Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2010 - Dow AgroSciences u Dintec Agroquímica - Produtos Químicos vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-466/10)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Dow AgroSciences Ltd (Hitchin, ir-Renju Unit) u Dintec Agroquímica - Produtos Químicos, Lda (Funchal, il-Portugall) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
tannulla d-Deċiżjoni 2010/355/UE;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż,
tieħu dawk il-miżuri addizzjonali oħra li jidhrilha xierqa.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/355/UE, tal-25 ta' Ġunju 2010, dwar li ma għandux jiġi inkluż [in-noninklużjoni ta'] trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE
1.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
Fl-ewwel lok, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li hija bbażata fuq, u teżisti biss minħabba, deċiżjoni illegali. Dik id-deċiżjoni l-oħra
2, id-Deċiżjoni 2007/629/KE
3, hija d-deċiżjoni oriġinali ta' noninklużjoni tat-trifluralin li rriżultat minn eżami mill-ġdid ta' din is-sustanza skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414
4. Li kieku d-Deċiżjoni 2007/629/KE ma ġietx adottata illegalment, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun teżisti.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat huwa fih innifsu illegali għal raġunijet awtonomi. Huma jikkontendu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi billi ġġustifikat l-att ikkontestat abbażi ta' allegat tħassib li jikkonċerna:
- trasport potenzjali ta' firxa kbira; f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni data (nuqqas ta' ġustifikazzjoni xjentifika) u li kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża. Barra minn dan, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tat-trasport ta' firxa kbira huwa, skont ir-rikorrenti, diskriminatorju u sproporzjonat.
- tossiċità għall-ħut; f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-ġustifikazzjoni xjentifika ma ssostnix il-konklużjoni. Barra minn dan, skont ir-rikorrenti, l-att ikkontestat huwa sproporzjonat fil-mod kif jittratta l-allegat tħassib dwar it-tossiċità kronika.
____________1 - Innotifikata taħt id-dokument numru C(2010) 4199 ( ĠU L 160, p. 30) 2 - Ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-Kawża T-475/07, Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni (ĠU 2008 C 51, p. 54) 3 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2007 dwar in-noninklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (innotifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4282) (ĠU L 255, p. 42)4 - Id-Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptitolu 3, Vol. 11, p. 332)