Language of document : ECLI:EU:C:2008:727

Kawża C-73/07

Tietosuojavaltuutettu

vs

Satakunnan Markkinapörssi Oy

u

Satamedia Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Direttiva 95/46/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Ipproċessar u moviment ta’ data fiskali personali — Protezzjoni ta’ individwi — Libertà tal-espressjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 3(1))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 9)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

1.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti:

– fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni,

– fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

– fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,

– fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna

għandha tiġi kkunsidrata bħala “ipproċessar ta’ data personali” skont din id-dispożizzjoni.

(ara l-punt 37 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li jirregola r-relazzjoni bejn il-protezzjoni ta’ tali data u l-libertà tal-espressjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet li jikkonsistu:

– fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni,

– fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

– fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,

– fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna

għandhom jiġu kkunsidarati bħala attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali magħmula “biss għal għanijiet ġurnalistiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-uniku għan tal-imsemmija attivitajiet huwa t-tixrid, bi kwalunkwe mezz, ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

Fi kwalunkwe każ, dawn l-attivitajiet mhumiex biss irriżervati għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, u jistgħu jkollhom l-għan li jsir qligħ.

(ara l-punti 61, 62 u d-dispożittiv 2)

3.        Taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, l-attività ta’ pproċessar ta’ data personali, li tikkonsisti fil-fatt li titqassam fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali, data miġbura minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa fuq id-dħul minn xogħol u kapital, kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi u li tkun diġà ġiet ippubblikata mill-mezzi ta’ komunikazzjoni. Taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-attività li tikkonsisti fl-ipproċessar ta’ data bħal din, għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta din id-data.

(ara l-punt 49 u d-dispożittiv 3)