Language of document : ECLI:EU:T:2015:187

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Marzu 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għar-reputazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑563/12,

Central Bank of Iran, stabbilit fit-Teheran (l-Iran), irrappreżentat minn M. Lester, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), sa fejn żammet, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), sa fejn żamm, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

1        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din ittemm l-attivitajiet nukleari tagħha b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

 Miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent

2        Ir-rikorrent, Central Bank of Iran, huwa l-bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

3        Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni S/RES/1929 (2010) intiża sabiex twessa’ l-portata tal-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tar-riżoluzzjonijiet preċedenti S/RES/1737 (2006), tas-27 ta’ Diċembru 2006, S/RES/1747 (2007), tal-24 ta’ Marzu 2007, u S/RES/1803 (2008), tat-3 ta’ Marzu 2008, u sabiex tistabbilixxi miżuri restrittivi supplimentari kontra l-Iran.

4        Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran fejn enfasizza li kien dejjem iktar imħasseb minħabba l-programm nukleari Iranjan u feraħ bl-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni S/RES/1929. Filwaqt li fakkar id-dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew fost l-oħrajn stieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta miżuri restrittivi li jimplementaw dawk previsti fir-Riżoluzzjoni S/RES/1929. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew, il-miżuri restrittivi kellhom, b’mod partikolari, jiġu applikati kontra persuni u entitajiet oħra għajr dawk indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-kumitat maħluq taħt il-paragrafu 18 tar-Riżoluzzjoni S/RES/1737, iżda bl-użu tal-istess kriterji bħal dawk applikati minn dawn tal-aħħar.

5        Fil-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill tenna t-tħassib dejjem jiżdied tiegħu dwar in-natura tal-programm nukleari implementat mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, b’mod partikolari dwar is-sejbiet rigward l-attivitajiet Iranjani relatati mal-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari militari, kif rifless fl-aħħar rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA). Fid-dawl ta’ dan it-tħassib u konformement mad-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill iddeċieda li jwessa’ s-sanzjonijiet eżistenzi billi jeżamina, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sieħba internazzjonali tiegħu, miżuri supplimentari, fosthom miżuri intiżi sabiex jaffettwaw b’mod serju s-sistema finanzjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

6        Fid-9 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Ewropew sostna l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-1 ta’ Diċembru 2011 u stieden lil dan tal-aħħar isegwi bi prijorità x-xogħol tiegħu marbut mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

7        Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 22), l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

8        Konsegwentement, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2012, tat-23 ta’ Jannar 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 1), l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1). Din l-inklużjoni daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Jannar 2012. Hija kellha, b’mod partikolari, l-effett ta’ ffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent.

9        L-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi msemmija hawn fuq kienet ibbażata fuq ir-raġuni li ġejja:

“Involut f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet.”

10      B’ittra tal-24 ta’ Jannar 2012, riċevuta mir-rikorrent fis-6 ta’ Frar 2012, il-Kunsill informa lil dan tal-aħħar bl-inklużjoni ta’ ismu fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, fil-verżjoni tiegħu kif emendata permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 54/2012. Kopji tad-Deċiżjoni 2012/35 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 54/2012 kienu mehmuża ma’ din l-ittra.

11      Fl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, fil-verżjoni tiegħu kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 54/2012, tħassret u ġiet issostitwita bl-inklużjoni tal-isem ta’ dan, għal raġunijiet identiċi għal dawk diġà msemmija fil-punt 9 hawn fuq, fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, il-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u l-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35, meħuda flimkien, il-“listi kontenzjużi”), b’effett mill-24 ta’ Marzu 2012.

12      B’ittra tas-26 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrent ċaħad kull involviment personali f’attivitajiet intiżi sabiex jevitaw is-sanzjonijiet u talab, konsegwentement, lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, fil-verżjoni tiegħu kif emendata permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 54/2012. Huwa talab ukoll li jintbagħtulu l-provi li jiġġustifikaw din l-inklużjoni.

13      B’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jikkompleta r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, billi jinkludi riferiment għall-fatt li r-rikorrent kien jagħti appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran u li kien jaqa’, minħabba f’hekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012.

14      B’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent ikkritika lill-Kunsill talli ma osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu. Huwa ċaħad kull involviment f’attivitajiet li kienu intiżi sabiex jevitaw is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jew sabiex jagħtu sostenn finanzjarju lill-Gvern tal-Iran għall-proliferazzjoni nukleari. Fl-aħħar nett, huwa talab mill-ġdid lill-Kunsill biex dan tal-aħħar jibgħatlu l-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

15      Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 282, p. 58), ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35, ġew ikkompletati kif ġej:

“Involviment f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet. Jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.”

16      Konsegwentement, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplementa r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 282, p. 16), ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 ġew ukoll ikkompletati kif indikat fil-punt 15 hawn fuq.

17      B’ittra tat-28 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent talab, mill-ġdid, lill-Kunsill biex dan tal-aħħar jibgħatlu l-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

18      B’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill indika lir-rikorrent li l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi kienet ibbażata fuq proposta ta’ inklużjoni mibgħuta minn Stat Membru, li ma setax jiġi indikat għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Il-kontenut ta’ din il-proposta, kif jinsab fin-nota ta’ trażmissjoni tal-Kunsill indikata taħt ir-referenza 17576/12, mehmuża mal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2012, kien redatt kif ġej:

“L-attivitajiet tar-[rikorrent] jgħinu sabiex jiġu evitati s-sanzjonijiet internazzjonali kontra l-Iran.

Din il-miżura [restrittiva adottata kontra r-rikorrent] tista’ ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-pressjoni diplomatika eżerċitata attwalment fuq l-Iran.”

19      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni 2012/35 u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn inkludew jew żammew, wara eżami mill-ġdid, ismu fil-listi annessi ma’ dawn iż-żewġ atti. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bir-referenza T‑262/12.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, permezz tal-applikazzjoni e-curia, fis-26 ta’ Diċembru 2012, fit-20:44, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors, li huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, ismu fil-listi kontenzjużi. Dan ir-rikors ġie assenjat lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali minħabba konnessjoni bejn il-kawżi. Insostenn tal-imsemmi rikors, ir-rikorrent ippreżenta xhieda tal-Viċi Gvernatur tiegħu għall-Kambju, R.

21      Fl-istess jum, fid-21:19, ir-rikorrent ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, permezz tal-applikazzjoni e-curia, nota li temenda t-talbiet tiegħu fil-Kawża T‑262/12, sabiex huma jkopru wkoll id-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, ismu fil-listi kontenzjużi. F’din in-nota, huwa talab ukoll lill-Qorti Ġenerali, jekk hija tqis “it-[...] talba emendata [permezz tan-nota li temenda t-talbiet] ammissibbli fl-intier tagħha, […] tgħaqqad [il-Kawża T‑262/12 u din il-kawża] jew […] tittratta [dawn iż-żewġ kawżi] bħala applikazzjoni għal annullament unika”.

22      B’att tas-16 ta’ April 2013, il-Kunsill ippreżenta risposta f’din il-kawża, fejn talab li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba lis alibi pendens.

23      Fil-21 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrent ippreżenta replika.

24      Fl-20 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill ippreżenta kontroreplika.

25      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali mit-23 ta’ Settembru 2013 u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

26      Abbażi ta’ rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Ir-rikorrent u l-Kunsill ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

27      B’sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill (T‑262/12, EU:T:2014:777), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dan kien inkluda l-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness IX tiegħu, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent fil-listi kontenzjużi, iċ-ċaħda tar-rikors ġiet ibbażata fuq l-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet għar-raġuni ta’ lis alibi pendens, minħabba l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

28      It-trattazzjoni tar-rikorrent u tal-Kunsill u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2014. Ir-rikorrent speċifika li t-talbiet tiegħu dwar l-ispejjeż kienu jirreferu biss għall-ispejjeż marbuta ma’ din il-kawża u mhux dawk marbuta mal-Kawża T‑262/12, u dan ġie ddokumentat fil-proċess verbal tas-seduta.

29      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament Nru 945/2012, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, ismu fil-listi kontenzjużi (iktar ’il quddiem, l-“atti kkontestati”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors minħabba lis alibi pendens

31      Il-Kunsill jitlob li dawn it-talbiet jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba lis alibi pendens. Fin-nota li temenda t-talbiet fir-rikors fil-Kawża T‑262/12, ir-rikorrent diġà talab l-annullament tal-atti kkontestati filwaqt li invoka l-istess motivi.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors ippreżentat wara ieħor, u li jopponi l-istess partijiet, li huwa bbażat fuq l-istess motivi u li huwa intiż għall-annullament tal-istess att ġuridiku, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba lis alibi pendens (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:479, punt 98; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra, EU:C:1988:431, punt 12).

33      L-emenda fit-talbiet magħmula b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-mori tal-kawża, f’ċirkustanzi bħal dawk marbuta mal-Kawża T‑262/12, tikkostitwixxi att proċedurali li, mingħajr ħsara għal deċiżjoni ulterjuri tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà, hija ekwivalenti għall-preżentata ta’ rikors permezz ta’ applikazzjoni (digriet tal-21 ta’ Ġunju 2012, Hamas vs Il-Kunsill, T‑531/11, EU:T:2012:317, punt 16).

34      F’dan il-każ, it-talbiet għal annullament inklużi fin-nota li temenda t-talbiet fil-Kawża T‑262/12 (punt 21 hawn fuq) u dawk inklużi fir-rikors promotur f’din il-kawża (punt 20 hawn fuq) jopponu l-istess partijiet, huma bbażati fuq l-istess motivi u huma intiżi għall-annullament tal-istess atti ġuridiċi, jiġifieri d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent inkluż fil-listi kontenzjużi.

35      Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, li qajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors minħabba lis alibi pendens, ma jistax jitqies li l-preżentata tal-imsemmi rikors saret wara l-preżentata tan-nota li temenda t-talbiet fil-Kawża T‑262/12. Bil-kontra, mill-ħinijiet tal-preżentata msemmija fil-punti 20 u 21 hawn fuq, jirriżulta li din in-nota ġiet ippreżentata wara l-preżentata tar-rikors f’din il-kawża.

36      B’dan il-mod, fis-sentenza Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq (EU:T:2014:777), it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn żammew, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent fil-listi kontenzjużi, ġew miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni ta’ lis alibi pendens, minħabba l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

37      Għaldaqstant it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn dawn żammew, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent fil-listi kontenzjużi, ma jistgħux jiġu miċħuda, bħala inammissibbli, minħabba lis alibi pendens.

38      Konsegwentement, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ibbażata fuq il-fatt li l-motivi kollha invokati insostenn ta’ dan huma bbażati fuq l-invokazzjoni, mir-rikorrent, tal-protezzjonijiet u tal-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

39      Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli, sa fejn huwa jistrieħ fuq motivi li huma kollha bbażati fuq l-invokazzjoni, mir-rikorrent, ta’ protezzjonijiet u ta’ garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Fil-fehma tiegħu, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ir-rikorrent huwa organizzazzjoni tal-Gvern li ma tibbenefikax mill-protezzjonijiet u mill-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali, li hija tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali.

40      Ir-rikorrent jitlob li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, għaliex huwa għandu l-istatus biex jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali, kif ġie stabbilit fis-sentenza Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq (EU:T:2014:777).

41      Għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jallega l-Kunsill, il-motivi kollha li jsostnu dan ir-rikors ma humiex ibbażati fuq invokazzjoni, mir-rikorrent, tal-protezzjonijiet u tal-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. B’dan il-mod, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hijiex fondata fuq fatti.

42      Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni ma hijiex fondata fid-dritt sa fejn, skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent huwiex id-detentur tad-drittijiet li huwa jinvoka fil-kuntest tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ motivi ma tirrigwardax l-ammissibbiltà ta’ dawn il-motivi u, għaldaqstant, tar-rikors li huwa bbażat fuq dawn tal-aħħar, iżda l-fondatezza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il-Kunsill, T‑13/11, EU:T:2013:402, punt 54).

43      Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma mill-Kunsill, għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Din iċ-ċaħda hija bla ħsara, fid-dawl tal-motiv ta’ difiża mressaq mill-Kunsill, għall-verifika tal-kapaċità tar-rikorrent li jinvoka protezzjonijiet u garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali li għandha ssir, eventwalment, fl-istadju tal-eżami tal-mertu tal-motivi li huma bbażati fuq dawn il-protezzjonijiet u dawn il-garanziji, jiġifieri, f’dan il-każ, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 51 sa 100 u 112 sa 120 iktar ’il quddiem).

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli kollu kemm hu.

 Fuq il-mertu

45      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tal-atti kkontestati. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill, li qies, fl-atti kkontestati, li wieħed mill-kriterji previsti fl-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2012/35, u mbagħad permezz tad-Deċiżjoni 2012/635 (iktar ’il quddiem, l-“Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413”), u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 267/2012, għall-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew entità fil-listi kontenzjużi, kien issodisfat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-fatt li l-Kunsill ma tax motivi xierqa u suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-atti kkontestati. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu.

46      Għandna nibdew bl-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi tiġi ttrattata, fl-ewwel lok, il-kwistjoni ġenerali dwar jekk, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrent jistax jistrieħ fuq protezzjonijiet u garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali li huwa jinvoka u, fit-tieni lok, dik dwar jekk jistax jiġi kkonstatat b’mod speċifiku, f’dan il-każ, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Dwar jekk ir-rikorrent jistax jinvoka protezzjonijiet u garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

47      L-argumenti tal-partijiet diġà ġew esposti fil-punti 39 u 40 hawn fuq, li għalihom, għaldaqstant, għandu jsir riferiment.

48      Ma huwiex ikkontestat, bejn il-partijiet, li r-rikorrent għandu personalità ġuridika proprja u jikkostitwixxi, għaldaqstant, persuna ġuridika formalment distinta mill-Istat Iranjan.

49      Mill-motivi msemmija fil-punti 67 sa 71 tas-sentenza Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq (EU:T:2014:777) jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regoli li jipprekludu li persuni ġuridiċi li jkunu organizzazzjonijiet tal-Gvern jew organi tal-Istat jinvokaw favurihom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Dawn l-istess drittijiet jistgħu għaldaqstant jiġu invokati mill-imsemmija persuni quddiem il-qorti tal-Unjoni sakemm ikunu kompatibbli mal-istatus tagħhom ta’ persuna ġuridika (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Ġabra, EU:T:2013:397, punt 70).

50      Għaldaqstant ir-rikorrent jista’ jistrieħ fuq protezzjonijiet u garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali, li huwa jinvoka b’mod partikolari fil-kuntest tat-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

51      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma osservax l-obbligu li jimmotiva l-atti li huwa jadotta, obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza. Fl-atti kkontestati, il-Kunsill ma indikax fuq liema kriterju speċifiku, imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 267/2012, huwa bbaża ruħu sabiex iżomm, wara eżami mill-ġdid, l-isem tar-rikorrent inkluż fil-listi kontenzjużi. L-allegazzjonijiet li huwa kien “[involut] f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet” u li kien “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” huma vagi u ma jagħtu l-ebda indikazzjoni speċifika dwar dak li huwa eżattament ikkritikat bih. Huma jipparafrażaw b’mod approssimattiv ċerti kriterji stabbiliti fid-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq. Madankollu mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-raġunijiet speċifiċi u konkreti tal-atti kkontestati kellhom jiġu kkomunikati lilu fl-istess waqt ta’ dawn l-atti u l-assenza ta’ tali komunikazzjoni ma tistax tiġi rrimedjata matul din il-proċedura. F’dan il-każ, huwa għamel mill-aħjar tiegħu sabiex jikkontesta l-atti kkontestati, mingħajr ma kien jaf ir-raġunijiet speċifiċi għalihom. Madankollu, ir-raġunijiet invokati huma tant vagi u mhux preċiżi li huwa jista’ jirrispondi għalihom biss taħt forma ta’ ċaħda ġenerali, bħal fl-ittri tas-26 ta’ Marzu u tas-7 ta’ Ottubru 2012 jew fix-xhieda ta’ R, u ma jissodisfawx għaldaqstant ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, il-Kunsill naqas milli jesponi r-raġunijiet li għalihom ma ħax inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tiegħu li huwa qatt ma kien involut fil-proliferazzjoni nukleari jew fl-evitar tas-sanzjonijiet, li ġew sussegwentement ikkonfermati permezz tax-xhieda ta’ R.

52      Il-Kunsill jiċħad l-argumenti tar-rikorrent u jitlob li t-tieni motiv jiġi miċħud. Ir-raġunijiet tal-atti kkontestati jippermettu lir-rikorrent jifhem il-portata tal-miżuri restrittivi adottati kontrih u jagħtuh biżżejjed informazzjoni sabiex ikun jista’ jikkontestahom b’mod effettiv. Huwa jsostni li, f’dan il-każ, l-atti kkontestati huma mmotivati suffiċjentement fir-rigward ta’ wieħed mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 267/2012.

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxu korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, Ġabra, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fir-rigward ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi, il-motivazzjoni għandha tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu, li tali miżuri għandhom jiġu adottati fil-konfront tal-persuna kkonċernata (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 52).

56      L-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012 jeżiġu wkoll li l-Kunsill jagħti r-raġunijiet individwali u speċifiċi tal-miżuri restrittivi adottati konformement mal-Artikolu 20(1)(b) u (c) ta’ din id-deċiżjoni u mal-Artikolu 23(2) u (3), ta’ dan ir-regolament u li jgħarraf lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati bihom (ara, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra, EU:C:2011:735, punt 48). Skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill għandu, bħala regola ġenerali, jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, b’komunikazzjoni individwali, u s-sempliċi pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma hijiex suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, Ġabra, EU:T:2013:431, punti 47 u 48; ara wkoll, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2011:735, punt 52).

57      Il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll permezz tal-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u permezz tal-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012 għandha tkun adattata għad-dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom ġew adottati l-miżuri restrittivi. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, għaliex in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat suffiċjentement jekk ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-atti kkontestati huma bbażati fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“Involviment f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet. Jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.”

60      Ma huwiex ikkontestat, kif jirriżulta mill-punti 28 u 29 tar-risposta, li l-Kunsill ma kkomunika l-ebda raġuni addizzjonali lir-rikorrent qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, fis-26 ta’ Diċembru 2012.

61      Fil-punt 28 tar-risposta, il-Kunsill indika li “l-element imsemmi fil-motivazzjoni [iċċitata fil-punt 59 hawn fuq], jiġifieri l-‘[i]nvolviment f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet’, [kien] jikkorrispondi għaż-żewġ kriterji ta’ [inklużjoni msemmija preċedentement]”, jiġifieri, minn naħa, il-kriterju tal-“appoġġ” mogħti għall-proliferazzjoni nukleari, “kif indikat fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament […] Nru 267/2012 u fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413”, u, min-naħa l-oħra, dak ta’ l-“għajnuna sabiex jinkisru l-miżuri restrittivi jew sabiex jiġu evitati” mogħtija lil persuna jew entità li isimha huwa inkluż f’lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, “kif indikat fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament […] Nru 267/2012 u fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni [2010/413]”.

62      Barra minn hekk, fil-punt 29 tar-risposta, il-Kunsill indika li “ir-raġuni supplementari miżjuda permezz ta[l-atti] kkontestati, jiġifieri li r-rikorrent ‘[j]ipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran’ [kienet] tikkorrispondi għall-kriterju […] imsemmi fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament […] Nru 267/2012 u fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413”.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(2)(a), (b) u (d) tar-Regolament Nru 267/2012 u l-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni 2010/413 jiddefinixxu kriterji alternattivi għall-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew entità fil-listi kontenzjużi.

64      Fost dawn il-kriterji, qabel kollox, l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li ġew identifikati li jipparteċipaw fi, li huma assoċjati direttament ma’, jew li jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, inkluż permezz tal-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji pprojbiti, għandhom jiġu ffriżati (kriterju tal-appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari). Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi li l-fondi kollha tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-organi li għenu persuna, entità jew organu li isimhom huwa inkluż f’lista ta’ persuni, entitajiet jew organi suġġetti għal miżuri restrittivi tikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jew sabiex dawn jiġu evitati, għandhom jiġu ffriżati (kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi li l-fondi kollha tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-organi li ġew identifikati li huma persuni, entitajiet u organi oħra li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, b’mod partikolari appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, jew li huma assoċjati magħhom, għandhom jiġu ffriżati (kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran).

65      B’mod simili, minn naħa, l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprevedi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni u tal-entitajiet li jipparteċipaw fi, li huma assoċjati direttament ma’, jew li jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, inkluż permezz tal-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti, ta’ tagħmir, ta’ materjal u ta’ teknoloġiji pprojbiti, għandhom jiġu ffriżati (kriterju tal-appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari). Min-naħa l-oħra, huwa jipprevedi li l-fondi kollha tal-persuni u tal-entitajiet meqjusa li taw għajnuna lil persuna jew lil entità li isimhom huwa inkluż f’lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni 2010/413 jew ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jiġu ffriżati (kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi). Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 jistabbilixxi b’mod partikolari li l-fondi kollha tal-persuni u tal-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran għandhom jiġu ffriżati (kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran).

66      Sa fejn ġie indikat, fil-punt 63 hawn fuq, li l-kriterji ddefiniti b’dan il-mod fl-Artikolu 23(2)(a), (b) u (d) tar-Regolament Nru 267/2012 u fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni 2010/413 kienu alternattivi, għandu, qabel kollox, jiġi speċifikat sa fejn, f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran huwa distint mill-kriterju tal-appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-kriterju msemmi l-aħħar jimplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u l-proliferazzjoni nukleari. Il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi sabiex isaħħaħ il-pressjonijiet eżerċitati fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ikopri, min-naħa tiegħu, kull attività tal-persuna jew tal-entità kkonċernata li, indipendentement saħansitra minn kull rabta, diretta jew indiretta, stabbilita mal-proliferazzjoni nukleari, għandha mnejn, minħabba l-importanza kwantittativa jew kwalitattiva tagħha, tinkoraġġixxi l-imsemmija proliferazzjoni, billi tagħti lill-Gvern tal-Iran appoġġ, taħt il-forma ta’ riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika, li jippermettulu jsegwi din tal-aħħar. L-eżistenza ta’ rabta bejn l-għoti ta’ tali appoġġ lill-Gvern tal-Iran u l-involviment/l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari hija għalhekk preżunta mil-leġiżlazzjoni applikabbli, li hija intiża sabiex iċċaħħad lill-Gvern tal-Iran mis-sorsi ta’ qligħ tiegħu, sabiex jiġi mġiegħel itemm l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

67      Imbagħad għandu jitfakkar li, minbarra l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-miżura adottata, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill jirrigwarda preċiżament iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jitqies li wieħed jew ieħor mill-kriterji għall-inklużjoni huwa ssodisfatt fil-każ tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra, EU:T:2009:401, punt 83).

68      Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li l-ommissjoni tar-riferiment għal dispożizzjoni speċifika ma tistax tikkostitwixxi difett sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra tiegħu. Tali riferiment espliċitu huwa madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tiegħu, il-persuni kkonċernati u l-qorti tal-Unjoni jitħallew fl-inċertezza rigward il-bażi legali preċiża (sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra, EU:C:1987:163, punt 9).

69      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tal-atti kkontestati tinkludix riferimenti espliċiti għat-tliet kriterji msemmija fil-punti 64 u 65 hawn fuq jew, mill-inqas, għal wieħed jew ieħor minnhom u jekk, eventwalment, l-imsemmija motivazzjoni tistax titqies li hija suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jivverifika l-fondatezza tal-atti kkontestati, jiddefendi ruħu quddiem il-Qorti Ġenerali u sabiex tippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha.

70      Ir-raġunijiet msemmija fil-punt 59 hawn fuq ma jindikawx b’mod espliċitu ma’ liema kriterji, imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 u fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, huma marbuta. Madankollu, sa fejn jirreferu għal “attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet”, dawn jistgħu faċilment jiġu interpretati fis-sens li huma marbuta mal-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi. Minbarra dan, kif josserva ġustament il-Kunsill, ir-riferiment, f’dawn l-istess raġunijiet, għall-fatt li r-rikorrent “ipprovda appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” jikkorrispondi għall-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 66 hawn fuq, huwa kriterju awtonomu minn dak tal-appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

71      Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ element li jirreferi għal eventwali “appoġġ” mogħti mir-rikorrent għall-proliferazzjoni nukleari jew għal eventwali “involviment” ta’ dan fl-akkwist ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji pprojbiti, ir-raġunijiet imsemmija fil-punt 59 hawn fuq ma jistgħux jintrabtu, kif isostni l-Kunsill, mal-kriterju tal-appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

72      Fil-punti 26 sa 28 tar-risposta, huwa minnu li l-Kunsill isostni li l-“appoġġ” tar-rikorrent għall-proliferazzjoni nukleari jew għall-akkwist ta’ oġġetti, tagħmir, materjal u teknoloġiji pprojbiti jirriżulta “neċessarjament” mill-“funzjoni ta’ ‘bankier tal-awtoritajiet pubbliċi Iranjani’ li [huwa] jassumi”, sa fejn huwa “jipprovdi servizzi bankarji lill-ministeri Iranjani u lil entitajiet oħra kkontrollati mill-Gvern, inklużi dawk li jipparteċipaw [fil-proliferazzjoni nukleari]” u “neċessarjament ipparteċipa f’akkwisti [ta’ materjal u ta’ provvisti neċessarji għall-imsemmija proliferazzjoni]” u fl-“esportazzjoni illegali ta’ armi u ta’ materjal ieħor mill-Iran lejn ‘Stati delinkwenti’ oħra [li tippermetti li jiġu ffinanzjati tali akkwisti]”.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill jirreferi, fil-prattika, għal elementi, li jinvolvu ċertu livell ta’ rabta tal-attivitajiet tar-rikorrent mal-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li ma humiex dedotti b’mod evidenti mir-raġunijiet imsemmija fil-punt 59 hawn fuq u ma jistgħux għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit ma’ liema kriterju ta’ inklużjoni l-imsemmija raġunijiet għandhom jintrabtu.

74      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati tista’ tiġi evalwata biss f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi u dak tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, li għalihom il-Kunsill jirreferi impliċitament, iżda neċessarjament, fl-imsemmija atti.

75      Sa fejn l-atti kkontestati huma bbażati fuq il-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi u ladarba ġie osservat fl-imsemmija atti li r-rikorrent kien “involut f’attivitajiet biex jiġu evitati sanzjonijiet”, il-motivazzjoni tagħhom hija insuffiċjenti, fis-sens li ma tippermettix lir-rikorrent u lill-Qorti Ġenerali jifhmu ċ-ċirkustanzi li wasslu lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni li dan il-kriterju kien issodisfatt fil-każ tar-rikorrent u, għaldaqstant, għall-adozzjoni tal-imsemmija atti. Din il-motivazzjoni tidher, fil-fatt, li hija sempliċi riproduzzjoni tal-kriterju nnifsu. Hija ma tinkludi l-ebda element li jispeċifika r-raġunijiet għalfejn dan il-kriterju huwa applikabbli għar-rikorrent. B’dan il-mod, l-imsemmija motivazzjoni bl-ebda mod ma tispeċifika l-ismijiet tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-organi li jinsabu f’lista li timponi miżuri restrittivi li r-rikorrent għin sabiex jevitaw is-sanzjonijiet, il-mument u ċ-ċirkustanzi ta’ din l-għajnuna kif ukoll il-modalitajiet tagħha. Il-Kunsill ma jirreferi għal ebda tranżazzjoni identifikabbli, u lanqas għal għajnuna speċifika. Fl-assenza ta’ kwalunkwe dettalji oħra, din il-motivazzjoni tidher li ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jivverifika, fir-rigward tal-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi, il-fondatezza tal-atti kkontestati u jiddefendi ruħu quddiem il-Qorti Ġenerali, u lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2014:777, punt 91).

76      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill ċertament invoka motivazzjoni impliċita tal-atti kkontestati f’dan ir-rigward billi osserva li “l-għajnuna biex jiġu miksura jew evitati l-miżuri restrittivi” mogħtija mir-rikorrent kienet tirriżulta “neċessarjament” mill-“funzjoni ta’ ‘bankier tal-awtoritajiet pubbliċi Iranjani’ li jassumi [dan tal-aħħar]”. Fil-fehma tiegħu, fil-kuntest tal-imsemmija funzjoni, ir-rikorrent “ipprovda [...] servizzi bankarji lill-ministeri Iranjani u lil entitajiet oħra kkontrollati mill-Gvern, inklużi dawk li [kienu jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari]”.

77      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-miżuri inkwistjoni ġew adottati u sakemm tagħti lill-qorti kompetenti elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 372 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra, EU:C:2007:88, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Raġunijiet li ma jkunux ingħataw b’mod espliċitu jistgħu b’dan il-mod jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jkunu evidenti, kemm għall-persuni kkonċernati kif ukoll għall-qorti kompetenti.

78      Madankollu, ma huwiex evidenti, f’dan il-każ, li, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ir-rikorrent neċessarjament għin lil persuni jew lil entitajiet, li huma involuti fil-Gvern tal-Iran jew li huma kkontrollati minn dan tal-aħħar u li l-ismijiet tagħhom ġew inklużi fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, sabiex jiksru jew jevitaw l-imsemmija miżuri billi pprovdilhom servizzi bankarji, pereżempju billi jagħmel fondi disponibbli. Fil-fatt, minkejja li huwa evidenti li, bil-funzjonijiet u s-setgħat tiegħu, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ir-rikorrent jagħti, b’mod ġenerali, appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran (ara l-punt 108 iktar ’il isfel), minn dan ma jirriżultax neċessarjament li huwa jipprovdi, b’mod speċifiku, tali appoġġ lil persuni jew lil entitajiet li huma involuti f’dan il-Gvern jew li huma kkontrollati minnu, inklużi dawk li l-ismijiet tagħhom ġew inklużi fil-listi ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

79      Għaldaqstant, il-motivazzjoni impliċita invokata mill-Kunsill ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni espliċita f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi.

80      Sa fejn l-atti kkontestati huma bbażati fuq il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, għandu jiġi eżaminat, konformement mal-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju esposta fil-punt 66 hawn fuq, jekk il-Kunsill irreferiex għal attivitajiet tar-rikorrent li, anki jekk minnhom innifishom ma għandhom l-ebda rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, għandhom mnejn, madankollu, jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ din tal-aħħar, billi jipprovdu lill-Gvern tal-Iran riżorsi jew faċilitajiet li jippermettulu jsegwi l-imsemmija proliferazzjoni.

81      Jekk, fir-rigward tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, il-Kunsill kien b’dan il-mod marbut jippreċiża u jispeċifika r-riżorsi jew il-faċilitajiet li r-rikorrent allegatament ipprovda lill-imsemmi Gvern, huwa ma kienx, min-naħa l-oħra u bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, marbut jimmotiva l-atti kkontestati rigward eventwali użu ta’ dawn ir-riżorsi jew ta’ dawn il-faċilitajiet minn dan il-Gvern sabiex tiġi segwita l-proliferazzjoni nukleari.

82      F’dan il-każ, il-Kunsill irrefera b’mod espliċitu għal “appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” u sostna, fil-punt 29 tar-risposta, li “din ir-raġuni [ma kellhiex] bżonn tiġi sostnuta iktar, għaliex [kien] evidenti li r-rikorrent, inkwantu bankier tal-Gvern tal-Iran, [kien] jipprovdi appoġġ finanzjarju lil dan il-Gvern”.

83      Huwa minnu li fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, fir-rigward tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, il-Kunsill ma rreferiex b’mod espliċitu għas-servizzi finanzjarji li r-rikorrent jipprovdi lill-Gvern tal-Iran, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

84      Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jifhem li l-Kunsill kien qed jirreferi għas-servizzi finanzjarji li huwa kien jipprovdi, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-Gvern tal-Iran. Barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu jirriżulta li r-rikorrent kien fehem dan. Fil-punt 23 tal-applikazzjoni, ir-rikorrent josserva fil-fatt, filwaqt li jibbaża ruħu fuq ix-xhieda ta’ R., li “[i]l-Gvern [tal-Iran] huwa wieħed mill-klijenti [tiegħu]”, iżda jispeċifika, f’dan ir-rigward, li “[k]ważi l-banek ċentrali kollha jaġixxu bħala bankiera tal-Gvern u [li] huwa biss f’dan is-sens li [dawn] jipprovdu ‘appoġġ finanzjarju’, jew, b’mod iktar eżatt, servizzi finanzjarji, lill-Gvern”. Għaldaqstant ir-rikorrent essenzjalment iddefenda ruħu billi sostna, bħal fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2012 (punt 14 hawn fuq), li huwa ma kienx ipprovda appoġġ finanzjarju, lil kwalunkwe istituzzjoni (inkluż il-Gvern tal-Iran), sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

85      Il-fatt li l-Kunsill ma speċifikax, f’dan il-każ, il-funzjonijiet u s-setgħat tar-rikorrent, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ma huwiex determinanti, sa fejn dawn huma stabbiliti permezz ta’ liġijiet aċċessibbli pubblikament li, għaldaqstant, jistgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-funzjonijiet u s-setgħat tar-rikorrent, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, huma ddefiniti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran approvata fid-9 ta’ Lulju 1972, b’mod partikolari fl-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija liġi. Għaldaqstant jista’ jitqies li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati fis-sens li r-rikorrent “jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran” tirreferi, impliċitament, iżda neċessarjament, għall-funzjonijiet u għas-setgħat tar-rikorrent, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif huma ddefiniti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II ta’ din il-liġi, b’mod partikolari fl-Artikoli 12 u 13 tal-istess liġi.

86      B’dan il-mod, fil-kuntest ta’ dan il-każ, il-Kunsill ma kienx marbut jagħti motivazzjoni espliċita rigward is-servizzi finanzjarji u, għalhekk, dwar ir-riżorsi jew dwar il-faċilitajiet finanzjarji li r-rikorrent allegatament ipprovda lill-Gvern tal-Iran, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

87      Għal din ir-raġuni, l-atti kkontestati jistgħu jitqiesu li huma mmotivati suffiċjentement, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, fir-rigward tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

88      Sa fejn ir-raġunijiet ibbażati fuq appoġġ finanzjarju mogħti lill-Gvern tal-Iran jipprovdu motivazzjoni awtonoma u suffiċjenti għall-atti kkontestati u sa fejn, għaldaqstant, l-insuffiċjenza tar-raġunijiet l-oħra invokati insostenn ta’ dawn l-istess atti ma tistax twassal għall-annullament tagħhom, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.

89      Madankollu, minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li huma biss ir-raġunijiet ibbażati fuq appoġġ finanzjarju pprovdut lill-Gvern tal-Iran, sa fejn jagħtu motivazzjoni awtonoma u suffiċjenti għall-atti kkontestati, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-motivi l-oħra ta’ dan ir-rikors, jiġifieri, fl-ewwel lok, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fit-tieni lok, l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, u, fit-tielet lok, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv

90      Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli, fl-adozzjoni tal-atti kkontestati, kiser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif interpretati mill-ġurisprudenza, billi ma informahx bil-provi li allegatament iġġustifikaw l-atti kkontestati u billi ma qiegħdux f’pożizzjoni li jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod effettiv fuq l-imsemmija provi. F’dan il-każ, l-ebda prova intiża sabiex issostni l-atti kkontestati ma ġiet ikkomunikata lilu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti, jew saħansitra wara l-adozzjoni ta’ dawn, u dan minkejja li huwa għamel diversi talbiet f’dan is-sens, b’mod partikolari fl-ittra tat-28 ta’ Novembru 2012 (punt 17 hawn fuq). Il-fatt li l-Kunsill segwa proposta li ismu jiġi inkluż fil-listi kontenzjużi, mibgħuta minn Stat Membru, ma jibdilx il-fatt li huwa kellu jiżgura ruħu li din il-proposta kienet iġġustifikata, eventwalment billi jitlob lill-Istat Membru kkonċernat jippreżentalu l-provi u l-informazzjoni li jiġġustifikaw l-inklużjoni. F’kull każ, il-Kunsill ma jistax jipprova jagħmel tajjeb għal din l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi fil-kuntest ta’ din il-proċedura, mingħajr ma jippreġudika d-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Min-nota ta’ trażmissjoni tal-Kunsill, indikata bir-referenza 17576/12, jirriżulta li dan ma adottax l-atti kkontestati fid-dawl ta’ elementi li juru l-involviment tar-rikorrent fil-proliferazzjoni nukleari jew fl-evitar tas-sanzjonijiet, iżda biss għar-raġuni, illegali, li l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi “tista’ ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-pressjoni diplomatika eżerċitata attwalment fuq l-Iran”. Minbarra dan, il-Kunsill naqas milli jisma’ lir-rikorrent u li jieħu inkunsiderazzjoni data fattwali li dan tal-aħħar kien ikkomunikalu.

91      Il-Kunsill ma jaqbilx mal-argumenti tar-rikorrent u jitlob li t-tielet motiv jiġi miċħud għar-raġuni li, jekk jingħad li r-rikorrent igawdi mid-drittijiet tad-difiża, dawn ġew irrispettati f’dan il-każ, għaliex ir-rikorrent ġie informat bl-atti kkontestati, intbagħtulu informazzjoni u provi suffiċjenti sabiex ikun jista’ jifhem il-motivi tal-imsemmija atti u għaliex huwa kellu, barra minn hekk, il-possibbiltà li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawn. Sa fejn ir-rikorrent ikkritikah talli ma vverifikax il-fondatezza tal-atti kkontestati, adottati fuq proposta ta’ Stat Membru, dan huwa lment li huwa marbut man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu differenti minn dak invokat f’dan il-motiv u li għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

92      Għandu jitfakkar li d-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, EU:T:2013:431, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jitlob, minn naħa, li l-provi kkunsidrati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata sabiex jiġġustifikaw l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha u, min-naħa l-oħra, li l-persuna jew l-entità kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod effettiv fir-rigward ta’ dawn il-provi (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 93).

94      Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm l-isem ta’ persuna jew entità f’lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità li tinstema’ minn qabel meta huwa jikkunsidra kontriha, fid-deċiżjoni li tinżamm l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista, provi ġodda, jiġifieri provi li ma kinux jinsabu fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha f’din il-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra, EU:C:2011:853, punt 62, u Makhlouf vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, EU:T:2013:431, punti 42 u 43).

95      F’dan il-każ, fit-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kunsill ikkomunika individwalment lir-rikorrent il-motivazzjoni tal-atti kkontestati bbażata fuq il-fatt li huwa “[kien j]ipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”. Huwa fir-rigward ta’ din il-motivazzjoni, li ġiet adottata mill-Kunsill, u mhux fir-rigward ta’ dik li tinsab fin-nota ta’ trażmissjoni tal-Kunsill indikata bir-referenza 17576/12, mhux riprodotta fl-atti kkontestati, li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ dawn tal-aħħar.

96      Mill-punt 87 hawn fuq jirriżulta li din il-motivazzjoni setgħet titqies li hija suffiċjenti, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, fir-rigward tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

97      Barra minn hekk, il-Kunsill ma kellux, f’dan il-każ, l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrent l-provi dokumentali li fuqhom kienet ibbażata din il-motivazzjoni, sa fejn dawn il-provi, li kienu jirrigwardaw is-servizzi finanzjarji pprovduti preċiżament mir-rikorrent lill-Gvern tal-Iran, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, setgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd u inklużi impliċitament fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati fir-rigward tal-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran (ara l-punt 85 hawn fuq). Fi kliem ieħor, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jipprovdi lir-rikorrent t-testi nnifishom li kienu jippreċiżaw il-funzjonijiet u s-setgħat ta’ dan tal-aħħar, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

98      Ir-rikorrent seta’ jikkontesta din il-motivazzjoni u l-provi li fuqhom kienet ibbażata saħansitra qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2012, huwa kkontesta b’dan il-mod l-allegazzjoni li huwa pprovda appoġġ finanzjarju lil kwalunkwe istituzzjoni (inkluż il-Gvern tal-Iran) sabiex tiġi ffinanzjata l-proliferazzjoni nukleari. Barra minn hekk, huwa seta’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu għal azzjoni legali billi joġġezzjona, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li huwa “[ma kienx] jappoġġa lill-Gvern finanzjarjament iktar minn kwalunkwe bank ċentrali ieħor fid-dinja” u li huwa “[kien] inqas u inqas jagħti t-tip ta’ appoġġ inkwistjoni fl-atti kkontestati, jiġifieri l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari”.

99      Għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent kif ukoll id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv ġew irrispettati fl-adozzjoni tal-atti kkontestati.

100    Konsegwentement, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

101    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm, wara eżami mill-ġdid, ismu fil-listi kontenzjużi, mingħajr ma l-imsemmi rikorrent jissodisfa l-kriterji sostantivi li, skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 267/2012, jippermettu inklużjoni ta’ ismu fl-imsemmija listi. Fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet fl-atti kkontestati, huwa impossibbli li wieħed ikun jaf ma’ liema kriterju, stabbilit f’dawn id-dispożizzjonijiet, huma marbuta r-raġunijiet li skonthom ir-rikorrent allegatament “[ipprovda] appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”. Dan jikkostitwixxi ostakolu kunsiderevoli għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal azzjoni legali u jqiegħdu, minn din il-perspettiva, f’sitwazzjoni insodisfaċenti u mhux xierqa. F’kull każ, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 20(1)(c) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 23(2)(d) tal-imsemmi regolament, jiġifieri dak tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, kien issodisfatt f’dan il-każ. Min-nota ta’ trażmissjoni tal-Kunsill indikata bir-referenza 17576/12, mehmuża mal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2012, jirriżulta li r-raġunijiet veri tal-atti kkontestati kienu li l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi “tista’ ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-pressjoni diplomatika eżerċitata attwalment fuq l-Iran”. Xejn ma jindika li, fil-mument li fih adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni r-raġuni li r-rikorrent ipprovda appoġġ lill-Gvern tal-Iran, b’tali mod li, konformement mal-ġurisprudenza, din ir-raġuni hija irrilevanti sabiex tiġġustifika l-imsemmija atti. F’kull każ, is-sempliċi allegazzjoni li r-rikorrent ipprovda ċerti servizzi lill-Gvern, mingħajr prova ta’ eventwali rabta bejn dawn is-servizzi u l-proliferazzjoni nukleari, hija insuffiċjenti sabiex tiġġustifika l-atti kkontestati, konformement mal-ġurisprudenza.

102    Il-Kunsill jiċħad l-argument tar-rikorrent u jitlob li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, għaliex huwa ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni, peress li l-kriterji sostantivi, imsemmija fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(a), (b) u (d), tar-Regolament Nru 267/2012, kienu ssodisfatti fil-każ tar-rikorrent. Ir-raġuni supplimentari li żdiedet permezz tal-atti kkontestati, jiġifieri li r-rikorrent “[j]ipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”, tikkorrispondi għall-kriterju, imsemmi fl-Artikolu 20(1)(c) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 23(2)(d) tal-imsemmi regolament, ibbażat fuq l-appoġġ lill-Gvern tal-Iran. Din ir-raġuni ma hemmx bżonn tiġi sostnuta sa fejn huwa evidenti li r-rikorrent, inkwantu bankier tal-Gvern tal-Iran, jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-imsemmi Gvern. Din ir-raġuni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għaliex ġiet imsemmija b’mod espliċitu fl-atti kkontestati.

103    Kif jirriżulta mill-punti 89 u 95 hawn fuq, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, huwa fir-rigward tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati bbażata fuq il-fatt li r-rikorrent “[kien j]ipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”, u mhux fir-rigward ta’ dik li tinsab fin-nota ta’ trażmissjoni tal-Kunsill indikata taħt ir-referenza 17576/12, li għandha tiġi evalwata l-legalità tal-imsemmija atti u, fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jiġi eżaminat jekk dawn l-atti humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni rigward l-applikabbiltà tal-kriterju, imsemmi fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

104    Għar-raġunijiet indikati fil-punt 85 hawn fuq, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, il-funzjonijiet u s-setgħat tar-rikorrent, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif huma ddefiniti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li tittratta l-“funzjonijiet u s-setgħat” tal-“Bank Markazi Iran”, b’mod partikolari fl-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija liġi.

105    Mill-Artikolu 12 tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jirriżulta li:

“Bank Markazi Iran, inkwantu bankier tal-Gvern, jaqdi l-funzjonijiet li ġejjin:

a)      iż-żamma tal-kontijiet tal-ministeri, tal-organi tal-Gvern, tal-organi affiljati mal-Gvern, tal-kumpanniji tal-Istat u tal-muniċipalitajiet, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet li iktar minn nofs il-kapital tagħhom huwa miżmum minn ministeri, organi tal-Gvern, organi affiljati mal-Gvern, kumpanniji tal-Istat jew muniċipalitajiet, kif ukoll il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet bankarji kollha tagħhom fl-Iran u barra mill-pajjiż;

b)      il-bejgħ ta’ kull tip ta’ bond tal-Gvern u ta’ kambjali tat-Teżor u ħlas lura tal-kapital u ħlas tal-interessi marbuta miegħu inkwantu rappreżentant tal-Gvern, bid-dritt li jittrażmetti tali setgħa ta’ rappreżentanza lil persuni fiżiċi jew organizzazzjonijiet oħrajn;

[…]

e)      il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ pagamenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ftehim monetarji, finanzjarji, kummerċjali jew ta’ tranżitu konklużi bejn il-Gvern u pajjiżi barranin.”

106    L-Artikolu 13 tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jipprevedi, fost l-oħrajn:

“Bank Markazi Iran għandu s-setgħat li ġejjin:

1.      għoti ta’ self u ta’ kreditu lill-ministeri u lill-organizzazzjonijiet tal-Gvern, sakemm ikun hemm awtorizzazzjoni legali;

2.      garanziji ta’ impenji li jidħlu għalihom il-Gvern, il-ministeri u l-organizzazzjonijiet tal-Gvern, sakemm ikun hemm awtorizzazzjoni legali;

3.      għoti ta’ self u ta’ kreditu, u garanzija tas-self u tal-kreditu mogħtija, lill-kumpanniji tal-Istat u lill-muniċipalitajiet kif ukoll lill-organi affiljati mal-Gvern jew lill-muniċipalitajiet inkambju għal sigurtajiet xierqa;

[…]

5.      xiri u bejgħ ta’ kambjali tat-Teżor u ta’ bonds tal-Gvern u ta’ bonds maħruġa minn Gvernijiet barranin jew minn organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali akkreditati […]”

107    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rikorrent għandu, fost l-oħrajn, il-funzjoni li jżomm il-kontijiet tal-Gvern tal-Iran, li jeżegwixxi jew jikkonkludi tranżazzjonijiet finanzjarji f’isem dan tal-aħħar, li jagħti self jew kreditu, li jiggarantixxi l-impenji tal-imsemmi Gvern u li jixtri jew ibigħ il-bonds li dan joħroġ.

108    Mill-funzjonijiet u mis-setgħat tiegħu inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif huma ddefiniti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u, b’mod partikolari, fl-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija liġi, huwa evidenti li r-rikorrent jipprovdi lill-Gvern tal-Iran servizzi finanzjarji li għandhom mnejn, minħabba l-importanza kwantittativa jew kwalitattiva tagħhom, jinkoraġġixxu l-proliferazzjoni nukleari, billi jagħtu lil dan il-Gvern appoġġ, taħt il-forma ta’ riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika, li jippermettulu jsegwi l-imsemmija proliferazzjoni.

109    Huwa minnu li r-rikorrent allega, għall-ewwel darba waqt is-seduta, li s-setgħat tiegħu li jagħti self u kreditu jew li jagħti garanziji lill-Gvern kienu suġġetti għal kundizzjonijiet, bħall-ksib ta’ awtorizzazzjoni legali, li qatt ma ġew issodisfatti matul il-perijodu kkonċernat, b’tali mod li huwa qatt ma implementa l-imsemmija setgħat u lanqas ma pprovda, fil-prattika, l-ebda riżorsa u l-ebda faċilità finanzjarja lill-Gvern tal-Iran. Madankollu, huwa r-rikorrent, li jqajjem b’dan il-mod motiv ta’ difiża sabiex iqiegħed fil-kuntest tagħhom l-effetti tas-setgħat mogħtija lilu bil-liġi, li għandu jipprova l-fatti insostenn ta’ dan il-motiv. Iżda, f’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti ma tax tali prova. F’kull każ, il-motiv ta’ difiża mqajjem mir-rikorrent ma japplikax għas-servizzi finanzjarji kollha pprovduti lill-Gvern tal-Iran minnu, inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, bħaż-żamma tal-kontijiet, l-eżekuzzjoni u l-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji jew ix-xiri u l-bejgħ ta’ bonds. Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrent ikkontesta l-fatt li qiegħed ir-riżorsi finanzjarji proprji tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Gvern tal-Iran, huwa dejjem ammetta li jipprovdilu servizzi finanzjarji, bl-istess mod bħal kull bank ċentrali ta’ Stat jipprovdi tali servizzi lill-Gvern tal-imsemmi Stat. Issa, dawn is-servizzi għandhom mnejn, minħabba l-importanza kwantittativa jew kwalitattiva tagħhom, jagħtu lill-Gvern tal-Iran appoġġ li jippermettilu jsegwi l-proliferazzjoni nukleari.

110    B’dan il-mod, il-Kunsill kellu raġun jikkonkludi li r-rikorrent “[j]ipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”, b’tali mod li l-kriterju, imsemmi fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, kif interpretat fil-punt 66 hawn fuq, kien issodisfatt f’dan il-każ.

111    Konsegwentement, l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu

112    Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli, fl-atti kkontestati, kiser id-dritt tiegħu għall-proprjetà u d-dritt tiegħu għar-rispett tar-reputazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, f’kull każ, l-atti kkontestati ħolqu preġudizzju mhux neċessarju u sproporzjonat għall-oġġetti tiegħu u għar-reputazzjoni tiegħu. F’dan il-każ, l-atti kkontestati għandhom riperkussjonijiet kunsiderevoli fuq l-oġġetti tiegħu u fuq ir-reputazzjoni tiegħu kif ukoll, fir-rigward, f’dan il-każ, tal-attivitajiet tiegħu inkwantu bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, fuq il-poplu Iranjan kollu, kif turi x-xhieda ta’ R. L-imsemmija atti ġew, b’dan il-mod, adottati f’kontradizzjoni mad-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni li jindikaw li l-miżuri restrittivi ma jkoprux lill-poplu Iranjan. L-atti kkontestati ma humiex ibbażati fuq il-prova ta’ rabta eżistenti bejn ir-rikorrent u l-proliferazzjoni nukleari, iżda fuq is-sempliċi fatt li l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi “tista’ ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-pressjoni diplomatika eżerċitata attwalment fuq l-Iran”. Tali raġuni hija ġenerali wisq u ma tikkorrispondix mal-għan iddikjarat tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, jiġifieri l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari u, b’mod partikolari, il-prevenzjoni tal-finanzjament tagħha. L-atti kkontestati huma bbażati fuq raġuni wisq ġenerali u vaga sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata b’mod effettiv. Ir-rikorrent ma għandu għaldaqstant l-ebda mezz effettiv sabiex jikseb it-tneħħija ta’ ismu mil-listi kontenzjużi. L-atti kkontestati jiksru, għaldaqstant, ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà.

113    Il-Kunsill jiċħad l-argumenti tar-rikorrent u jitlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat. Ir-restrizzjoni fuq il-libertajiet u drittijiet fundamentali tar-rikorrent hija ġġustifikata bl-għan leġittimu li tintemm il-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, li jaqa’ huwa nnifsu taħt l-għan ġenerali li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, irrikonoxxut diġà mill-Qorti Ġenerali bħala għan ta’ interess pubbliku segwit mill-Unjoni. L-atti kkontestati japplikaw biss għal parti żgħira mill-fondi tar-rikorrent, li fil-biċċa l-kbira jinsabu fl-Iran jew fi Stati terzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(3) sa (4a), (6) u (7), tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2012/35, u sussegwentement permezz tad-Deċiżjoni 2012/635, u l-Artikoli 24 sa 27 u 28 tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedu r-rilaxx ta’ fondi ffriżati sabiex jiġi kopert ċertu nfiq. Dawn id-derogi, li jirreferu b’mod speċifiku, fil-każ ta’ xi wħud minnhom, għar-rikorrent, jattenwaw b’mod kunsiderevoli l-effett tas-sanzjonijiet adottati kontrih.

114    Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u dan dejjem bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara s-sentenza Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent, jiġifieri d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-reputazzjoni, ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. B’dan il-mod, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja tinvolvi, minnha nnifisha, effetti li jkollhom impatti fuq id-drittijiet għall-proprjetà u għar-reputazzjoni tal-persuna jew tal-entità li huma suġġetti għaliha, u b’hekk tikkawża preġudizzji lil dawn tal-aħħar. L-importanza tal-għanijiet segwiti permezz tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija madankollu tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għall-persuni jew għall-entitajiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra, EU:T:2009:266, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan il-każ, mill-punti 88, 100 u 110 hawn fuq jirriżulta li, sa fejn l-atti kkontestati huma bbażati fuq il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, dawn ma huma vvizzjati bl-ebda ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali u lanqas bl-ebda żball ta’ evalwazzjoni, li jiġġustifikaw l-annullament tagħhom.

117    Imbagħad, mill-punt 66 hawn fuq jirriżulta li l-atti kkontestati, sa fejn huma bbażati fuq il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, huma ġġustifikati minħabba għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-fatt li l-Gvern tal-Iran jiġi mċaħħad mir-riżorsi jew mill-faċilitajiet finanzjarji kollha li jippermettulu jsegwi l-proliferazzjoni nukleari, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuni jew l-entitajiet li jipprovdulu dawn ir-riżorsi jew dawn il-faċilitajiet jappoġġjawx, huma nnifishom, l-imsemmija proliferazzjoni.

118    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dannu kkawżat lir-rikorrent, huwa minnu li d-drittijiet għall-proprjetà ta’ dan huma ristretti f’miżura kunsiderevoli bl-atti kkontestati, għaliex huwa ma jistax, fost l-oħrajn, jiddisponi minn fondi li huma tiegħu u li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni li huma miżmuma minn ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni jew jittrasferixxi fondi li huma tiegħu lejn l-Unjoni, ħlief bis-saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi. Bl-istess mod, l-atti kkontestati jikkawżaw preġudizzju serju għar-reputazzjoni tar-rikorrent fid-dawl tal-fatt li l-miżuri restrittivi li għalihom huwa suġġett jistgħu jnisslu ċerta sfiduċja tas-sieħba u tal-klijenti tiegħu fil-konfront tiegħu.

119    Madankollu, l-inkonvenjenzi kkawżati lir-rikorrent permezz tal-atti kkontestati ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għan ta’ żamma tal-paċi u ta-sigurtà internazzjonali segwiti permezz ta’ dawn tal-aħħar. Dan huwa iktar u iktar il-każ, hawnhekk, għaliex, qabel kollox, l-atti kkontestati jirrigwardaw parti biss mill-assi tar-rikorrent. Imbagħad, l-Artikolu 20(3) sa (4a), (6) u (7), tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2012/35, u sussegwentement permezz tad-Deċiżjoni 2012/635, u l-Artikoli 24 sa 27 u 28 tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedu r-rilaxx ta’ fondi ffriżati tar-rikorrent sabiex ikun jista’ jkopri ċertu nfiq, b’mod partikolari dak meqjus li huwa essenzjali, jew sabiex ikun jista’ jagħti lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu likwidità sabiex jiffinanzjaw skambji kummerċjali jew inkella sabiex ikunu jistgħu jiġu onorati ċerti kuntratti kummerċjali speċifiċi. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jallegax li r-rikorrent huwa involut huwa nnifsu fil-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant huwa ma huwiex involut personalment f’aġir li jippreżenta riskju għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u l-livell ta’ sfiduċja mnissla fir-rigward tiegħu huwa, minħabba f’hekk, inqas.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu, għandu jiġi miċħud.

121    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Central Bank of Iran huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Marzu 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.