilevanza prevedibbli (ara l-punt 2).

1.      L-emendi li saru fil-kummentarju għall-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD huma rilevanti?

116. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16, għandux, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.

117. Il-kummentarju dwar il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD jirrifletti l-opinjoni dwar kif għandu jinftiehem jew jiġi interpretat il-Mudell ta’ Konvenzjoni mill-Istati Kontraenti (53) u jiġi aġġornat u emendat b’mod regolari.

118. Kif diġà spjegajt f’kawżi oħra (54), il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD ma huwiex ftehim multilaterali legalment vinkolanti tad-dritt internazzjonali, iżda att unilaterali ta’ organizzazzjoni internazzjonali fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri tagħha. Anki skont il-pożizzjoni tal-OECD stess, dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma humiex vinkolanti. L-Istati Membri tal-OECD għandhom pjuttost jivverifikaw, skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-OECD, jekk l-implimentazzjoni tagħhom hijiex xierqa (55). Dan japplika, a fortiori, għan-noti adottati mill-OECD għal dan il-għan.

119. Dawn il-pariri legali dwar il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD ma għandhomx effett dirett fuq l-interpretazzjoni ta’ direttiva. Dan japplika anki jekk it-termini użati fil-Mudell ta’ Konvenzjoni u f’direttiva jkunu identiċi. F’dan ir-rigward, dawn in-noti jirriflettu biss l-opinjoni tal-esperti mibgħuta mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-OECD (56) u mhux l-opinjoni tal-leġiżlaturi parlamentari fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha (57).

120. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dispożizzjoni ta’ ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja, meta interpretata fid-dawl tan-noti dwar il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD, ma tistax tillimita d-dritt tal-Unjoni (58). Dan japplika partikolarment għal emendi fil-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD u għan-noti li saru wara l-adozzjoni ta’ direttiva. Fin-nuqqas ta’ dan, l-Istati Membri tal-OECD, li ma humiex neċessarjament Stati Membri tal-Unjoni, ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni ta’ direttiva tal-Unjoni.

121. Minn dan isegwi li l-emenda tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD, fil-kummentarju f’dan ir-rigward, ma twassalx awtomatikament għal bidla fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha. Għalkemm l-esperti tal-Istati Membri tal-OECD issa jaqblu fuq il-fatt li talba għal informazzjoni dwar il-kontijiet kollha tal-persuna taxxabbli u l-kontijiet kollha mhux speċifikati ta’ persuni oħra marbuta mal-persuna taxxabbli kkonċernata f’bank partikolari tikkostitwixxi eżempju ta’ rilevanza prevedibbli fis-sens tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD, minn dan ma jirriżultax awtomatikament li l-istess japplika għall-Artikoli 1(1) u 5 tad-Direttiva 2011/16.

122. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tkun konvinta bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD, tadotta l-approċċ tal-OECD u tipproċedi għal interpretazzjoni simili tad-Direttiva. Iżda f’dan ir-rigward ma hemmx rabta ġuridika awtomatika.

123. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk in-noti dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD humiex konvinċenti u trasponibbli. Emendi fil-kummentarju tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD wara l-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni jeħtieġu verifika iktar intensa min-noti eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att legali. Fil-fatt, bidliet sussegwenti jistgħu ma jirriflettux ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

124. Il-qorti tar-rinviju tindika li t-talbiet għal informazzjoni skont id-Direttiva 2011/16 jimplikaw indħil fid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali limitazzjonijiet għandhom ikunu previsti mil-liġi. Għaldaqstant, huma għandhom ikunu bbażati fuq għażla tal-leġiżlatur nazzjonali jew tal-leġiżlatur tal-Unjoni. La l-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD u lanqas il-kummentarju dwar dan il-mudell ma jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Bl-istess mod, fis-sentenza N Luxembourg 1 et (59), iċċitata mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx li l-emendi fil-Mudell ta’ Konvenzjoni jew fil-kummentarju wara l-adozzjoni ta’ direttiva jemendaw awtomatikament l-interpretazzjoni tagħha.

125. Għalhekk, tibqa’ tapplika interpretazzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “rilevanza prevedibbli” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha. Minn dan isegwi li huma determinanti, prinċipalment, il-formulazzjoni u l-għan tiegħu.

2.      Iż-żewġ għanijiet tal-kunċett tar-“rilevanza prevedibbli” bħala kundizzjoni meħtieġa

126. Kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, l-istandard tar-“rilevanza prevedibbli” huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni jsir bl-iktar mod wiesa’ possibbli. Fl-istess ħin, b’dan il-mod jiġi ċċarat li l-Istati Membri ma humiex liberi li jippruvaw jistadu għal informazzjoni jew jitolbu informazzjoni żejda li x’aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli speċifika (60).

127. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li, minn naħa, l-informazzjoni mixtieqa għandu jkollha ċerta rilevanza materjali għall-finijiet tal-istima tat-taxxa fl-Istat Membru rikjedenti (aspett materjali, ara (a)). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jippruvaw jistadu għal informazzjoni (jiġifieri permezz ta’ talba għal informazzjoni li tkun ġenerali ħafna, imsejħa “fishing expedition”) (aspett formali, ara (b)).

a)      Eżami limitat tar-rilevanza prevedibbli fl-Istat Membru rikjest sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni

128. L-aspett materjali diġà ġie indirizzat b’mod estensiv ħafna mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Berlioz. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-awtorità rikjedenti li għandha tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ individwali, ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni rikjesta għal din l-investigazzjoni skont l-evoluzzjoni tal-proċedura u s-sorsi abitwali ta’ informazzjoni li hija tista’ tuża. F’dan ir-rigward, l-awtorità rikjedenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni (61). Il-portata tal-kontroll min-naħa tal-awtorità rikjesta hija limitata (62).

129. Għalhekk, l-awtorità rikjesta għandha, bħala prinċipju, tafda fl-awtorità rikjedenti u għandha tippreżumi li t-talba għal informazzjoni ppreżentata lilha hija konformi kemm mad-dritt nazzjonali tal-awtorità rikjedenti kif ukoll li hija neċessarja għall-bżonnijiet tal-investigazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità rikjesta ġeneralment ma jkollhiex għarfien fil-fond tal-kuntest fattwali u ġuridiku eżistenti fl-Istat rikjedenti. Minħabba f’hekk, l-awtorità rikjesta ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-utilità eventwali tal-informazzjoni mitluba magħmula mill-awtorità rikjedenti b’dik tagħha stess (63).

130. Il-kontroll eżerċitat mill-awtorità rikjesta huwa limitat sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni mitluba ma tkunx nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fid-dawl tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u dik tat-terz li eventwalment jissemma fit-talba għal informazzjoni, kif ukoll fid-dawl tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fiskali inkwistjoni (64). Dan il-livell ta’ kontroll japplika wkoll għall-qrati tal-Istat Membru rikjest (65). Minn dan isegwi li l-informazzjoni mitluba ma għandhiex tkun manifestament irrilevanti fid-dawl tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fiskali quddiem l-awtorità rikjedenti.

131. Sabiex l-awtorità rikjesta tkun tista’ twettaq tali kontroll, anki jekk limitat, irid ikun hemm ġustifikazzjoni suffiċjenti min-naħa tal-awtorità rikjedenti għat-talba tagħha għal informazzjoni. Hija għandha tippreċiża l-għan tal-informazzjoni li hija tkun qiegħda titlob fil-kuntest tal-proċedura fiskali mibdija kontra l-persuna taxxabbli msemmija fit-talba (66). Din il-ġustifikazzjoni għandha tippermetti lill-qorti nazzjonali teżerċita stħarriġ tal-legalità tat-talba għal informazzjoni (67). Sempliċi ġustifikazzjoni formali li ma tippreċiżax ir-rilevanza, fid-dritt nazzjonali, tal-informazzjoni mitluba għall-finijiet tal-proċedura fiskali fl-Istat Membru rikjedenti ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-istħarriġ tal-ġustifikazzjoni tat-talba għal informazzjoni jaqa’ f’idejn il-qorti tar-rinviju.

b)      Fuq l-assenza ta’ tentattiv ta’ sajd għal informazzjoni

132. Il-kunċett ta’ “rilevanza prevedibbli” huwa intiż ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, sabiex jippreċiża li l-Istati Membri ma jistgħux jippruvaw jistadu għal informazzjoni (“fishing expeditions”) (punti 126 u 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dan għandu wkoll l-għan, fost oħrajn, li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, sabiex din is-sistema ma titgħabbiex iżżejjed minħabba tfittxija “ġenerali wisq”.

133. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni kruċjali hija dik dwar f’liema mument ikun hemm tfittxija inammissibbli għal informazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2011/16 jew meta teżisti assistenza amministrattiva ammissibbli għall-investigazzjoni tal-fatti. Din il-kwistjoni għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-assistenza amministrattiva transkonfinali.

134. Madankollu, fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat problema paragunabbli. Fil-fatt, sabiex jiġi skopert u ssanzjonat aġir antikompetittiv tal-kumpanniji, il-Kummissjoni tista’ tordna deċiżjonijiet ta’ spezzjoni fir-rigward tal-kumpanniji kkonċernati (68). It-tieni sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tindika, f’tali deċiżjonijiet, is-suġġett u l-għan ta’ kull spezzjoni (69). Dan ir-rekwiżit għandu bħala għan li jevita li l-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet bl-addoċċ, mingħajr suspetti konkreti (70), prassi li bl-Ingliż sikwit tissejjaħ “fishing expedition”.

135. Kif diġà indikajt f’dan ir-rigward (71), hija l-Kummissjoni li għandha tindika preċiżament, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha, x’qiegħda tfittex u liema huma l-punti li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni (72). Fi kliem ieħor, mill-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandu jirriżulta liema suspetti l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika (73). Din għandha tkun ifformulata b’mod li jippermetti lill-kumpanniji kkonċernati jidentifikaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkunsidrat mill-Kummissjoni.

136. Din l-idea tista’ tiġi trasposta għal din is-sitwazzjoni ta’ assistenza amministrattiva transkonfinali f’dan il-każ. Hawnhekk ukoll, huwa neċessarju li l-awtorità rikjesta tkun tista’ tidentifika dak li l-awtorità rikjedenti għandha l-intenzjoni li teżamina. Hija għandha minn tal-inqas, kif ġie indikat iktar ’il fuq, tivverifika jekk, fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni hijiex manifestament irrilevanti. Barra minn hekk, tali ġustifikazzjoni hija rilevanti għad-drittijiet fundamentali tad-destinatarju (ara l-punti 47 et seq. iktar ’il fuq), tal-persuna taxxabbli kkonċernata (ara l-punti 59 et seq.) u eventwalment tat-terzi kkonċernati (ara l-punti 83 et seq.) għaliex tippermettilhom jiddefendu ruħhom b’mod effettiv kontra talba għall-għoti ta’ informazzjoni mhux ġustifikata min-naħa tal-awtorità rikjesta.

137. Filwaqt li l-awtorità rikjedenti għandha tindika l-preżunzjonijiet li għandha l-intenzjoni li tivverifika permezz tat-talba għal informazzjoni, talba li, pereżempju, tirrigwarda “l-kontijiet kollha mhux speċifikati ta’ persuni oħra assoċjati mal-persuna taxxabbli kkonċernata”, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti b’mod suffiċjenti.

138. Normalment, l-awtorità rikjedenti għandha tinkludi fit-talba għal informazzjoni l-elementi li hija tixtieq teżamina jew, tal-inqas, issemmi s-suspetti konkreti dwar dawn l-elementi u r-rilevanza fiskali tagħhom. Dawn il-motivi għandhom jippermettu lill-Istat rikjest jiġġustifika quddiem il-qrati tiegħu l-assistenza amministrattiva u l-indħil korrispondenti fid-drittijiet fundamentali (fir-rigward tad-destinatarju, tal-persuna taxxabbli jew tat-terzi kkonċernati). Ir-rekwiżiti dwar l-obbligu ta’ ġustifikazzjoni jiżdiedu skont il-portata u s-sensittività tal-informazzjoni mitluba (74).

139. Talba għal assistenza amministrattiva tkun għalhekk nieqsa mir-rilevanza prevedibbli meta din tiġi ppreżentata sabiex tinġabar informazzjoni fil-għama u mingħajr rabta konkreta mal-proċeduri fiskali pendenti (75).

140. Sabiex l-informazzjoni li probabbilment hija importanti tiġi distinta minn investigazzjonijiet ġenerali inammissibbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi. L-ewwel nett, għandhom jitqiesu s-suġġett tal-investigazzjoni tal-awtorità rikjedenti kif ukoll l-ilment fiskali li hija fformulat. Sussegwentement, l-aġir (76) tal-persuna taxxabbli huwa wkoll rilevanti. Il-Qorti Federali Svizzera ġustament teżiġi l-preżentazzjoni ta’ indizji konkreti ta’ ksur tal-obbligi fiskali (77).

141. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-persuni taxxabbli jkunu fil-passat ħbew kontijiet jew relazzjonijiet ma’ terzi konnessi magħhom jew jekk ikunu pprovdew informazzjoni kontradittorja matul il-proċedura fiskali. Fl-aħħar mill-aħħar huma ta’ importanza wkoll iċ-ċirkustanzi li tkun investigat sa dak il-mument l-amministrazzjoni fiskali rikjedenti. Pereżempju, fil-każ ta’ networks ta’ kumpanniji, li jkollhom tranżazzjonijiet fiskali mhux iċċarati bejniethom, jista’ jkun hemm bżonn partikolari għal talba għal informazzjoni. L-istess jgħodd meta l-investigazzjonijiet preċedenti jkunu żvelaw elementi kontradittorji dwar dan is-suġġett, li fil-kawżi preżenti għandhom jiġu ċċarati permezz tal-bank A.

142. F’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola għandha għalhekk, pereżempju, tindika r-raġunijiet għaliex tikkunsidra li l-persuna taxxabbli għandha kontijiet oħra mal-bank A, ir-raġunijiet li jwassluha sabiex taħseb li hemm dħul ieħor moħbi u r-raġunijiet għaliex tippreżumi trasferimenti ta’ assi bejn il-persuni taxxabbli u l-kumpanniji B, C u D.

143. Fl-assenza ta’ tali elementi konkreti, talba għal informazzjoni intiża sabiex jiġu identifikati, mingħand bank, il-kontijiet kollha tal-persuna taxxabbli kif ukoll il-kontijiet kollha mhux speċifikati ta’ terzi li għandhom kwalunkwe relazzjoni mal-persuna taxxabbli, ma hijiex awtorizzata mid-Direttiva 2011/16, iżda hija tfittxija ġenerali inammissibbli għal informazzjoni (“fishing expedition”).

144. Madankollu, id-delimitazzjoni neċessarja għandha ssir fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

145. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li talba għal informazzjoni hija tfittxija ġenerali inammissibbli għal informazzjoni, l-amministrazzjoni fiskali rikjesta tista’ ma tilqax it-talba għal informazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5, fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, l-Istati Membri ma jistgħux jippruvaw jistadu għal informazzjoni (“fishing expeditions”).

3.      Konklużjoni fuq it-tieni domandi preliminari

146. L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità rikjedenti għandha tiġġustifika t-talba għal informazzjoni sabiex tippermetti lill-awtorità rikjesta tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba hijiex manifestament nieqsa minn rilevanza prevedibbli għall-finijiet tal-impożizzjoni tat-taxxa mixtieqa mill-awtorità rikjedenti. Din it-talba għandha tinkludi indizji konkreti tal-fatti jew tat-tranżazzjonijiet li għandhom rilevanza fiskali, b’tali mod li tiġi eskluża tfittxija ġenerali inammissibbli għal informazzjoni (“fishing expedition”).

VI.    Konklużjoni

147. Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) tkun kif ġej:

1.      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità rikjesta skont id-Direttiva 2011/16 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni tobbliga lil persuna tipprovdi informazzjoni dwar persuna taxxabbli jew terz tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Istat Membru rikjest minn din il-persuna, mill-persuna taxxabbli u mit-terzi kkonċernati.

2.      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità rikjedenti għandha tiġġustifika t-talba għal informazzjoni sabiex tippermetti lill-awtorità rikjesta tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba hijiex manifestament nieqsa minn rilevanza prevedibbli għall-finijiet tal-impożizzjoni tat-taxxa mixtieqa mill-awtorità rikjedenti. Din it-talba għandha tinkludi indizji konkreti tal-fatti jew tat-tranżazzjonijiet li għandhom rilevanza fiskali, b’tali mod li tiġi eskluża tfittxija ġenerali inammissibbli għal informazzjoni (“fishing expedition”).


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p.1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58) tapplika safrattant fil-verżjoni emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 139, p. 1). Sa mill-1 ta’ Lulju 2020, l-Istati Membri huma meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jimplimentaw din l-emenda.


3      Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134) kif ukoll T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135) u l-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi (C‑115/16, EU:C:2018:143, C‑116/16, EU:C:2018:144, C‑117/16, EU:C:2018:145, C‑118/16, EU:C:2018:146, C‑119/16, EU:C:2018:147, u C‑299/16, EU:C:2018:148).


4      Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, Base Erosion and Profit Shifting.


5      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373).


6      Il-verżjoni tad-Direttiva 2011/16 applikabbli għal dawn il-kawżi hija dik kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/2258 tas-6 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 342, p. 1).


7      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 59 u dispożittiv 2).


8      Serje tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa - Nru 127, kif emendata bil-Protokoll tal-2010, Serje tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa - Nru 208. Il-verżjonijiet tal-Konvenzjoni bl-Ingliż u l-Franċiż biss huma uffiċjali.


9      Recommendation concerning the Avoidance of Double Taxation/Recommandation concernant la suppression des doubles impositions. Il-verżjoni attwali tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD inħarġet fil-21 ta’ Novembru 2017.


10      Convention entre le Grand-Duché de Luxembourg et le Royaume d’Espagne tendant à éviter les doubles impositions en matière d’impôts sur le revenu et sur la fortune et à prévenir la fraude et l’évasion fiscales/Convenio entre el Reino de España y el Gran Ducado de Luxemburgo para evitar la doble imposición en materia de impuestos sobre la Renta y el Patrimonio y para prevenir el fraude y la evasión fiscal, kif emendata bil-Protokoll tal-10 ta’ Novembru 2009.


11      Loi de transposition de la directive 2011/16 (il-Liġi dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/16), Mémorial A 2013, p. 756.


12      Mémorial A 2014, p. 4170.


13      Mémorial A 2019, p. 112.


14      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 42 u dispożittiv 1).


15      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 45 et seq.).


16      Dan joħroġ minn ġurisprudenza stabbilita ara s-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 56), u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 51), id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni (C‑121/04 P, mhux ippubblikat, EU:C:2005:695, punt 30), kif ukoll is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 27), u tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19).


17      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 59 u dispożittiv 2).


18      Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 64).


19      Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2019, A et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 54); tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 54); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 26); tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 42); u tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker u Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52).


20      Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punti 14 u 29); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 35); u tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 73).


21      Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2015, G.S.B. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2015:1222JUD002860111, punt 51), u 7 ta’ Lulju 2015, M.N. et vs San Marino (CE:ECHR:2015:0707JUD002800512, punt 51).


22      Ara f’dan ir-rigward l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 125 u 126) kif ukoll is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 100); tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 29); u tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 74).


23      Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2015, G.S.B vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2015:1222JUD002860111, punt 50).


24      Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Lufthansa (C‑379/18, EU:C:2019:1000, punt 61), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 47, 50 u 53).


25      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 32), u tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International (C‑184/05, EU:C:2007:550, punt 30 u 31); għall-ġustifikazzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland (C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 47); tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL (C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 57); u tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 59).


26      Sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punt 75), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda IN u JM (C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:597, punti 70 et seq.); lanqas mis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832), ma tista’ tinsilet l-ebda esklużjoni assoluta ta’ użu bħala evidenza.


27      Ara, bħala eżempju, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-sentenzi tal-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) tat-12 ta’ Settembru 2018 - 2 K 814/18; tat-13 ta’ April 2018 - 2 V 174/18; tat-23 ta’ Frar 2018 - 2 V 814/17 u tal-20 ta’ Ottubru 2017 - V 1055/17.


28      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 59 u dispożittiv 2).


29      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678).


30      B’hekk, espressament, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 58).


31      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 41).


32      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 44).


33      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 46 u dispożittiv 1), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2013:370, punt 62).


34      Fid-dettall, dan jikkonċerna l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) jew l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50).


35      Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 79), u tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 52 u 53).


36      Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2019, A et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 54); tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 54); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 26); tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 42); u tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52).


37      Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2015, M.N. et vs San Marino (CE:ECHR:2015:0707JUD002800512, punt 51); l-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 8(1) tal-KEDB (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Buivids, C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 65).


38      Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2015, G.S.B. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2015:1222JUD002860111, punt 51), u 7 ta’ Lulju 2015, M.N. et vs San Marino (CE:ECHR:2015:0707JUD002800512, punt 51).


39      Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 80), u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 48); ara wkoll f’dan ir-rigward is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 87, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet test tal-proporzjonalità fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Karta); ara wkoll il-Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015 (digriet), Othymia Investments vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2015:0616DEC007529210, punt 37); 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding et vs In-Norveġja (CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punt 104); u 16 ta’ April 2002, Stes Colas et vs Franza (CE:ECHR:2002:0416JUD003797197, punt 41).


40      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, informazzjoni purament finanzjarja jistħoqqilha inqas protezzjoni mid-data intima, ara l-Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2015, G.S.B vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2015:1222JUD002860111, punt 93).


41      Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 87); tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 33); u tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 75).


42      Ara l-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2015, M.N. et vs San Marino (CE:ECHR:2015:0707JUD002800512, punt 54).


43      Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015 (digriet), Othymia Investments vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2015:0616DEC007529210, punt 44).


44      Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2015, M.N. et vs San Marino (CE:ECHR:2015:0707JUD002800512, punt 81).


45      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 63).


46      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 64).


47      Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil‑qasam tat-tassazzjoni (KUMM (2009) 29 finali), tat-2 ta’ Frar 2009.


48      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 67).


49      Il-Kunsill tal-OECD, Kummentarju dwar il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD, noti dwar l-Artikolu 26, aġġornament tal-21 ta’ Novembru 2017.


50      It-Taqsima 5 tan-noti dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.


51      Skont it-Taqsima 4.4 tan-noti dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD, il-każijiet imsemmija fit-Taqsima 8 huma eżempji.


52      It-Taqsima 8(e) tan-noti dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.


53      It-Taqsima 3 tal-introduzzjoni tal-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.


54      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi N Luxembourg 1 (C‑115/16, EU:C:2018:143, punti 50 et seq.); T Danmark (C‑116/16, EU:C:2018:144, punti 81 et seq.); Y Denmark (C‑117/16, EU:C:2018:145, punti 81 et seq.); X Denmark (C‑118/16, EU:C:2018:146, punti 50 et seq.); C Danmark (C‑119/16, EU:C:2018:147, punti 50 et seq.); u Z Denmark (C‑299/16, EU:C:2018:148, punti 50 et seq.).


55      Rule 18(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-OECD: “Recommendations of the Organisation, made by the Council in accordance with Articles 5, 6 and 7 of the Convention, shall be submitted to the Members for consideration in order that they may, if they consider it opportune, provide for their implementation”. Tinsab fuq https://www.oecd.org/legal/rules%20of%20Procedure%20OECD%20Oct%202013.pdf.


56      It-Taqsima 29 tal-introduzzjoni tal-kummentarju dwar il-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD.


57      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi N Luxembourg 1 (C‑115/16, EU:C:2018:143, punt 52); T Danmark (C‑116/16, EU:C:2018:144, punt 83); Y Denmark (C‑117/16, EU:C:2018:145, punt 83); X Denmark (C‑118/16, EU:C:2018:146, punt 52); C Danmark (C‑119/16, EU:C:2018:147, punt 52); u Z Denmark (C‑299/16, EU:C:2018:148, punti 50 et seq.).


58      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C‑265/04, EU:C:2006:51, punti 50 u 56).


59      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 90 sa 93).


60      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 66).


61      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 70 u 71).


62      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 76).


63      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 77).


64      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 82).


65      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 85).


66      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 80).


67      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 84).


68      Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 33); tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 42); u tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 25).


69      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il-Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, EU:C:2020:53, punt 40); tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 34); tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 47); u tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 29).


70      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:207, punt 55); Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 43 u 52); u Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 138).


71      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:207, punti 55 u 56) u Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punt 52).


72      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 83).


73      Sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 35); tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 45); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 9); kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 41). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 138).


74      B’mod simili, ara s-sentenza tal-Qorti Federali tal-Isvizzera tat-12 ta’ Settembru 2016, 2C_276/2016, punt 6.3 fir-rigward tal-livell tad-dettall tal-kwistjoni preżenti.


75      F’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Federali tal-Isvizzera tas-26 ta’ Lulju 2019, 2C_653/2016, punti 6.1.2 et seq, u tat-12 ta’ Settembru 2016, 2C_276/2016, punti 6.1 2 et seq.


76      Dan joħroġ b’mod espliċitu fis-sentenza tal-Qorti Federali tal-Isvizzera tat-12 ta’ Settembru 2016, 2C_276/2016, punt 6.4.3. Huwa determinanti l-aġir tal-klijent tal-bank, li minnu jiġi dedott is-suspett li l-persuna inkwistjoni ma ddikjaratx korrettament l-assi jew id-dħul tagħha.


77      Sentenza tal-Qorti Federali tal-Isvizzera tas-26 ta’ Lulju 2019, 2C_653/2018, punt 6.2.2.