Language of document : ECLI:EU:C:2007:507

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“Rinviju għal domanda preliminari – Talba għal intervent – Inammissibbiltà”

Fil-kawża C‑73/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

Tietosuojavaltuutettu

vs

Satakunnan Markkinapörssi Oy et Satamedia Oy,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

wara li ra l-proposta ta’ E. Levits, Imħallef relatur,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        B’rikors tas-7 ta’ Ġunju 2007, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“Kontrollur”) talab li jiġi ammess jintervjeni fil-preżenti kawża sabiex jippreżenta osservazzjonijiet fuq id-domandi preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus.

2        Dan ir-rikors ġie ppreżentat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 47(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, p. 1).

3        In sostenn tat-talba tiegħu, il-Kontrollur isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’digrieti preċedenti, id-dritt tal-kontrollur li jintervjeni fil-kawżi li tagħhom tintalab tieħu konjizzjoni. Huwa jirreferi, f’dan ir-rigward, għad-digrieti tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-317/04, Ġabra p.I-2457), u Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑318/04, Ġabra p. I‑2467).

4        F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet awtorizzat il-Kontrollur jintervjeni minkejja li ma kienx jidher fil-lista li hemm fl-Artikolu 7(1) KE u minkejja li dan id-dritt ma jista’ jkun ibbażat la fuq din id-dispożizzjoni u lanqas fuq l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija kienet qieset li l-Artikolu 47(1)(i) tar-Regolament Nru 45/2001 kien jikkostitwixxi bażi ġuridika suffiċjenti.

5        Jirriżulta wkoll minn dawn id-digrieti li d-dritt ta’ intervent tal-Kontrollur huwa marbut mal-limiti li joħorġu mill-inkarigu mogħti lilu. Hekk kif jgħid l-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 45/2001, dan l-inkarigu jirrigwarda, b’mod partikolari, li jagħti parir lill-istituzzjonijiet u organi komunitarji kif ukoll lill-persuni kkonċernati mill-kwistjonijiet kollha dwar it-trattament tad-data ta’ natura personali.

6        Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-preżenti kawża jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(1), 9 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31). Bis-saħħa ta’ l-ewwel Artikolu tagħha, din id-direttiva hija intiża li tiggarantixxi li l-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u drittijiet fundamentali ta’ l-individwi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tat-trattament tad-data ta’ natura personali.

7        Skond il-Kontrollur, is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari manifestament jidħol fil-limiti ta’ l-inkarigu fdat lilu.

8        Fir-rigward tat-talba għal intervent tal-Kontrollur fil-preżenti kawża, hemm lok li jiġi mfakkar li d-dritt ta’ intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa rregolat mill-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tagħha, li jirrikonoxxi dan id-dritt lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi meta huma jiġġustifikawh b’interess għas-soluzzjoni tal-kwistjoni mressqa quddiemha. Dan l-artikolu jiddisponi wkoll li t-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom bħala skop dak li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. B’hekk, huwa japplika għall-proċeduri kontenzjużi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiżi li jaqtgħu kontroversja (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2004, ABNA et, C‑453/03, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 14; tal-25 ta’ Mejju 2004, Parking Brixen, C‑458/03, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 5, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2006, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (talba tal-kamra ta’ l-Avukati Franċiża), C‑305/05, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 7).

9        L-Artikolu 234 KE, li bis-saħħa tiegħu tressqet din il-kawża, ma jiftaħx proċedura kontenzjuża intiża li taqta’ kontroversja, iżda jibda proċedura ddestinata, sabiex tiżgura l-unità ta’ intepretazzjoni tad-dritt Komunitarju permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li tippermettilhom jitolbu interpretazzjoni tat-testi Komunitarji li huma wara japplikaw għall-kawżi li tagħhom jieħdu konjizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Marzu 1973, Bollmann, 62/72, Ġabra p. 269, punt 4; id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, SGAE, C‑306/05, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 4, u Ordre des barreaux francophones et germanophone et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8).

10      Isegwi li l-intervent fi proċedura preliminari ma jistax iseħħ (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1194, u Ordre des barreaux francophones et germanophone et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

11      Il-parteċipazzjoni fil-proċedura fil-każijiet previsti fl-Artikolu 234 KE hija rregolata mill-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jillimita d-dritt ta’ preżentata quddiemha ta’ noti jew osservazzjonijiet għall-partijiet fil-kawża, għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, għall-Parlament Ewropew, għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-Istati membri tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u għall-Istati terzi. Bl-espressjoni “partijiet fil-kawża”, din id-dispożizzjoni tinkludi biss dawk li jkollhom din il-kwalità fil-kontroversja quddiem il-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bollmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4, u d-digriet tal-President tal-Qorti SGAE, iċċitat iktar ’il fuq, punt 5).

12      Peress li mhuwuex espressament imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u peress li m’għandux, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, il-kwalità ta’ “parti fil-kawża” fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-Kontrollur ma jistax jiġi awtorizzat jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet fuq id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

13      Peress li t-talba ppreżentata mill-Kontrollur ma tistax tiġi ammessa la taħt l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas taħt l-Artikolu 23 ta’ l-istess Statut, hija għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

14      Fin-nuqqas ta’ spejjeż, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan il-kap.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

jordna

1)      It-talba għal intervent tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data hija miċħuda bħala inammissibbli.

2)      M’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.