Language of document : ECLI:EU:T:2013:258

Kawża T‑146/09

Parker ITR Srl

u

Parker-Hannifin Corp.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Aspettattivi leġittimi — Limitu massimu ta’ 10 % — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Mejju 2013

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” tal-impriża — Kundizzjonijiet

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Oneri probatorji tal-kumpannija li tixtieq tikkonfuta din il-preżunzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ — Kriterji

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 18)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet — Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jifformaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża — Limiti

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Effett

(Artikoli 81(1) KE u 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(2) u (3), u 31)

1.      Abbażi tal-prinċipji tar-responsabbiltà personali u tal-individwalità tal-pieni, li japplikaw għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument tal-ksur li għandha twieġeb għalih, anki jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża ma tkunx għadha taħt ir-responsabbiltà tagħha. B’hekk, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriża — jew tal-entitajiet li jifformawha — issegwi lill-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta twettaq il-ksur, anki jekk l-elementi materjali u umani li kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur ittieħdu minn terz wara l-perijodu tal-ksur.

Persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex l-awtur tal-ksur tista’ madankollu tiġi ssanzjonata għalih meta l-persuna fiżika jew ġuridika li wettqet il-ksur waqfet teżisti legalment jew ekonomikament sabiex jiġi evitat li impriża tkun tista’ tevita sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħha nbidlet b’riżultat ta’ ristrutturar, ta’ trasferimenti jew ta’ bdil legali jew organizzattiv ieħor. Dan huwa l-kriterju tal-kontinwità ekonomika. B’hekk, il-bdil fil-forma ġuridika u fl-isem tal-impriża ma għandux l-effett li joħloq impriża ġdida meħlusa mir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dik ta’ qabilha, meta, mill-aspett ekonomiku, dawn iż-żewġ impriżi jkunu identiċi.

Barra minn hekk, il-fatt li persuna ġuridika tkompli teżisti bħala entità ġuridika ma jeskludix li, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jista’ jkun hemm trasferiment ta’ parti mill-attivitajiet ta’ din il-persuna ġuridika lil persuna ġuridika oħra, li ssir responsabbli għall-atti mwettqa mill-ewwel waħda. Tali applikazzjoni tas-sanzjoni hija effettivament ammissibbli meta dawn il-persuni ġuridiċi kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali.

Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm kontinwità ekonomika biss fejn il-persuna ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża waqfet teżisti legalment wara t-twettiq tal-ksur, fil-każ ta’ żewġ impriżi eżistenti u operattivi fejn waħda minnhom ittrasferixxiet parti mill-attivitajiet tagħha lill-oħra u li ma kellhomx rabta strutturali bejniethom.

Għalhekk, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika jippermetti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ddefiniti strettament, li tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali tal-awtur tal-ksur u li tiġi ssanzjonata persuna ġuridika, ċertament differenti minn dik li wettqet il-ksur imsemmi, iżda li magħha hija għandha rabtiet strutturali. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni tista’ tissanzjona lil persuna fiżika differenti minn dik li wettqet il-ksur, minkejja kull dispożizzjoni legali intiża, fi ħdan l-istess impriża, sabiex tostakola b’mod artifiċjali s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li twettaq minn waħda jew minn uħud mill-persuni ġuridiċi li jifformawha.

Madankollu, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika ma għandux l-għan, meta regoli tad-dritt, bħal dawk li jirregolaw il-preskrizzjoni, jipprekludu li impriża tiġi ssanzjonata talli wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew meta l-impriża li ttrasferixxiet il-persuna ġuridika li wettqet il-ksur lil terza persuna indipendenti tkun ġiet xolta, li jippermetti li titfittex u tiġi assenjata b’mod retroattiv ir-responsabbiltà ta’ impriża oħra għall-fatti li twettqu mill-ewwel waħda, sakemm dawn ma jkollhomx rabtiet strutturali li jgħaqqduhom fuq livell ekonomiku u organizzattiv jew sakemm it-trasferiment tal-persuna ġuridika li wettqet il-ksur ma jkunx twettaq f’kundizzjonijiet abbużivi.

(ara l-punti 85-95, 98)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 173-178, 181, 184, 193)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 205-212)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 217)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 227)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 246-250)