Language of document : ECLI:EU:T:2015:187

Kawża T‑563/12

Central Bank of Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għar-reputazzjoni – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal‑25 ta’ Marzu 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens – Identiċità tal-partijiet, tas-suġġett u tal-motivi taż-żewġ rikorsi – Talbiet identiċi għal dawk ta’ rikors sussegwenti ddikjarati inammissibbli minħabba lis alibi pendens – Ammissibbiltà

2.      Proċedura ġudizzjarja – Talbiet tar-rikors – Emenda fil-mori tal-kawża – Xebh mal-preżentata ta’ rikors permezz ta’ applikazzjoni

3.      Drittijiet fundamentali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu organizzazzjonijiet jew organi ta’ Stati terzi – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

4.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Obbligu ta’ identifikazzjoni fil-motivazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw tali miżuri – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li tippermettilu jifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tiegħu – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja jew impliċita – Limiti

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK)

5.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Kriterji alternattivi ffissati permezz tal-atti tal-Unjoni għall-inklużjoni ta’ entità fil-listi tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi – Portata

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(b) u (c); Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(a),(b) u (d))

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Riferiment għall-bażi legali ta’ miżura restrittiva adottata fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Ommissjoni li ma tikkostitwixxix difett sostanzjali – Limiti – Riferiment espliċitu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-kontroll ġudizzjarju

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Kriterji alternattivi ffissati permezz tal-atti tal-Unjoni għall-inklużjoni ta’ entità fil-listi tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi – Natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni bbażta fuq wieħed biss minn dawn il-kriterji

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012)

8.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kriterju tal-appoġġ mogħti lill-proliferazzjoni nukleari – Riferiment għall-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-bank ċentrali tal-Iran għall-attivitajiet tal-Gvern – Motivazzjoni suffiċjenti

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012)

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Obbligu li jiġu kkomunikati l-elementi inkriminanti bil-għan li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tadixxi utilment lill-Qorti tal-Unjoni u li tiżgura l-verifika minn din tal-aħħar tal-legalità tal-att inkwistjoni – Assenza ta’ ksur

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012)

10.    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 945/2012)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32-37)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)

4.      Għalkemm atti li jinkludu miżuri restrittivi meħuda fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni huma bbażati fuq il-kriterju tal-għajnuna pprovduta sabiex jiġu evitati miżuri restrittivi oħra u għalkemm ġie osservat fl-imsemmija atti li r-rikorrent kien involut f’attivitajiet intiżi biex jiġu evitati s-sanzjonijiet, il-motivazzjoni tagħhom hija insuffiċjenti, fil-mument meta din il-motivazzjoni ma tippermettix lir-rikorrent u lill-Qorti Ġenerali jifhmu ċ-ċirkustanzi li wasslu lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni li dan il-kriterju kien issodisfatt fil-każ tar-rikorrent u, għaldaqstant, għall-adozzjoni tal-imsemmija atti. Din il-motivazzjoni tidher, fil-fatt, li hija sempliċi riproduzzjoni tal-kriterju nnifsu. Hija ma tinkludi l-ebda element li jispeċifika r-raġunijiet għalfejn dan il-kriterju huwa applikabbli għar-rikorrent. Fl-assenza ta’ kwalunkwe dettalji oħra, din il-motivazzjoni tidher li ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jivverifika, fir-rigward tal-kriterju tal-għajnuna sabiex jiġu evitati l-miżuri restrittivi, il-fondatezza tal-atti kkontestati u jiddefendi ruħu quddiem il-Qorti Ġenerali, u lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-miżuri inkwistjoni ġew adottati u sakemm tagħti lill-qorti kompetenti elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, min-naħa l-oħra, ma huwiex evidenti, fil-każ tal-bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li dan il-bank neċessarjament għen lil persuni jew lil entitajiet, li huma involuti fil-Gvern tal-Iran jew li huma kkontrollati minn dan tal-aħħar u li l-ismijiet tagħhom ġew inklużi fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, sabiex jiksru jew jevitaw l-imsemmija miżuri billi pprovdielhom servizzi bankarji, pereżempju billi jagħmel fondi disponibbli.

(ara l-punti 53-58, 75, 77-79)

5.      Sa fejn il-kriterji ddefiniti b’dan il-mod fl-Artikolu 23(2)(a), (b) u (d) tar-Regolament Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010, u fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huma alternattivi, għandu jiġi speċifikat sa fejn, f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran huwa distint mill-kriterju tal-appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. F’dan ir-rigward, dan l-aħħar kriterju jimplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u l-proliferazzjoni nukleari. Il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern tal-Iran, li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi sabiex isaħħaħ il-pressjonijiet eżerċitati fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ikopri, min-naħa tiegħu, kull attività tal-persuna jew tal-entità kkonċernata li, indipendentement saħansitra minn kull rabta, diretta jew indiretta, stabbilita mal-proliferazzjoni nukleari, għandha mnejn, minħabba l-importanza kwantittativa jew kwalitattiva tagħha, tinkoraġġixxi l-imsemmija proliferazzjoni, billi tagħti lill-Gvern tal-Iran appoġġ, taħt il-forma ta’ riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika, li jippermettulu jsegwi din tal-aħħar. L-eżistenza ta’ rabta bejn l-għoti ta’ tali appoġġ lill-Gvern tal-Iran u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari hija għalhekk preżunta mil-leġiżlazzjoni applikabbli, li hija intiża sabiex iċċaħħad lill-Gvern tal-Iran mis-sorsi ta’ qligħ tiegħu, sabiex jiġi mġiegħel itemm l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

(ara l-punti 63, 66)

6.      Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, minbarra l-indikazzjoni tal-bażi legali ta’ miżura, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jitqies li wieħed jew ieħor mill-kriterji għall-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew entità fil-lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għal tali miżura huwa ssodisfatt fil-każ tal-persuni kkonċernati. L-ommissjoni tar-riferiment għal dispożizzjoni speċifika ma tistax tikkostitwixxi difett sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra tiegħu. Tali riferiment espliċitu huwa madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tiegħu, il-persuni kkonċernati u l-qorti tal-Unjoni jitħallew fl-inċertezza rigward il-bażi legali preċiża.

(ara l-punti 67, 68)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 75, 86-88)

8.      Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, u b’mod iktar partikolari ta’ ffriżar tal-fondi tal-bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, għalkemm, f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-appoġġ ipprovdut minn dan il-bank lill-Gvern tal-Iran, il-Kunsill għandu l-obbligu li jippreċiża u jispeċifika r-riżorsi jew il-faċilitajiet li r-rikorrent allegatament ipprovda lill-imsemmi Gvern, min-naħa l-oħra, huwa ma għandux l-obbligu li jimmotiva l-atti kkontestati rigward eventwali użu ta’ dawn ir-riżorsi jew ta’ dawn il-faċilitajiet minn dan il-Gvern sabiex tiġi segwita l-proliferazzjoni nukleari. B’hekk, billi sempliċement jirreferi espressament għal appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran mingħajr ma jsemmi s-servizzi finanzjarji li l-bank jipprovdi lill-Gvern tal-Iran, fil-kapaċità tiegħu bħala l-bank ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill iqiegħed lil dan il-bank f’pożizzjoni li jinterpretah bħala li qed jirreferi għall-imsemmija servizzi finanzjarji, servizzi li huwa jipprovdi f’din il-kwalità lill-imsemmi Gvern.

(ara l-punti 81-84)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 92-94)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 114, 115, 117-120)