Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Diċembru 2012 - Ministry of Energy of Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-564/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ministry of Energy of Iran (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: M. Lester, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012 2, kif ukoll ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012 , sa fejn dawn il-miżuri huma applikabbli għar-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li ebda wieħed mill-kriterji legali għat-tniżżil tar-rikorrent fil-lista ma huwa ssodisfatt, fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball manifest meta kkunsidra li xi wieħed mill-kriterji għat-tniżżil fil-lista ġie ssodisfatt u fuq il-fatt li l-għażla tiegħu hija fondata fuq żball ta' fatt manifest.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma tax raġunijiet adegwati jew suffiċjenti għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-miżuri kkontestati.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma ggarantixxiex id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-rikorrent.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill li tagħżel lir-rikorrent kisret, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjoni, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu, tal-impriża tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58)

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16)