Language of document : ECLI:EU:T:2014:608

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

3 ta’ Lulju 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan ta’ prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni — Aġġustament tal-effetti ratione temporis ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑565/12,

National Iranian Tanker Company, stabbilita fit-Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn R. Chandrasekera, S. Ashley, C. Murphy, solicitors, M. Lester, barrister, u D. Wyatt, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), sa fejn l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), sa fejn dan ir-regolament jikkonċerna lir-rikorrenti,


IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka, M. Kancheva, C. Wetter u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, National Iranian Tanker Company, hija kumpannija Iranjana speċjalizzata fit-trasport ta’ tagħbija ta’ żejt mhux ipproċessat u ta’ gass. Hija topera waħda mill-ikbar flotot fid-dinja tat-tankers taż-żejt b’buq doppju.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

3        Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem “il-Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) (iktar ’il quddiem, ir-“Riżoluzzjoni 1929”) intiża sabiex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi imposti permezz tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737 (2006), 1747 (2007), u 1803 (2008) u sabiex tintroduċi miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

4        Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew enfasizza t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar il-programm nukleari tal-Iran u laqa’ l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929. Il-Kunsill Ewropew, filwaqt li fakkar id-dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2009, stieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jadotta miżuri li jimplementaw dawk previsti fir-Riżoluzzjoni 1929 kif ukoll miżuri li jakkumpanjawhom, bil-ħsieb ta’ appoġġ għar-riżoluzzjoni, permezz ta’ negozjati, tat-tħassib pendenti kollu rigward l-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ teknoloġiji sensittivi b’appoġġ għall-programmi nukleari u missilistiċi tagħha. Dawn il-miżuri kellhom jiffokaw fuq is-settur tal-kummerċ, is-settur finanzjarju, is-settur tat-trasport tal-Iran, is-setturi prinċipali fl-industrija taż-żejt u l-gass kif ukoll fuq deżinjazzjonijiet addizzjonali, partikolarment għall-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

5        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), li l-Anness II tagħha jelenka l-persuni, u l-entitajiet — minbarra dawk indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit permezz tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), imsemmija fl-Anness I — li l-assi tagħhom huma ffriżati. Il-premessa 22 tagħha tirreferi għar-Riżoluzzjoni 1929 u ssemmi li din din ir-riżoluzzjoni tinnota r-rabta potenzjali bejn id-dħul li l-Iran jieħu mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tiegħu li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni.

6        Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 19, p. 22). Il-premessa 8 tagħha tfakkar ir-rabta potenzjali bejn id-dħul tal-Iran mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tal-Iran li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u l-fatt li t-tagħmir u l-materjal użat mill-proċessi kimiċi tal-industrija petrokimika għandhom ħafna affarijiet komuni ma’ dawk użati f’ċerti attivitajiet sensittivi marbuta maċ-ċiklu tal-kombustibbli nukleari, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni 1929.

7        L-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35 iżid il-punt li ġej mal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi li huma l-proprjetà tal-persuni u l-entitajiet li ġejjin:

“c) persuni jew entitajiet oħra [mhux] koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.”

8        Konsegwentement, fil-kuntest tat-Trattat FUE, il-Kunsill adotta, fil-23 ta’ Marzu 2012, ir-Regolament (UE) Nru 267/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). Sabiex jiġi implementat l-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35, l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet u organi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati li:

“d) huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom.”

9        B’ittri tal-10 ta’ Awwissu, tal-14 ta’ Settembru u tal-10 ta’ Ottubru 2010 lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u għall-politika tas-sigurtà, ir-rikorrenti osservat, fost l-oħrajn, it-tħassib tagħha rigward l-effetti fuq il-flotta tagħha tal-projbizzjoni ta’ provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni jew ta’ assigurazzjoni mill-ġdid lill-Gvern tal-Iran, prevista permezz tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2010/413. Fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Awwissu 2010, imsemmija hawn fuq, hija speċifikat li kienet ġiet ipprivatizzata fis-sena 2000.

10      Minbarra dan, f’ittra tad-19 ta’ Jannar 2012 lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u għall-politika tas-sigurtà, ir-rikorrenti kkontestat l-informazzjoni rrapportata f’artikolu fil-ġurnal speċjalizzat fl-industrija marittima, Lloyd’s List, imxandar fuq l-Internet il-ġurnata ta’ qabel, bit-titolu “NITC to be targeted by sanctions” (National Iranian Tanker Company ser tiġi ssuġġettata għal sanzjonijiet). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ċaħdet kull rabta mal-programm nukleari Iranjan. Hija sostniet li t-tankers tagħha ma jintużawx għat-trasport ta’ materjal ipprojbit f’rabta ma’ dan il-programm. Barra minn hekk, la r-rikorrenti, u lanqas il-president tagħha, jew l-azzjonisti tagħha ma kellhom rabtiet mal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

11      Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/635/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 282, p. 58, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu inklużi l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet addizzjonali fil-lista tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet li huma suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, b’mod partikolari entitajiet bi sjieda Iranjana li huma involuti fis-settur taż-żejt u tal-gass, minħabba li dawn jipprovdu sors ta’ dħul sostanzjali lill-Gvern Iranjan.

12      L-Artikolu 1(8)(a) tad-Deċiżjoni 2012/635 emenda l-Artikolu20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi konsegwentement li dawn għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi:

“c)      persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II.”

13      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/635 inkluda l-isem tar-rikorrenti fit-tabella tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 li tinkludi l-lista tal-ismijie tal-“Persuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi u persuni u entitajiet li jipprovu appoġġ lill-Gvern tal-Iran”.

14      Għaldaqstant, fl-istess jum, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 945/2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 282, p. 16; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament ikkontestat”). L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament inkluda l-isem tar-rikorrenti fit-tabella tal-Anness IX li tinkludi l-lista tal-ismijiet tal-“Persuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet fir-rigward ta' missili nukleari jew ballistiċi u persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran”.

15      L-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista għar-raġunijiet li ġejjin: “Effettivament ikkontrollata mill-Gvern tal-Iran. Tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran permezz tal-azzjonisti tagħha li jżommu rabtiet mal-Gvern.”

16      Id-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati ġew ikkomunikati lir-rikorrenti b’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012, fejn il-Kunsill ġibed l-attenzjoni tagħha għall-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet u li titolbu jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu.

17      B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti kkontestat l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi permezz tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati, u talbet li l-Kunsill jibgħatilha informazzjoni iktar speċifika dwar ir-raġunijiet għal din l-inklużjoni, kif ukoll il-provi li fuqhom ibbaża ruħu.

18      Il-Kunsill irrisponda b’ittra tat-12 ta’ Marzu 2013, u magħha ġew annessi kopji ta’ dokumenti mill-proċess tiegħu. F’din l-ittra, il-Kunsill speċifika li ma kienx hemm dokumenti jew informazzjoni oħra rigward ir-rikorrenti fil-pussess tiegħu.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla. Fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

21      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati b’effett immedjat, sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Lulju 2013, ir‑rikorrenti ressqet talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji. Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-19 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

24      Il-Kunsill, mingħajr ma qajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, invoka l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Huwa jsostni li, sa fejn ir-rikorrenti hija kkontrollata kollha kemm hi mill-Istat Iranjan, għandha titqies li hija entità pubblika. Inkwantu emanazzjoni tal-Istat Iranjan, ir-rikorrenti ma għandhiex għaldaqstant il-locus standi sabiex tippreżenta rikors li jinvoka ksur tad-dritt għall-proprjetà jew ta’ drittijiet fundamentali oħrajn. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jiddistingwi bejn, minn naħa, ċerti drittijiet proċedurali li huwa aċċettat li l-Istati għandhom u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali, li l-Istati ma jistgħux jibbenefikaw minnhom.

25      Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà tapplika għall-motivi kollha invokati, għaliex dan ir-rikors huwa intiż fil-fatt sabiex jinkiseb l-annullament tal-iffriżar ta’ fondi, li jikkostitwixxi ksur — iġġustifikat — għad-dritt għall-proprjetà. Għaldaqstant huwa irrilevanti li mhux il-motivi kollha jirreferu speċifikament għal dan id-dritt.

26      Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà, il-Kunsill jirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li jistabbilixxi l-persuni li huma awtorizzati jressqu talba quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li jeskludi l-organizzazzjonijiet tal-gvern mill-protezzjoni ta’ din il-qorti. Skont il-Kunsill, ir-ratio legis tal-Artikolu 34 tal-KEDB jinstab fin-natura nnifisha tad-drittijiet fundamentali, li r-rispett tagħhom għandu jiġi ggarantit mill-Istat għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu fis-sens tal-KEDB. Stat, jew emanazzjoni ta’ Stat, ma jistgħux għaldaqstant jibbenefikaw minn drittijiet fundamentali għaliex Stat sovran ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor.

27      Ir-rikorrenti tqis li r-rikors tagħha u l-motivi kollha li hija tinvoka huma ammissibbli.

28      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li l-argument tal-Kunsill li r-rikorrenti, inkwantu emanazzjoni tal-Istat Iranjan, ma tistax tinvoka d-dritt għall-proprjetà, jaqa’ fl-ambitu tal-eżami tal-fondatezza tar-raba’ motiv, ibbażat fost l-oħrajn fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, u mhux fl-ambitu tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, punt 51).

29      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

30      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-dritt tagħha għall-protezzjoni tal-proprjetà tagħha, tal-impriża tagħha u tar-reputazzjoni tagħha.

31      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

32      Ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni tagħha ma hijiex immotivata suffiċjentement. Hija tallega li l-motivi msemmija fid-deċiżjoni u fir-regolament ikkontestati huma vagi u ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni speċifika u konkreta. Minbarra dan, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli invoka, fir-risposta tiegħu, motivi ġodda għal inklużjoni li ma humiex marbuta mal-kriterju legali dwar il-provvista ta’ sostenn finanzjarju.

33      Il-Kunsill isostni, min-naħa tiegħu, li, fil-kuntest ġenerali magħruf sew tar-rikorrenti, il-motivi msemmija fid-deċiżjoni u fir-regolament ikkontestati jippermettulha tifhem ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għall-inklużjoni tagħha, u kienu jissodisfaw b’dan il-mod ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Mill-1 ta’ Lulju 2012, huwa magħruf li l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea kienu qed jissorveljaw l-attivitajiet tar-rikorrenti, wara l-projbizzjoni li jiġi importat żejt Iranjan fl-Istati Membri tal-Unjoni u li tiġi pprovduta assigurazzjoni marittima, b’mod partikolari b’rabta mat-trasport taż-żejt mhux ipproċessat Iranjan, introdotta permezz tad-Deċiżjoni 2012/35. Tul ix-xhur qabel l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti, serje ta’ artikoli tal-istampa wrew ir-rabtiet bejn il-Gvern Iranjan u r-rikorrenti, kif ukoll l-attivitajiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jevitaw il-miżuri restrittivi, b’mod partikolari bil-ksib, minn kumpanniji ta’ pajjiżi terzi, ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni, permezz tar-reġistrazzjoni tat-tankers tagħha taħt il-bnadar ta’ pajjiżi terzi.

34      L-ittri li r-rikorrenti bagħtet, qabel l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u għall-politika tas-sigurtà, b’mod partikolari dik tad-19 ta’ Jannar 2012 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), jikkonfermaw li l-persuna kkonċernata kienet taf b’dan il-kuntest ġenerali.

35      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-individwi kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

37      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-persuna kkonċernata ma tingħatax l-opportunità li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa jerġa’ iktar importanti, għaliex jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, mill-inqas wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji fid-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, imsejħa “OMPI I”, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 140).

38      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma għandhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi għalfejn il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; OMPI I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 146, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 83).

39      Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (sentenzi Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54; OMPI I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141, u Bank Melli L-Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

40      F’dan il-każ, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi hija bbażata fuq iż-żewġ motivi li ġejjin. Ir-rikorrenti hija “[e]ffettivament ikkontrollata mill-Gvern tal-Iran”. Hija “[t]ipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran permezz tal-azzjonisti tagħha li jżommu rabtiet mal-Gvern”.

41      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-motivazzjoni tidentifikax il-bażi legali tal-miżura adottata mill-Kunsill kontra r-rikorrenti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 hawn fuq, mit-tieni motiv fost dawk invokati mill-Kunsill jirriżulta li dan ibbaża ruħu fuq il-kriterju legali dwar il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, iddefinit fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, u speċifikat fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq). Minbarra dan, dan il-motiv jindika biċ-ċar li, skont il-Kunsill, tali appoġġ finanzjarju jirriżulta mir-rabtiet miżmuma mill-azzjonisti tar-rikorrenti mal-Gvern tal-Iran.

42      Min-naħa l-oħra, kif tosserva r-rikorrenti, l-ewwel motiv, li jipprovdi li hija effettivament ikkontrollata mill-Gvern tal-Iran, meqjus b’mod iżolat, ma jippermettix li jiġi identifikat il-kriterju legali li fuqu huwa bbażat. Dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi eżaminat flimkien mat-tieni motiv.

43      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżami konġunt taż-żewġ motivi jurix b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunament tal-Kunsill, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li dawn il-motivi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ġenerali tal-miżuri adottati mill-Kunsill kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ara l-punt 39 hawn fuq). F’dan ir-rigward, kemm il-premessa 22 tad-Deċiżjoni 2010/413 (punt 5 hawn fuq) kif ukoll il-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2012/635 (punt 11 hawn fuq) juru li l-Kunsill stabbilixxa rabta bejn id-dħul mis-settur tal-gass u taż-żejt, minn naħa, u l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, min-naħa l-oħra. Sa fejn ir-rikorrenti hija attiva f’dan is-settur inkwantu trasportatur taż-żejt u tal-gass, hija setgħet tifhem li l-appoġġ finanzjarju msemmi mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati kien jirrigwarda din ir-rabta partikolari.

44      Kif josserva ġustament il-Kunsill, ir-rikorrenti kienet kompletament konxja tal-intenzjoni tal-Kunsill li jinkludi isimha fil-lista ta’ persuni u entitajiet issanzjonati. Fil-fatt, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kunsill sabiex tgħarrfu bit-tħassib tagħha rigward l-effetti ta’ eventwali inklużjoni (ara l-punti 9 u 10 hawn fuq). Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kienet qed issegwi minn qrib il-politika implementata mill-Kunsill fil-konfront tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li għaldaqstant kellha tiġi informata bir-rabta li l-Kunsill kien stabbilixxa bejn id-dħul mis-settur tal-gass u taż-żejt, minn naħa, u l-finanzjament tal-programm nukleari tal-Iran, min-naħa l-oħra.

45      It-tieni nett, minkejja li huwa minnu li r-raġunijiet speċifiċi mogħtija mill-Kunsill bħala ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti huma konċiżi għaliex la jispeċifikaw it-tip ta’ appoġġ finanzjarju li r-rikorrenti allegatament ipprovdiet lill-Gvern tal-Iran u lanqas in-natura tar-rabtiet li jeżistu bejnu u bejn l-azzjonisti tagħha, jibqa’ l-fatti li dawn l-ispjegazzjonijiet kienu jippermettu lir-rikorrenti tifhem li l-appoġġ kien wieħed imwettaq permezz tal-azzjonisti tagħha.

46      Huwa minnu li r-rikorrenti ssostni li, minħabba l-privatizzazzjoni tagħha fis-sena 2000, l-azzjonisti tagħha ma baqgħux iżommu rabtiet mal-Gvern tal-Iran. Madankollu dan l-argument jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motivi mressqa mill-Kunsill u mhux il-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Il-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tirrigwarda rekwiżit proċedurali essenzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-imġiba allegata, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifika tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

47      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-kuntest ġenerali li fih ġew adottati d-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati, il-motivi invokati mill-Kunsill bħala ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi tal-persuni u tal-entitajiet issanzjonati, huma konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

48      Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx ikkontrollata mill-Gvern tal-Iran u li hija ma kinitx tipprovdilu appoġġ finanzjarju. Hija tallega li l-azzjonisti tagħha, fondi ta’ pensjoni privati, li barra minn hekk isimhom ma ġewx inklużi fil-listi fiż-żmien tal-inklużjoni tagħha, ma għandhom, sa fejn hija taf, l-ebda rabta mal-Gvern tal-Iran. Ir-rikorrenti ġiet ipprivatizzata fis-sena 2000, u s-sidien benefiċjarji tagħha (beneficial owners) huma ħames miljun pensjonant Iranjan. F’kull każ, hija għamlet telf u ma qassmitx dividendi lill-azzjonisti tagħha mis-sena 2010.

49      Fir-rigward tal-artikoli fl-istampa li l-Kunsill jinvoka inkwantu “informazzjoni li ġejja minn sorsi privati”, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, sa fejn, skont ir-rikorrenti, mill-ittra tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2013 jirriżulta li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kunsill meta l-isem tar-rikorrenti ġiet inkluża fil-listi.

50      Il-Kunsill iqis, min-naħa tiegħu, li r-rikorrenti tissodisfa l-kriterju dwar il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran. L-ewwel nett, huwa jfakkar li d-deċiżjoni tal-Unjoni li tipprojbixxi l-importazzjoni taż-żejt Iranjan hija intiża sabiex iċċaħħad lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran minn dħul miż-żejt, li jirrappreżenta 70 % mid-dħul ta’ dan l-Istat, sabiex issir pressjoni fuqu biex iwaqqaf il-programm nukleari tiegħu. Ir-rikorrenti ttrasportat kważi nofs iż-żejt mhux ipproċessat prodott fl-Iran fl-2011, kif juri b’mod partikolari artikolu tal-Institute for the Study of War (Istitut għall-istudju tal-gwerra) tas-16 ta’ April 2012, u rapport tal-10 ta’ Jannar 2013 stabbilit mis-servizz tar-riċerka Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika (Annessi 3 u 18 tar-risposta).

51      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-istruttura tal-kapital tar-rikorrenti, il-Kunsill jispjega li huwa bbaża ruħu fuq informazzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri, ikkorroborati permezz ta’ data li ġejja minn sorsi miftuħa, skont liema 33 % minn dan il-kapital huma miżmuma mill-iState Pension Fund, 33 % mis-Social Security Retirement Fund, u 33 % min-NIOC Pension and Savings Fund. L-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, b’mod partikolari fin-nota ta’ espert mehmuża mar-rikors (Anness 3), ma jippermettux li tiġi kkonfutata l-allegazzjoni li r-rikorrenti hija effettivament ikkontrollata mill-Istat tal-Iran. Fil-fatt, din in-nota tindika biss li 66 % mill-kapital tar-rikorrenti ġew ittrasferiti lil żewġ entitajiet privati fis-sena 2000, u li, minn dakinhar, ir-rikorrenti ġiet kompletament ipprivatizzata, mingħajr ma ssemmi l-ismijiet tal-akkwirenti. L-istruttura vera ta’ proprjetà tar-rikorrenti hija għaldaqstant deliberatament opaka. F’kull każ, l-azzjonisti tar-rikorrenti huma fondi ta’ pensjoni tal-Istat, li jikkontrolla għalhekk lir-rikorrenti u jieħu benefiċċji minn din il-kumpannija permezz tal-azzjonisti tagħha.

52      Minbarra dan, fix-xahar ta’ Jannar tal-2012, il-president tar-rikorrenti, S., ġie f’daqqa waħda ssostitwit b’B., ex Ministru Iranjan għat-toroq u għat-trasport, li għandu rabtiet mill-qrib mal-President Iranjan. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pprovat taħbi l-proprjetà tal-bastimenti tal-flotta tagħha billi biddlet isimhom u billi poġġiethom taħt bandiera differenti.

53      Fir-rigward tal-provi, il-Kunsill jenfasizza li l-allegazzjonijiet tiegħu huma sostnuti suffiċjentement fid-dritt permezz tad-dokumenti fil-proċess tiegħu mibgħuta lir-rikorrenti fuq talba tagħha, u permezz tal-informazzjoni, magħrufa mir-rikorrenti, li ġejja minn sorsi miftuħa, ikkostitwita mir-rapporti u mill-artikoli fl-istampa annessi mar-risposta.

54      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill għandu ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jiddetermina fuq bażi individwali jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, punt 45).

55      Madankollu, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw kontroll, fil-prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż meta tali atti huma intiżi għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Kadi, imsejħa “Kadi II”, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, punt 97).

56      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li, bħala parti mill-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna speċifika fil-listi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni tkun bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-probbabiltà fl-astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119).

57      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Huwa importanti li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet invokati kontra l-persuna kkonċernata (sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punti 121 u 122).

58      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument żviluppat mill-Kunsill waqt is-smigħ, fis-sens li l-involviment tar-rikorrenti fis-settur Iranjan taż-żejt u tal-gass, permezz tal-attività tagħha ta’ trasport ta’ żejt mhux ipproċessat u ta’ gass prodott fl-Iran, jippermetti minnu nnifsu li jiġi pprovat li r-rikorrenti tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, biżżejjed jitfakkar li l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi hija bbażata fuq il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, permezz tar-rabtiet li l-azzjonisti tar-rikorrenti għandhom mal-Gvern tal-Iran. It-trasport taż-żejt ma għandux x’jaqsam mal-allegata eżistenza ta’ rabtiet bejn l-azzjonisti tar-rikorrenti u l-Gvern. Skont il-ġurisprudenza, il-legalità tal-atti kkontestati tista’ tiġi evalwata biss abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-imsemmija atti ġew adottati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax taċċetta l-istedina magħmula mill-Kunsill li ssir, fl-aħħar mill-aħħar, sostituzzjoni tal-motivi li fuqhom huma bbażati dawn l-atti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2013, North Drilling vs Il-Kunsill, T‑552/12, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għandhom ukoll jiġu injorati l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill waqt is-smigħ, fis-sens li r-rikorrenti, li hija ex-sussidjarja tan-National Iranian Oil Company (iktar ’il quddiem, in-“NIOC”), baqgħet wara l-privatizzazzjoni tagħha taħt il-kontroll ta’ din l-impriża pubblika, miżmuma kollha kemm hi mill-Istat Iranjan u li l-isem tagħha ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet issanzjonati minħabba l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-Gvern tal-Iran. Fil-fatt, dan ir-raġunament li jikkonsisti fl-affermazzjoni li l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-Gvern tal-Iran mir-rikorrenti jsir permezz ta’ kumpannija terza, jiġifieri n-NIOC, ma jistax jiġi aċċettat. Il-motivi għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti ma jirreferux għal appoġġ finanzjarju indirett li jirriżulta mir-rabtiet bejn ir-rikorrenti u n-NIOC, iżda appoġġ finanzjarju tar-rikorrenti lill-Gvern tal-Iran permezz tar-rabtiet bejn l-azzjonisti tar-rikorrenti u l-Gvern tal-Iran.

60      Minbarra dan, u f’kull każ, sa fejn l-argumenti msemmija hawn fuq tal-Kunsill huma intiżi sabiex jistabbilixxu li r-rikorrenti tagħti appoġġ finanzjarju indirett lill-Gvern tal-Iran, permezz tal-attività tagħha ta’ trasport bil-baħar ta’ gass u ta’ żejt, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi l-kriterju rigward il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, u mhux dak tal-provvista ta’ appoġġ finanzjarju indirett. Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, is-sempliċi fatt li, bl-attività ta’ trasport tagħha, ir-rikorrenti hija involuta fis-settur taż-żejt u tal-gass Iranjan, li jirrappreżenta wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ dħul tal-Gvern tal-Iran, ma jistax jitqies li huwa kopert mill-kriterju legali dwar il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lil dan il-gvern.

61      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-istruttura tal-kapital tagħha, ir-rikorrenti tosserva ġustament li l-proċess tal-Kunsill ma jinkludi l-ebda prova. B’mod partikolari, la l-proposti li isimha jiġi inkluż fil-lista ppreżentati minn tliet Stati Membri, bid-data tad-19, tal-24 u tat-28 ta’ Settembru 2012 u lanqas id-dokumenti l-oħra li jinsabu f’dan il-proċess ma jidentifikaw l-azzjonisti tar-rikorrenti u ma jinkludux l-iċken indizju li jista’ jsostni l-allegazzjonijiet li r-rikorrenti hija kkontrollata mill-Gvern tal-Iran jew li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil dan tal-aħħar permezz tal-azzjonisti tagħha, li jżommu rabtiet ma’ dan il-gvern. L-uniċi elementi fil-proċess rigward ir-rikorrenti jikkonsistu fl-allegazzjonijiet li huma essenzjalment riprodotti fid-deċiżjoni u fir-regolament ikkontestati.

62      Għaldaqstant, sabiex isostni dawn l-allegazzjonijiet, riprodotti fil-motivi għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti, il-Kunsill ma jistax jinvoka validament, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argumenti fattwali mqassra fil-punti 51 u 52 hawn fuq, għaliex dawn l-argumenti ma kinux jinsabu fil-proċess tiegħu u, għaldaqstant, għaliex lanqas ma ġew ikkomunikati lir-rikorrenti, fuq talba tagħha, fir-risposta tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2013. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali argumenti jippreġudika, minn naħa, il-prinċipju li jipprovdi li l-legalità tal-atti kkontestati tista’ tiġi evalwata biss abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-imsemmija atti jkunu ġew adottati u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (sentenza Bateni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). Fil-fatt, peress li r-rikorrenti ma rċevietx komunikazzjoni tal-motivi l-ġodda f’ħin xieraq, minn naħa, ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tesprimi b’mod effettiv il-fehma tagħha fuq dawn il-motivi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isimha kif ukoll jekk kienx xieraq li jiġi ppreżentat rikors. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni ġie, b’dan il-mod, affettwat (ara s-sentenza North Drilling vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Bl-istess mod, l-argument tal-Kunsill li s-sostituzzjoni reċenti, f’Marzu 2013, tal-president tar-rikorrenti tikkonferma r-rabtiet mill-qrib bejn l-azzjonisti ta’ din tal-aħħar u l-Gvern tal-Iran, ma huwiex effettiv għaliex huwa bbażat fuq fatti sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati.

64      Għaldaqstant, l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ma jinkludu l-ebda indizju li jista’ jsostni l-allegazzjonijiet tal-Kunsill li r-rikorrenti hija kkontrollata mill-Gvern tal-Iran u tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.

65      Għaldaqstant ma teżistix ġustifikazzjoni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi.

66      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

67      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ motivi, li jiġu annullati d-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati

68      Ir-rikorrenti titlob li l-annullament tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati jieħdu effett immedjatament. Hija ssostni li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jinkludi isimha fil-listi għandha n-natura ta’ deċiżjoni individwali, u mhux dik ta’ regolament, kif juri l-obbligu tal-Kunsill li jikkomunika individwalment il-miżuri restrittivi lill-persuni jew lill-entitajiet ikkonċernati. Ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 86 u 87), fejn il-Qorti Ġenerali qieset li deċiżjoni li timplementa l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969), ma kinitx ta’ natura esklużivament ġenerali, iżda kellha n-natura ta’ att individwali fil-konfront tal-persuni jew tal-entitajiet li isimhom ġew inklużi permezz ta’ din id-deċiżjoni fl-Anness V tal-imsemmi regolament.

69      Skont ir-rikorrenti, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi biss iż-żamma fis-seħħ ta’ regolament, u mhux dik ta’ deċiżjoni, wara l-annullament tiegħu mill-Qorti Ġenerali, sakemm jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan jiġi miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi llimitat l-effett ta’ ħolqien ta’ diżordni tal-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ regoli ġenerali applikabbli fl-Unjoni kollha, meta dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu vvalidati fil-kuntest ta’ appell.

70      Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludi l-annullament b’effett immedjat tar-regolament ikkontestat. Huwa jqis, għaldaqstant, li l-Qorti Ġenerali għandha wkoll tordna li l-effetti tal-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu sospiżi għall-istess perijodu.

71      Il-Kunsill jirreferi b’dan il-mod għal ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa applikabbli f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ regolament, bħalma huwa r-Regolament Nru 267/2012, li jimponi miżuri restrittivi. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni sal-lum qieset li r-Regolament Nru 267/2012, inkluż l-Anness IX tiegħu, għandu n-natura ta’ regolament, għaliex it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 tiegħu jipprovdi li huwa vinkolanti fl-elementi kollha tiegħu u applikabbli direttament f’kull Stat Membru, li jikkorrispondi għall-effetti ta’ regolament kif previsti permezz tal-Artikolu 288 TFUE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Bateni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83, u Iranian Offshore Engineering & Constructions vs Il-Kunsill, T‑110/12, punt 74; ara wkoll, b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 45).

72      L-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

73      Fil-fatt, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi għandhiex in-natura ta’ regolament fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut, biżżejjed jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jippermetti, f’kull każ, lill-qorti tal-Unjoni tindika, jekk tqis li huwa meħtieġ, liema effetti minn dawk tal-att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dwar id-data li fiha s-sentenzi tagħha jsiru effettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il-Kunsill, T‑58/12, punti 250 u 251).

74      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, li huwa meħtieġ li jiġu sospiżi l-effetti ta’ din is-sentenza sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, jekk appell ikun ġie ppreżentat f’dan it-terminu, sakemm dan jiġi miċħud.

75      Il-programm nukleari implementat mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran huwa sors ta’ tħassib serju kemm fuq il-livell internazzjonali kif ukoll fuq il-livell Ewropew. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kunsill kabbar gradwalment in-numru ta’ miżuri restrittivi adottati kontra dan l-Istat, sabiex jostakola l-iżvilupp ta’ attivitajiet li jqiegħdu f’periklu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

76      Għaldaqstant, l-interess tar-rikorrenti li tiżgura li din is-sentenza ta’ annullament tkun effettiva immedjatament għandu jkun imwieżen mal-għan ta’ interess ġenerali segwit mill-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran. L-aġġustament tal-effetti ratione temporis tal-annullament ta’ miżura restrittiva jista’ b’hekk jiġi ġġustifikat bil-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri restrittivi u, fl-aħħar mill-aħħar, b’kunsiderazzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw is-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara, b’mod analogu mal-assenza ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-persuna kkonċernata tal-motivi għall-inklużjoni inizjali tagħha fil-listi, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 67).

77      L-annullament b’effett immedjat tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti jippermetti lil din tal-aħħar tittrasferixxi l-assi kollha tagħha jew parti minnhom barra mill-Unjoni, mingħajr ma l-Kunsill ikun jista’, fejn xieraq, japplika fi żmien xieraq l-Artikolu 266 TFUE sabiex jiġu korretti l-irregolaritajiet ikkonstatati f’din is-sentenza, b’tali mod li jkun hemm il-probabbiltà li jsir preġudizzju serju u irreversibbli għall-effettività ta’ kull iffriżar ta’ assi li jista’, fil-ġejjieni, jiġi deċiż mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-annullament permezz ta’ din is-sentenza tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi jirriżulta mill-fatt li l-motivi għal din l-inklużjoni ma humiex sostnuti bi provi suffiċjenti (ara l-punt 65 hawn fuq). Minkejja li huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, inklużjoni ġdida tar-rikorrenti ma tistax tiġi eskluża awtomatikament. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġdid, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jinkludi mill-ġdid l-isem tar-rikorrenti abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

78      Għaldaqstant l-effetti tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati għandhom jinżammu fir-rigward tar-rikorrenti, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan l-appell jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, hija annullata sa fejn inkludiet l-isem ta’ National Iranian Tanker Company fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

2)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huwa annullat sa fejn inkluda l-isem ta’ National Iranian Tanker Company fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

3)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012 huma miżmuma f’dak li jirrigwarda lil National Iranian Tanker Company, sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan l-appell jiġi miċħud.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewoprea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn National Iranian Tanker Company.

van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Kancheva

Wetter

 

      Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Lulju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.