Language of document : ECLI:EU:T:2015:270

Kawża T‑562/12

John Dalli

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Membru tal-Kummissjoni — Investigazzjoni tal-OLAF — Allegata deċiżjoni verbali tal-President tal-Kummissjoni li ttemm il-funzjonijiet tal-persuna kkonċernata — Rikors għal annullament — Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat — Inammissibbiltà — Rikors għad-danni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-12 ta’ Mejju 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Talba għall-irtirar ta’ dokumenti interni ta’ istituzzjoni mill-proċess — Regola ġenerali — Ammissibbiltà — Eċċezzjonijiet — Dokumenti deċiżivi sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 64)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet — Osservanza fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja — Portata — Introduzzjoni ta’ att proċedurali ġdid matul is-seduta — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

3.      Rikors għal annullament — Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat — Inammissibbiltà — Allegata deċiżjoni verbali tal-President tal-Kummissjoni li teżiġi r-riżenja ta’ Kummissarju

(Artikolu 17(6) TUE; Artikolu 263 TFUE)

4.      Kummissjoni — Tmiem tal-funzjonijiet tal-Membri — Setgħa diskrezzjonali tal-President tal-Kummissjoni li jeżiġi r-riżenja ta’ Membru — Rekwiżiti proċedurali — Assenza

(Artikolu 17(6) TUE)

5.      Kummissjoni — Kompożizzjoni — Funzjonijiet eżerċitati — Natura politika

(Artikolu 17(1), (3), (7) u (8) TUE)

1.      Fil-kuntest ta’ talba għall-irtirar ta’ dokumenti li jinsabu fil-proċess ta’ kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni, la l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ natura kunfidenzjali u lanqas il-fatt li dawn id-dokumenti setgħu nkisbu b’mod irregolari ma jipprekludu li jinżammu fil-proċess. Fil-fatt, minn naħa, ma hemm ebda dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament il-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi miksuba illegalment. Min-naħa l-oħra, anki dokumenti interni jistgħu, f’ċerti każijiet, ikunu inklużi legalment fil-proċess ta’ kawża. B’hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, ma huwiex meħtieġ li r-rikorrent juri li kien kiseb b’mod legali d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tar-rikors tiegħu. Issa, meta jiġu bbilanċjati l-interessi li għandhom jiġu protetti, għandu jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħalma huma n-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura għall-adozzjoni tal-att ikkontestat jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, jiġġustifikawx l-irtirar ta’ dan id-dokument.

(ara l-punti 47, 48)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56-60)

3.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, meta r-rikorrent la jipproduċi xi prova u lanqas xi indizju tal-eżistenza tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistabbilixxix l-eżistenza materjali ta’ tali deċiżjoni, it-talba għal annullament tar-rikorrent għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li ma jkunx hemm att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

Fir-rigward ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra allegata deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li juża l-poter tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 17(6) TUE li jitlob ir-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni, il-fatt li l-imsemmi president insista mal-Membru kkonċernat, b’mod dejjem iktar insistenti fid-dawl tar-retiċenza u tal-eżitazzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar, li kien ikun iktar onorabbli għalih li jirriżenja minn rajh milli jekk jiġi mistieden jagħmel hekk, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-allegata deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, sakemm ma tkunx ġiet ifformulata b’mod ċar talba għal riżenja skont l-Artikolu 17(6) TUE, ma jkun hemm ebda talba f’dan is-sens li setgħet affettwat l-interessi tal-Membri tal-Kummissjoni kkonċernat billi bidlet, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu.

(ara l-punti 66, 67, 145, 146)

4.      Fir-rigward tal-prerogattiva tal-President tal-Kummissjoni li jitlob ir-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(6) TUE, kif jirriżulta mill-oriġini u mir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni, din tirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eventwalità fejn Membru tal-Kummissjoni jkun qiegħed jirrifjuta li jirriżenja volontarjament u minn rajh, f’ċirkustanzi fejn il-President tal-Kummissjoni jkun tilef il-fiduċja tiegħu fih jew iqis li t-tkomplija tiegħu fil-funzjonijiet tiegħu tista’ tippreġudika l-kredibbiltà, jekk mhux ukoll is-sopravivenza politika, tal-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, l-espressjoni mill-President tal-Kummissjoni ta’ intenzjoni konvinta li fil-każ ta’ bżonn jeżerċita l-poter li jitlob ir-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni, mogħti b’mod diskrezzjonali lill-imsemmi President mit-Trattat UE, fl-assenza tar-riżenja volontarja min-naħa tal-Membru kkonċernat, ma tistax titqies li hija pressjoni illegali li taffettwa l-validità jew in-natura volontarja tar-riżenja tal-Membru kkonċernat.

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(6) TUE la jissuġġetta lit-talba tal-President tal-Kummissjoni u lanqas lill-preżentazzjoni ta’ riżenja li għandha twassal għaliha din it-talba għal xi kundizzjoni formali partikolari, b’mod partikolari għall-kundizzjoni li jsiru bil-miktub. Tali formalità barra minn hekk lanqas ma tidher li hija meħtieġa mill-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li l-oneru tal-prova ta’ riżenja jaqa’, fi kwalunkwe każ, fuq il-parti li tkun qiegħda tinvoka tali riżenja. Dan jgħodd ukoll, barra minn hekk, għall-każ ta’ riżenja volontarja ta’ Membru tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 128, 141, 142, 157)

5.      Il-funzjonijiet ta’ Membru tal-Kummissjoni jaqgħu taħt mandat ta’ natura essenzjalment politika, mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-persuna kkonċernata, bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament. Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn il-funzjonijiet, kif iddefinit fl-Artikolu 17(1) TUE, dan jinkludi essenzjalment funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, ta’ eżekuzzjoni, ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni mit-Trattati.

(ara l-punt 133)