Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2012 - Versalis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-241/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Versalis SpA (San Donato Milanese, l-Italja) (rappreżentanti: F. Moretti, L. Nascimbene u M. Siragusa, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-att ikkontestat li permezz tiegħu l-Kummissjoni ddeċidiet li kienu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid ta' proċeduri ripressivi kontra Versalis S.p.A. u Eni S.p.A., u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti huwa intiż kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta' April 2012 (D/2012/042050, intitolata: COMP/F/38.638 - Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta' polimerizzazzjoni permezz ta' emulsjoni - adozzjoni mill-ġdid) li permezz tiegħu Versalis S.p.A. ġiet infurmata dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi bl-adozzjoni ta' dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida u ta' deċiżjoni ta' ksur ġdida li twassal li tiġi imposta fuqha multa, marbuta mal-proċedura COMP/F/38.638 - Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta' polimerizzazzjoni permezz ta' emulsjoni. Din l-ittra ġiet sussegwenti għas-sentenza tat-13 ta' Lulju 2011 mogħtija fis-sentenza T-59/07, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ordnat l-annullament tad-deċiżjoni ta' ksur sa fejn din tikkonċerna l-imputazzjoni lir-rikorrenti u, flimkien ma' din tal-aħħar, lill-Eni, taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, billi pproċediet bil-kalkolu mill-ġdid tal-multa imposta.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku.

Permezz tal-ewwel u l-uniku motiv tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni li terġa tiftaħ il-proċeduri ripressivi fir-rigward tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġdida ta' ksur. B'mod partikolari, hija tikkunsidra li s-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona fir-rigward ta' Versalis S.p.A. fir-rigward tal-fatti li ħuma s-suġġett tal-proċedura COMP/F/38.638 - Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta' polimerizzazzjoni permezz ta' emulsjoni - ġiet eżawrita sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Novembru 2006 (C(2006) 5700 finali) annullata u riformata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea bis-sentenza tat-13 ta' Lulju 2011 fil-Kawża T-59/07, attwalment ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

____________