Language of document : ECLI:EU:T:2013:39

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Jannar 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑496/10,

Bank Mellat, stabbilit fi Teheran (Iran), inizjalment irrappreżentat minn S. Gadhia, S. Ashley, solicitors, D. Anderson, QC, u R. Blakeley, barrister, sussegwentement minn R. Blakeley, S. Zaiwalla, solicitor, u M. Brindle, QC,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u A. Vitro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 281, p. 1), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Bank Melli Iran, huwa bank kummerċjali Iranjan.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari Iranjana li huma mniżżla fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

4        Konsegwentement, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista tal-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969 (MT)), permezz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25). Din l-inklużjoni kellha l-konsegwenza li ffriżat il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent.

5        Fid-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sostna l-motivi segwenti:

“Il-Bank Mellat huwa bank ippossedut mill-Istat Iranjan. Il-Bank Mellat jimpenja ruħu fi stil ta’ mġiba li tappoġġa u tiffaċilita l-programmi fir-rigward tal-missili nukleari u ballistiċi tal-Iran. Huwa pprovda servizzi bankarji lill-entitajiet elenkati min-NU u l-UE jew lil entitajiet li jaġixxu għan-nom tagħhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil entitajiet ipposeduti jew ikkontrollati minnhom. Huwa l-bank matriċi tal-First East Export Bank li huwa indikat taħt il-UNSCR 1929”.

6        Il-motivi sostnuti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 huma l-istess bħal dawk sostnuti fid-Deċiżjoni 2010/413.

7        Il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, permezz ta’ ittra tat-29 ta’ Lulju 2010.

8        Permezz ta’ ittri tas-16 u tal-24 ta’ Awwissu u tat-2 u tad-9 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jikkomunika l-elementi li fuqhom wasal sabiex jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

9        Bħala tweġiba għat-talbiet ta’ aċċess għal fajl tar-rikorrent, il-Kunsill ikkomunikalu, permezz tal-ittra tat-13 ta’ Settembru 2010, il-kopji ta’ żewġ proposti għal adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ppreżentati mill-Istati Membri. Huwa ffissa wkoll terminu li skada fil-25 ta’ Settembru 2010 biex fih ir-rikorrent jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

10      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex iwettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tinkludih fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

11      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 inżammet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81). Il-motivi sostnuti huma s-segwenti:

“Il-Bank Mellat jimpenja ruħu fi stil ta’ mġiba li tappoġġa u tiffaċilita l-programmi fir-rigward tal-missili nukleari u ballistiċi tal-Iran. Huwa pprovda servizzi bankarji lill-entitajiet elenkati min-NU u l-UE jew lil entitajiet li jaġixxu għan-nom tagħhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil entitajiet ipposeduti jew ikkontrollati minnhom. Huwa l-bank matriċi tal-First East Export Bank li huwa indikat taħt il-UNSCR 1929”.

12      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent ġew iffriżati abbażi tal-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament.

13      Il-motivi sostnuti fir-Regolament Nru 961/2010 huma l-istess bħal dawk sostnuti fid-Deċiżjoni 2010/644.

14      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill wieġeb l-ittra tar-rikorrent tal-24 ta’ Settembru 2010 fejn indika li, wara eżami mill-ġdid, kien qiegħed jiċħad it-talba tar-rikorrent sabiex ismu jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u mil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa speċifika, f’dan ir-rigward, li kien iqis li ma kienx hemm garanziji biżżejjed li r-rikorrent mhux ser jipprovdi fil-futur servizzi bankarji lil persuni u entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari.

15      Fl-anness tal-kontroreplika, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent kopja ta’ tielet proposti għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ppreżentati minn Stat Membru.

16      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 ma ġietx affettwata bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 319, p. 71) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

17      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Il-motivi sostnuti huma l-istess bħal dawk sostnuti fid-Deċiżjoni 2010/644. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent huma ffriżati abbażi tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

19      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent adatta l-kapijiet tat-talbiet tiegħu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Kunsill. B’digriet tat-8 ta’ Marzu 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

21      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent adatta l-kapijiet tat-talbiet tiegħu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub. Il-partijiet rrispondew fit-terminu mogħti.

23      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2012, ir-rikorrent adatta l-kapijiet tat-talbiet tiegħu wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 267/2012.

24      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Mejju 2012, Provincial Investment Companies Association, Saba Tamin Investment, Common Investment Fund, Shirin Asal Food Industrial Group, Sorbon Industrial Production Group u Individual Stock Association talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tar-rikorrent. B’digriet tas-16 ta’ Mejju 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba minħabba t-tardività tagħha.

25      It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu matul is‑seduta tat-23 ta’ Mejju 2012.

26      Ir‑rikorrent jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Punt 4 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, il-Punt 2 tat-Tabella B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/644, il-Punt 4 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar-Regoalment Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u l-Punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27      Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni jitolbu li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrent isostni tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu għal proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

29      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi mressqa mir-rikorrent. Huma jsostnu, barra minn hekk u b’mod preliminari, li inkwantu entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan, ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

30      Qabel ma jiġu diskussi l-motivi differenti u l-argumenti ppreżentati mill-partijiet, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-adozzjoni tat-talbiet mressqa mir-rikorrent.

 Fuq l-adattament tat-talbiet tar-rikorrent

31      Kif jirriżulta mill-punti 11, 12 u 17 iktar ’il fuq, wara l-introduzzjoni tar-rikors, il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, stabbilita fid-Deċiżjoni 2010/644, u fir-Regolament Nru 423/007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 961/2010, li huwa stess ġie sostitwit u mħassar bir-Regolament Nru 267/2012. Barra minn hekk, fil-premessi tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, il-Kunsill espliċitament ikkonstata li kien ipproċeda għal eżami mill-ġdid sħiħ tal-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2012 u li wasal għall-konklużjoni li l-persuni, entitajiet u korpi li isimhom huma hemmhekk elenkati, li fosthom hemm ir-rikorrent, għandhom ikomplu jkunu suġġett għal miżuri restrittivi. Ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu inizjali b’mod li t-talba tiegħu għal annullament tirrigwarda, minbarra d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644, ir-Regolament Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda kollha flimkien, l-“atti kkontestati”). Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma qajmux oġġezzjoni għal dan l-adattament.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġi, fil-mori tal-proċedura, mibdul minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent li jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid, imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinstab f’rikors ippreżentat lill-Qorti tal-Unjoni kontra att, tadatta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      L-istess konklużjoni tapplika għal atti, bħad-Deċiżjoni 2011/783 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, li jikkonstataw li deċiżjoni jew regolament għandhom ikomplu jirrigwardaw direttament u individwalment ċerti individwi, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid espressament impost minn din l-istess deċiżjoni jew dan l-istess regolament.

34      Għalhekk, f’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent jista’ jressaq talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644, tar-Regolament Nru 961/2010, tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, punt 32 iktar ’il fuq, punt 47).

 Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

35      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, li persuni ġuridiċi li huma entitajiet li jirriżultaw minn Stati terzi ma jistgħux jinvokaw il-protezzjoni u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Sa fejn ir-rikorrent huwa, fil-fehma tagħhom, entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan, din ir-regola tapplika għalih ukoll.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389) u lanqas id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jeskludu lill-persuni ġuridiċi li huma entitajiet li jirriżultaw minn Stat mit-tgawdija tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Kuntrarjament, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Karta li huma rilevanti fir-rigward tal-motivi mqajma mir-rikorrent, u b’mod partikolari l-Artikoli 17, 41 u 47, jiggarantixxu d-drittijiet lil “kull persuna”, formulazzjoni li tinkludi l-persuni ġuridiċi bħar-rikorrent.

37      Il-Kunsill u l-Kummissjoni madankollu jinvokaw f’dan il-kuntest l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li ma jaċċettax l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn organizzazzjonijiet governattivi.

38      Issa, minn naħa, l-Artikolu 34 tal-KEDB huwa dispożizzjoni proċedurali li ma tapplikax għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jevita li Stat kontraenti fil-KEDB ikun fl-istess ħin ir-rikorrent u l-konvenut quddiem l-imsemmija Qorti (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Compagnie de navigation de la République islamique d’Iran vs It-Turkija, tat-13 ta’ Diċembru 2007, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2007-V, § 81).

39      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li r-regola li huma qed jinvokaw hija ġġustifikata mill-fatt li Stat jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali fuq it-territorju tiegħu, iżda ma jistax jibbenefika minn tali drittijiet.

40      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li din il-ġustifikazzjoni tapplika fir-rigward ta’ sitwazzjoni nazzjonali, il-fatt li Stat jiggarantixxi drittijiet fundamentali fuq it-territorju tiegħu huwa irrelevanti għall-portata tad-drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni ġuridiċi li huma entitajiet li jirriżulta mill-istess Stat fuq it-territorju ta’ Stati terzi.

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regoli li jipprojbixxu lil persuni ġuridiċi li huma entitajiet li jirriżultaw minn Stati terzi milli jinvokaw favurihom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Dawn l-istess drittijiet jistgħu għalhekk jiġu invokati mill-imsemmija persuni quddiem il-qorti tal-Unjoni sa fejn huma kompatibbli mal-kwalità tagħhom ta’ persuna ġuridika.

42      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ressqux elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien effettivament entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan, jiġifieri entità li tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew li tamministra servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Compagnie de navigation de la République islamique d’Iran vs It-Turkija, punt 38 iktar ’il fuq, § 79).

43      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kunsill isostni li r-rikorrent jamministra servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Iranjani sa fejn jipprovdi servizzi finanzjarji li huma meħtieġa għall-funzjonament tal-ekonomija Iranjana. Issa, ma jikkontestax l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li jipprovdu li l-imsemmija servizzi jirrappreżentaw attivitajiet kummerċjali eżerċitati f’settur kompetittiv u suġġett għad-dritt komuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-imsemmija attivitajiet huma meħtieġa għall-funzjonament tal-ekonomija ta’ Stat ma jikkonferixxix waħdu l-kwalità ta’ servizz pubbliku.

44      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li jipprovdi li r-rikorrent huwa involut fil-proliferazzjoni nukleari juri li jipparteċipa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Issa, abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tieħu bħala premessa fattwali fatt li r-realtà tiegħu hija kkonestata mir-rikorrent u hija s-suġġett tat-trattazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-allegat involviment tar-rikorrent fil-proliferazzjoni nukleari, kif esposta fl-atti kkontestati, ma jaqax taħt l-eżerċizzju tas-setgħat Statali, iżda minn tranżazzjonijiet kummerċjali effettwati ma’ entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk, din l-allegazzjoni ma tiġġustifikax li r-rikorrent jiġi kkwalifikat bħala entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan.

45      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent huwa entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan minħabba l-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-kapital tiegħu. Issa, minbarra l-fatt li, skont l-indikaturi pprovduti mir-rikorrent u li ma humiex ikkontestati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni inkwistjoni hija biss ta’ minoranza, dan waħdu ma jimplikax li r-rikorrent jipparteċipa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew jamministra servizz pubbliku.

46      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent jista’ jinvoka favurih il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

47      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn, minn naħa, ma kkomunikalux informazzjoni biżżejjed biex tippermettilu li jifformula osservazzjonijiet utli dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u biex tiżguralu smigħ xieraq u, min-naħa l-oħra, kemm l-eżami preliminari qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jirrigwardawh kif ukoll l-eżamijiet mill-ġdid perijodiċi ta’ dawn l-istess miżuri huma vvizzjati minn bosta żbalji.

48      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent. Huwa, b’mod partikolari jsostni li r-rikorrent ma jistax jinvoka l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

49      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u b’mod partikolari f’din il-kawża, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax isir derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi regolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew għat-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill għandu l-obbligu li jgħarraf lill-entità kkonċernata mill-miżuri restrittivi bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom huwa jqis li dawn għandhom jiġu adottati. B’hekk għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa kontra entità u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, punt 91).

53      Minn naħa, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-provi użati kontra l-entità kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665, punt 93).

54      Għalhekk, fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu ċ-ċertezza tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux tali ffriżar, il-komunikazzjoni tal-provi kontra għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tesprimi l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi ladarba l-att jiġi adottat. Taħt l-istess riżervi, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi għandha bħala regola ġenerali tiġi ppreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi kontra ġodda u minn possibbiltà ġdida għall-entità kkonċernata li ssostni fehmitha (ara, b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, punt 137).

55      Barra minn hekk, għandu jingħad li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li permezz tagħha l‑entità kkonċernata tista’ tesprimi b’mod utli il-perspettiva tagħha dwar il-provi mressqa kontriha mill‑Kunsill, il‑prinċipju tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad‑dokumenti li jinsabu fil‑fajl tiegħu. Huwa biss meta ssir talba mill‑parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad‑dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il‑miżura inkwistjoni (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      It-tielet nett, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika l-motivi ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħha għal rimedju legali. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija motivi hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jiddeċiedu b’għarfien sħiħ dwar il-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni kif tkun mitluba tagħmel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punti 335 sa 337, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tqis li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati mill-partijiet taħt l-ewwel motiv skont il-ħames stadji deskritti iktar ’il quddiem. L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument preliminari tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jipprovdi li r-rikorrent ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fir-rigward tal-komunikazzjoni inizjali tal-provi kontra. It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat l-argument marbut mal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-aċċess għall-fajl tal-Kunsill. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-argumenti li jirrigwardaw, minn naħa, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent dwar il-possibbiltà tiegħu li jsostni l-perspettiva tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-allegat ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-ħames nett, l-argumenti dwar allegati żbalji li jivvizzjaw l-eżami u l-eżami mill-ġdid magħmul mill-Kunsill ser jiġu diskussi.

 Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

58      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-applikabbiltà tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għal din il-kawża. Billi jirreferu għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill (T‑181/08, Ġabra p. II‑1965, punti 121 sa 123), huma jsostnu li r-rikorrent ma ntlaqatx mill-miżuri restrittivi minħabba l-attività tiegħu, iżda minħabba l-appartenenza tiegħu fil-kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet li għenu fil-proliferazzjoni nukleari. Konsegwentement, il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi ma nfetħitx fil-konfront tar-rikorrent fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq u għalhekk huwa ma jistax isostni d-drittijiet tad-difiża jew jista’ biss isostnihom b’mod restrittiv.

59      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

60      Fil-fatt, minn naħa, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, ġiet totalment annullata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P). Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet magħmula fuq l-imsemmija sentenza ma għadhomx jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk ma jistgħux jiġu validament invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

61      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 46(3) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012 jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn it-testi. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, punt 37).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif imfakkar fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, jista’ f’din il-kawża jiġi invokat mir-rikorrent.

 Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-komunikazzjoni inizjali tal-provi kontra

63      Qabelxejn, għandu jingħad li biex tiġi evalwata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligu li jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata l-provi kontra użati, għandhom jiġu kkunsidrati, minbarra l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati, it-tliet proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati mill-Kunsill lir-rikorrent.

64      Fil-fatt, minn naħa, mill-imsemmija proposti jirriżulta, kif ikkomunikati lir-rikorrent, li dawn intbagħtu lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jirrigwardawh u li dawn jikkostitwixxu, għalhekk, provi li fuqhom huma bbażati dawn l-istess miżuri.

65      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li t-tielet proposta ġiet ikkomunikata lir-rikorrent kemm wara l-introduzzjoni tar-rikors kif ukoll wara l-adattament tat-talbiet konsekuttivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010. Għalhekk, hija ma tistax validament issaħħaħ il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010. Madankollu, hija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti sussegwenti, jiġifieri tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012.

66      L-atti kkontestati jsemmu l-erba’ motivi segwenti li jirrigwardaw ir-rikorrent:

–        skont id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ir-rikorret huwa bank ta’ Stat (iktar ’il quddiem l-“ewwel motiv”);

–        ir-rikorrent għandu aġir li jgħin u jiffaċilita l-programmi nukleari u ta’ missili balistiċi tal-Iran (iktar ’il quddiem it-“tieni motiv”);

–        ir-rikorrent jipprovdi servizzi bankarji lil entitajiet li jinsabu fil-listi tan-Nazzjonijiet Unit u tal-UE, lil entitajiet li jaġixxu f’isem jew fuq l-istruzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar jew lil entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minnhom (iktar ’il quddiem it-“tielet motiv”);

–        ir-rikorrent huwa l-kumpannija parent ta’ First East Export (iktar ’il quddiem “FEE”), li tissemma fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem ir-“raba’ motiv”).

67      L-ewwel żewġ proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati fit-13 ta’ Settembru 2010 parzjalment jikkoinċidu mat-tieni motiv ipprovdut fl-atti kkontestati. Hija żżid il-motivi segwenti:

–        ir-rikorrent jipprovdi servizzi bankarji lill-Organizzazzjoni Iranjana tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem “AEOI”) u lil Novin Energy Company (iktar ’il quddiem “Novin”), li huma milquta bil-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“ħames motiv”);

–        ir-rikorrent jamministra l-kontijiet ta’ uffiċjali għolja tal-Organizzazzjoni Iranjana tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem is-“sitt motiv”).

68      It-tieni proposta kkomunikata fit-13 ta’ Settembru 2010 essenzjalment tikkoinċidi mal-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Hija żżid motiv wieħed, li jipprovdi li r-rikorrent kien iffaċilita l-moviment ta’ miljuni ta’ dollari għall-programm nukleari Iranjan minn tal-inqas l-2003 (iktar ’il quddiem is-“seba’ motiv”).

69      It-tielet proposta ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li hija annessa mal-kontroreplika, ma tinkludi l-ebda prova addizzjonali meta mqabbla mal-atti kkontestati u maż-żewġ proposti kkomunikati fit-13 ta’ Settembru 2010.

70      Ir-rikorrent isostni li din il-motivazzjoni ma tippreċiżax biżżejjed ir-raġunijiet tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Huwa jqis li din l-insuffiċjenza timplika, barra minn hekk, ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

71      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrent.

72      L-ewwel motiv huwa suffiċjentement preċiż għaliex jippermetti lir-rikorrent li jifhem li l-Kunsill jakkużah minħabba l-parteċipazzjoni tal-Istat Iranjan fil-kapital tiegħu.

73      Min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet motiv huma eċċessivament vagi inkwantu ma jippreċiżawx la l-aġir li bih huwa akkużat ir-rikorrent u lanqas l-entitajiet l-oħra kkonċernati.

74      Ir-raba’ motiv huwa espost b’mod suffiċjentement ċar, għaliex jippermetti lir-rikorrent li jifhem li l-Kunsill qed jakkużah minħabba l-kontroll li huwa jeżerċita fuq il-FEE.

75      L-istess jgħodd għall-ħames motiv, li jidentifika l-entitajiet li lilhom allegatament ġew ipprovduti s-servizzi finanzjarji inkwistjoni.

76      Fl-aħħar nett, is-sitt u s-seba’ motiv ma humiex suffiċjentement preċiżi, peress li s-sitt motiv ma jidentifikax il-persuni kkonċernati u s-seba’ ma jinkludi l-ebda preċiżazzjoni fuq l-entitajiet u t-tranżazzjonijiet ikkonċernati.

77      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ entità kkonċernata, il-provi użati kontrih f’dak li jirrigwarda t-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motiv. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess obbligi ġew osservati f’dak li jirrigwarda l-motivi l-oħra.

 Fuq l-aċċess għall-fajl

78      Kif ġie kkonstatat fil-punti 9 u 15 iktar ’il fuq, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent, fit-13 ta’ Settembru 2010, żewġ proposti għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jirriżultaw mill-Istati Membri, u sussegwentement it-tielet proposta mehmuża mal-kontroreplika.

79      Ir-rikorrent iqis li dan l-aċċess ma kienx biżżejjed biex jippermettilu li jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu.

80      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

81      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-aċċess mogħti, għandu jiġi osservat li mill-elementi tal-fajl ma jirriżultax li l-Kunsill, meta adottat l-atti kkontestati, kien ibbaża fuq elementi li ma humiex it-tliet proposti ppreżentati mill-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li ma kkomunikax lir-rikorrent provi addizzjonali.

82      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għaż-żewġ proposti għal adozzjoni ta’ miżuri restrittivi annessi mal-ittra tat-13 ta’ Settembru 2010, it-tielet proposta ġiet ikkomunikata lir-rikorrent biss fl-anness tal-kontroreplika, jiġifieri wara li skada t-terminu stabbilit għar-rikorrent mill-Kunsill biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, wara l-introduzzjoni ta’ rikors kif ukoll wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 20110/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

83      F’dan ir-rigward, il-Kunsill għadu jsostni li kkomunika t-tielet proposta lir-rikorrent hekk kif irċieva l-ftehim tal-Istat Membru li minnu rriżultat.

84      Issa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, meta l-Kunsill jixtieq jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn Stat Membru biex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entità, huwa għandu jiżgura, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, li l-elementi inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata fiż-żmien utli sabiex din tal-aħħar tkun tista’ ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, sa fejn il-Kunsill ikkomunika t-tielet proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi lir-rikorrent biss fl-anness tal-kontroreplika, huwa ma tahx aċċess għal dawn l-elementi fil-fajl tiegħu fi żmien utli, u dan bi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu u fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

86      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li ma kellux l-okkażjoni li jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu u li, fi kwalunkwe każ, l-osservazzjonijiet li huwa seta’ fformula ma ġewx meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill.

87      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

88      Għandu jiġi qabelxejn ikkonstatat li, wara l-adozzjoni tal-ewwel atti li permezz tagħhom il-fondi tiegħu ġew iffriżati, fis-26 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill, ittra li fiha esprima l-perspettiva tiegħu u talab li l-miżuri restrittivi kontra tiegħu jiġu rtirati. Il-Kunsill wieġeb għal din l-ittra fit-28 ta’ Ottubru 2010. Sussegwentement, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill permezz tal-ittra tad-29 ta’ Awwissu 2011, li l-Kunsill wiġibha fil-5 ta’ Diċembru 2011. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma jippreżentax argumenti li jissuġġerixxu li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta osservazzjonijiet ġodda lill-Kunsill, b’mod simili, qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 267/2012.

89      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent kellu l-okkażjoni li jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu, ħlief f’dak li jirrigwarda, minn naħa, it-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motiv ipprovduti mill-Kunsill, li huma eċċessivament vagi (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, il-proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati fl-anness tal-kontroreplika, sa fejn din ma kinitx tinkludihom fil-mument tal-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet (ara punt 82 iktar ’il fuq).

90      Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ifformulati, huwa minnu li r-risposta għall-argumenti tar-rikorrent fl-ittri tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2010 u tal-5 ta’ Diċembru 2011 hija qasira. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li dan tal-aħħar ippreċiża, fl-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, li huwa jqis, kuntrarjament għar-rikorrent, li ma kienx hemm garanziji biżżejjed li dan tal-aħħar mhux ser jipprovdi fil-futur servizzi bankarji lil persuni u entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari. Huwa reġa’ sostna din il-pożizzjoni fl-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011.

91      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-Kunsill ħassar, fid-Deċiżjoni 2010/644 u fir-Regolament Nru 961/2010, id-dikjarazzjoni li r-rikorrent huwa bank tal-Istat, li l-eżattezza tagħha kienet ikkontestata minn din tal-aħħar.

92      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill matul l-eżami mill-ġdid magħmul minnu, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent.

93      Fit-tieni nett, ir-rikorrent isostni li n-natura insuffiċjenti tal-informazzjoni u elementi kkomunikati lilu, affettwat id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

94      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

95      Bħalma ġie kkonstatat fil-punt 89 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn ir-rikorrent kiseb il-komunikazzjoni individwali tal-motivi suffiċjentement preċiżi, jiġifieri l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames motiv invokati mill-Kunsill, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie rispettat.

96      Min-naħa l-oħra, in-natura vaga tat-tieni, tat-tielet, tas-sitt u tas-seba’ motiv ipprovduti mill-Kunsill kif ukoll il-komunikazzjoni tardiva tat-tielet proposta għall-adozzjoi tal-miżuri restrittivi, jikkostitwixxu ksur tad-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq id-difetti li jaffettwaw l-eżami magħmul mill-Kunsill

97      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma pproċediex b’eżami veru tal-fatti tal-kawża, iżda sempliċement adotta l-proposti ppreżentati mill-Istati Membri. Dan id-difett jaffettwa kemm l-eżami preliminari għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, kif ukoll l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn l-istess miżuri.

98      Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, mill-messaġġi diplomatiċi li saru pubbliċi permezz tal-organizzazzjoni Wikileaks (iktar ’il quddiem il-“messaġġi diplomatiċi”), jirriżulta li l-Istati Membri, u b’mod partikolari r-Renju Unit, ġarrbu pressjonijiet mingħand il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jiġu adottati dawn il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-entitajiet Iranjani. Issa, dan il-fatt jitfa’ dubju fuq il-legalità tal-miżuri adottati u fuq dawk dwar il-proċedura tal-adozzjoni tiegħu.

99      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li ma hemmx lok li l-messaġġi diplomatiċi jittieħdu inkunsiderazzjoni.

100    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi kontra entitajiet allegatament implikati fil-proliferazzjoni nukleari huma atti tal-Kunsill, li għandu, għalhekk, jiżgura li l-adozzjoni tagħhom huwa ġġustifikat. Konsegwentement, meta jiġi adottat l-ewwel att li jistabbilixxi tali miżuri, il-Kunsill għandu jeżamina r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi tal-informazzjoni u tal-provi mibgħuta lilu, skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413, minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u tal-Politika tas-Sigurtà. Meta jiġu adottati atti suċċessivi li jirrigwardaw l-istess entità, il-Kunsill għandu, skont l-Artikolu 24(4) tal-istess deċiżjoni, jeżamina mill-ġdid il-ħtieġa taż-żamma tal-imsemmija miżuri fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn din l-entità.

101    F’din il-kawża, minn naħa, il-proċess ma jinkludi l-ebda indizzju li jissuġġerixxi li l-Kunsill ivverifika r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi li jirrigwarda r-rikorrent li ntbagħtulu qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 20110/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010. Bil-kontra, l-indikazzjoni żbaljata, f’dawn l-atti, li tipprovdi li r-rikorrent huwa bank tal-Istat, li l-ineżattezza tagħha ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill, twassal biex jiġi stabbilit li ma saret l-ebda verifika f’dan is-sens.

102    Min-naħa l-oħra, mill-punti 90 sa 92 iktar ’il fuq jirriżulta li meta ġew adottati l-atti kkontestati sussegwenti, il-Kunsill eżamina mill-ġdid il-fatti tal-kawża fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, għaliex huwa ħassar l-indikazzjoni li tipprovdi li r-rikorrent kien bank tal-Istat u li kien esprima ruħu dwar l-argument tiegħu dwar is-servizzi finanzjarji pprovduti lil entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

103    It-tieni nett, fir-rigward tal-messaġġi diplomatiċi, il-fatt li ċerti Stati Membri ġarrbu pressjonijiet diplomatiċi, anki jekk jiġi preżunt li huma stabbiliti, ma jimplikawx li, waħedhom, dawn l-istess pressjonijiet affettwaw l-atti kkontestati li ġew adottati mill-Kunsill jew mill-eżami magħmul minn dan tal-aħħar fl-okkażjoni tal-adozzjoni tagħhom.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu milqugħa l-argumenti tar-rikorrent dwar id-difetti li affettwaw l-eżami magħmul mill-Kunsill, f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/010, filwaqt li l-kumplament tal-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

105    Fid-dawl tal-punti 47 sa 104 iktar ’il fuq, għandu qabelxejn jiġi osservat li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkwantu ma kkomunikalux, fiż-żmien utli, il-proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi annessi mal-kontroreplika. Sa fejn l-imsemmija proposta ġiet użata mill-Kunsill biex jibbaża l-atti kkontestati kollha fir-rigward tar-rikorrent u fid-dawl tad-data tal-komunikazzjoni tagħha, dan id-difett jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrent.

106    It-tieni nett, meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill ma osservax l-obbligu li jeżamina r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi ta’ informazzjoni u ta’ prova dwar ir-rikorrent mibgħuta lilu, u għalhekk ivvizzja l-imsemmija atti b’illegalità.

107    Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motiv invokati fil-konfront tar-rikorrent. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-motivi differenti invokati mill-Kunsill huma indipendenti wieħed mill-ieħor u ta’ natura biżżejjed suffiċjenti mill-motivi l-oħra, dan il-fatt ma jiġġustifikax l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012. Dan jimplika biss li t-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motivi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat it-tieni motiv dwar il-fondatezza tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw ir-rikorrent.

108    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010 sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrent, u l-kumplament tal-motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent

109    Ir-rikorrent isostni li l-motivi invokati fil-konfront tiegħu mill-Kunsill, elenkati fil-punti 66 sa 69 iktar ’il fuq, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 2010/413, mir-Regolament Nru 423/2007, mir-Regolament Nru 961/2010 u mir-Regolament Nru 267/2010 u ma humiex sostnuti minn provi. Konsegwentement, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu fuq il-bażi ta’ dawn il-motivi.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

111    Skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, punti 37 u 107).

112    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni, tat-tielet, tas-sitt u tas-seba’ motiv invokati mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent (ara l-punt 107 iktar ’il fuq), l-istħarriġ għandu jirrigwarda biss il-fondatezza tal-ewwel, tar-raba’ u tal-ħames motiv invokat.

113    Fir-rigward tal-ewwel motiv, invokat biss fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, huwa minn issa stabbilit li r-rikorrent ma huwiex bank tal-Istat. Għalhekk, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq konstatazzjoni fattwali żbaljata u ma jistax għalhekk jiġġustifika l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrent mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010.

114    Fir-rigward tar-raba’ motiv, huwa minnu li l-FEE, sussidjarja miżmuma totalment mir-rikorrent, hija milquta mir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà għan-Nazzjonijiet Uniti.

115    Issa, minn naħa, mill-imsemmija riżoluzzjoni jirriżulta li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tal-FEE kienet immotivata biss mill-allegat involviment tar-rikorrent fil-proliferazzjoni nukleari.

116    Min-naħa l-oħra, dan l-involviment ġie deskritt fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) bi kliem impreċiż li essenzjalment jikkorrispondi għas-seba’ motiv ipprovdut mill-Kunsill, jiġifieri, li, “matul l-aħħar seba’ snin, [ir-rikorrent] ippermetta lill-entitajiet Iranjani assoċjati mal-programm ta’ armi nukleari, ta’ missili u ta’ difiża li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ diversi miljuni ta’ dollari”.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-raba’ motiv, minn naħa, huwa bbażat fuq sempliċi allegazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxix motiv awtonomu meta mqabbel ma’ dawk li jirrigwardaw ir-rikorrent direttament. Konsegwentement, dan ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

118    Fir-rigward tal-ħames motiv, ir-rikorrent jikkontesta li kien ipprovda servizzi lill-AEOI. Issa, il-Kunsill ma pproduċa l-ebda prova jew informazzjoni li tistabbilixxi li tali servizzi ġew ipprovduti. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-allegazzjonijiet dwar AEOI lanqas ma jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent.

119    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jammetti li kien ipprovda servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ kontijiet lil Novin, li hija milquta bil-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti mill-24 ta’ Marzu 2007, minħabba l-parteċipazzjoni allegata tagħha fil-proliferazzjoni nukleari. Madankollu, ir-rikorrent jispjega, minn naħa, li huwa ma kienx informat dwar l-involviment ta’ Novin fil-proliferazzjoni nukleari, b’mod partikolari peress li s-servizzi pprovduti ma kinux marbuta mal-imsemmi proliferazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent progressivament naqqas, u wara temm totalment ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Novin wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu lil din tal-aħħar.

120    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iwieġeb u jgħid li s-servizzi pprovduti mir-rikorrent lil Novin jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent, fid-dawl tar-riskju li huwa jipprovdi fil-futur għajnuna simili lil entitajiet oħra msemmija. F’dan il-kuntest, ma huwiex rilevanti li r-rikorrent kien jew seta’ kien jaf li Novin kienet effettivament involuta fil-proliferazzjoni nukleari jew li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati kienu marbuta mal-imsemmija proliferazzjoni.

121    Fid-dawl tal-argument tal-partijiet, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Kunsill, is-servizzi pprovduti mir-rikorrent lil Novin jikkostitwixxux għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2007 u tar-Regolament Nru 267/2012.

122    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, preliminarjament, abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 267/2012, l-imsemmija regolamenti japplikaw fit-territorju tal-Unjoni, inkluż iż-żona tal-ajru tagħha, f’kull ajruplan jew f’kull bastiment li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, għal kull ċittadin ta’ Stat Membru fi ħdan jew barra t-territorju tal-Unjoni, għal kull persuna ġuridika, għal kull entità jew korp, stabbilit skont id-dritt ta’ Stat Membru, kif ukoll għal kull persuna ġuridika, għal kull entità u għal kull korp f’dak li jirrigwarda kull tranżazzjoni kummerċjali mwettqa integralment jew parzjalment fl-Unjoni.

123    Għalhekk, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni, ir-Regolament Nru 423/2007, ir-Regolament Nru 961/2007 u r-Regolament Nru 267/2012 ma jistgħux joħolqu obbligi ġuridiċi fir-rigward ta’ stabbiliment finanzjarju stabbilit fi Stat terz u kkostitwit skont id-dritt ta’ dan l-istess Stat (iktar ’il quddiem “stabbiliment finanzjarju barrani”), bħalma huwa r-rikorrent. Għalhekk, tali stabbiliment finanzjarju ma huwiex obbligat, abbażi tal-imsemmija regolamenti, li jiffriża l-fondi ta’ entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

124    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk stabbiliment finanzjarju barrani jipparteċipa, huwa direttament assoċjat jew jipprovdi għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tiegħu li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, involuti f’tranżazzjoni kummerċjali mwettqa integralment jew parzjalment fl-Unjoni jew miżmuma minn ċittadini tal-Istati Membri jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew organizazzjonijiet stabbiliti jew ikkostitwiti skont id-dritt ta’ Stat Membru, jistgħu jintlaqtu mill-miżuri restrittivi adottati abbażi tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2007 u tar-Regolament Nru 267/2012.

125    Minn dan isegwi li stabbiliment finanzjarju barrani għandu interess kbir li jiżgura li ma jipparteċipax, li ma jkunx direttament assoċjat u ma jipprovdix għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari, b’mod partikolari billi jipprovdi servizzi finanzjarji lil entità involuta fil-proliferazzjoni. Konsegwentement, meta jkun jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li wieħed mill-klijenti tiegħu huwa involut fil-proliferazzjoni nukleari, huwa għandu mingħajr dewmien iwaqqaf il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil dan tal-aħħar, fid-dawl tal-obbligi legali applikabbli, u li ma jipprovdilu ebda servizz ġdid.

126    F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill li s-servizzi pprovduti lil Novin mir-rikorrent kienu fit-territorju Iranjan, fejn ir-relazzjoni tagħhom hija regolata mid-dritt Iranjan.

127    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent aġixxa mingħajr dewmien sabiex iwaqqaf il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil Novin, fid-dawl tal-obbligi applikabbli previsti mid-dritt Iranjan, ladarba kien jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li Novin kienet involuta fil-proliferazzjoni nukleari.

128    F’dan ir-rigward, ir-rikorrrent jikkontesta li kien informat dwar l-involviment ta’ Novin fil-proliferazzjoni nukleari qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu lil din tal-aħħar mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Sa fejn il-Kunsill ma ppreżentax, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, provi jew informazzjoni preċiża u konkreta li tissuġġerixxi li r-rikorrent kien jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li Novin ipparteċipat fil-proliferazzjoni nukleari f’data qabel, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din l-allegazzjoni tar-rikorrent fuq dan il-punt.

129    Fir-rigward tal-perijodu sussegwenti wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu lil Novin, ir-rikorrent jispjega li huwa stabbilixxa mingħajr dewmien ċirkolari interna li titlob lill-impjegati tagħha biex jinformaw lil Novin li huwa ma setax iktar jipprovdilha servizzi. Sussegwentement, l-ebda servizz ma ġie pprovdut u l-ebda struzzjoni ġdida ma ġietx aċċettata. Ir-rikorrent sempliċement wettaq, mill-kontijiet ta’ Novin, ħlasijiet li jirriżultaw mill-istruzzjonijiet, miċ-ċekkijiet u mill-biljetti negozjabbli stabbiliti qabel id-data ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu lil Novin, peress li l-ebda minn dawn il-ħlasijiet ma kienu marbuta mal-proliferazzjoni nukleari jew max-xiri ta’ beni b’mod ġenerali. Ladarba spiċċaw il-flus fil-kontijiet minħabba l-ħlasijiet magħmula, dawn ingħalqu mir-rikorrent. Il-flus li eventwalment kien baqa’, ta’ importanza żgħira, ingħataw lura lil Novin.

130    Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jikkontestawx l-eżattezza ta’ din l-espożizzjoni fattwali li hija sostnuta minn dikjarazzjonijiet bil-miktub tad-direttur tar-rikorrent.

131    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-miżuri humiex biżżejjed fir-rigward tal-kriterju espost fil-punt 124 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tan-natura partikolari tas-servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ kontijiet, ir-rikorrent wera li kien aġixxa mingħajr dewmien sabiex iwaqqaf il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil Novin ladarba sar jaf dwar l-involviment ta’ din tal-aħħar fil-proliferazzjoni nukleari.

132    F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa minnu li l-ħlasijiet twettqu mir-rikorrent mill-kontijiet ta’ Novin wara l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri restrittivi.

133    Madankollu, ir-rikorrent jispjega, mingħajr ma jiġi kkontradett mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, li huwa kellu, abbażi tal-obbligi tiegħu lejn Novin, iwettaq il-ħlasijiet li jikkorrispondu għall-istruzzjonijiet, iċ-ċekkijiet u l-biljetti negozjabbli stabbiliti qabel.

134    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(6) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 267/2012 jawtorizzaw, essenzjalment, li l-fondi ta’ entitajiet milquta minn miżuri restrittivi għandhom jinfetħu biex jitwettqu l-ħlasijiet favur obbligi li daħal għalihom qabel dawn ma ġew hekk deskritti, sa fejn l-imsemmija ħlasijiet ma humiex marbuta mal-proliferazzjoni nukleari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li, f’din il-kawża, ir-rikorrent jintalab jiffiriża l-fondi ta’ Novin abbażi tat-testi msemmija iktar ’il fuq, kif jirriżulta wkoll mill-punti 123 u 126 iktar ’il fuq, li hija applikat b’mod strett fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

135    Issa, il-Kunsill u l-Kummissjoni lanqas ma jallegaw li l-ħlasijiet inkwistjoni kienu marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

136    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jammetti li ta lura l-flus li eventwalment kien baqa’ fil-kontijiet magħluqa lil Novin. Huwa jippreċiża, madankollu, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, li huwa ma setax iżomm il-flus inkwistjoni.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li la s-servizzi pprovduti mir-rikorrent lil Novin qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu li din tal-aħħar u lanqas il-modalitajiet ta’ tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tar-rikorrent ma’ Novin ma jikkostitwixxu għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012.

138    Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jolqtu lir-rikorrent.

139    Peress li l-ebda mill-ewwel, mir-raba’ u mill-ħames motivi invokati mill-Kunsill kontra r-rikorrent ma jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jirrigwardawh, hemm lok li t-tieni motiv jiġi milqugħ.

140    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jirrigwardaw ir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ispejjeż

141    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

142    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Huma annullati, sa fejn jikkonċernaw lil Bank Mellat:

–        il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK;

–        il-punt 2 tat-Tabella B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413;

–        il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010;

–        il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu 1, tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Bank Mellat.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Jannar 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.