Language of document : ECLI:EU:T:2015:270

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

12 ta’ Mejju 2015 (*)

“Membru tal-Kummissjoni — Investigazzjoni tal-OLAF — Allegata deċiżjoni verbali tal-President tal-Kummissjoni li ttemm il-funzjonijiet tal-persuna kkonċernata — Rikors għal annullament — Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat — Inammissibbiltà — Rikors għad-danni”

Fil-Kawża T‑562/12,

John Dalli, residenti f’San Ġiljan (Malta), irrappreżentat minn L. Levi, A.‑M. Alamanou u S. Rodrigues, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, J. Baquero Cruz u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni verbali allegatament meħuda mill-President tal-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ottubru 2012, li ttemm il-funzjonijiet tar-rikorrent bħala Membru tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrent b’konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, S. Papasavvas, N. J. Forwood (Relatur), I. Labucka u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/80/UE, tad-9 ta’ Frar 2010, dwar il-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 38, p. 7), ir-rikorrent, John Dalli, inħatar bħala Membru tal-Kummissjoni Ewropea għall-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 2010 u l-31 ta’ Ottubru 2014. Huwa ngħata l-portfolio tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-konsumaturi mill-President tal-Kummissjoni, José Manuel Durão Barroso (iktar ’il quddiem il-“President Barroso”).

2        Fil-21 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet ilment (iktar ’il quddiem l-“ilment”) mill-kumpannija Swedish Match li kien jinkludi allegazzjonijiet serji dwar l-aġir tar-rikorrent. Skont il-lanjanti, negozjant Malti, Silvio Zammit, kien allegatament uża l-kuntatti tiegħu mar-rikorrent sabiex jipprova jikseb vantaġġ pekunjarju mingħandha u mingħand il-European Smokeless Tobacco Council (ESTOC) bħala korrispettiv għall-intervent tiegħu sabiex jinfluwenza proposta leġiżlattiva li seta’ jkun hemm fil-futur fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-projbizzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-bejgħ tal-prodott magħruf bl-isem “snus”.

3        Fil-25 ta’ Mejju 2012, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) beda investigazzjoni dwar l-ilment, inkonformità mal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91).

4        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2012, l-OLAF informa lir-rikorrent li kellu jikkunsidra lilu nnifsu bħala persuna kkonċernata minn investigazzjoni miftuħa fuq il-bażi ta’ lment, dwar tentattivi li żewġ operaturi ekonomiċi jiġu involuti fil-ħlas ta’ tixħim bil-għan li tinkiseb l-adozzjoni ta’ miżura tal-Kummissjoni favur tagħhom. Ir-rikorrent ġie rrifjutat aċċess għall-ilment.

5        Fis-16 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent instema’ għall-ewwel darba mill-OLAF.

6        Il-President Barroso ltaqa’ mar-rikorrent fil-25 ta’ Lulju 2012. Matul din il-laqgħa, ir-rikorrent ċaħad l-akkużi magħmula kontrih fl-ilment.

7        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent ikkonferma lill-President Barroso li huwa ma kien jaf xejn dwar xi negozjati li jikkonċernaw lill-entitajiet li minnhom oriġina l-ilment u “persuna f’Malta” u li huwa b’ebda mod ma kien involut f’dan il-każ.

8        Fis-17 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent instema’ għat-tieni darba mill-OLAF.

9        Madwar il-5 ta’ Ottubru 2012, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, Catherine Day, li r-rapport finali tal-investigazzjoni dwar l-ilment (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Olaf”) kien wasal biex jintbagħtilha.

10      Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, fil-11 ta’ Ottubru 2012, il-President Barroso talab li l-uffiċċju tar-rikorrent jiġi kkuntattjat sabiex isir appuntament miegħu, liema appuntament ġie ffissat għas-16 ta’ Ottubru 2012.

11      Ir-rapport tal-OLAF intbagħat lil C. Day fil-15 ta’ Ottubru 2012, għall-attenzjoni tal-President Barroso. Ma’ dan ir-rapport ġiet ippreżentata ittra ffirmata mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ akkumpanjament”), li kienet tiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet prinċipali tal-investigazzjoni u li informat lill-President Barroso li dawn il-konklużjonijiet kienu qegħdin jitressqu għall-għarfien tiegħu sabiex jiġu adottati miżuri eventwali skont il-Kodiċi ta’ kondotta tal-Kummissarji [C(2011) 2904].

12      L-ittra ta’ akkumpanjament tindika, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Fil-25 ta’ Mejju 2012, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF fetaħ investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ talbiet għal tixħim magħmula lil operaturi ekonomiċi bil-għan li tinkiseb it-tneħħija tal-projbizzjoni Ewropea fir-rigward tas-snus.

[...]

Il-Kummissarju Dalli kellu diversi kuntatti ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk fil-kuntest ta’ laqgħat mhux uffiċjali u kunfidenzjali, organizzati mingħajr l-għarfien u mingħajr il-parteċipazzjoni tad-dipartimenti kompetenti. Dawn il-laqgħat kienu organizzati kollha minn Silvio Zammit, li huwa negozjant Malti mingħajr ebda relazzjoni mal-istituzzjonijiet u ħabib mill-qrib tal-Kummissarju Dalli.

[...]

Minkejja li ma hemmx provi konklużivi tal-parteċipazzjoni diretta tal-Kummissarju John Dalli bħala l-instigatur jew il-moħħ wara t-talba għal flus, ċertu numru ta’ provi indikattivi konkordanti u mingħajr ambigwità li nġabru matul l-investigazzjoni jindikaw li huwa effettivament kien jaf bl-aġir ta’ Silvio Zammit u bil-fatt li dan tal-aħħar kien qiegħed juża l-isem u l-funzjoni tiegħu sabiex jikseb vantaġġi pekunjarji.

Barra minn hekk, kull meta nstema’ mill-OLAF sabiex jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu dwar il-fatti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, jew meta kiteb lill-OLAF, il-Kummissarju Dalli pprova jnaqqas il-frekwenza u l-portata tal-kuntatti tiegħu ma’ S. Zammit u pprova jżomm sieket dwar il-kontenut ta’ dawn il-kuntatti fir-rigward tal-każ ineżami.

Barra minn hekk, il-Kummissarju Dalli f’ebda mument ma aġixxa sabiex iwaqqaf il-fatti, sabiex jiddistakka ruħu minnhom jew sabiex jiżvela s-sitwazzjoni li kellu għarfien tagħha.

Fuq il-bażi tal-fatti żvelati mill-investigazzjoni tal-OLAF, jista’ jiġi konkluż li l-immaġni u r-reputazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġew kompromessi f’għajnejn il-produtturi tat-tabakk u, potenzjalment, f’għajnejn l-opinjoni pubblika.

Għaldaqstant, l-aġir tal-Kummissarju Dalli jista’ jitqies li huwa nuqqas serju għad-dmir tiegħu li jaġixxi b’osservanza tad-dinjità u tal-obbligi marbuta mal-funzjoni tiegħu.

[...]”

13      Fil-waranofsinhar tas-16 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent iltaqa’ mal-President Barroso, fl-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar. Magħhom imbagħad ingħaqdu l-kap tal-uffiċċju tal-President Barroso, Johannes Laitenberger, u d-Direttur Ġenerali tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni, Luis Romero Requena. Peress li l-partijiet fil-fatt ma humiex jaqblu dwar iċ-ċirkustanzi, l-iżvolġiment u l-eżitu ta’ din il-laqgħa (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012”), u peress li dawn jinsabu fil-qofol ta’ din it-tilwima, dawn il-punti ser jiġu ddeterminati mill-Qorti Ġenerali iktar ’il quddiem f’din is-sentenza.

14      Iktar tard dakinhar stess, il-President Barroso ċempel lill-Prim Ministru Malti, Lawrence Gonzi, sabiex jinformah bir-riżenja tar-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni u sabiex jitolbu jfittex sostitut għalih. Il-President Barroso kiteb ukoll lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jinformahom li r-rikorrent kien “ippreżenta r-riżenja tiegħu b’effett immedjat”.

15      Iktar tard fl-istess ġurnata, madwar il-ħamsa ta’ filgħaxija, il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa fejn ħabbret ir-riżenja tar-rikorrent “b’effett immedjat”.

16      Matul l-istess ġurnata, ir-rikorrent min-naħa tiegħu ppubblika stqarrija għall-istampa permezz ta’ organizzazzjoni privata.

17      Matul is-seduta plenarja tal-Parlament Malti tas-16 ta’ Ottubru 2012, L. Gonzi għamel id-dikjarazzjoni segwenti:

“Illum wara nofsinhar kelli telefonata mingħand il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso li matulha informani li kien għadu kemm aċċetta r-riżenja ta’ John Dalli mill-kariga ta’ Kummissarju.

II-President Barroso spjegali li din kienet deċiżjoni meħuda minn John Dalli fid-dawl ta’ rapport tal-OLAF li kien jirrigwarda investigazzjoni fuq aġir ta’ terzi persuni.

[...]

F’telefonata oħra li kelli aktar tard, John Dalli qalli li hu se jikkontesta kull allegazzjoni magħmula fil-konfront tiegħu iżda ddeċieda li jirriżenja mill-kariga ta’ Kummissarju biex ikun jista’ jiddefendi aħjar lilu nnifsu u lill-istituzzjoni li kien sal-lum jifforma parti minnha.

Aktar tard illum għall-ħabta tal-5.00 p.m. l-Uffiċċju tal-President tal-Kummissjoni ippubblika stqarrija li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra għall-informazzjoni ta’ kulħadd.

[...]”

18      It-traskrizzjoni, li t-traduzzjoni bl-Ingliż tagħha ġiet iċċertifikata li hija konformi minn traduttur taħt ġurament imqabbad mir-rikorrent, ta’ intervista radjufonika bil-Malti mogħtija minnu, fis-16 ta’ Ottubru 2012 filgħaxija, tinkludi b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet segwenti:

Intervistatur – Inti tajt ir-riżenja tiegħek. L-ewwel ħaġa għaliex irriżenjajt?

[Rikorrent] – Jiena dan milli ġejt infurmat bil-kliem, b’mod verbali. Jiena s’issa għad m’għandi xejn bil-miktub fil-fatt. [...] Fil-fatt bdejt nitkellem illejla stess man-nies, mal-avukati tiegħi, biex niftaħ il-proċeduri neċessarji, biex ikun ippruvat li dawn il-konklużjonijiet [tar-rapport tal-OLAF] kienu għal kollox foloz. Jiena qed noħroġ press release illum fejn anki qed ngħid li jiena se nkompli naħdem biex l-isforzi li għamilt jien u għamlu n-nies tiegħi biex nirrevedu d-direttiva tat-tabakk, li kienet se tipproponi regolamenti iktar iebsin fuq it-tipjip, tibqa’ miexja kif kien ippjanat. Jiena dan, nhar it-Tnejn li ġej, konna se jibdew il-proċess. Nispera li dan ikompli.

[...]

Intervistatur – Mela għalfejn irriżenjajt John? Għalfejn ħassejt il-ħtieġa li tirriżenja, la la ...?

[Rikorrent] - Ħa ngħidlek jiena kif għidt ftit ilu meta kont fuq programm televiżiv ieħor ma noqgħod fuq żaqq ħadd, tajjeb, u dan huwa xi ħaġa li se nieħu b’serjetà kbira, qed nibda naħdem mil-lum u rrid free hand kompleta biex inkun nista’, jiena nopponi dawn l-allegazzjonijiet.

Intervistatur - Għadek kemm għidt ma trid tkun fuq żaqq ħadd, jiġifieri, il-President Barrosso [sic.] ġagħlek tirriżenja, qed nifhmek sew?

[Rikorrent] – Dan huwa kliem illi fl-opinjoni tiegħi, tajjeb, qegħdin ngħidu, illi jiena mhu se noqgħod fuq żaqq ħadd u nħalliha hemm.

Intervistatur – Imma ġagħlek tirriżenja l-President Barrosso [sic.]?

[Diskors mhux ċar, iż-żewġ persuni jitkellmu fuq xulxin]

[Rikorrent] – Ħa jkun hemm żviluppi fil-ġranet li ġejjin.

Intervistatur – Ġagħlek tirriżenja jew ... iddeċidejt inti?

[Rikorrent] – Ħa jkun hemm żviluppi fil-ġranet li ġejjin.

Intervistatur – X’tip ta’ żviluppi qed nistennew minn din il-ġrajja?

[Rikorrent] – L-iżviluppi jien qed nieħu pariri mill-avukati tiegħi, tajjeb, u nimxi magħhom pass pass fuq parir tagħhom bl-iżviluppi kollha li rrid nagħmel.

[...]”

19      Wara l-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, L. Romero Requena pprepara “nota għall-fajl”, bid-data tat-18 ta’ Ottubru 2012, li tinkludi l-minuti ta’ din il-laqgħa. Skont din in-nota, ir-rikorrent, “[...] filwaqt li ċaħad b’mod kategoriku l-akkużi magħmula kontrih, indika li, sabiex ikun jista’ jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu, huwa kien qiegħed jagħti r-riżenja tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni Ewropea b’effett immedjat”.

20      Dakinhar stess, ir-rikorrent irċieva mill-Kummissjoni d-dokumenti li kellu jiffirma sabiex tinbeda l-fażi ta’ “terminazzjoni” tal-funzjonijiet tiegħu u sabiex tingħatalu l-allowance tranżitorja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li huwa rrifjuta li jagħmel kwalunkwe ħaġa li setgħet tagħti l-impressjoni li huwa kien irriżenja mill-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, li jimla d-dokumenti li kienu jippermettulu jirċievi allowances u r-rimbors tal-ispejjeż għar-ripatrijazzjoni tiegħu. Peress li d-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu żewġ pagamenti fil-kont bankarju tiegħu bħala allowance tranżitorja, ir-rikorrent kiteb lill-Kummissjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2012, li huwa qatt ma kien iffirma xi talba f’dan is-sens u rritorna l-pagamenti lill-kont bankarju tal-Kummissjoni.

21      Fil-21 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent kiteb lill-President Barroso sabiex jinformah li fil-fehma tiegħu huwa ma kienx ta r-riżenja tiegħu b’mod validu, li fil-fehma tiegħu kien ġie mċaħħad mid-dritt li jiddefendi lilu nnifsu b’mod adegwat, u li d-dritt tiegħu għall-preżunzjoni ta’ innoċenza ma kienx ġie rrispettat mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF.

22      Fit-22 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent kiteb lill-Membri tal-Parlament sabiex jispjegalhom li huwa kien qiegħed jiċħad kategorikament li kien jaf b’xi negozjati u/jew komunikazzjonijiet li seta’ kien hemm bejn in-negozjant Malti kkonċernat u l-produtturi tas-snus, u li l-OLAF ma kienx indikalu liema provi kienu servew ta’ bażi għas-suppożizzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

23      Fit-23 ta’ Ottubru 2012, il-President Barroso wieġeb lir-rikorrent filwaqt li enfasizza, b’mod partikolari, li d-diversi lmenti mqajma mir-rikorrent dwar aġir illegali jew mhux korrett fil-konfront tiegħu kienu “inkomprensibbli” u li, bħala ex Membru tal-Kummissjoni, ir-rikorrent kien meħtieġ jaġixxi “b’onestà inkonformità mal-Artikolu 245 TFUE”.

24      Fit-30 ta’ Ottubru 2012, il-President Barroso kiteb lill-President tal-Parlament sabiex jipprovdilu spjegazzjonijiet dwar ir-riżenja tar-rikorrent, matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012. Huwa ddikjara, b’mod partikolari, dan li ġej:

“[J. Dalli] ċaħad bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-OLAF. Madankollu, matul id-diskussjoni tagħna, huwa rrikonoxxa li fil-passat kellu kuntatti, mhux f’kuntesti uffiċjali, mal-industrija tat-tabakk li kienu jinvolvu lin-negozjant Malti, u wasalna għall-konklużjoni li, bla ħsara għall-preżunzjoni legali ta’ innoċenza fir-rigward tal-konklużjonijiet [tal-OLAF], ma kienx ser ikun politikament possibbli li jibqa’ jeżerċita l-funzjoni ta’ Kummissarju waqt li kien qiegħed jipprova jsewwi r-reputazzjoni tiegħu. Kif imbagħad stqarrejt pubblikament, J. Dalli ddikjara, mingħajr ebda ambigwità, ir-riżenja immedjata tiegħu quddiem id-Direttur Ġenerali tas-Servizz Legali u quddiem il-kap tal-uffiċċju tiegħi. Jiena informajtu li din ir-riżenja kienet ser titħabbar iktar tard dakinhar stess permezz ta’ stqarrija għall-istampa, wara li jkollu l-possibbiltà jinforma lill-familja u lill-kollaboraturi tiegħu b’din ir-riżenja [...].

F’dan l-istadju, nixtieq nenfasizza li l-konsegwenzi legali tal-konklużjonijiet tal-OLAF għandhom jiġu sseparati b’mod ċar mill-evalwazzjoni politika tagħhom. Kif diġà taf, l-OLAF bagħat ir-rapport tiegħu lill-Avukat Ġenerali ta’ Malta u ninsab informat li l-Avukat Ġenerali rrefera l-każ lill-pulizija. Issa huma l-awtoritajiet Maltin li għandhom ir-responsabbiltà esklużiva li jmexxu l-każ, skont id-dritt Malti. Sa fejn hija kkonċernata l-Kummissjoni, aħna ser inkomplu nosservaw kompletament il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif għamilna sa mill-bidu tal-investigazzjoni tal-OLAF. B’mod partikolari, il-komunikazzjonijiet kollha magħmula mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, wara r-riżenja ta’ J. Dalli, iffokaw esklużivament fuq id-dimensjoni politika u/jew istituzzjonali tal-avvenimenti inkwistjoni u ngħatat attenzjoni partikolari sabiex huma jastjenu milli jwettqu, anki b’mod indirett, klassifikazzjoni legali ta’ dawn l-avvenimenti u tar-responsabbiltà eventwali tal-persuni involuti.”

25      Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta, bi qbil komuni mal-President Barroso, id-Deċiżjoni 2012/744/UE, li taħtar Membru ġdid tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 332, p. 21), Tonio Borg, sat-tmiem tal-mandat tal-Kummissjoni, fil-31 ta’ Ottubru 2014 (ĠU L 332, p. 21).

26      Fit-28 ta’ April 2013, korp tal-istampa Malti, MaltaToday, ippubblika fuq is-sit tal-internet tiegħu verżjoni kważi integrali (ħlief għal żewġ paġni neqsin) tar-rapport tal-OLAF, u b’hekk ir-rikorrent seta’ jieħu konoxxenza ta’ dan ir-rapport.

27      F’intervista radjufonika bil-Malti mogħtija mir-rikorrent fit-30 ta’ Ġunju 2013, bi tweġiba għall-messaġġ ta’ merħba magħmul mill-intervistatur fejn ippreżenta lir-rikorrent bħala “John Dalli, ex Kummissarju għas-Saħħa”, ir-rikorrent għamel din id-dikjarazzjoni:

“L-ewwel nett, nixtieq nenfasizza li sal-lum jiena għadni ma rriżenjajtx minn Kummissarju Ewropew għas-Saħħa. Il-pożizzjoni tiegħi hija li jiena għadni Kummissarju. It-tkeċċija tiegħi kienet illegali u, fil-fatt, għandi kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex nannulla d-deċiżjoni ta’ Barroso.”

 Il-proċedura

28      Ir-rikorrent fetaħ din il-kawża permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2012.

29      Fir-risposta, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tagħmel proposta ta’ prova, inkonformità mal-Artikolu 46(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dwar il-fatti u ċ-ċirkustanzi tar-riżenja tar-rikorrent, u pproponiet li dawn jiġu kkonfermati, “verbalment jew bil-miktub, minn xi wieħed mix-xhieda, jew minnhom kollha, għal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru” 2012. Hija tenniet din il-proposta ta’ prova fil-kontroreplika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2013.

30      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lilha.

31      Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tat-Tielet Awla, matul il-laqgħa plenarja tagħha tal-5 ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tgħaddi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż b’ħames Imħallfin.

32      Minħabba impediment ta’ wieħed mill-Imħallfin li jikkostitwixxu l-kulleġġ ġudikanti estiż, dan il-kulleġġ ġudikanti ġie kkompletat, inkonformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li l-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lilu nnifsu sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid in-numru ta’ Mħallfin previst, huwa assuma l-funzjonijiet ta’ president tal-awla, inkonformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmija Regoli.

33      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, li tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura taħt l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-forma ta’ mistoqsija bil-miktub lir-rikorrent, u, bla ħsara għall-osservazzjonijiet tal-partijiet, li tordna d-dehra personali tar-rikorrent bis-saħħa tal-Artikolu 65(a) tal-imsemmija regoli u li tordna l-verifika ta’ ċerti fatti permezz tax-xhieda tal-President Barroso bis-saħħa tal-Artikolu 65(c), tal-Artikolu 66(1) u tal-Artikolu 68(1) u (2) tal-istess regoli.

34      Permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Mejju 2014, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn il-miżuri istruttorji f’terminu ta’ sebat ijiem.

35      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent indika li kien jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dehra personali tiegħu u li ma kellu ebda oġġezzjoni għall-eżami tal-President Barroso bħala xhud. Barra minn hekk, ir-rikorrent spjega li fil-fehma tiegħu jkun ukoll utli li l-Qorti Ġenerali tisma’, bħala xhieda, lil Frédéric Vincent, li kien il-persuna li jitkellem f’ismu, lil Joanna Darmanin, li kienet il-kap tal-uffiċċju tiegħu, lil Giovanni Kessler, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, lil Johannes Laitenberger, il-kap tal-uffiċċju tal-President Barroso, u lil Johan Denolf, President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF.

36      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2014 ukoll, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellha ebda oġġezzjoni għad-dehra personali tar-rikorrent u lanqas għall-eżami tal-President Barroso bħala xhud. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li seta’ jkun f’loku li jinstemgħu wkoll, bħala xhieda, J. Laitenberger u L. Romero Requena.

37      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti Ġenerali ordnat id-dehra personali tar-rikorrent għas-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014.

38      Permezz ta’ digriet tal-istess jum, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tisma’ bħala xhieda, matul l-istess seduta tas-7 ta’ Lulju 2014, lill-President Barroso, lil J. Laitenberger, lil L. Romero Requena, lil J. Darmanin u lil F. Vincent, minn naħa, dwar “il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrent kienx irriżenja verbalment jew le, matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012 fl-uffiċċju tal-President [Barroso], u fl-affermattiv, f’liema kuntest u f’liema ċirkustanzi u b’reazzjoni għal-liema dikjarazzjonijiet min-naħa ta’ dan tal-aħħar”, u, min-naħa l-oħra, dwar “dak li ntqal matul il-kuntatti personali tagħhom mar-rikorrent immedjatament wara l-imsemmija laqgħa”.

39      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent wieġeb għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

40      Ir-rikorrent deher personalment u x-xhieda nstemgħu mill-Qorti Ġenerali, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, matul is-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014.

41      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-8 ta’ Lulju 2014, li mat-tmiem tagħha ngħalqet il-proċedura orali u l-kawża għaddiet taħt deliberazzjoni.

42      Matul din is-seduta, ir-rikorrent ipproduċa l-opinjoni 2/2012 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, tal-11 ta’ Diċembru 2012, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li semgħet lill-Kummissjoni, li tinkludi fil-proċess. Din tal-aħħar ipproduċiet id-dikjarazzjoni magħmula mill-Prim Ministru Malti quddiem il-Parlament Malti fis-16 ta’ Ottubru 2012 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq). Wara li semgħet lir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tinkludi dan id-dokument fil-proċess, filwaqt li rriżervat id-deċiżjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

43      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent bagħat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-proċess verbal tas-seduta li kien ġie kkomunikat lilu. Il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tinkludi dawn l-osservazzjonijiet fil-proċess, u l-partijiet ġew informati dwar dan permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 2014.

 It-talbiet tal-partijiet

44      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-“deċiżjoni orali tas-16 ta’ Ottubru 2012, meħuda mill-President [Barroso], li ttemm b’effett immedjat l-inkarigu tiegħu” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

–        tikkumpensa d-dannu b’ammont ta’ EUR 1 simboliku fir-rigward tad-dannu morali u, provviżorjament, b’ammont ta’ EUR 1 913 396 fir-rigward tad-dannu materjali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, kompletament jew parzjalment, u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-irtirar mill-proċess tal-Annessi 4 u 13 tar-replika

46      Peress li r-rikorrent ipproduċa, fl-Anness 4 tar-replika, verżjoni tal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF dwar dan il-każ ippubblikata fil-verżjoni diġitali tal-mezz ta’ komunikazzjoni Malti MaltaToday tas-7 ta’ Mejju 2013 u, fl-Anness 13 tar-replika, verżjoni tar-rapport tal-OLAF ippubblikata fil-verżjoni diġitali tal-istess mezz ta’ komunikazzjoni tat-28 ta’ April 2013, il-Kummissjoni sostniet, fil-kontroreplika, li dawn iż-żewġ dokumenti kienu s-suġġett ta’ “żvelar mhux permess” fl-istampa Maltija u titlob li jiġu rtirati mill-proċess, u dan minħabba li ma nkisbux b’mod legali u minħabba li r-rikorrent la sostna li hemm ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-proċess u lanqas ma invoka li huma ta’ natura deċiżiva sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża ineżami.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ natura kunfidenzjali u lanqas il-fatt li dawn id-dokumenti setgħu nkisbu b’mod irregolari ma jipprekludu li jinżammu fil-proċess. Fil-fatt, minn naħa, ma hemm ebda dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament il-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi miksuba illegalment (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra, EU:T:2008:257, punti 74 u 75, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Dover vs Il-Parlament, T‑149/09, EU:T:2011:119, punt 61). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li anki dokumenti interni jistgħu, f’ċerti każijiet, ikunu inklużi legalment fil-proċess ta’ kawża (digrieti tad-19 ta’ Marzu 1985, Tordeur et, 232/84, punt 8, u tal-15 ta’ Ottubru 1986, LAISA vs Il-Kunsill, 31/86, punt 5).

48      B’hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, ma kienx meħtieġ li r-rikorrent juri li kien kiseb b’mod legali d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tar-rikors tiegħu. Il-Qorti Ġenerali qieset, filwaqt li wettqet ibbilanċjar tal-interessi li kellhom jiġu protetti, li kien meħtieġ li jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħalma huma n-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura għall-adozzjoni tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra, EU:T:2001:72, punti 33 u 34), jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑280/94, ĠabraSP, EU:T:1996:28, punt 59), kinux jiġġustifikaw li d-dokument ma jiġix irtirat.

49      F’dan il-każ, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li ma huwiex stabbilit li r-rikorrent stess kiseb illegalment id-dokumenti li qiegħed jintalab l-irtirar tagħhom mill-proċess, peress li l-verżjoni ta’ dawn id-dokumenti prodotta minnu hija dik li ġiet ippubblikata fl-istampa Maltija.

50      It-tieni nett, in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni kienet, fi kwalunkwe każ, kompromessa minħabba l-fatt stess li ġew ippubblikati fl-istampa, b’tali mod li l-produzzjoni tagħhom għall-inklużjoni fil-proċess ta’ din il-kawża ma tippreġudikax b’xi mod ieħor din in-natura.

51      It-tielet nett, fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-dokumenti inkwistjoni ġew invokati insostenn tat-tielet u tar-raba’ motivi u, skont ir-rikorrent, huma neċessarji sabiex jiġi evalwat jekk il-President Barroso setax legalment jibbaża ruħu fuq ir-rapport tal-OLAF, fil-każ li jitqies li r-regolarità ta’ dan ir-rapport hija vvizzjata mid-difetti allegati fil-kuntest tal-imsemmija motivi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fir-replika, ir-rikorrent żviluppa linja ta’ argumenti ġdida, fid-dritt u fil-fatt, indirizzata kemm kontra l-allegazzjonijiet magħmula kontrih mill-kumpannija Swedish Match, l-awtur tal-ilment fir-rigward tiegħu li kien is-suġġett tar-rapport tal-OLAF, u kemm kontra r-regolarità tal-proċedura segwita mill-OLAF fir-rigward tar-redazzjoni ta’ dan ir-rapport. Din il-linja ta’ argumenti hija bbażata, fil-parti l-kbira tagħha, fuq ir-rapport tal-OLAF u fuq l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, li r-rikorrent iqis li huma elementi ġodda li ħarġu fil-mori tal-kawża, peress li ġew ippubblikati fl-istampa Maltija wara l-preżentata tar-rikors. Bla ħsara għar-rilevanza intrinsika ta’ din il-linja ta’ argumenti sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, din il-linja ta’ argumenti hija biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li r-rikorrent la sostna li hemm ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-inklużjoni tad-dokumenti inkwistjoni fil-proċess u lanqas ma invoka n-natura deċiżiva tagħhom sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża ineżami.

52      Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li d-data tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, li fi tmiemha ġiet allegatament adottata d-deċiżjoni kkontestata, ġiet iffissata mill-uffiċċju tal-President Barroso fuq il-bażi tad-data indikata għat-trażmissjoni lill-imsemmi president tar-rapport tal-OLAF, u li d-deċiżjoni kkontestata, jekk jiġi stabbilit li teżisti, ingħatat l-għada stess tal-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport lill-President Barroso. B’hekk, filwaqt li ssostni li dan ir-rapport ma huwiex att preparatorju għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess tammetti, fl-atti tagħha, li jkun eżaġerat li wieħed jippretendi li d-“deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma hija marbuta mal-imsemmi rapport”.

53      Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura tad-dokumenti inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li kienu diġà żvelati fl-istampa u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima, it-talba tal-Kummissjoni għall-irtirar tal-imsemmija dokumenti mill-proċess tal-kawża għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokument prodott mill-Kummissjoni matul is-seduta

54      Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Malti, L. Gonzi, fil-Parlament Malti, matul is-seduta plenarja tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2012 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), estratta minn minuti pubbliċi uffiċjali, issemmiet mill-Kummissjoni matul is-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014 li fiha deher personalment ir-rikorrent, u mbagħad ġiet prodotta minn din l-istess istituzzjoni matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat-8 ta’ Lulju 2014, li wara din is-seduta din id-dikjarazzjoni ġiet inkluża b’mod provviżorju fil-proċess. Din id-dikjarazzjoni tidher li hija rilevanti għall-finijiet tal-kawża ineżami peress li tirreferi għall-konverżazzjoni bejn L. Gonzi u r-rikorrent, dwar it-terminazzjoni tal-funzjonijiet tar-rikorrent bħala Membru tal-Kummissjoni, matul it-telefonata li saret fil-waranofsinhar tas-16 ta’ Ottubru 2012, ftit tal-ħin wara l-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012.

55      Madankollu, matul is-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014, l-avukati tar-rikorrent oġġezzjonaw għall-invokazzjoni ta’ dan id-dokument mill-Kummissjoni minħabba li ma kienx jagħmel parti mill-proċess u minħabba li dan kien imur kontra l-prinċipju ta’ kontradittorju.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju ma jiġix osservat meta deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti jew fuq dokumenti li l-partijiet stess, jew waħda minnhom, ma setgħux ikollhom għarfien tagħhom u li għalhekk ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni dwarhom (sentenza tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra, EU:C:1961:5, p. 156).

57      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq u li l-għan tiegħu huwa li jiżgura l-bilanċ bejn il-partijiet fil-proċedura, billi jiżgura li kull dokument ipprovdut lill-qorti jkun jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti fil-proċedura, jimplika l-obbligu li kull parti tingħata possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-parti avversarja tagħha (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, Ġabra, EU:C:2012:684, punti 71 u 72).

58      F’dan il-każ, il-produzzjoni tardiva tad-dokument kontenzjuż hija ġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari li fihom il-Kummissjoni kellha tinvokah. Fil-fatt, filwaqt li ebda waħda mill-partijiet ma rreferiet, fl-atti proċedurali tagħha, għal konverżazzjoni telefonika bejn ir-rikorrent u l-Prim Ministru Malti, fil-waranofsinhar tas-16 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent irrefera għaliha, għall-ewwel darba, meta deher personalment fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014, filwaqt li indika li, f’dik l-okkażjoni, huwa kien iddikjara lil L. Gonzi li l-President Barroso kien għadu kemm “temm” (terminate) il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni. Kien għalhekk sabiex jirribattu l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-kontenut preċiż tal-kummenti skambjati matul l-imsemmija konverżazzjoni li l-aġenti tal-Kummissjoni għamlu riferiment għad-dokument kontenzjuż, li fih L. Gonzi jiddikjara pjuttost li r-rikorrent kien kellmu dwar id-deċiżjoni tiegħu stess li jirriżenja. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi dokument mhux talli ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ kontradittorju iżda, għall-kuntrarju, jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju billi jagħti lill-Kummissjoni l-opportunità li tirribatti allegazzjoni ġdida tar-rikorrent, magħmula għall-ewwel darba matul l-imsemmija seduta.

59      Barra minn hekk, ir-rikorrent u l-avukati tiegħu ngħataw l-opportunità li jieħdu pożizzjoni dwar l-ammissibbiltà, il-rilevanza u l-valur probatorju tal-imsemmi dokument waqt is-seduta għas-sottomossjonijiet orali tat-8 ta’ Lulju 2014, f’terminu li ma jistax jitqies li huwa qasir iż-żejjed fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża ineżami u, b’mod partikolari, fid-dawl uffiċjali ta’ dan id-dokument estratt minn minuti pubbliċi. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, ir-rikorrent ma reġax qajjem l-oġġezzjoni tiegħu għall-inklużjoni tad-dokument inkwistjoni fil-proċess. Ir-rikorrent la talab lill-Qorti Ġenerali l-possibbiltà li jkun jista’ jagħmel kummenti bil-miktub dwar dan id-dokument u lanqas ma talab li s-seduta tiġi posposta.

60      Fid-dawl ta’ dawn il-punti ta’ evalwazzjoni, għandha tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tad-dokument inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura ineżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2363, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-talba għal annullament

 Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tat-talba għal annullament

61      Il-Qorti Ġenerali ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tikkonstata li l-formulazzjoni tal-ewwel talba tar-rikorrent, kif irriprodotta b’mod sħiħ fil-punt 44 iktar ’il fuq, moqrija fid-dawl tal-argumenti magħmula fl-atti proċedurali tiegħu, ma kinitx tidentifika b’mod ċar u inekwivoku l-att li l-annullament tiegħu qiegħed jintalab fil-kawża ineżami. Fil-fatt, minn ċerti siltiet ta’ dawn l-atti (b’mod partikolari mill-punti 58 sa 67, u 129 tar-rikors, u mill-punti 3, 17 u 48 tar-replika) jirriżulta li r-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament ta’ allegata deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2012, li permezz tagħha l-President Barroso, bl-awtorità tiegħu stess u billi għamel tiegħu l-poteri mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikoli 245 TFUE u 247 TFUE, warrbu mill-funzjonijiet tiegħu b’effett immedjat. Mill-banda l-oħra, minn siltiet oħra ta’ dawn l-istess atti (b’mod partikolari mill-punti 53, 70, 85, 88, 118 u 119 tar-rikors u mill-punt 54 tar-replika) jirriżulta li r-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament ta’ allegata deċiżjoni verbali meħuda mill-President Barroso, fis-16 ta’ Ottubru 2012, li jeżerċita l-prerogattiva tiegħu li jitlob ir-riżenja tar-rikorrent skont l-Artikolu 17(6) TUE.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 245 TFUE u 247 TFUE jirreferu għall-każ ta’ riżenja mhux volontarja ta’ Membru tal-Kummissjoni ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, filwaqt li skont l-Artikolu 17(6) TUE, “[m]embru tal-Kummissjoni għandu jirriżenja jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-President [tal-Kummissjoni]”.

63      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-22 ta’ Mejju 2014 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali għalhekk stiednet lir-rikorrent jindika “b’mod ċar u inekwivoku” għal-liema wieħed miż-żewġ atti ipotetikament identifikati fil-punt 61 iktar ’il fuq kien qiegħed jirreferi permezz tal-ewwel talba tiegħu.

64      Fit-tweġiba bil-miktub tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2014 (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), ir-rikorrent indika li kien qiegħed jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni verbali tal-President [Barroso] tas-16 ta’ Ottubru 2012 li jtemm il-funzjonijiet [tiegħu] bħala Membru tal-Kummissjoni”. Huwa żied li, fil-fehma tiegħu, din id-deċiżjoni seta’ jkollha żewġ bażijiet legali, jiġifieri jew l-Artikoli 245 TFUE u 247 TFUE, jew l-Artikolu 17(6) TUE.

65      Għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-istedina tal-Qorti Ġenerali, it-tweġiba tar-rikorrent ma tikkontribwixxix sabiex tiġi ċċarata l-portata tat-talbiet għal annullament tiegħu, kif irriprodotti fil-punt 44 iktar ’il fuq.

66      Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li l-allegazzjoni tar-rikorrent, li fuqu jaqa’ l-oneru tal-prova, fis-sens li l-President Barroso ddeċieda dwar ir-riżenja mhux volontarja tar-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu, billi għamel tiegħu b’mod abbużiv il-poteri tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 245 TFUE u 247 TFUE, ma hija ssostanzjata permezz ta’ ebda element fil-proċess u, barra minn hekk, la hija ssostanzjata mid-diversi xhieda miġbura u lanqas mix-xhieda mogħtija mir-rikorrent stess meta deher personalment, b’tali mod li din l-allegazzjoni tista’ tiġi miċħuda a priori minħabba li ma għandha ebda bażi fattwali, u dan peress li r-rikorrent la pproduċa xi prova u lanqas xi indizju tal-eżistenza tal-allegata deċiżjoni ta’ riżenja mhux volontarja.

67      B’hekk, sa fejn, permezz tal-ewwel talba tiegħu, ir-rikorrent għandu l-intenzjoni jitlob l-annullament ta’ allegata deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2012, li permezz tagħha l-President Barroso, bl-awtorità tiegħu stess u billi għamel tiegħu l-poteri mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikoli 245 TFUE u 247 TFUE, allegatament iddeċieda dwar ir-riżenja mhux volontarja tar-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu b’effett immedjat, it-talba għal annullament tar-rikorrent għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li ma hemmx att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u dan minħabba li r-rikorrent ma stabbilixxiex l-eżistenza materjali ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 1992, ISAE/VP u Interdata vs Il-Kummissjoni, C‑130/91, Ġabra, EU:C:1992:7, punt 11, u s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra, EU:T:1990:42, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fir-rigward tal-kumplament, għandu jitqies li r-rikors ineżami jirrigwarda talba għall-annullament ta’ allegata deċiżjoni verbali meħuda mill-President Barroso, fis-16 ta’ Ottubru 2012, li jeżerċita l-prerogattiva tiegħu li jitlob ir-riżenja tar-rikorrent bħala Membru tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(6) TUE (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

 Il-fatti

69      Meta l-partijiet f’tilwima ma jkunux qegħdin jaqblu dwar il-fatti, il-Qorti Ġenerali għandha qabel kollox tistabbilixxi l-fatti rilevanti u, għal dan il-għan, għandha teżamina l-provi disponibbli.

70      F’dan il-każ, anki wara l-kjarifika, magħmula iktar ’il fuq, tas-suġġett tat-talba għal annullament, il-pożizzjoni tar-rikorrent tibqa’ ambigwa u indeċiża fir-rigward tar-reazzjoni tiegħu għall-allegata talba verbali għal riżenja li allegatament saritlu mill-President Barroso taħt l-Artikolu 17(6) TUE. B’hekk, kemm qabel il-preżentata tar-rikors ineżami u kemm fl-atti proċedurali tiegħu, ir-rikorrent jagħti x’jifhem kemm li kien effettivament ippreżenta r-riżenja tiegħu, fis-16 ta’ Ottubru 2012, fuq it-talba tal-President Barroso (ara, b’mod partikolari, il-punti 54, 56, 85, 88, 89, 118 u 136 tar-rikors u l-punti 3, 4, 11, 12, 14, 15, 17, 51, 63, 69, 80, 85, 91 u 121 tar-replika), u kemm li huwa qatt ma kien ippreżenta formalment ir-riżenja tiegħu minkejja li saret tali talba u li din ir-riżenja fi kwalunkwe każ qatt ma kienet saret effettiva b’mod validu, b’tali mod li huwa għadu jqis lilu nnifsu Membru tal-Kummissjoni, bħala titolu jekk mhux fil-prattika (ara, b’mod partikolari, minbarra l-punti 28, 30, 31, 33, 40, 63, 70 sa 80, 86, 87, 93 u 129 tar-rikors u l-punti 10 u 86 tar-replika, l-ittra tiegħu lill-President Barroso tal-21 ta’ Ottubru 2012, imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, l-ittra tiegħu lill-Kummissjoni tat-28 ta’ Diċembru 2012, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, l-affidavit tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2013, mehmuża bħala l-Anness 7 mar-replika, u d-dikjarazzjoni tiegħu tat-30 ta’ Ġunju 2013 lil stazzjon tar-radju Malti, imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq).

71      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent għażel li jippreżenta minn rajh ir-riżenja tiegħu matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, mingħajr ma din ir-riżenja ma kienet is-suġġett ta’ talba mill-President Barroso fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE.

72      Fuq il-bażi tal-provi inizjalment inklużi fil-proċess, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi bejn, minn naħa, waħda miż-żewġ verżjonijiet sostnuti mir-rikorrent (ara l-punt 70 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-verżjoni sostnuta mill-Kummissjoni (ara l-punt 71 iktar ’il fuq).

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tadotta l-miżuri istruttorji msemmija fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq.

74      Fil-punti segwenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ser tibbaża ruħha b’mod iktar partikolari, minn naħa, fuq id-dikjarazzjoni u t-tweġibiet tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali meta deher personalment fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014, kif jinsabu fil-proċess verbal tal-imsemmija seduta, u, min-naħa l-oħra, fuq il-proċessi verbali ffirmati li jirriproduċu x-xhieda u t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u tal-partijiet mogħtija mix-xhieda J. M. D. Barroso, J. Laitenberger, u L. Romero Requena, J. Darmanin u F. Vincent.

75      Fl-evalwazzjoni tas-saħħa probatorja ta’ dawn id-diversi xhieda, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-President Barroso huwa allegatament l-awtur tal-att ikkontestatat u, min-naħa l-oħra, li x-xhieda l-oħra huma kollha uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Kummissjoni u għalhekk jaħdmu taħt l-awtorità ftit jew wisq diretta tal-President tagħha, kif ukoll il-fatt li tnejn minnhom, jiġifieri J. Laitenberger u L. Romero Requena, kienu personalment involuti fil-preparazzjoni u fir-reazzjoni għal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012.

76      Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li x-xhieda ħadu l-ġurament previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 68(5) tar-Regoli tal-Proċedura u li huma ċċertifikaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom skont il-modalitajiet speċifikati fl-Artikolu 71 tal-imsemmija regoli, wara li nġibditlhom l-attenzjoni speċifikament għall-konsegwenzi kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ ta’ xhieda falza.

77      Barra minn hekk, il-fatt li erbgħa mix-xhieda jinsabu f’pożizzjoni ġerarkika subordinata għall-President Barroso ma jikkostitwixxix, waħdu, raġuni suffiċjenti sabiex tiddaħħal inkwistjoni n-natura veritiera tax-xhieda tagħhom, fid-dawl kemm tad-drittijiet li jgawdu u tal-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 11, 12, 19, 21a u 22 tagħhom) u bis-saħħa tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, u kemm fid-dawl tal-assenza ta’ interess personali tagħhom fil-kawża.

78      Fi kwalunkwe każ, l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tax-xhieda huma attestati mill-koerenza globali tagħhom. Fuq kollox, dawn ix-xhieda, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-punti essenzjali, huma kkorroborati mill-elementi oġġettivi l-oħra tal-proċess, li għalihom ser isir riferiment fil-punti segwenti ta’ din is-sentenza.

79      Għall-kuntrarju, il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrent f’diversi ċirkustanzi u, b’mod partikolari, meta deher personalment fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2014, huwa affettwat min-natura ambigwa, jekk mhux ukoll kontradittorja, tal-verżjonijiet suċċessivi tiegħu tal-avvenimenti, li iktar joħolqu konfużjoni milli jipprovdu kjarifikazzjonijiet. Barra minn hekk, uħud mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent jistgħu, fir-rigward ta’ ċerti punti essenzjali, jiġu rribattuti jew kontradetti mhux biss permezz tad-dikjarazzjonijiet konkordanti tax-xhieda li nstemgħu mill-Qorti Ġenerali, iżda wkoll mill-elementi oġġettivi l-oħra tal-proċess, li għalihom ser isir ukoll riferiment fil-punti segwenti ta’ din is-sentenza.

80      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ser tibda billi tistabbilixxi l-fatti ineżami billi tibbaża ruħha fuq il-ħames xhieda li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll, fir-rigward tal-fatti li dwarhom hemm qbil bejn il-partijiet, fuq id-dikjarazzjonijiet li għamel ir-rikorrent meta deher personalment. Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali ser tevalwa l-livell ta’ kredibbiltà ta’ wħud mill-allegazzjonijiet kontrarji magħmula mir-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali ser tiddetermina mbagħad sa fejn il-fatti stabbiliti b’dan il-mod jistgħu jiġu kkonfermati mill-provi l-oħra inklużi fil-proċess.

81      F’dan id-dawl, fir-rigward taċ-ċirkustanzi, tal-iżvolġiment u tal-eżitu tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, kif ukoll fir-rigward tar-reazzjonijiet immedjati għal din il-laqgħa, jista’ jiġi kkonstatat dan li ġej.

82      L-ewwel nett, fir-rigward tal-preparazzjoni qabel din il-laqgħa, il-President Barroso kien iddiskuta diversi drabi mal-iktar kollaboraturi qrib tiegħu, sa mill-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF, diversi possibbiltajiet politiċi li kien ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-każ li r-rikorrent “ma joħroġx kompletament eżonerat minn din l-investigazzjoni”. Fid-dawl tal-preċedent ikkostitwit mir-riżenja kollettiva tal-Kummissjoni ppresjeduta minn Jacques Santer wara l-“każ Cresson”, fl-1999, li tqies bħala l-avveniment politiku ta’ riferiment, il-persuni kkonċernati identifikaw tliet eventwalitajiet fir-rigward ta’ dan il-każ, jiġifieri, skont l-ordni ta’ preferenza tagħhom: a) l-eventwalità li r-rikorrent ikun jista’ jipprovdi immedjatament spjegazzjonijiet kompleti u sodisfaċenti bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-OLAF, b’tali mod li l-President Barroso jkun jista’ jġedded pubblikament il-fiduċja tiegħu fih; b) fin-nuqqas ta’ tali spjegazzjonijiet, l-eventwalità ta’ riżenja ppreżentata spontanjament mir-rikorrent, sabiex jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu u sabiex jipproteġi lill-Kummissjoni; c) fil-każ ta’ rifjut minn dan tal-aħħar, l-eventwalità ta’ riżenja mir-rikorrent wara talba mill-President Barroso skont l-Artikolu 17(6) TUE. Fil-fehma tal-persuni kkonċernati, din l-aħħar possibbiltà kienet tidher bħala l-iktar waħda dannuża għar-rikorrent, sa fejn kienet toħroġ pubblikament il-fatt li l-President Barroso kien tilef il-fiduċja tiegħu fih; din il-possibbiltà barra minn hekk kellha tintuża biss bħala l-aħħar rimedju.

83      Il-persuni kkonċernati ammettew ukoll li l-kwistjoni kellha tiġi ttrattata b’mod imħaffef u deċiżiv hekk kif isir magħruf ir-rapport tal-OLAF sabiex jiġi evitat li l-Kummissjoni ġġarrab danni politiċi kunsiderevoli. F’dan is-sens, ix-xhud J. Laitenberger spjega, b’riferiment għal diversi preċedenti sfortunati li seħħew matul dawn l-aħħar għoxrin sena, li, “hekk kif tkun magħrufa l-aħbar ta’ tali sitwazzjoni, hija meħtieġa azzjoni immedjata; il-ħin mitluf ma jistax jiġi rkuprat, f’tali sitwazzjonijiet ma hemmx perijodu ta’ grazzja”. Bl-istess mod, ix-xhud L. Romero Requena spjega li l-Kummissjoni kienet għaddiet minn numru ta’ esperjenzi imbarazzanti u spjaċevoli marbuta mal-investigazzjonijiet tal-OLAF, fejn hija kienet irreaġixxiet bil-mod wisq u kienet il-vittma ta’ żvelar mhux awtorizzat fl-istampa.

84      Ftit jiem qabel intbagħat ir-rapport tal-OLAF, il-President Barroso u l-kollaboraturi qrib tiegħu kienu ġew imwissija b’mod informali li l-affarijiet “ma kinux jidhru li ser ikunu tajbin” għar-rikorrent, mingħajr ma ngħataw iktar dettalji.

85      Fil-11 ta’ Ottubru 2012, l-uffiċċju tal-President Barroso, informat li r-rapport tal-OLAF kien wasal sabiex jintbagħat, ikkuntattja lill-uffiċċju tar-rikorrent sabiex tiġi stabbilita data għal laqgħa, li ġiet iffissata fis-16 ta’ Ottubru 2012 fis-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar. J. Darmanin informat b’dan lir-rikorrent u dan staqsiha jekk kinitx taf is-suġġett ta’ din il-laqgħa. Hija weġbitu li ma kinitx taf u staqsietu jekk kellhiex tivverifika f’dan ir-rigward. Ir-rikorrent wieġeb li ma kienx meħtieġ. Hija għalhekk ippreparat, għall-attenzjoni tar-rikorrent, fajl dwar id-diversi proġetti pendenti li setgħu jitqajmu matul din il-laqgħa.

86      Fir-rigward tal-aġenda tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent jgħid li “huwa kien kompletament sorpriż”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent kien imissu minn tal-inqas issuspetta li l-laqgħa kienet ser tkun dwar l-investigazzjoni tal-OLAF dwaru, u dan minkejja li ma kienx ġie informat dwar l-għeluq tagħha jew dwar il-preżentazzjoni tar-rapport tal-OLAF lill-President Barroso.

87      L-ewwel nett, fil-fatt, ir-rikorrent kien instema’ darbtejn mill-OLAF, fis-16 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Settembru 2012 (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq) u, f’dawn l-okkażjonijiet, mir-rapport tal-OLAF jirriżulta li kienu sarulu mistoqsijiet iddettaljati ħafna dwar il-fatti deskritti fl-ittra ta’ akkumpanjament, b’mod partikolari fir-rigward, minn naħa, tal-kuntatti mhux uffiċjali u mhux irrapportati lill-Kummissjoni li huwa allegatament kellu, f’Malta, mar-rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk, li barra minn hekk huwa stess kien irrikonoxxa l-eżistenza ta’ wħud minnhom, u, min-naħa l-oħra, tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ S. Zammit, li kien serva ta’ intermedjarju matul dawn il-kuntatti, kemm matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni u fir-rigward tas-suġġett tagħha, u kemm matul l-iżvolġiment tagħha.

88      It-tieni nett, fil-25 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent kien diġà ltaqa’ mal-President Barroso għall-ewwel darba dwar l-investigazzjoni tal-OLAF u t-tnejn li huma kienu ddiskutew, b’termini ġenerali, il-problema mqajma mill-ilment. F’din l-okkażjoni, il-President Barroso kien indikalu l-importanza tal-kwistjoni u r-rikorrent, min-naħa tiegħu, kien ċaħad kategorikament kull implikazzjoni fil-kwistjoni, filwaqt li indika li kienet l-intenzjoni tiegħu li jiftaħ proċeduri kontra l-persuni involuti; dik l-intenzjoni madankollu ma mmaterjalizzatx ruħha jew, minn tal-inqas, il-materjalizzazzjoni tagħha ma tressqitx għall-għarfien tal-Kummissjoni.

89      It-tielet nett, il-President Barroso, li nstema’ bħala xhud, spjega li, fil-kuntatti bilaterali tiegħu mal-Membri tal-Kummissjoni, huwa normalment jindikalhom xi tkun l-aġenda tal-laqgħa jekk din tkun tikkonċerna l-attivitajiet ordinarji tal-Kummissjoni, iżda li, f’dan il-każ, huwa xtaq diskussjoni personali ta’ natura politika mar-rikorrent, b’tali mod li ma ssemmiet l-ebda aġenda tal-laqgħa. Skont il-President Barroso, mill-assenza stess ta’ aġenda, ir-rikorrent kien imissu neċessarjament inferixxa li l-laqgħa kienet ser tkun dwar suġġett kunfidenzjali u importanti ħafna, li ma setax ikun ħlief l-investigazzjoni tal-OLAF fir-rigward tiegħu. Barra minn hekk, din is-suppożizzjoni tista’ tispjega għaliex ir-rikorrent ma talabx li tiġi vverifikata l-aġenda tal-laqgħa inkwistjoni, minkejja li l-kap tal-uffiċċju tiegħu kienet issuġġerietlu li tagħmel dan.

90      Ir-raba’ nett, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ aġenda espliċita lill-uffiċċju tar-rikorrent tista’ raġonevolment tkun dovuta għall-preokkupazzjoni leġittima tal-President Barroso li jżomm kemm jista’ jkun possibbli sigrieti l-investigazzjoni u r-rapport tal-OLAF. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li x-xhud J. Darmanin u F. Vincent affermaw, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, li huma ma kellhom ebda għarfien tal-imsemmija investigazzjoni jew tal-fatti li jikkonċernawha, qabel ma ġew informati dwarhom mir-rikorrent stess, wara l-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012.

91      Fil-15 ta’ Ottubru 2012, ir-rapport tal-OLAF wasal fl-uffiċċju tal-President Barroso u nqara minn erba’ persuni, jiġifieri, minbarra dan tal-aħħar, minn J. Laitenberger, minn C. Day u minn L. Romero Requena.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, żewġ abbozzi ta’ stqarrija għall-istampa ġew redatti b’mod kunfidenzjali minn C. Day, li nqraw mill-ġdid minn J. Laitenberger u minn L. Romero Requena. Wieħed minn dawn l-abbozzi kien jirrigwarda l-każ li r-rikorrent jirriżenja minn rajh, filwaqt li l-ieħor kien jirrigwarda l-każ li r-rikorrent jirriżenja wara talba mill-President Barroso skont l-Artikolu 17(6) TUE. Dawn iż-żewġ abbozzi ntbagħtu lid-dipartiment tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni ftit qabel bdiet il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012.

93      Għall-kuntrarju, ma ġie redatt ebda abbozz ta’ stqarrija għall-istampa sabiex jiġi kopert il-każ li r-rikorrent ikun f’pożizzjoni li jipprovdi spjegazzjonijiet kompleti u sodisfaċenti bi tweġiba għar-rapport tal-OLAF. Il-President Barroso, J. Laitenberger u L. Romero Requena, li nstemgħu bħala xhieda, spjegaw li dan ma kienx possibbli qabel ma tkun magħrufa s-sustanza ta’ dawn l-eventwali spjegazzjonijiet. Barra minn hekk, probabbilment, f’tali każ, ma kienx ser ikun meħtieġ li tiġi ppubblikata stqarrija għall-istampa, minn tal-inqas mhux b’mod immedjat.

94      Barra minn hekk, la ġie redatt abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 17(6) TUE u lanqas ma ġiet redatta ittra ta’ riżenja tar-rikorrent. Għall-kuntrarju, kien previst li l-President Barroso jitkellem bit-telefon mal-Prim Ministru Malti wara li jkun iltaqa’ mar-rikorrent.

95      Qabel bdiet il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, il-President Barroso talab lil J. Laitenberger u lil L. Romero Requena jżommu ruħhom disponibbli sabiex jieħdu nota tal-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa u sabiex jiżguraw il-passi sussegwenti li jkunu meħtieġa.

96      Il-laqgħa bdiet madwar is-sagħtejn neqsin kwart ta’ wara nofsinhar u damet madwar siegħa u nofs.

97      Il-President Barroso beda billi wera lir-rikorrent ir-rapport tal-OLAF. Ir-rikorrent talbu jitħalla jieħu konoxxenza tiegħu, iżda l-President Barroso rrifjuta minħabba li dan ir-rapport kien kunfidenzjali. Madankollu, huwa qara lir-rikorrent, diversi drabi, l-ittra ta’ akkumpanjament u staqsih x’kien jaħseb dwarha.

98      Filwaqt li pprotesta b’mod bis-saħħa li huwa kien innoċenti fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar it-tixħim mitlub u dwar l-allegati istruzzjonijiet mogħtija minnu lil S. Zammit, ir-rikorrent ma ċaħadx li huwa kien iltaqa’ b’mod mhux uffiċjali, f’Malta, ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk, laqgħat li kienu organizzati bl-involviment ta’ S. Zammit u li nżammu mingħajr ma l-Kummissjoni, u saħansitra l-uffiċċju tiegħu stess, ma kienu informati dwarhom, u lanqas ma ċaħad ir-relazzjonijiet personali ta’ ħbiberija tiegħu ma’ S. Zammit. Huwa rrikonoxxa li ma kienx aġixxa b’mod prudenti f’dan ir-rigward u li ma kienx imissu aġixxa b’dan il-mod.

99      Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, li huwa jikklassifika bħala “ftit konvinċenti” u saħansitra bħala “strambi”, il-President Barroso qies li l-kundizzjonijiet politiċi kienu tali li kien “inkonċepibbli” li r-rikorrent iżomm l-inkarigu tiegħu. F’dan il-kuntest, il-President Barroso, li nstema’ bħala xhud, ippreċiża li, f’dak l-istadju, huwa kien tilef kull fiduċja politika u personali fir-rikorrent. Il-President Barroso sostna wkoll li d-dmir tiegħu kien li jipproteġi l-integrità tal-Kummissjoni bħala istituzzjoni. Huwa indika lir-rikorrent li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun aħjar u iktar onorabbli li jippreżenta r-riżenja tiegħu minn rajh, sabiex ikun jista’ jiddefendi l-unur tiegħu. Huwa madankollu żied li, jekk ir-rikorrent ma jagħmilx hekk, it-Trattat ta’ Lisbona kien jagħtih il-poter li jġiegħlu jagħmel dan billi jitolbu formalment jirriżenja.

100    Il-President Barroso u r-rikorrent komplew id-diskussjoni tagħhom għal kważi siegħa, bir-rikorrent ikompli jipprotesta li kien innoċenti u jitlob aċċess għar-rapport tal-OLAF, filwaqt li l-President Barroso baqa’ jwieġbu li ma kellux id-dritt jikkomunikahulu. Ir-rikorrent sostna fit-tul ukoll, mal-President Barroso, kemm din is-sitwazzjoni kienet ta’ ħsara għalih u għall-familja tiegħu, u li kellu bżonn ta’ iktar ħin, minn tal-inqas 24 siegħa, sabiex ikun jista’ jikkonsulta avukat dwar dawn il-kwistjonijiet, ħin iżda dan li ġie rrifjutat mill-President Barroso, li ma kienx lest li jagħtih iktar minn nofs siegħa.

101    Fi tmiem din id-diskussjoni, ir-rikorrent indika lill-President Barroso li kien qiegħed jagħżel li jirriżenja. Il-President Barroso enfasizza, meta deher bħala xhud, li din l-affermazzjoni saret fil-preżent (“jiena nirriżenja”) u mhux fil-futur (“jiena ser nirriżenja”).

102    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma hijiex konvinta mix-xhieda mogħtija mir-rikorrent fis-sens li, fid-dawl tal-“fastidju” li għalih kien issuġġettat, huwa kien sempliċement qal lill-President Barroso li “jidher fil-fatt li għandi nitlaq” jew li kien “qal li kien ser jitlaq”, li permezz tagħha r-rikorrent jixtieq jagħti x’jifhem li huwa f’dak l-istadju ma kienx diġà ppreżenta effettivament ir-riżenja tiegħu.

103    L-effett ta’ tali dikjarazzjonijiet dilatorji kien ikun effettivament inkompatibbli mal-uniċi tliet riżultati possibbli tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012 previsti mill-President Barroso (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), li kollha kienu jeħtieġu trattament imħaffef u deċiżiv (ara l-punt 83 iktar ’il fuq), b’tali mod li jista’ raġonevolment jiġi eskluż li l-President Barroso kien ser ikun issodisfatt b’tali dikjarazzjonijiet.

104    Fuq kollox, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi mistħarreġ għalfejn ir-rikorrent qies opportun li jressaq din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat li r-rikorrent kompla jagħti x-xhieda tiegħu b’dan il-mod:

“Jiena ġej minn sistema, jiena kont ministru fil-kabinett Malti għal diversi snin – għal iktar minn 15-il sena; [jiena] ġej minn sistema fejn, jekk il-Prim Ministru jgħidlek li għandek titlaq, anki jekk b’sempliċi sms, inti titlaq. Dak li rrid ngħid huwa li din hija s-sistema, inti ma tgħidx ‘le, ser immur quddiem il-qorti’; dak li rrid ngħid huwa li din hija s-sistema li jiena mdorri biha. U għalhekk din kienet is-sitwazzjoni li sibt ruħi fiha f’dak il-ħin.”

105    Bl-istess mod, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent stqarr: “Kif jista’ politikant jibqa’ fejn ma jkunx mixtieq?”.

106    Dawn ir-riflessjonijiet spontanji ftit jidhru kompatibbli mal-verżjoni, sostnuta bnadi oħra mir-rikorrent, ta’ sempliċi stqarrija ta’ riżenja futura, jew ta’ riżenja li kienet biss ippjanata.

107    Madwar it-tlieta ta’ wara nofsinhar, il-President Barroso stieden lil J. Laitenberger u lil L. Romero Requena fl-uffiċċju tiegħu sabiex jieħdu nota tal-konklużjonijiet tal-laqgħa u sabiex jiżguraw il-passi sussegwenti meħtieġa, b’mod partikolari l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa dwar ir-riżenja tar-rikorrent u t-teħid tal-membri tal-persunal tal-uffiċċju tar-rikorrent taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

108    Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ din it-tieni parti tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, kif relatata mix-xhieda, għandu essenzjalment jiġi kkonstatat li:

–        il-President Barroso spjega lil J. Laitenberger u lil L. Romero Requena, fil-preżenza tar-rikorrent, li dan kien iddeċieda li jirriżenja, filwaqt li kien qiegħed jikkontesta l-allegazzjonijiet tal-OLAF;

–        ir-rikorrent kompla jipprotesta bis-saħħa li kien innoċenti kif ukoll kontra t-trattament li kien qiegħed jiġi suġġett għalih, fejn qal saħansitra li kien qiegħed jiġi “llinċjat”, u fuq kollox talab li jingħata iktar ħin qabel ma r-riżenja tiegħu titħabbar pubblikament; f’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija mill-avukati tar-rikorrent, ix-xhud L. Romero Requena speċifika li, filwaqt li kien qiegħed jipprotesta bis-saħħa li kien innoċenti, ir-rikorrent aċċetta r-realtà politika tar-riżenja tiegħu;

–        il-President Barroso qies li ma setax jiddifferixxi l-konklużjoni ta’ din il-kwistjoni, peress li r-riżenja tar-rikorrent kienet deċiżjoni politika u istituzzjonali, l-awtoritajiet Maltin u l-Presidenti tal-istituzzjonijiet l-oħra kellhom jiġu informati u stqarrija għall-istampa kellha tiġi ppubblikata sa mhux iktar tard mill-waranofsinhar ta’ dakinhar;

–        fid-dawl tal-insistenza mir-rikorrent li jingħata iktar ħin qabel ir-riżenja tiegħu titħabbar pubblikament, il-President Barroso xtaq jikseb kjarifika dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrent kienx qiegħed jikkonferma r-riżenja jew jekk kienx jaħseb li seta’ jibqa’ fl-inkarigu tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni; ir-rikorrent wieġeb li le u kkonferma r-riżenja tiegħu, filwaqt li baqa’ jitlob iktar ħin;

–        il-President Barroso kkonkluda li l-kwistjoni ma setgħetx tinfetaħ mill-ġdid; huwa xtaq jagħti iktar ħin lir-rikorrent iżda ma setax jagħmel dan u qies li r-riżenja kienet ingħatatlu;

–        il-President Barroso qara lir-rikorrent l-abbozz tal-istqarrija għall-istampa li tħabbar ir-riżenja tar-rikorrent, fil-preżenza ta’ żewġ xhieda; ir-rikorrent ma għamel ebda oġġezzjoni; il-President Barroso madankollu żied b’idejh is-sentenza “J. Dalli jiċħad kategorikament dawn il-konklużjonijiet”;

–        lejn l-aħħar tal-laqgħa, il-konverżazzjoni ffokat fuq il-passi sussegwenti meħtieġa u fuq l-aspetti prattiċi tar-riżenja tar-rikorrent; dan tal-aħħar talab u kiseb informazzjoni dwar il-proċedura sabiex jinstab sostitut tiegħu bħala Membru tal-Kulleġġ u dwar is-sitwazzjoni amministrattiva tal-persunal fl-uffiċċju tiegħu.

109    Matul din it-tieni parti tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent staqsa jekk kellux jikteb ittra ta’ riżenja. Il-President Barroso wieġbu li ma kellux għalfejn iżda seta’ jikteb tali ittra jekk xtaq jagħmel hekk, u l-President Barroso u r-rikorrent qablu li jitolbu lil L. Romero Requena jipprepara abbozz ta’ ittra li tispjega r-raġunijiet għar-riżenja tiegħu. Il-President Barroso speċifika li b’hekk xtaq jagħti lir-rikorrent l-opportunità li jressaq argumenti għad-difiża tiegħu li ma setgħux jiġu inklużi fl-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni.

110    F’dan ir-rigward, u għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 103 sa 106 iktar ’il fuq, bi tweġiba għat-teżi deskritta fil-punt 102 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent ma huwiex kredibbli meta jsostni, fix-xhieda tiegħu, li huwa ddikjara, fil-preżenza ta’ J. Laitenberger u ta’ L. Romero Requena, li “kien ser jitlaq” jew li “ser jitlaq”, iżda biss bil-kundizzjoni li r-riżenja tiegħu tkun bil-miktub. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija mill-avukati tar-rikorrent, ix-xhud L. Romero Requena spjega li huwa f’ebda mument ma qies l-ittra ta’ riżenja bħala formalità indispensabbli għar-riżenja tar-rikorrent. L-għan ta’ din l-ittra kien biss li tippermetti lir-rikorrent jispjega pubblikament, bil-miktub, ir-raġunijiet għar-riżenja tiegħu. Bl-istess mod, matul l-eżami tiegħu bħala xhud, J. Laitenberger ikkonkluda l-espożizzjoni tiegħu tal-fatti billi indika li għalih kien ċar, fid-dawl tal-konverżazzjoni bejn il-President Barroso u r-rikorrent fil-preżenza tiegħu, li dan tal-aħħar kien għażel li jirriżenja minn rajh, minflok ma jkun imġiegħel li jirriżenja, u li l-ittra ta’ riżenja tar-rikorrent kellha tkun biss konferma ta’ deċiżjoni diġà meħuda u effettiva.

111    Il-laqgħa ntemmet u r-rikorrent ħareġ mill-uffiċċju tal-President Barroso bejn wieħed u ieħor fit-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar.

112    Immedjatament wara l-President Barroso tkellem bit-telefon mal-Prim Ministru Malti, L. Gonzi, li miegħu ftiehem li kellu jinbeda l-proċess sabiex jinstab sostitut għar-rikorrent.

113    Madwar l-erbgħa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, ir-rikorrent mar lura fl-uffiċċju tiegħu u talab lis-segretarja tiegħu ssejjaħ lill-persunal tal-uffiċċju għal konferenza. J. Darmanin staqsietu x’kienet ir-raġuni għal din il-laqgħa u r-rikorrent, skont dak li tiftakar J. Darmanin, wieġeb b’dan il-mod:

“Għandna problema, għandna problema kbira – Għandi bżonn inċempel lill-mara u ngħidilha. Irrid nitlaq, irrid nara dwar l-allowances tiegħi. X’inhuma d-drittijiet tiegħi? Għandi dritt għal pensjoni?”.

114    Wara dan ir-rikorrent ċempel lill-konjuġi tiegħu u J. Darmanin ħarġet mill-kamra.

115    Ir-rikorrent ċempel ukoll lill-Prim Ministru Malti, li kien diġà ċempillu fl-assenza tiegħu. Skont ir-rikorrent, din il-konverżazzjoni telefonika damet minuta u L. Gonzi kien sempliċement qallu: “Isma’, ċempilli Barroso u qalli li, li inti ma għadekx iktar Kummissarju u li ser ikollna nfittxu lil xi ħadd ieħor”. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija li saritlu meta deher personalment, ir-rikorrent enfasizza li huwa kien spjega lil L. Gonzi li l-President Barroso “[kien] temm” il-mandat tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni. Dawn il-kummenti, magħmula b’dawn il-kliem, huma madankollu kkontradetti mid-dikjarazzjoni magħmula minn L. Gonzi quddiem il-Parlament Malti dakinhar stess filgħaxija (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

116    Bejn l-erbgħa u l-erbgħa u kwart ta’ wara nofsinhar, il-membri tal-persunal tal-uffiċċju tar-rikorrent issejħu fis-sala tal-konferenzi. Ir-rikorrent informahom li kellu laqgħa mal-President Barroso, li kien informah bil-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF dwar ċerti kuntatti li huwa allegatament kellu mal-industrija tat-tabakk. Huwa ddikjara, b’mod partikolari, li, fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar, il-President Barroso kien ser iħabbar it-tluq tiegħu mill-Kummissjoni u li huwa f’dak l-istadju kien ser jitlaq mill-Kummissjoni, kien ser imur lura Malta u kien ser jiddefendi l-każ tiegħu.

117    Matul l-eżami tagħha bħala xhud, J. Darmanin sostniet u rrepetiet li, filwaqt li ma kinitx tiftakar il-kliem eżatt użat mir-rikorrent waqt il-laqgħa mal-persunal tal-uffiċċju tiegħu, għaliha kien ċar li r-rikorrent ma kienx ser jibqa’ iktar Membru tal-Kummissjoni wara l-ħamsa ta’ wara nofsinhar. Bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, hija żiedet li ma kinitx f’pożizzjoni fejn setgħet tiddikjara taħt ġurament li r-rikorrent kien qal “irriżenjajt”, iżda hija lanqas ma kienet tiftakar li kien qal xi ħaġa fis-sens oppost.

118    Bejn l-erbgħa u għoxrin u l-ħamsa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, L. Romero Requena għadda sal-uffiċċju tar-rikorrent sabiex jippreżentalu l-abbozz ta’ ittra ta’ riżenja li kien għadu kemm ipprepara bl-għajnuna tal-assistenta tiegħu. L. Romero Requena sab lir-rikorrent fl-uffiċċju tiegħu flimkien ma’ persuna oħra li ma jafx min hi. Ir-rikorrent ma ffirmax l-abbozz tal-ittra inkwistjoni iżda wieġeb li kien “ser jieħu ħsiebha”. L. Romero Requena telaq mill-ewwel mill-uffiċċju.

119    L-abbozz ta’ ittra inkwistjoni (Anness A.12 mar-rikors) ġie redatt bil-mod segwenti u jinkludi t-test imħassar segwenti, liema tħassir huwa paċifiku li sar bl-idejn mir-rikorrent, wara li dan l-abbozz kien ġie ppreżentat lilu:

“Sur President,

Permezz ta’ din l-ittra nixtieq ninformak dwar id-deċiżjoni tiegħi li nirriżenja mill-pożizzjoni tiegħi ta’ Membru tal-Kummissjoni Ewropea b’effett immedjat.

Jiena ħadt din id-deċiżjoni kemm fl-interess li niddefendi r-reputazzjoni tajba tiegħi stess u kemm fl-interess li nevita kull ħsara għall-Unjoni Ewropea u għall-Kummissjoni matul il-ġimgħat li ġejjin.

Jiena nikkontesta bil-qawwa kollha l-allegazzjonijiet. Jiena konvint li xejn ma huwa ser iwassal għal konstatazzjoni ta’ ksur tal-liġi min-naħa tiegħi. Jiena għalhekk qiegħed nippjana li nuża r-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tiegħi sabiex nipproteġi r-reputazzjoni tiegħi u l-interessi tiegħi kontra dawn l-allegazzjonijiet. Madankollu, dan mhux biss ser jieħu ż-żmien iżda, fuq kollox, ser jeħtieġ li nkun ħieles mir-responsabbilitajiet politiċi attwali tiegħi bħala Membru tal-Kummissjoni Ewropea. Jekk inkun għadni f’din il-pożizzjoni, mhux ser inkun nista’ niddefendi l-każ tiegħi b’mod daqstant bʼsaħħtu kemm inqis li huwa neċessarju. Fl-istess ħin, nirrikonoxxi li jkun inevittabbilment dannuż għall-immaġni tal-istituzzjoni jekk wieħed mill-Membri effettivi tagħha jkun implikat f’tilwima legali dwar allegazzjonijiet li jirrigwardaw l-aġir personali tiegħu. B’mod iktar importanti, jiena ser inħossni inkapaċi li niddedika l-enerġija kollha tiegħi għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħi bħala Kummissarju [...] jekk fl-istess ħin inkun qiegħed niddefendi lili nnifsi minn tali allegazzjonijiet.

Madankollu, niżgurak li d-determinazzjoni tiegħi li niddefendi r-reputazzjoni tajba tiegħi minn dawn l-allegazzjonijiet fl-ebda mument ma ser tfixxkilni milli nosserva l-obbligi legali tiegħi, bħala ex Kummissarju, li naġixxi b’integrità u b’diskrezzjoni.”

120    Fil-ħamsa neqsin għaxra ta’ wara nofsinhar, C. Day ċemplet lil J. Darmanin sabiex tissuġġerixxi li tiġi organizzata laqgħa għall-persunal tal-uffiċċju tar-rikorrent, magħha stess u ma’ J. Laitenberger. Din il-laqgħa nżammet bejn il-ħamsa u nofs u s-sitta neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, fit-tlettax-il sular tal-bini Berlaymont. Il-persunal tal-uffiċċju tar-rikorrent, b’mod partikolari, ġie informat li l-Viċi President tal-Kummissjoni, M. Ševčovič, kien ser jassumi r-responsabbiltà għad-Direttorat Ġenerali “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” sakemm jinħatar Membru ġdid tal-Kummissjoni li jissostitwixxi lir-rikorrent.

121    Fil-ħamsa u ħdax-il minuta ta’ wara nofsinhar, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni dwar ir-riżenja tar-rikorrent inħarġet pubblikament. Ir-rikorrent jammetti li kien sar jaf b’din l-istqarrija.

122    Lejn is-sitta ta’ wara nofsinhar, il-persuna li kienet titkellem f’isem ir-rikorrent, F. Vincent, intalab imur jiltaqa’ mar-rikorrent fl-uffiċċju tiegħu. Ir-rikorrent staqsih jekk setgħetx tinħareġ stqarrija għall-istampa fejn jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu bi tweġiba għall-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni. F. Vincent wieġbu li dan ma kienx għadu possibbli peress li r-riżenja tiegħu kienet saret uffiċjali u peress li għalhekk ma setax jibqa’ juża d-dipartimenti ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rikorrent deher li kien inkwetat ħafna minħabba dan. F’dan il-mument, J. Darmanin, li mill-uffiċċju tagħha semgħet vuċijiet aġitati fl-uffiċċju ta’ ħdejn tagħha, sabet f’dan l-uffiċċju lir-rikorrent f’argument ma’ F. Vincent. Hija kkonfermat lir-rikorrent li l-pubblikazzjoni ta’ stqarrija għall-istampa f’ismu ma kinitx għadha possibbli peress li mill-ħamsa ta’ wara nofsinhar ma kienx għadu Membru tal-Kummissjoni u peress li l-persuna li tirrappreżenta l-istituzzjoni kienet il-President tagħha, li kien diġà ppubblika l-istqarrija għall-istampa tiegħu.

123    Iktar tard dakinhar filgħaxija, ir-rikorrent ippubblika l-istqarrija għall-istampa tiegħu. Din l-istqarrija għall-istampa ma ssemmi ebda riżenja min-naħa tiegħu, iżda fl-istess ħin lanqas ma tikkontesta l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni. Essenzjalment, din l-istqarrija għall-istampa sempliċement tiċħad l-allegazzjonijiet kollha tal-OLAF.

124    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet, evalwazzjonijiet u kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent ippreżenta verbalment ir-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Kummissjoni matul il-laqgħa li seħħet mal-President Barroso fil-waranofsinhar tas-16 ta’ Ottubru 2012, fl-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar, u li huwa kkonferma verbalment din ir-riżenja fil-preżenza ta’ J. Laitenberger u ta’ L. Romero Requena.

125    Din il-konklużjoni, stabbilita prinċipalment fuq il-bażi tad-depożizzjonijiet mogħtija mix-xhieda, ikkonfermati fejn huwa l-każ mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent matul id-dehra personali tiegħu fis-seduta, hija kkorroborata, b’mod partikolari:

–        mid-dikjarazzjoni magħmula fil-Parlament Malti, fis-16 ta’ Ottubru 2012 filgħaxija, mill-Prim Ministru Malti, wara li tkellem bit-telefon mar-rikorrent (ara l-punt 17 iktar ’il fuq);

–        mill-intervista mogħtija mir-rikorrent lil stazzjon tar-radju Malti, fis-16 ta’ Ottubru 2012 filgħaxija (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), li matulha r-rikorrent għażel li jippreżenta t-tluq tiegħu mill-Kummissjoni bħala għażla politika volontarja;

–        mill-assenza ta’ konfutazzjoni mir-rikorrent tal-istqarrija għall-istampa ppubblikata mill-Kummissjoni madwar il-ħamsa ta’ wara nofsinhar fis-16 ta’ Ottubru 2012, li tagħha madankollu kellu għarfien u li kienet tirreferi għar-riżenja tiegħu;

–        mill-assenza ta’ dikjarazzjoni uffiċjali mir-rikorrent, b’mod partikolari fl-istqarrija għall-istampa tiegħu ppubblikata fis-16 ta’ Ottubru 2012 filgħaxija, li biha jikkontesta r-riżenja tiegħu mħabbra mill-Kummissjoni;

–        min-natura limitata tal-kummenti bl-idejn inklużi mir-rikorrent fl-abbozz ta’ ittra ta’ riżenja li ppreżentalu L. Romero Requena (ara l-punt 119 iktar ’il fuq);

–        min-nota għall-fajl ta’ L. Romero Requena tat-18 ta’ Ottubru 2012 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), miktuba qabel l-ewwel kontestazzjoni tal-fatt jew tal-legalità tar-riżenja tiegħu mir-rikorrent (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), jiġifieri in tempore non suspecto.

 Id-dritt

126    Mill-konstatazzjonijiet fattwali preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrent ippreżenta verbalment ir-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Kummissjoni matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012 u li kkonferma verbalment din ir-riżenja fil-preżenza ta’ J. Laitenberger u ta’ L. Romero Requena, wara din il-laqgħa.

127    Fid-dawl tal-motivi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors, il-Qorti Ġenerali hija meħtieġa tevalwa fid-dritt jekk din ir-riżenja għandhiex titqies li hija volontarja jew jekk ir-rikorrent kienx obbligat li jressaq ir-riżenja tiegħu wara talba għal riżenja allegatament magħmula mill-President Barroso fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE, f’liema każ din it-talba tkun tikkostitwixxi l-att li jista’ jiġi kkontestat f’din il-kawża.

128    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 17(6) TUE la jissuġġetta lit-talba tal-President tal-Kummissjoni u lanqas lill-preżentazzjoni ta’ riżenja li għandha twassal għaliha din it-talba għal xi kundizzjoni formali partikolari, b’mod partikolari għall-kundizzjoni li jsiru bil-miktub. Tali formalità barra minn hekk lanqas ma tidher li hija meħtieġa mill-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li l-oneru tal-prova ta’ riżenja jaqa’, fi kwalunwe każ, fuq il-parti li tkun qiegħda tinvoka tali riżenja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, ĠabraSP, EU:T:2001:69, punti 287 u 290). Dan jgħodd ukoll, barra minn hekk, għall-każ ta’ riżenja volontarja ta’ Membru tal-Kummissjoni.

129    Għaldaqstant, għandu qabel kollox jiġi miċħud il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq ksur tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-imsemmi prinċipju ġenerali tad-dritt minħabba li r-rikorrent ma ppreżentax ir-riżenja tiegħu bil-miktub.

130    B’dan premess, ir-rikorrent essenzjalment isostni li, billi indikalu espliċitament l-intenzjoni tiegħu li juża l-poter tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 17(6) TUE li jitlob ir-riżenja tiegħu, il-President Barroso ħa deċiżjoni verbali li tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn din id-deċiżjoni verbali tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tiegħu.

131    B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-President Barroso stieden lir-rikorrent jirriżenja, filwaqt li indikalu li kien ikun iktar onorabbli għalih li jirriżenja minn rajh milli li jiġi mistieden jirriżenja, jikkostitwixxi de facto u de jure l-espressjoni stess tal-poter li għandu l-President tal-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 17(6) TUE, li jitlob ir-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni. L-“istedina” magħmula lir-rikorrent sabiex “jirriżenja volontarjament” u t-“theddida” li, fil-każ li jirrifjuta li jirriżenja, il-President Barroso kien ser “jitolbu jirriżenja”, jikkostitwixxu fil-verità l-istess att wieħed, espress b’żewġ modi differenti u fformulat bi kliem differenti.

132    Sabiex jiġi evalwat jekk il-kliem effettivament użat mill-President Barroso matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012 jikkostitwixxix, kif isostni r-rikorrent, “talba” verbali għar-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, in-natura kif ukoll il-kontenut tal-funzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-oriġini kif ukoll ir-ratio legis tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

133    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura tal-funzjonijiet inkwistjoni, dawn jaqgħu taħt mandat ta’ natura essenzjalment politiku [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 17(1), (3) u (8)  TUE], mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-persuna kkonċernata, bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament [ara l-Artikolu 17(7) TUE]. Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn il-funzjonijiet, kif iddefinit fl-Artikolu 17(1) TUE, dan jinkludi essenzjalment funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, ta’ eżekuzzjoni, ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni mit-Trattati.

134    Sa fejn il-Kummissjoni tista’ titqies, kif tiddefinixxi lilha nnifisha hija stess, li hija l-“organu eżekuttiv” prinċipali tal-ordinament ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali kkostitwit mill-Unjoni (fis-sens tas-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, Ġabra, EU:C:1963:1), il-Membri tagħha b’hekk jeżerċitaw, bħala kulleġġ, funzjonijiet li, skont it-teorija klassika tas-separazzjoni tal-poteri, jaqgħu taħt il-poter eżekuttiv.

135    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, skont it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, il-persuni li jeżerċitaw tali funzjonijiet fl-eżekuttivi nazzjonali jistgħu ġeneralment jitneħħew mill-kariga tagħhom b’mod diskrezzjonali mill-kap tal-eżekuttiv jew mill-awtorità li tkun ħatrithom. F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrent stess meta deher personalment, kif irriprodotti fil-punt 104 iktar ’il fuq, dwar l-użanzi politiċi mħaddna fʼMalta.

136    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-oriġini u tar-ratio legis tal-Artikolu 17(6) TUE, għandu jitfakkar li, ħlief għal sostituzzjoni regolari u għal każijiet ta’ mewt, it-Trattati inizjalment ma kienu jipprevedu ebda possibbiltà oħra ta’ riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni għajr riżenja volontarja (Artikolu 215 KE) jew riżenja mhux volontarja fuq deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas gravi (Artikolu 216 KE).

137    Ħlief għal dawn iċ-ċirkustanzi partikolari li setgħu jagħtu lok għal proċedura li twassal għal riżenja mhux volontarja fuq deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienet teżisti għalhekk ebda possibbiltà għall-Kummissjoni, bħala kulleġġ, jew għall-President tagħha, bħala l-kap ta’ dan il-kulleġġ, li jġiegħlu lil wieħed mill-Membri tagħha jirriżenja meta jkun jidher li l-kuntest jew iċ-ċirkustanzi politiċi tal-mument jeħtieġu tali riżenja fl-interess stess tal-istituzzjoni.

138    Kif ġie osservat fil-punt 135 iktar ’il fuq, din is-sitwazzjoni ma kinitx konformi mal-użanzi politiċi tradizzjonalment imħaddna fi ħdan l-eżekuttivi nazzjonali.

139    Kif enfasizzat il-Kummissjoni matul din il-proċedura, din is-sitwazzjoni kienet barra minn hekk wasslet għar-riżenja kollettiva tal-Kummissjoni ppresjeduta minn Jacques Santer, fil-15 ta’ Marzu 1999, b’konsegwenza tar-rifjut minn żewġ Membri tagħha li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom fil-kuntest tat-theddida ta’ vot għal mozzjoni ta’ ċensura tal-Kummissjoni, bħala kulleġġ, mill-Parlament.

140    Sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ tali każijiet ta’ riżenja kollettiva, li jistgħu jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Komunitarji jew li jagħmlu ħsara lill-kredibbiltà politika tagħhom, l-awturi tat-Trattat ta’ Nizza, iffirmat fis-26 ta’ Frar 2001, taw għalhekk lill-President tal-Kummissjoni s-setgħa diskrezzjonali li jeżiġi r-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni jekk ikollu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-kulleġġ. L-Artikolu 217(4) KE, fil-verżjoni tiegħu kif irriżultat mit-Trattat ta’ Nizza, jipprovdi għalhekk li “Membru tal-Kummissjoni għandu jirriżenja jekk il-President, wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kulleġġ jitolbu jagħmel hekk”.

141    L-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007, saħħew din il-prerogattiva tal-President tal-Kummissjoni billi tawh is-setgħa diskrezzjonali li jitlob ir-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(6) TUE, mingħajr ma għadu meħtieġ li jkollu, għal dan il-għan, l-approvazzjoni minn qabel tal-maġġoranza tal-kulleġġ.

142    Kif jirriżulta mill-oriġini u mir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni, din tirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eventwalità fejn Membru tal-Kummissjoni jkun qiegħed jirrifjuta li jirriżenja volontarjament u minn rajh, f’ċirkustanzi fejn il-President tal-Kummissjoni jkun tilef il-fiduċja tiegħu fih jew iqis li t-tkomplija tiegħu fil-funzjonijiet tiegħu tista’ tippreġudika l-kredibbiltà, jekk mhux ukoll is-sopravivenza politika, tal-istituzzjoni.

143    F’dan il-każ, il-pass meħud mill-President Barroso, jiġifieri li, sa minn qabel il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, ħalla lir-rikorrent l-għażla bejn riżenja volontarja u riżenja “ipprovokata” mill-formulazzjoni ta’ talba fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE jsegwi r-raġunament ta’ dan l-oriġini u josserva kompletament l-imsemmija ratio legis. Dan il-pass immanifesta ruħu, b’mod partikolari, permezz tal-preparazzjoni ta’ żewġ abbozzi ta’ stqarrijiet għall-istampa fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ eventwalitajiet (ara l-punt 92 iktar ’il fuq).

144    Barra minn hekk, mill-istruttorja tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, jirriżulta li, sa minn stadju bikri tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, il-President Barroso kien konvint, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent ma pprovdiex spjegazzjonijiet kompleti u sodisfaċenti bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-OLAF, li r-rikorrent kellu jitlaq mill-Kummissjoni, u li l-President Barroso kien iddeterminat li juża, għal dan il-għan, il-poter tiegħu taħt l-Artikolu 17(6) TUE li jitlob lir-rikorrent jirriżenja. Fl-istess ħin, il-President Barroso baqa’ lest li, fl-interess stess tar-rikorrent, jagħmel lil dan tal-aħħar dak li fil-fehma tal-President Barroso kien il-“favur politiku” li r-rikorrent ikun jista’ jippreżenta r-riżenja tiegħu b’mod volontarju, mingħajr talba formali min-naħa tal-President Barroso taħt l-Artikolu 17(6) TUE.

145    Għaldaqstant, il-President Barroso ssuġġerixxa lir-rikorrent li jirriżenja volontarjament, filwaqt li tah b’mod ċar x’jifhem li, jekk ir-rikorrent ma jirriżenjax volontarjament, huwa kien ser jitolbu jagħmel dan skont l-Artikolu 17(6) TUE. Il-President Barroso, li nstema’ bħala xhud, ikkonferma li, li kieku r-rikorrent ma rriżenjax volontarjament, huwa kien “ċertament” ser jitolbu jagħmel dan skont l-Artikolu 17(6) TUE. Barra minn hekk, l-għażla mogħtija lir-rikorrent kienet interpretata b’mod suġġettiv minn dan tal-aħħar bħala li tfisser: “jiena għandi l-poter inkeċċik; imma inti tista’ tirriżenja”.

146    F’dan il-kuntest, il-fatt li l-President Barroso sostna mar-rikorrent, b’mod dejjem iktar insistenti fid-dawl tar-retiċenza u tal-eżitazzjoni min-naħa tar-rikorrent, li kien ikun iktar onorabbli għalih li jirriżenja minn rajh milli jekk jiġi mistieden jagħmel hekk, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-allegata deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, sakemm ma ġietx ifformulata b’mod ċar talba għal riżenja skont l-Artikolu 17(6) TUE, mill-kummenti tal-President Barroso, kienu kemm kienu insistenti, ma tirriżulta ebda talba f’dan is-sens li setgħet affettwat l-interessi tar-rikorrent billi bidlet, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu.

147    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent fis-sens li kien hemm “pressjoni” min-naħa tal-President Barroso u li, meta eżerċita din il-“pressjoni”, dan tal-aħħar kien allegatament eżerċita l-poteri tiegħu taħt l-Artikolu 17(6) TUE, il-Qorti Ġenerali tqis li dan l-argument huwa infondat sa fejn is-sempliċi riferiment għall-possibbiltà li jintuża poter ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għall-użu effettiv ta’ dan il-poter. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament osservat li, għalkemm ma kienx hemm differenza kbira mill-aspett tal-eżitu finali bejn iż-żewġ għażliet mogħtija lir-rikorrent, kien hemm differenza kunsiderevoli fuq il-livell politiku u, fuq kollox, fuq il-livell legali, bejn, minn naħa, riżenja magħmula b’għażla intenzjonata u unilaterali u, min-naħa l-oħra, riżenja b’konsegwenza tal-formulazzjoni ta’ talba taħt l-Artikolu 17(6) TUE, u li barra minn hekk tidher iktar bħala tkeċċija. Meta kellu quddiemu din l-alternattiva, ir-rikorrent għażel, minn tal-inqas inizjalment, li juża l-possibbiltà mogħtija lilu li jirriżenja volontarjament, possibbiltà li kienet tagħtih il-vantaġġ li ma jiġix ipperċepit mill-pubbliku bħala li kien imġiegħel jirriżenja minħabba t-talba tal-President Barroso.

148    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hijiex kredibbli l-allegazzjoni tar-rikorrent fis-sens li ma kienx qiegħed jara differenza bejn iż-żewġ varjanti tal-alternattiva li kienet proposta lilu. Għall-kuntrarju, għar-rikorrent, politikant ta’ esperjenza, kellu jkun ċar li hemm differenza importanti bejn riżenja volontarja u riżenja imposta bis-saħħa ta’ proċedura formali u vinkolanti.

149    L-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt preċedenti huma kkonfermati mill-annotazzjonijiet bl-idejn magħmula mir-rikorrent fuq l-abbozz ta’ ittra ta’ riżenja li huwa rċieva direttament minn L. Romero Requena, iżda li huwa ma ffirmax, wara l-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012 (ara l-punt 119 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent ma huwiex kredibbli meta jsostni, fix-xhieda tiegħu, li huwa ma ffirmax l-imsemmi abbozz ta’ ittra ta’ riżenja minħabba li dan l-abbozz kien jagħti x’jifhem li huwa kien irriżenja b’mod volontarju. Fil-fatt, it-test imħassar bl-idejn mir-rikorrent f’dan l-abbozz ma jikkonċernax il-fatt stess tar-riżenja tiegħu, u lanqas l-insistenza fuq in-natura volontarja ta’ din ir-riżenja, iżda jikkonċerna dettalji ta’ importanza żgħira f’dan il-kuntest. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa raġonevoli li jiġi preżunt li, li kienu n-nuqqas ta’ ftehim kien iktar sostanzjali u kien jikkonċerna l-fatt stess jew il-kundizzjonijiet essenzjali tar-riżenja, ir-rikorrent ma kienx ser ikun kuntent billi jagħmel, b’idejh, tali bidliet minuri f’dan l-abbozz iżda jew kien jirrifjutah mill-ewwel, filwaqt li jirrifjuta li jagħmel annotazzjonijiet, jew kien iħassar il-partijiet prinċipali.

150    Barra minn hekk, dawn l-evalwazzjonijiet huma kkonfermati mid-dikjarazzjoni magħmula mill-Prim Ministru Malti, L. Gonzi, quddiem il-Parlament Malti, fis-16 ta’ Ottubru 2012, wara l-konverżazzjoni bit-telefon li kellu mar-rikorrent (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

151    Fl-aħħar nett, dawn l-evalwazzjonijiet huma kkorroborati wkoll mill-kummenti magħmula mir-rikorrent waqt l-intervista radjufonika li huwa kellu fis-16 ta’ Ottubru 2012 filgħaxija (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Il-Qorti Ġenerali tosserva, b’mod partikolari, li r-rikorrent irrifjuta li jwieġeb b’mod ċar lill-ġurnalist meta dan issuġġerixxa li l-President Barroso kien ġiegħlu jirriżenja.

152    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrent ippreżenta r-riżenja tiegħu b’mod volontarju u mingħajr ma din ir-riżenja ma kienet is-suġġett ta’ talba mill-President Barroso fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE.

153    Peress li l-eżistenza ta’ din it-talba, li tikkostitwixxi l-att ikkontestat permezz ta’ din it-talba għal annullament, ma ġietx stabbilita, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, inkonformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq.

154    Madankollu, b’mod sussidjarju, ir-rikorrent isostni wkoll li, fil-każ li r-riżenja tiegħu tiġi kkonstatata, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat ukoll li din inkisbet bl-użu tat-theddida ta’ tneħħija u għalhekk taħt pressjoni insopportabbli, b’tali mod li jkun jista’ jiġi konkluż li l-kunsens tiegħu kien ivvizzjat. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2012, il-President Barroso kien insista kontinwament fuq il-fatt li kellu d-dritt ikeċċi lir-rikorrent, u kien uża diversi drabi l-kliem “tneħħija” jew “tkeċċija” (bl-Ingliż, “dismissal”). Ir-rikorrent jargumenta li fil-verità huwa ma kellu ebda għażla oħra għajr li jobdi l-ordni li kien qiegħed jagħmillu l-President Barroso. Tali difett ta’ kunsens iwassal sabiex ir-riżenja tiegħu tkun nulla u daqslikieku qatt ma saret.

155    Bħala prinċipju, tali argument ma jistax jiġi invokat insostenn tat-talba għal annullament ineżami, li la hija indirizzata kontra d-deċiżjoni tar-rikorrent stess li jirriżenja, li barra minn hekk ma hijiex imputabbli lill-Kummissjoni, u lanqas kontra xi att ieħor tal-Kummissjoni li għandu n-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju.

156    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-rikorrent jista’ jikkontesta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-legalità tar-riżenja tiegħu minħabba li kienet ivvizzjata minn difett ta’ kunsens, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eżistenza ta’ tali difett ma ġietx stabbilita.

157    F’dan il-kuntest, u fir-rigward tat-terminazzjoni ta’ mandat ta’ natura essenzjalment politika, kif ġie espost fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li l-espressjoni ta’ intenzjoni konvinta li fil-każ ta’ bżonn jiġi eżerċitat il-poter li tintalab ir-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni, mogħti b’mod diskrezzjonali lill-President tal-Kummissjoni mit-Trattat UE, ma tistax titqies li hija pressjoni illegali li taffettwa l-validità jew in-natura volontarja tar-riżenja tal-persuna kkonċernata.

158    Barra minn hekk, bl-esperjenza politika twila tiegħu fil-livell governattiv, matul laqgħa li damet madwar siegħa u nofs, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni fejn seta’ jirrifjuta b’mod liberu l-proposta magħmula mill-President Barroso u jisfidah jagħmillu formalment talba skont l-Artikolu 17(6) TUE. B’mod partikolari, ir-rikorrent kien liberu li jitlaq mil-laqgħa f’kull ħin, jew li jitlob il-parteċipazzjoni ta’ membru jew iktar mill-uffiċċju tiegħu għal din il-laqgħa.

159    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal annullament għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għad-danni

160    Insostenn tat-talba għad-danni tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-illegalitajiet allegati fil-kuntest tat-talba għal annullament jikkostitwixxu ksur sinjifikattiv ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi.

161    Issa, peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-eżistenza tal-atti tal-Kummissjoni kkontestati fil-kuntest tal-imsemmija talba għal annullament ma ġietx stabbilita, ebda illegalità f’dan il-kuntest u, iktar u iktar, ebda ksur sinjifikattiv ta’ dispożizzjoni legali ma jistgħu jiġi kkonstatati f’dan il-kuntest fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni.

162    Fir-rigward tad-difett ta’ kunsens allegat, sussidjarjament, fil-kuntest tat-talba għal annullament (ara l-punt 154 iktar ’il quddiem), il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-eżistenza tiegħu ma ġietx stabbilita.

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tal-Kummissjoni jew min-naħa tal-President tagħha ma humiex stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

164    Għaldaqstant, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

165    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      John Dalli huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Jaeger

Papasavvas

Forwood

Labucka

 

      Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2015. 

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.