Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus - Il-Finlandja) - Tietosuojavaltuutettu vs Satakunnan Markkinapörssi Oy, Satamedia Oy

(Kawża C-73/07)1

(Direttiva 95/46/KE - Kamp ta' applikazzjoni - Ipproċessar u moviment ta' data fiskali personali - Protezzjoni ta' individwi - Libertà tal-espressjoni)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tietosuojavaltuutettu

Konvenuti: Satakunnan Markkinapörssi Oy, Satamedia Oy

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Korkein hallinto-oikeus - Interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1), 9 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, p. 31) - Kamp ta' applikazzjoni - Ġbir, pubblikazzjoni, trasferiment u pproċessar f'servizz tat-teletext ta' data fiskali pubblika relatata mal-ammont tad-dħul u tal-patrimonju taxxabbli ta' individwi

Dispożittiv

1)    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti:

-    fil-ġbir ta' data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta' persuni fiżiċi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u li tiġi pproċessata għall-finijiet ta' pubblikazzjoni,

-    fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f'ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta' listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

-    fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,

-    fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta' servizz ta' SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta' persuna, jikseb b'risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta' dik il-persuna,

għandha tiġi kkunsidrata bħala 'ipproċessar ta' data personali' skont din id-dispożizzjoni.

2)    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw data miġbura minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu kkunsidarati bħala attivitajiet ta' pproċessar ta' data personali magħmula "biss għal għanijiet ġurnalistiċi", fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, jekk l-uniku għan tal-imsemmija attivitajiet huwa t-tixrid ta' informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

3)    L-attivitajiet ta' pproċessar ta' data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi (ċ) u (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw sistemi ta' ħażna tal-awtoritajiet pubbliċi li jkun fihom data personali li tinkludi biss materjal diġà ppubblikat mill-mezzi ta' komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul, jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

____________

1 - ĠU C 95, 28.04.2007.