Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-22 ta’ April 2016 – proċeduri kriminali kontra Mossa Ouhrami

(Kawża C-225/16)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Parti fil-kawża prinċipali

Mossa Ouhrami

Domandi preliminari

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva “Ritorn” 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ ħames snin li jipprevedi huwa kkalkolat:

a.    b’effett mill-ħruġ tal-projbizzjoni ta’ dħul (jew, retroattivament, mid-deċiżjoni ekwivalenti li tiddikjara persuna mhux mixtieqa), jew

b.    b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata telqet fil-fatt mit-territorju — essenzjalment — tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jew

c.    minn xi mument ieħor?

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva “Ritorn” għandu, fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dritt tranżitorju, jiġi interpretat fis-sens li deċiżjonijiet meħuda qabel ma’ din id-direttiva daħlet fis-seħħ, li għandhom l-effett legali li d-destinatarju tagħhom ikollu jibqa’ barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għal għaxar snin konsekuttivi, meta l-projbizzjoni mid-dħul ġiet deċiża fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha marbuta mal-każ ineżami u kienet suġġetta għal rimedji legali, ma jistgħux ikollhom iktar effetti legali jekk, fil-mument li din id-direttiva kellha tiġi trasposta jew fil-mument li ġie kkonstatat li d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni kien jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-tul ta’ żmien ta’ dan l-obbligu kien jeċċedi t-tul ta’ żmien previst minn din id-dispożizzjoni?

____________

1 Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008 L 348, p. 98).