Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Diċembru 2012 - Central Bank of Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-563/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Central Bank of Iran (Teheran, Iran) (rappreżentant: M. Lester, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012 2, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012 , sa fejn dawn il-miżuri japplikaw għar-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa ibbażat fuq l-allegazzjoni li peress li ma ġie sodisfatt l-ebda wieħed mill-kriterji legali neċessarji għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, il-Kunsill wettaq żball manifest billi kkunsidra li kienu ġew sodisfatti l-kriterji legali kollha neċessarji għall-inklużjoni, u li ma hemmx bażi legali valida għall-inklużjoni tiegħu.

It-tieni motiv huwa ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli jipprovdi raġunijiet adegwati u suffiċjenti għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-miżuri kkontestati.

It-tielet motiv huwa ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli jiżgura d-drittijiet tar-rikorrent għal difiża u għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

Ir-raba' motiv huwa ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tar-rikorrent kisret, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt tiegħu għal protezzjoni tal-proprjetà, tan-negozju u tar-reputazzjoni tiegħu.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58).

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16).