Language of document : ECLI:EU:C:2023:641

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Settembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Dazji tas-sisa – Direttiva 92/12/KEE – Artikolu 6(1)(a) – Eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa – Ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni – Att illegali esklużivament imputabbli lil terzi – Falsifikazzjoni tad-dokument amministrattiv ta’ akkumpanjament – Artikolu 14(1) – Eżenzjoni għat-telf li jseħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni – Każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri – Responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat”

Fil-Kawża C‑323/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

KRI SpA, aventi kawża ta’ SI.LO.NE. – Sistema logistico nord-est Srl,

vs

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal KRI SpA, minn M. Logozzo u F. C. Palermo, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE tas‑16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2008, L 333M, p. 266, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/12”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KRI SpA, aventi kawża ta’ SI.LO.NE. – Sistema logistico Nord-est Srl u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja) dwar l-irkupru ta’ dazji tas-sisa dovuti minn din il-kumpannija minħabba l-allegat ksur minn din tal-aħħar tal-arranġament ta’ sospensjoni matul il-moviment ta’ żjut minerali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        It-tielet, ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 92/12 huma fformulati kif ġej:

“Billi is-suq intern li jkun stabbilit u l-iffunzjonar tiegħu jeħtieġ il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti, inklużi dawk soġġetti għad-dazju tas-sisa;

[…]

Billi sabiex jiġi żgurat l-istabbiltà u l-iffunzjonar tas-suq intern, il-ħlas tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri;

Billi kull tqassim, bil-għan li tqassim jew provvista għall-skopijiet ta’ negozjant li jwettaq indipendentement attivita ekonomika jew għall-għanijiet ta’ korp regolat bil-liġi pubblika, li jseħħ fi Stat membru li ma jkunx dak li fiħ il-prodott jkun rilaxxat għall-konsum jagħti lok għad-dritt tal-ħlas tad-dazju tas-sisa f’dak l-Istat Membru l-ieħor”.

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità [Ewropea].”

5        Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-imsemmija direttiva kienet applikabbli, fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari għaż-żjut minerali.

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom jgħoddu id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      magazzinier awtorizzat: persuna naturali jew legali awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti fil-kors tan-negozju tagħha, bid-dazju tas-sisa jiġi sospiż taħt arranġament ta’ magazzinaġġ tat-taxxa;

b)      maħżen tat-taxxa: lok fejn oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, proċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat fil-kors tan-negozju tiegħu, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn icon jinsab il-maħżen tat-taxxa;

c)      arranġament ta’ sospensjoni: arranġament ta’ taxxa applikat għall-produzzjoni, proċessar, żamma u ċaqliq [moviment] ta’ prodotti, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

d)      negozjant reġistrat: persuna naturali jew legali mingħajr status ta’ magazzinier, awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, biex tirċievi, fil-kors tan-negozju tagħha, prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa minn Stat Membru ieħor taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju. Dan it-tip ta’ negozjant la jista jżomm u lanqas jibgħat prodotti bħal dawk taħt arranġementi ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa;

[…]”

7        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 jiddisponi:

“Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju.”

8        L-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).

Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

a)      kull tluq [ħruġ], inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni”.

9        L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Magazzinier awtorizzat għandu jkun meħtieġ li:

a)      jipprovdi garanzija, jekk meħtieġ, li tkopri l-produzzjoni, l-ipproċessar u z-zamma tal-merkanzija u garanzija tassattiva li tkopri l-moviment, soġġetta għall-Artikolu 15(3), bil-kondizzjonijiet ikunu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih it-tax warehouse tkun awtorizzata;

b)      jikkonforma mal-ħtiġijiet imniżżla mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-maħżen tat-taxxa;

ċ)      iżomm, għal kull maħżen, il-konteġġi tat-ċaqliq tal-ħażniet u l-prodotti;

d)      jipproduċi l-prodotti meta jiġi hekk mitlub;

e)      jagħti l-kunsens tiegħu għall-verifiki ta’ immonitorjar u ħażniet.

Il-ħtiġijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn transazzjonijiet nazzjonali u intra-Komunitarji.”

10      Skont l-Artikolu 14 tal-istess direttiva:

“1.      Il-magazziniera awtorizzati għandhom ikunu eżentati mid-dazju dwar it-telf li jseħħ taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni li huma attribwibbli għal ġrajjiet aċċidentali [każ fortuwitu] jew ta’ force majeure u stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat. Għandhom ukoll ikunu eżentati, taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni, dwar xi telf inerenti fin-natura tal-prodott matul il-produzzjoni u l-ipproċessar, il-ħażna jew it-trasport. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jingħataw dawn l-eżenzjonijiet. Dawn l-eżenzjonijiet għandhom jgħoddu b’mod ugwali għan-negozjanti kif riferit fl-Artikolu 16 matul it-trasport tal-prodotti taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

2.      It-telf riferit fil-paragrafu 1 li jseħħ matul it-trasport intra-Komunitarju ta’ prodotti taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandu jiġi stabbilit skond ir-regoli ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, id-dazju fuq in-nuqqasijiet barra min-nuqqasijiet riferiti fil-paragrafu 1, u n-nuqqasijiet li dwarhom l-eżenzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 ma’ jingħatawx għandu jiġi mpost fuq il-bażi tar-rati applikabbli fl-Istati Membri konċernati fiż-żmien li fih seħħ in-nuqqas, debitament stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, jew fejn meħtieġ fiż-żmien li fih kien rekordjat in-nuqqas.

[…]”

11      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/12 jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5(2), 16, 19 (4) u 23 (1a), il-moviment tal-prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni għandu jsir bejn tax warehouses.

[…]

2.      Il-magazziniera awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru skond l-Artikolu 13 għandhom jitqiesu li jkunu ġew awtorizzati kemm għaċ-ċaqliq nazzjonali u dak intra-Komunitarju.

3.      Ir-riskji ta’ moviment ta’ oġġetti ġewwa l-Komunità għandhom ikunu koperti bil-garanzija mogħtija mill-warehousekeeper [magazzinier] tal-kunsinni awtorizzat, kif provdut fl-Artikolu 13, jew, jekk ikun meħtieġ, b’garanzija li torbot in solidum fuq kemm min jagħmel il-kunsinna, kif ukoll it-trasportatur. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jippermettu lit-trasportatur jew lill-proprjetarju tal-prodotti biex jipprovdi garanzija fil-post ta’ dak provdut mill-warehousekeeper tal-kunsinni awtorizzat. Jekk ikun xieraq, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-kunsinnatarju biex jipprovdi garanzija.

Jekk żjut minerali soġġetti għat-taxxa tas-sisa jkunu trasportati ġewwa l-Komunità bil-baħar jew permezz tal-pipeline, l-Istati Membri jistgħu jirrilaxxaw lill-warehousekeepers tal-kunsinni awtorizzati mill-obbligazzjoni li jipprovdi l-garanzija msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Ir-regoli dettaljati għall-garanzija għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. Il-garanzija tkun valida fil-pajjiżi kollha tal-Komunità.

4.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 20, ir-responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat ta’ dispaċċ u, jekk tinqala’ l-ħtieġa, dik tat-trasportatur tista’ tiġi biss ippruvata permezz tal-prova li l-konsenjatarju ikun wassal il-prodotti, b’mod partikolarment mid-dokument mehmuż kif riferit fl-Artikolu 18 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu 19.

[…]”

12      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Minkejja l-użu possibbli ta’ proċeduri kompjuterizzati, il-prodotti kollha soġġetti għal sisa li jiċċaqalqu taħt arranġamenti ta’ sospensjoni ta’ dazju bejn Stati Membri, inkluż ċaqliq bil-baħar jew bl-ajru direttament minn port jew ajruport tal-Komunità għal ieħor, għandhom ikollhom mehmuż dokument kompletat mill-konsenjatur. Dan id-dokument jista’ jew ikun dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali. Il-forma u l-kontenut ta’ dan id-dokument, u l-proċedura li għandha tkun segwita fejn l-użu huwa oġġettivament mhux xieraq, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24. […]

3. […]

Dan id-dokument għandu juri:

–        l-indirizz ta’ l-uffiċċju konċernat ta’ l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni,

–        id-data u r-referenza tal-ħlas jew ta’ l-aċċettazzjoni tal-garanzija tal-ħlas minn dan l-uffiċċju.

[…]”

13      L-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu nfurmati min-negozjanti mit-twassil mibgħut jew riċevut permezz tad-dokument jew referenza għad-dokument speċifikat fl-Artikolu 18. Dan id-dokument għandu jitħejja f’erba’ kopji:

–        kopja waħda għandha tinżamm mill-konsenjatur,

–        kopja waħda għall-konsenjatarju,

–        kopja waħda għandha tintbagħat lura lill-konsenjatur għad-dispaċċ,

–        kopja waħda għall-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

[…]”

14      L-Artikolu 20(1) u (3) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn tkun saret xi irregolarita jew xi reat [ksur] fil-kors taċ-ċaqliq li jkun jinvolvi il-ħlas ta’ dazju tas-sisa, id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru fejn ikun sar ir-reat jew l-irregolarita mill-persuna naturali jew legali li tkun iggarantit il-ħlas tad-dazji tas-sisa skond l-Artikolu 15(3), mingħajr preġudizzju għat-teħid ta’ proċeduri kriminali.

Meta d-dazju tas-sisa jinġabar minn Stat Membru li ma jkunx dak tat-tluq, l-Istat Membru li jiġbor id-dazju għandu javża lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq.

2.      Meta, fil-kors taċ-ċaqliq, ikun inkixef reat jew irregolarita mingħajr ma jkun jista’ jiġi stabbilit fejn ikun seħħ, għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru fejn ikun inkixef.

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(2), meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom u ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit fejn ikun seħħ ir-reat jew l-irregolarita, dak ir-reat jew irregolarita għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru tat-tluq, li għandu jiġbor id-dazji tas-sisa bir-rata fis-seħħ fid-data meta jkunu ntbagħtu l-prodotti kemm-il darba fi żmien ta’ erba’ xhur l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jafu bil-korrettezza tat-tranżazzjoni jew bil-lok fejn ir-reat jew l-irregolarita tkun attwalment seħħet. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitrattaw kull ksur jew irregolarità u jimponi pieni effettivi.”

15      Id-Direttiva 92/12 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill‑1 ta’ April 2010, bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 92/12.

 Iddritt Taljan

16      Id-decreto legislativo n. 504 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le abete sulla produzione e sui consumi e relatif sanzioni penali e amministrative (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, li Japprova t-Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi dwar it-Taxxi fuq il-Produzzjoni u Fuq il-Konsum u s-Sanzjonijiet Kriminali u Amministrattivi Korrispondenti), tas‑26 ta’ Ottubru 1995 (GURI Nru 279, tad‑29 ta’ Novembru 1995, p. 5), kif emendat bil-legge n. 342 – Misure in materia fiscale (il-Liġi Nru 342 dwar Miżuri Fiskali), tal‑21 ta’ Novembru 2000 (GURI Nru 194, tal‑25 ta’ Novembru 2000, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995”) jipprevedi fl-Artikolu 2(1), (2) u (4) tiegħu:

“1.      Għall-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, l-obbligu fiskali jitnissel fil-mument tal-manifattura jew tal-importazzjoni.

2.      Id-dazju tas-sisa huwa dovut mar-rilaxx għall-konsum tal-prodott fit-territorju tal-Istat. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu wkoll bħala rilaxx għall-konsum:

a)      il-każijiet fejn in-nuqqasijiet jaqbżu l-kwantitajiet permessi jew fejn il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 4 ma jkunux issodisfatti;

b)      il-każijiet ta’ ħruġ, anki irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;

c)      il-manifattura jew l-importazzjoni, anki irregolari, li tkun seħħet barra mill-arranġament ta’ sospensjoni.

[…]

4.      Id-detentur tal-maħżen tat-taxxa li minnu jsir ir-rilaxx għall-konsum u, in solidum, il-persuna li tkun ġabet ruħha bħala garanti ta’ dan il-ħlas jew dik li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tat-taxxa, huma responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa. Fil-każ ta’ prodotti importati, il-persuna suġġetta għat-taxxa hija identifikata abbażi tal-leġiżlazzjoni doganali.

[…]”

17      Skont l-Artikolu 4 ta’ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995, intitolat “Eżenzjonijiet għal telf u tnaqqis”:

“1.      Fil-każ ta’ telf jew qerda prodotti li huma taħt arranġament ta’ sospensjoni, l-eżenzjoni mit-taxxa għandha tingħata jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tipproduċi l-prova li t-telf jew il-qerda tal-prodotti hija kkawżata minn każ fortuwitu jew forza maġġuri. L-atti ta’ terzi li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-persuna taxxabbli bħala nuqqas intenzjonali jew negliġenza serja, u dawk li huma attribwibbli lil din tal-aħħar bħala negliġenza minuri, għandhom jiġu assimilati ma’ każijiet fortuwiti u każijiet ta’ forza maġġuri. Jekk, wara t-twettiq ta’ ksur minn terzi, jinbdew proċeduri kriminali, il-proċedura għall-ġbir tad-dazji tas-sisa tiġi sospiża sakemm digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jew deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata tingħata konformement mal-Artikolu 648 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. F’dan il-każ, il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud relatata mas-sisa nnifisha għandha wkoll tiġi sospiża. Meta ma jiġix stabbilit li l-persuna taxxabbli kienet involuta fil-fatti u li l-persuni realment responsabbli ġew identifikati, jew meta dawn il-persuni ma humiex magħrufa, l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għandha tingħata lill-persuna taxxabbli u kull irkupru għandu jsir mill-persuna realment responsabbli.

2.      Għat-telf ta’ prodotti, taħt arranġament ta’ sospensjoni, li jseħħ matul il-proċess ta’ manifattura jew ta’ pproċessar li għalih huma suġġetti fil-każ fejn id-dejn fiskali jkun diġà tnissel, l-eżenzjoni għandha tingħata fil-limiti tat-tnaqqis teknikament ammissibbli ddeterminati mill-Ministru tal-Finanzi permezz ta’ digriet, li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 17(3) tal-Liġi Nru 400 tat‑23 ta’ Awwissu 1988.

3.      Fil-każ ta’ tnaqqis naturali u tekniċi, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali.

4.      Il-leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tat-trasport tapplika wkoll għat-trasport ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa li joriġinaw mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.”

18      L-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, intitolat “Irregolaritajiet fil-moviment tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa”, jipprevedi:

“1. Fil-każ ta’ irregolarità jew ta’ ksur, li fir-rigward tiegħu ma huwiex previst eżenzjoni mid-dazji tas-sisa skont l-Artikolu 4, meta l-prodotti jiċċirkolaw fl-arranġament ta’ sospensjoni, id-dispożizzjonijiet li ġejjin, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali, huma applikabbli jekk il-fatti allegati jikkostitwixxu ksur:

a)      id-dazju tas-sisa jitħallas mill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun garanti tat-trasport;

b)      id-dazju tas-sisa għandu jitħallas fl-Italja jekk l-irregolarità jew il-ksur ikun twettaq fit-territorju tal-Istat;

c)      jekk l-irregolarità jew il-ksur jinkixfu fit-territorju tal-Istat u ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit fejn effettivament saru, l-irregolarità jew il-ksur għandhom ikunu preżunti li saru fit-territorju tal-Istat;

d)      meta prodotti mibgħuta mit-territorju tal-Istat ma jilħqux id-destinazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor u ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit il-post fejn ikunu ġew irrilaxxati għall-konsum, l-irregolarità jew il-ksur għandu jitqies li twettaq fit-territorju tal-Istat u d-dazju tas-sisa għandu jinġabar bir-rata fis-seħħ fid-data li fiha jintbagħtu l-prodotti, ħlief jekk, fi żmien erba’ xhur mid-data tal-kunsinna, tiġi prodotta l-prova tar-regolarità tat-tranżazzjoni jew il-prova li l-irregolarità jew il-ksur ikunu effettivament twettqu barra mit-territorju tal-Istat;

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

19      Il-kumpannija rregolata taħt id-dritt Taljan SI.LO.NE. kienet teżerċita attività ta’ ħażna u ta’ trasport ta’ prodotti taż-żejt. Hija kienet is-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni ta’ akkwist, imwettqa minn Shell Italia SpA, li saret KRI.

20      Bejn it‑22 ta’ Awwissu 2005 u t‑30 ta’ Ġunju 2006, SI.LO.NE., fil-kwalità tagħha ta’ magazzinier awtorizzat, wettqet, mill-maħżen tat-taxxa tagħha fl-Italja, 196 kunsinna ta’ żjut minerali (diżil u petrol) taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, lejn BMB Projekt d.o.o, kumpannija stabbilita fis-Slovenja, awtorizzata tirċievi tali prodotti bħala operatur irreġistrat. L-ammont ta’ dazji tas-sisa li jikkorrispondi għal dawn il-kunsinni kien jammonta għal EUR 2 816 426.10.

21      Għall-finijiet tal-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, SI.LO.NE. irrediġiet, għal kull kunsinna, dokument amministrattiv mehmuż (iktar ’il quddiem id-“DAM”) f’erba’ kopji. Il-kopja Nru 1 kienet intiża sabiex tinżamm mill-kunsinnatur, il-kopja Nru 2 li kienet iddestinata sabiex takkumpanja l-merkanzija u li tinżamm mid-destinatarju, il-kopja Nru 3 kienet iddestinata li takkumpanja l-merkanzija u li tiġi rritornata mid-destinatarju lill-kunsinnatur flimkien maċ-ċertifikat ta’ riċezzjoni tal-merkanzija u l-kopja 4 kienet iddestinata li takkumpanja l-merkanzija u li tintbagħat mid-destinatarju lill-awtorità fiskali kompetenti tal-post tad-destinazzjoni.

22      Il-kopja Nru 3 tad-DAM ta’ kull wieħed minn dawn il-kunsinni ntbagħtet lura mill-operatur Sloven lil SI.LO.NE., b’ċertifikat ta’ riċezzjoni tal-merkanzija u b’timbru apparentement imwaħħla mill-awtorità doganali Slovena.

23      Fl‑10 ta’ Lulju 2008, wara talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtoritajiet doganali Taljani lill-awtoritajiet doganali Sloveni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ assistenza amministrattiva fiskali, dawn tal-aħħar ikkonstataw li d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fuq in-naħa ta’ wara tal-kopja Nru 3 tad-DAM kienu foloz fir-rigward ta’ 161 minn dawn il-kunsinni, peress li 35 biss minn dawn il-kunsinni kienu effettivament introdotti fit-territorju Sloven.

24      Abbażi tal-falsifikazzjonijiet ikkonstatati, l-awtoritajiet doganali Taljani qiesu li ma ġietx prodotta l-prova li l-prodotti inkwistjoni kienu ġew irrilaxxati għall-konsum barra mit-territorju Taljan. Għaldaqstant, huma kkunsidraw li r-rilaxx imwettaq minn SI.LO.NE. għall‑161 kunsinna kkonċernata kien irregolari. Peress li ma kinux f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-post fejn il-prodotti inkwistjoni kienu ġew irrilaxxati għall-konsum b’mod irregolari, dawn l-awtoritajiet qiesu wkoll li dawn l-irregolaritajiet kienu twettqu fit-territorju Taljan.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ddeċidew li kien l-Istat Taljan li kellu jirkupra d-dazju tas-sisa dovut fuq il-prodotti inkwistjoni.

26      Fit‑13 ta’ Ottubru 2008, inbdew proċeduri kriminali kontra rappreżentanti legali ta’ SI.LO.NE. għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti doganali tat-trasport. L-awtorità ġudizzjarja territorjalment kompetenti ddeċidiet li ma tittieħed ebda azzjoni ulterjuri dwar din il-proċedura peress li ma kienx possibbli li tintwera l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti legali ta’ din il-kumpannija fil-manuvri intiżi sabiex jevitaw is-sisa, peress li l-falsifikazzjoni dokumentarja ġiet attribwita esklużivament għall-fatt illegali ta’ terzi.

27      Fil‑15 ta’ Lulju 2009, l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji ħarġet avviż għall-ħlas, fir-rigward ta’ SI.LO.NE., għall-irkupru tad-dazji tas-sisa fuq il-prodotti taż-żejt li kienu s-suġġett ta’ 161 kunsinna vvizzjata b’irregolaritajiet, għal ammont totali ta’ EUR 2 668 179.

28      SI.LO.NE. ippreżentat rikors kontra dan l-avviż għall-ħlas quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Udine (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Udine, l-Italja) fejn invokat l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995 li jipprevedi eżenzjoni mit-taxxa fil-każ ta’ telf jew qerda ta’ prodotti minħabba każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri.

29      Din il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ SI.LO.NE. permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2011. L-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji għalhekk appellat minn din is-sentenza quddiem il-Commissione tributaria regionale per il Friuli-Venezia Giulia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Friuli Venezia Giulia, l-Italja).

30      Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2012, din il-Kummissjoni rriformat l-imsemmija sentenza u laqgħet l-appell tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji.

31      Il-qorti tal-appell irrilevat li l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995 kien jipprevedi l-eżenzjoni mit-taxxa biss fil-każ ta’ telf jew ta’ qerda tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, u mhux fil-każ, bħal f’dan il-każ, ta’ tneħħija jew ta’ ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni. Hija għalhekk qieset li SI.LO.NE. kienet obbligata tħallas id-dazju tas-sisa li għalih il-prodotti inkwistjoni kienu suġġetti minħabba l-ħruġ irregolari tagħhom mill-arranġament ta’ sospensjoni, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tneħħija jew il-ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni.

32      Din il-qorti qablet, essenzjalment, mal-pożizzjoni tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji dwar ir-responsabbiltà ta’ SI.LO.NE. għall-ħlas tat-taxxa, billi osservat li, fir-rigward tar-rilaxx għall-konsum irregolari ta’ prodotti taż-żejt, taħt arranġament ta’ sospensjoni, il-magazzinier kien neċessarjament responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa evaż u li l-fatt illegali ta’ terzi ma kellux effett fuq it-tmiem ta’ dan l-obbligu, peress li r-responsabbiltà tal-magazzinier kienet oġġettiva.

33      Shell Italia appellat minn din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi allegat, għall-kuntrarju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-eżenzjoni mit-taxxa kellha tapplika f’dan il-każ.

34      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza tagħha stess, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/12, u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri” fil-każ tal-att illegali ta’ terzi li jista’ joħloq aspettattivi leġittimi, fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, fir-rigward tal-magazzinier awtorizzat stess.

35      Fil-fatt, minn naħa, hija tosserva li l-ewwel linja ta’ ġurisprudenza tidher li hija orjentata, skont mekkaniżmu ta’ responsabbiltà oġġettiva, lejn l-affermazzjoni li l-fatt illegali intenzjonali tat-terzi ma jeżentax lill-persuna taxxabbli mill-obbligu fiskali tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tqis li teżisti linja ġurisprudenzjali oħra intiża, għall-kuntrarju, sabiex tafferma l-kapaċità tal-fatt illegali intenzjonali tat-terzi li jeżenta lill-persuna taxxabbli mill-obbligu fiskali tagħha, meta, fil-każijiet ta’ frodi permezz ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti doganali, jiġi stabbilit li l-magazzinier garanti ma kien jaf xejn dwar din il-frodi, u għalhekk ma kellu l-ebda raġuni sabiex jemmen li l-prodott ma kienx qiegħed jiċċirkola b’mod regolari taħt arranġament ta’ sospensjoni.

36      Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, TanQuid (C‑711/20, EU:C:2022:215), ma tippermettix li jitneħħew id-dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/12, minħabba li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, id-destinatarju taż-żjut minerali li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji kien ċaħad li rċevihom, filwaqt li, f’din il-kawża, id-destinatarju tal-prodotti bagħat lura il-kopja Nru 3 ta’ kull waħda mid-DAM, u b’hekk ġiegħel lill-magazzinier jemmen li l-prodotti inkwistjoni kienu waslu fid-destinazzjoni prevista.

37      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14[1] tad-Direttiva [92/12] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ rilaxx irregolari tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa, ir-responsabbiltà tal-magazzinier garanti tal-ħlas tat-taxxa hija ta’ tip oġġettiv, mingħajr ebda possibbiltà ta’ ħelsien mill-obbligu u [mill-ħlas tas-]somom korrispondenti għas-sanzjonijiet rispettivi, anki meta dan ir-rilaxx ikun jiddependi minn fatt illegali – esklużivament – imputabbli lil terz, jew tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni mid-dazju u mis-sanzjonijiet rispettivi għandhom jiġu rrikonoxxuti – bħala każ fortuwitu jew forza maġġuri – lill-magazzinier garanti li mhux biss jirriżulta li huwa għalkollox estraneu għall-fatt illegali tat-terzi iżda li jirriżulta wkoll li għandu aspettattivi leġittimi u mingħajr ħtija dwar ir-regolarità tal-moviment tal-prodott taħt reġim [arranġament] ta’ sospensjoni tad-dazju?”

 Fuq iddomanda preliminari

38      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa li hija jipprevedi għat-telf li jseħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni, dovut għal każijiet fortuwiti jew għal każijiet ta’ forza maġġuri, tapplika għall-magazzinier, responsabbli għall-ħlas tad-dazji, fil-każ ta’ ħruġ mill-arranġament ta’ sospensjoni dovut għal att illegali, meta l-magazzinier ikun totalment estranju għal dan l-att illegali, esklużivament imputabbli lil terzi, u meta jkollu aspettattiva leġittima li l-prodott jiċċirkola regolarment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji.

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 92/12 hija intiża li tistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli fir-rigward taż-żamma, tal-moviment u tal-kontrolli tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, bħaż-żjut minerali msemmija fl-Artikolu 3(1) tagħha, u dan, b’mod partikolari, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa tkun identika fl-Istati Membri kollha. Din l-armonizzazzjoni tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi evitata t-taxxa doppja fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Il-fatt taxxabbli, fis-sens tad-Direttiva 92/12, huwa kkostitwit, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tagħha, mill-produzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa jew mill-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju.

41      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, id-dazju tas-sisa jsir dovut, b’mod partikolari, mar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa. Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ikopri wkoll kull ħruġ, inkluż dak irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni, iddefinit fl-Artikolu 4(ċ) tal-imsemmija direttiva.

42      Tali arranġament huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatata mal-prodotti li jaqgħu taħtu għadhom ma humiex dovuti, minkejja li l-fatt taxxabbli jkun diġà seħħ. Għaldaqstant, fir-rigward tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tagħhom sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà, bħal dik deskritta fil-punt preċedenti (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, TanQuid Polska, C‑711/20, EU:C:2022:215, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Tali kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà hija ssodisfatta fl-ipoteżi fejn il-prodotti inkwistjoni jkunu ħarġu, anki b’mod irregolari, mill-arranġament ta’ sospensjoni, peress li tali ħruġ għandu jitqies, skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 92/12, bħala rilaxx għall-konsum.

44      Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li bihom l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-benefiċċju ta’ eżenzjoni, sabiex jiġi eżaminat jekk dawn il-kundizzjonijiet jistgħux jiġu ssodisfatti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 tipprevedi li l-magazziniera awtorizzati għandhom ikunu eżentati għat-telf li jseħħ taħt l-arranġament ta’ sospensjoni li huma attribwibbli għal każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri u stabbiliti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali ta’ dawn fil-lingwa kurrenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih huma użati u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Aġent innoċenti), C‑279/19, EU:C:2021:473, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 jirriżulta li l-magazzinier huwa eżentat meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Fil-fatt, dan għandu jistabbilixxi, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ “telf” li jseħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni u, fit-tieni lok, li dan it-“telf” huwa dovut għal każ fortuwitu jew għal każ ta’ forza maġġuri.

48      Konformement mas-sens abitwali tal-kelma “telf” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, it-telf imġarrab mill-magazzinier approvat jirreferi għall-fatt li wieħed ikun imċaħħad, parzjalment jew kompletament, minn oġġett li huwa kellu t-tgawdija jew il-pussess tiegħu. Minn dan isegwi li jikkostitwixxi “telf” fis-sens ta’ din l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1), l-għajbien ta’ prodott matul il-produzzjoni tiegħu, l-ipproċessar tiegħu, iż-żamma tiegħu jew il-moviment tiegħu.

49      Peress li l-eżenzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 hija distinta minn dik prevista fl-ewwel sentenza tal-imsemmi paragrafu, l-ewwel eżenzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 43). Barra minn hekk, l-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 għat-telf dovut għal każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali, li għandha għalhekk tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 30).

50      B’hekk, l-għajbien ta’ prodott li jinsab taħt arranġament ta’ sospensjoni tista’ tfisser biss l-impossibbiltà materjali għal dan il-prodott li jiġi rrilaxxat għall-konsum, jew li jidħol fiċ-ċirkwit kummerċjali tal-Unjoni.

51      Issa, prodott li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, joħroġ b’mod irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni jibqa’ madankollu fiċ-ċirkwit kummerċjali tal-Unjoni.

52      Għaldaqstant, tali ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni ta’ prodott suġġett għad-dazju tas-sisa ma jistax jissodisfa l-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ċċitati fil-punt 47 ta’ din is-sentenza sabiex eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa tingħata lill-magazzinier awtorizzat.

53      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ “telf”, eżenzjoni mit-taxxa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 ma tistax tingħata lill-magazzinier awtorizzat fil-każ ta’ ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni, anki meta dan il-ħruġ jirriżulta minn att illegali esklużivament imputabbli lil terzi u li dan il-magazzinier għandu aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-prodott jiċċirkola regolarment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji.

54      L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjonijiet hija sostnuta kemm mill-kuntest li fih tinsab kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 92/12.

55      B’mod partikolari, mill-istruttura tad-Direttiva 92/12 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 13, mill-Artikolu 15(3) u (4), kif ukoll mill-Artikolu 20(1) jirriżulta li l-leġiżlatur alloka rwol prinċipali lill-magazzinier awtorizzat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ moviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa u mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia, C‑81/15, EU:C:2016:398, punt 31).

56      Dan il-magazzinier, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex jipproduċi, jipproċessa, iżomm, jirċievi u jibgħat prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa f’arranġament ta’ sospensjoni fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu, huwa, konsegwentement, indikat bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa meta tkun twettqet irregolarità jew ksur li jwasslu għall-eżiġibbiltà tagħhom matul il-moviment ta’ dawn il-prodotti. Din ir-responsabbiltà hija, barra minna hekk, oġġettiva u ma hijiex ibbażata fuq it-tort ipprovat jew preżunta tal-magazzinier, iżda fuq il-parteċipazzjoni tiegħu f’attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Silcompa, C‑95/19, EU:C:2021:128, punt 52).

57      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ewwel u mir-raba’ premessa tad-Direttiva 92/12, wieħed mill-għanijiet imfittxija minnha huwa li jiġi żgurat li l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa tkun identika fl-Istati Membri kollha bl-għan tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li jimplika l-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi dawk suġġetti għad-dazji tas-sisa. Barra minn hekk, fost dawn l-għanijiet, hemm ukoll il-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Aġent innoċenti), C‑279/19, EU:C:2021:473, punt 31).

58      Issa, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “telf”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva tinkludi ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni ta’ prodott suġġett għad-dazji tas-sisa, ma hijiex konformi mal-għanijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, tali interpretazzjoni ddgħajjef in-natura oġġettiva tar-responsabbiltà mogħtija lill-magazzinier mill-imsemmija direttiva fil-kuntest tal-arranġament ta’ sospensjoni u, għaldaqstant, ir-rwol ċentrali ta’ dan tal-aħħar sabiex tiġi żgurata l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa u, fl-aħħar mill-aħħar, il-moviment liberu tal-merkanzija suġġetta għad-dazji tas-sisa. Min-naħa l-oħra, tali indeboliment jikkomprometti wkoll l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi billi jirrendi iktar diffiċli, fil-prattika, l-irkupru tad-dazji tas-sisa minn tali magazzinier fil-każ ta’ irregolarità jew ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Aġent innoċenti), C‑279/19, EU:C:2021:473, punt 34).

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa li hija tipprevedi ma tapplikax għall-magazzinier, responsabbli mill-ħlas tad-dazji, fil-każ ta’ ħruġ mill-arranġament ta’ sospensjoni dovut għal att illegali, anki meta l-magazzinier huwa totalment barrani għal dan l-att illegali, esklużivament imputabbli lil terzi, u li għandu aspettattiva leġittima li l-prodott jiċċirkola regolarment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji.

 Fuq lispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

l-eżenzjoni mit-taxxa li hija tipprevedi ma tapplikax għall-magazzinier, responsabbli mill-ħlas tad-dazji, fil-każ ta’ ħruġ mill-arranġament ta’ sospensjoni dovut għal att illegali, anki meta l-magazzinier huwa totalment barrani għal dan l-att illegali, esklużivament imputabbli lil terzi, u li għandu aspettattiva leġittima li l-prodott jiċċirkola regolarment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.