Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fit-22 ta’ Jannar 2024 – Emporiki Serron AE – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton vs Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon, Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon

(Kawża C-42/24, Emporiki Serron – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Emporiki Serron AE – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton

Konvenuti: Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon (Ministru għall-Iżvilupp u għall-Investiment), Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (Ministru għall-Iżvilupp Rurali u għall-Ikel)

Domandi preliminari

1)    Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 103 tal-Liġi Nru 2362/1995, li mhux biss tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-irkupru ta’ ħlasijiet indebiti lill-operaturi ekonomiċi wara att jew ommissjoni minn dawn tal-aħħar li għandha, jew li jista’ jkollha, l-effett li tippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet jew il-baġits amministrati minnhom, iżda li tistabbilixxi wkoll il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu mill-konstatazzjoni tal-ħlas indebitu jew illegali tal-għajnuna, minflok minn meta seħħet l-irregolarità, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea 1 u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

2)    Fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, terminu ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu terminu massimu ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin għat-talba għar-rimbors ta’ għajnuna indebitament jew illegalment imħallsa minn meta seħħet l-irregolarità, jew fis-sens li dawn jistabbilixxu terminu massimu ta’ preskrizzjoni li t-tul tiegħu huwa d-doppju tal-itwal perijodu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?

3)    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda u ta’ risposta għat-tieni domanda li tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu terminu massimu ta’ preskrizzjoni li t-tul tiegħu huwa d-doppju tal-itwal perijodu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita barra minn hekk bid-domanda li gejja: fil-każ li leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u li, fl-istess ħin, tistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu mill-konstatazzjoni tal-irregolarità, it-terminu massimu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mit-twettiq jew mill-konstatazzjoni tal-irregolarità?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340.