Language of document : ECLI:EU:T:2015:599

Kawża T‑564/12

Ministry of Energy of Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati fil-konfront tal-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Ksur tad-drittijiet fundamentali – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Settembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Locus standi – Rikors minn organizzazzjoni li ma għandhiex personalità ġuridika, suġġetta għal miżuri restrittivi – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 945/2012)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Rekwiżiti minimi

 (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 945/2012)


3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dritt suġġett għal talba mill-Kunsill f’dan is-sens

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 945/2012)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra fl-istess waqt jew immedjatament wara l-adozzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju – Teħid ta’ pożizzjoni mill-persuni kkonċernati wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Regolament li jipprevedi obbligu għall-Kunsill li jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu wara li jkun ħa pożizzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Ksur – Konsegwenzi

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 24(2) sa (4), u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 46(3) u (4), u Nru 945/2012)

5.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari – Portata tal-istħarriġ

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 945/2012)

6.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Appoġġ finanzjarju lill-Gvern Iranjan – Kunċett – Attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku – Inklużjoni – Provvista ta’ servizzi ta’ interess pubbliku marbuta ma’ żbilanċ – Assenza ta’ effett

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 945/2012)

7.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Restrizzjoni tad-dritt ta’ proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2012/635/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 945/2012)

1.      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat minn kull persuna fiżika jew ġuridika.

Fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament parzjali ta’ ċerti miżuri restrittivi fil-konfront tal-Iran, fil-każ li l-Kunsill iqis li ministru tal-gvern Iranjan, li ma għandux personalità ġuridika distinta minn dik ta’ dan il-gvern, għandu eżistenza suffiċjenti sabiex ikun is-suġġett tal-miżuri restrittivi, il-koerenza u l-ġustizzja jimponu li għandu jiġi rrikonoxxut li huwa jgawdi minn eżistenza suffiċjenti sabiex jikkontesta dawn il-miżuri. Kull konklużjoni oħra jkollha bħala riżultat li organizzazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-lista tal-entitajiet koperti minn miżuri restrittivi mingħajr ma tkun tista’ tressaq rikors kontra din l-inklużjoni.

Barra minn hekk, meta espliċitament tikkonċerna mhux biss persuni, iżda wkoll entitajiet u organi, leġiżlazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ tali miżuri restrittivi tipprevedi espliċitament ukoll li l-miżuri restrittivi jistgħu jkunu jikkonċernaw entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika proprja.

(ara l-punti 21-24)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32-37)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 59)

4.      Fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi obbligu għall-Kunsill li jirrevedi l-iskrizzjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet koperti minn miżuri restrittivi fil-konfront tal-Iran meta din tkun għamlet osservazzjonijiet, insegwitu għall-komunikazzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni tagħha ta’ inklużjoni, tali reviżjoni għandha ssir f’terminu raġonevoli fl-assenza ta’ terminu eżatt.

Għalhekk, waqt l-eżami tan-natura raġonevoli tat-terminu dekors, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-osservazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu l-ewwel opportunità għal tali persuna jew entità sabiex issostni l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-fondatezza tal-iskrizzjoni ta’ isimha fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet koperti minn miżuri restrittivi, li jimplika li għandha interess partikolari li l-Kunsill iwettaq ir-reviżjoni u jinformaha bir-riżultat tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, il-motivi li fuqhom dik l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni inizjali tal-isem tagħha fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati, sa fejn tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, bħala prinċipju jkun suffiċjenti li l-istituzzjoni tikkomunika l-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u tagħti d-dritt għal smigħ ta’ din tal-aħħar b’mod kontemporanju jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

Meta risposta mill-Kunsill tintbagħat iktar minn 15-il xahar wara li l-persuna jew l-entità inkwistjoni ippreżentat l-ewwel osservazzjonijiet tagħha, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill wieġeb għall-osservazzjonijiet f’terminu manifestament mhux raġonevoli.

Madankollu, sa fejn ir-risposta tal-Kunsill twieġeb l-għan tal-obbligu inkwistjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw persuna jew entità huma ġġustifikati fil-mument meta dawn jiġu adottati, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwistjoni ma jiġġustifikax l-annullament tal-atti li permezz tagħhom dawn il-miżuri restrittivi ġew adottati, b’dan il-ksur ma jipproduċi l-ebda effett dannuż fil-konfront tas-sitwazzjoni tal-persuna jew tal-entità kkonċernata.

(ara l-punti 64, 70-76)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 81-85)

6.      Fir-rigward tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-Iran, bħall-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet li joffru appoġġ lill-gvern Iranjan, il-kriterju ta’ appoġġ lil dan il-gvern ikopri attivitajiet proprji tal-persuna jew tal-entità kkonċernata li, anki jekk ma għandhomx bħala tali rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, jistgħu madankollu jiffavorixxu, billi jipprovdu lill-gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu li jwettaq l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni. Għalhekk, l-imsemmi kriterju jkopri l-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-attivitajiet nukleari Iranjani. L-għan tiegħu jikkonsisti fit-tiċħid tal-gvern Iranjan mir-riżorsi ta’ dħul tiegħu, bil-għan li jiġi sforzat iwaqqaf l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

L-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku ta’ ministru tal-gvern Iranjan, li b’mod partikolari jikkonsistu f’li jirċievi l-ammonti mħallsa mix-xerrejja tal-elettriku esportat, jipprovdu sors ta’ dħul lill-gvern Iranjan u, għaldaqstant, jikkostitwixxu appoġġ lil dan tal-aħħar, fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju.

Il-fatt li dan il-ministru jipprovdi servizzi ta’ interess pubbliku marbuta ma’ żbilanċ ma jimplikax li l-attivitajiet tiegħu ta’ esportazzjoni tal-elettriku ma jistax jiġi kklassifikat bħala appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan, u lanqas ma jista’, konsegwentement, jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

Fil-fatt, l-attivitajiet ta’ dan il-ministru marbuta mal-esportazzjoni tal-elettriku huma differenti mill-kontribuzzjonijiet l-oħra tiegħu, sa fejn dawn ma jikkostitwixxux servizz ta’ interess pubbliku pprovdut lill-popolazzjoni Iranjana. Għaldaqstant, ma teżistix rabta intrinsika bejn l-attivitajiet u l-kontribuzzjonijiet kollha tal-ministru li jeżiġi li dawn jiġu eżaminati globalment. Dan iktar u iktar meta, ir-riżorsi finanzjarji ġġenerati mill-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku ma humiex suġġetti għal assenjazzjoni baġitarja partikolari.

Bl-istess mod, il-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ entità li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan tiġi limitata biss għal entitajiet li l-attivitajiet tagħhom huma profittabbli fil-globalità tagħhom jippermetti evażjoni tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jaffettwa b’hekk l-effikaċja tagħhom. Fil-fatt, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-imsemmija miżuri, ikun suffiċjenti li kull entità kkonċernata tingħata, minbarra l-kompetenzi u attivitajiet tagħha li jiġġeneraw ir-riżorsi, kompetenzi u attivitajiet marbuta ma’ żbilanċ ta’ ammont paragunabbli.

Barra minn hekk, l-iffriżar ta’ fondi tal-ministeru, immotivat mill-attivitajiet tiegħu ta’ esportazzjoni tal-elettriku, jikkorrispondi għall-għan li jikkonsisti fiċ-ċaħda tal-gvern Iranjan mis-sorsi tiegħu ta’ dħul, u dan indipendentement min-natura ta’ żbilanċ tal-attivitajiet l-oħra tal-ministeru. Fil-fatt, minħabba l-imsemmi ffriżar, il-gvern Iranjan, li minnu l-ministeru jifforma parti integrali tiegħu, huwa mċaħħad mill-godiment ta’ parti mir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex jiżgura l-attivitajiet kollha tiegħu, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-ministeru u marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

Konsegwentement, il-kwistjoni essenzjali sabiex jiġi evalwat jekk il-ministru jipprovdix appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan ma hijiex il-profittabbiltà tiegħu, iżda in-natura profittabbli jew le tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku.

(ara l-punti 88-91, 93-97)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 113, 114, 116-118)