Language of document : ECLI:EU:C:2023:653

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 (1

Kawża C361/22

Industria de Diseño Textil, SA (Inditex)

vs

Buongiorno Myalert SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva Nru 89/104/KEE – Direttiva Nru 2008/95/KE – Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark – Użu tat-trade mark sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz – Kundizzjonijiet ta’ legalità”






I.      Introduzzjoni

1.        It-tilwima fil-kawża prinċipali, li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hi bejn fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni permezz tal-internet u tan-network tat-telefonija mobbli u l-proprjetarju tat-trade mark ZARA, minħabba ksur allegat tad-drittijiet mogħtija minn din it-trade mark. Fil-fatt, matul kampanja pubbliċitarja, il-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni kien offra bħala rigal il-parteċipazzjoni fi tlugħ bix-xorti fejn wieħed mill-premjijiet kienet voucher mingħand ZARA, li l-immaġni tagħha ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-imsemmija kampanja pubbliċitarja. Il-proprjetarju tat-trade mark beda azzjoni għal kontrafazzjoni kontra l-imsemmi fornitur ta’ servizzi, peress li dan tal-aħħar ħa vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark u ppreġudika din ir-reputazzjoni.

2.        Għalhekk, it-tilwima fil-kawża prinċipali tista’ titqiegħed fil-fruntiera bejn id-dritt tat-trade marks u d-dritt dwar l-atti ta’ kompetizzjoni żleali. Madankollu, id-domanda preliminari magħmula f’din il-kawża tikkonċerna biss id-direttivi relatati mad-dritt tat-trade marks.

3.        F’dan ir-rigward, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata f’wieħed mill-Istati Membri huwa awtorizzat li jipprojbixxi lil kwalunkwe terz milli jagħmel ċertu użu tas-sinjali meta tali użu ma jirrispettax id-dritt ta’ proprjetà intellettwali tiegħu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-direttivi.

4.        Madankollu, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju ma huwiex assolut. Għalhekk, l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttivi 89/104/KEE (2) u 2008/95/KE (3) jipprovdi li l-proprjetarju ma jistax jipprojbixxi lil terz milli juża, fil-kummerċ, it-trade mark meta kienet meħtieġa sabiex tindika l-għan ta’ prodott jew ta’ servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts. Fl-2015, id-Direttiva Nru 2008/95 ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) Nru 2015/2436 (4), li l-Artikolu 14(1)(c) tagħha jidher li jintroduċi, tal-inqas fuq livell letterali, limitazzjoni iktar estiża tal-effetti tat-trade mark minn dik tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttivi 89/104 u 2008/95.

5.        Peress li qieset li l-aġir inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali jaqa’ pjuttost taħt din il-limitazzjoni iktar estiża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tad-domanda preliminari, jekk l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 effettivament biddilx il-portata tal-limitazzjoni inkwistjoni jew jekk din id-dispożizzjoni tikkonċernax użu li kien diġà impliċitament inkluż fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttivi Nri 89/104 u 2008/95.

6.        Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttivi 89/104 u 2008/95, l-importanza tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda hekk ifformulata madankollu tmur ferm lil hinn mis-sistema tat-trade marks nazzjonali.

7.        Fil-fatt, minn naħa, din ir-risposta ser taffettwa wkoll is-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 (5), li ġie ssostitwit mill-1 ta’ Ottubru 2017 bir-Regolament (UE) 2017/1001 (6). Sadanittant, ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 (7). Limitazzjoni analoga għal dik li tinsab fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104 kienet tinsab fl-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Ir-Regolament Nru 2015/2424 emenda din l-aħħar dispożizzjoni billi rriproduċa, essenzjalment, il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436.

8.        Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjoni tal-effetti tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija intiża li tirrikonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni, u dan b’tali mod li d-dritt tat-trade mark ikun jista’ jissodisfa r-rwol tiegħu ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ (8).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva Nru 89/104

9.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jgħid:

“1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)      li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

c)      jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

d)      uzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]”

10.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva Nru 89/104, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, fil-paragrafu 1 tiegħu jgħid:

“1.      It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

[…]

b)      indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

c)      t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali”

2.      Id-Direttiva Nru 2008/95

11.      Id-Direttiva Nru 89/104 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva Nru 2008/95, li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Novembru 2008. Id-Direttiva Nru 2008/95 ma introduċietx emendi sostanzjali la għall-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 89/104, u lanqas għall-Artikolu 6(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva.

3.      Id-Direttiva Nru 2015/2436

12.      Id-Direttiva Nru 2015/2436, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva Nru 2008/95 b’effett mill‑15 ta’ Jannar 2019, tipprovdi, fl-Artikolu 14 tagħha, intitolat “Limitazzjoni tal-effetti ta' trade mark”:

“1.      Trade mark ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi li parti terza tuża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

[…]

c)      it-trade mark bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta' dik it-trade mark, b'mod partikolari, fejn l-użu tat-trade mark ikun meħtieġ sabiex wieħed jindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta' aċċessorji jew partijiet ta’ sostituzzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta l-użu li jsir mill-parti terza jkun f’konformità mal-prattiki onesti f’kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali.

[…]”.

B.      Id-dritt Spanjol

13.      L-Artikolu 34 tal-Ley 17/2001 de Marcas (Liġi 17/2001 dwar it-Trade Marks), tas‑7 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 294, tat‑8 ta’ Diċembru 2001, p. 45579), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trade Marks”), ittraspona l-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 89/104 fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Dan l-artikolu kien jiddisponi:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt esklużiv li jużaha fil-kummerċ.

2.      Il-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata jista’ jipprojbixxi lil kull terz, fl-assenza tal-kunsens tiegħu, milli juża fil-kummerċ:

a)      sinjal li huwa identiku mat-trade mark ma’ prodotti jew servizzi li huma identiċi ma’ dawk li għalihom it-trade mark hi rreġistrata;

b)      sinjal li, minħabba l-identità jew ix-xebh tiegħu mat-trade mark u minħabba l-identità jew ix-xebh tiegħu ma’ prodotti jew servizzi, joħloq riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku; ir-riskju ta’ konfużjoni jinkludi r-riskju li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

c)      sinjal identiku jew simili għal prodotti jew servizzi li ma humiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata, meta din it-trade mark hija magħrufa jew tgawdi minn reputazzjoni għolja fi Spanja u li l-użu tas-sinjal mingħajr raġuni leġittima jista’ jindika rabta bejn dawn il-prodotti jew servizzi u l-proprjetarju tat-trade mark jew, b’mod ġenerali, meta dan l-użu jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew il-fama jew ir-reputazzjoni għolja tat-trade mark irreġistrata jew jikkawżalhom preġudizzju”.

14.      L-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li ttraspona l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104 fid-dritt Spanjol, kien jipprovdi:

“1.      Id-dritt mogħti mit-trademark ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha li jipprojbixxi lil terz milli juża, fil-kummerċ, l-elementi li ġejjin, jekk dan l-użu jsir skont użu onest fil-qasam industrijali jew kummerċjali:

[…]

c)      it-trade mark, meta tkun neċessarja sabiex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorju jew spare part”.

15.      Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva Nru 2015/2436, il-leġiżlatur Spanjol emenda l-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      Trade mark ma tagħtix jedd lill-proprjetarju tagħha li jipprojbixxi lil terz milli juża fil-kummerċ:

[…]

c)      it-trade mark sabiex tindika jew issemmi prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, b’mod partikolari meta dan l-użu tat-trade mark huwa neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts”.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali

16.      Buongiorno Myalert SA (iktar ’il quddiem “Buongiorno”) hija impriża li, fl-2010, kienet tipprovdi servizzi ta’ informazzjoni permezz tal-internet u tan-network tat-telefonija mobbli. Fl-istess sena, hija nediet kampanja pubbliċitarja għall-abbonament għal servizz ta’ trażmissjoni ta’ kontenut multimedjali permezz ta’ SMS ikkummerċjalizzat taħt l-isem “Club Blinko”, li fil-kuntest tagħha hija kienet toffri bħala rigal il-parteċipazzjoni fi tlugħ bix-xorti fejn wieħed mill-premji kien voucher mingħand ZARA ta’ valur ta’ EUR 1 000. Wara li jikklikkja fuq banner sabiex ikollu aċċess għat-tlugħ bix-xorti, l-abbonat kien jara fuq l-iskrin ta’ wara s-sinjal “ZARA” imdawwar b’rettangolu, li jevoka l-format tal-vouchers.

17.      Il-kumpannija Industria de Diseño Textil, SA (iktar ’il quddiem “Inditex”) ippreżentat azzjoni għal kontrafazzjoni kontra Buongiorno għal ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija minn trade mark nazzjonali li tipproteġi s-sinjal “ZARA”. Insostenn ta’ din l-azzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 34(2)(b) u (c) tal-Liġi fuq it-Trade Marks, Inditex invokat raġunijiet relatati, rispettivament, mal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni kif ukoll mal-benefiċċju li jirriżulta mir-reputazzjoni tat-trademark u l-preġudizzju kkawżat lil din ir-reputazzjoni.

18.      Buongiorno ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark ZARA billi sostniet li kien sar użu speċifiku ta’ dan is-sinjal, mhux bħala trade mark, iżda sabiex tindika fiex kien jikkonsisti wieħed mir-rigali offruti lir-rebbieħa tat-tlugħ bix-xorti. Skont Buongiorno, tali użu, “bħala indikazzjoni”, jaqa’ taħt l-użu legali ta’ sinjali distintivi minn terzi rregolati mill-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Trade Marks.

19.      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talbiet ta’ Inditex. Wara li kkunsidrat li l-użu tat-trade mark ZARA minn Buongiorno ma kienx jikkostitwixxi użu “bħala indikazzjoni” li jaqa’ taħt l-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, din il-qorti qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(2)(b) u (c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks ma kinux issodisfatti.

20.      Inditex appellat minn din id-deċiżjoni billi invokat l-eżistenza ta’ kontrafazzjoni tat-trade mark skont l-Artikolu 34(2)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks. Dan l-appell ġie miċħud mill-qorti tat-tieni istanza li qieset li l-użu tat-trade mark ZARA ma kienx jippreġudika r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u ma kienx jieħu vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni.

21.      Inditex ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

22.      Fid-dawl tal-użu fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436, tal-espressjoni “b’mod partikolari”, li torbot l-imġiba iktar ġenerali (“bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark”), li ma kinitx tinsab fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104, mal-aġir iktar speċifiku msemmi f’din it-tieni direttiva (“fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts”), il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata ta’ din is-silta introdotta fl-Artikolu 14(1)(c) ta’ din l-ewwel direttiva. Hija tistaqsi jekk din hijiex spjegazzjoni ta’ element li kien jinsab impliċitament fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104 jew jekk il-portata tal-użu “bħala indikazzjoni” ġietx estiża. Skont il-qorti tar-rinviju, l-aġir ta’ Buongiorno jikkorrispondi iktar mal-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 milli ma’ dik tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104.

23.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rilevanza ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 89/104, “[f]il-każ fejn, wara li jintlaqa’ l-aggravju tal-appell ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 34(2)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, ikun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark, prevista fl-Artikolu 37(1)(c) tal-imsemmija liġi, tapplikax”.

IV.    Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2022, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Ġunju 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari, li hija fformulata kif ġej:

“L-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill [89/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir iktar ġenerali li għalih attwalment jagħmel riferiment l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva [2015/2436], jiġifieri l-użu ‘[tat]-trade mark bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark’ għandu jitqies li huwa impliċitament inkluż fil-limitazzjoni tad-dritt ta’ trade mark?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta.

V.      Analiżi

A.      Delimitazzjoni tad-domanda preliminari

26.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu, fil-kummerċ, tat-trade mark “bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark”, li issa huwa msemmi fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436, jaqax taħt din l-ewwel dispożizzjoni.

27.      Preliminarjament, fid-dawl tar-rimarki ppreżentati mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jidhirli li huwa rilevanti li nagħmel il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar id-delimitazzjoni tad-domanda preliminari.

28.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew fl-2010, filwaqt li d-domanda preliminari tirreferi għall-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104. Din id-direttiva ġiet issostitwita bid-Direttiva Nru 2008/95, li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Novembru 2008. Ċertament, din l-aħħar direttiva ma emendatx l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104, iżda madankollu tidher li hija applikabbli ratione temporis fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għad-Direttiva Nru 2008/95 u għall-Artikolu 6(1)(ċ) tagħha, u għalhekk nipproponi li d-domanda preliminari tiġi fformulata mill-ġdid f’dan is-sens (9).

29.      Fit-tieni lok, wieħed jista’ jipprova jifformula mill-ġdid id-domanda preliminari billi jikkunsidra li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, jista’ jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, l-aġir li jikkonsisti f’li terz juża t-trade mark fil-kuntest ta’ kampanja pubbliċitarja sabiex jindika premju li wieħed mill-klijenti tiegħu jista’ jirbaħ waqt tlugħ bix-xorti. Madankollu, ir-risposta għad-domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju ser tippermettilha b’mod utli li taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha, b’tali mod li ma hemmx lok li din il-qorti tiġi ssostitwita fir-rwol tagħha u li din id-domanda tiġi rriformulata.

30.      Fit-tielet lok, Buongiorno ssostni li d-domanda preliminari ma tagħmel ebda riferiment għal-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva Nru 2008/95, li jipprovdi li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jipprojbixxi lil terz milli juża, fil-kummerċ, indikazzjonijiet relatati mat-tip, il-kwalità, il-kwantità, l-iskop intiż, il-valur, l-oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-prodott jew ta’ meta ngħata s-servizz jew karatteristiċi oħra tagħhom. Issa, Buongiorno tindika li diġà invokat din id-dispożizzjoni fl-ewwel istanza sabiex tiddefendi l-legalità tal-aġir tagħha. Għaldaqstant, hija tqis li, sabiex tagħti risposta utli u eżawrjenti lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll teżamina id-domanda preliminari mill-perspettiva tal-imsemmija dispożizzjoni.

31.      Sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tesprimix dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva Nru 2008/95, lanqas ma nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda preliminari fuq dan il-punt sabiex tinterpreta wkoll din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-fakultà li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (10).

32.      Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, għandi nosserva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva Nru 2008/95 jista’ japplika biss jekk l-aġir ta’ Buongiorno jitqies bħala “użu”, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Sa fejn dan l-aspett jidher li huwa kontroversjali wkoll mill-perspettiva tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, ser nerġa’ nirreferi għal dan il-punt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-mertu tad-domanda preliminari (11).

33.      Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva Nru 2008/95 jikkostitwixxi, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, espressjoni tar-rekwiżit ta’ disponibbiltà. Sabiex terz ikun jista’ jinvoka r-rekwiżit ta’ disponibbiltà li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li l-indikazzjoni użata minnu tkun relatata ma’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodott ikkummerċjalizzat jew tas-servizz ipprovdut minn dan it-terz (12). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-twaħħil ta’ sinjal identiku ma’ trade mark irreġistrata, b’mod partikolari, għal vetturi bil-mutur fuq mudelli żgħar ta’ vetturi ta’ din it-trade mark, bl-għan li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, ma huwiex intiż li jipprovdi indikazzjoni dwar karatteristika tal-imsemmija mudelli żgħar, iżda huwa element tar-riproduzzjoni fidila tal-vetturi oriġinali (13).

34.      F’dan il-każ, il-fatt li terz juri t-trade mark ta’ proprjetarju fil-kuntest ta’ kampanja pubbliċitarja sabiex jindika premju li l-klijenti tiegħu jistgħu jirbħu waqt tlugħ bix-xorti jwassal eventwalment sabiex jindika pjuttost karatteristika tal-prodott tal-proprjetarju milli karatteristika tas-servizz ta’ provvista ta’ kontenuti multimedjali propost mill-imsemmi terz. Fil-fatt, anki jekk jitqies li Inditex kienet ikkummerċjalizzat vouchers li għandhom il-karatteristiċi msemmija fil-kampanja pubbliċitarja ta’ Buongiorno, wieħed ma jistax jikkunsidra li r-riproduzzjoni ta’ dawn il-vouchers f’din il-kampanja pubbliċitarja kienet intiża sabiex tipprovdi indikazzjoni dwar karatteristika tas-servizz ipprovdut minn Buongiorno.

35.      Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju, wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk l-aġir ta’ Buongiorno jaqax taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva Nru 2008/95, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”. Din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi li d-dritt mogħti mit-trade mark ma kienx jippermetti lill-proprjetarju tagħha jipprojbixxi l-użu tagħha għal prodotti li kienu tqiegħdu fis-suq fil-Komunità taħt din it-trade mark, mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li huwa jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti.

36.      Mingħajr preġudizzju għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, għandi nosserva, qabel xejn, li l-qorti tar-rinviju ma titlobx l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva Nru 2008/95. Sussegwentement, Inditex issostni li, fl-assenza tal-ewwel bejgħ tal-prodott, jiġifieri l-voucher, jew ta’ tqegħid fis-suq għall-ewwel darba bil-kunsens tagħha, id-dritt tagħha ta’ trade mark ma kienx eżawrit fil-mument tal-użu tat-trade mark tagħha minn Buongiorno. Fl-aħħar nett, din il-kumpannija ssostni, f’kuntest ieħor, li hija ma tikkummerċjalizzax, u lanqas ma kienet tikkummerċjalizza f’dak iż-żmien, vouchers li għandhom il-karatteristiċi indikati fil-kampanja pubbliċitarja. Għaldaqstant, dan kien prodott ineżistenti.

37.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li nanalizza l-problema legali mqajma mid-domanda preliminari esklużivament mill-perspettiva tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 u l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436. Madankollu, preliminarjament, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-partijiet u dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

B.      Fuq l-ammissibbiltà

38.      Inditex tqajjem żewġ argumenti sabiex issostni li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli.

39.      Fl-ewwel lok, Inditex tosserva li, kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju stess (14), l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 tista’ tkunilha utli biss jekk l-appell ta’ kassazzjoni, li fuqu din il-qorti għandha tiddeċiedi, jintlaqa’ minħabba ksur tal-Artikolu 34(2)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li, bħala dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-leġiżlatur Spanjol implimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, tagħti protezzjoni speċjali lit-trade marks li għandhom “reputazzjoni”. Madankollu, skont Inditex, l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni msemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni bl-ebda mod ma huwa konformi mal-użu onest fil-qasam industrijali jew kummerċjali, b’tali mod li l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-direttiva msemmija ma jistax jiġi invokat minn terz li jagħmel użu minn din it-trade mark. Inżid ngħid, anki jekk nantiċipa l-argumenti ulterjuri tiegħi, li l-argument imressaq minn Inditex sabiex issostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli jista’ wkoll jiġi analizzat, mill-perspettiva tal-mertu, bħala argument dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq (15).

40.      Fit-tieni lok, Inditex tafferma li, fi kwalunkwe każ, ir-risposta għad-domanda preliminari ma hijiex utli, peress li hija b’mod ċar insuffiċjenti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ dritt imqajma fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-użu ta’ trade mark “bħala indikazzjoni” ma huwiex fih innifsu legali. Il-legalità ta’ tali użu teżiġi li dan isir “skont prattiki onesti fil-kamp industrijali jew kummerċjali” u josserva r-regoli tal-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark f’każ ta’ tranżazzjonijiet li jirrigwardaw prodotti ta’ ħaddieħor.

41.      F’dan ir-rigward, l-argument li domanda preliminari tistrieħ fuq premessa li fuqha l-qorti tar-rinviju għad trid tiddeċiedi, b’tali mod li din id-domanda għandha tiġi kkunsidrata li hija prematura u ipotetika (16), jew dak li r-risposta li għandha tingħata għal domanda preliminari ma hijiex biżżejjed sabiex issolvi l-kawża prinċipali (17) ma jwasslux awtomatikament għall-konklużjoni li din id-domanda hija inammissibbli.

42.      Fil-fatt, hija biss il-qorti nazzjonali, adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, ir-rilevanza tad-domanda li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (18).

43.      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Ċertament, sabiex tiddeċiedi fuq l-appell ta’ kassazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha twettaq l-evalwazzjonijiet preċedenti dwar il-problema legali mqajma mid-domanda preliminari (l-użu ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95) u tipproċedi, eventwalment, għall-evalwazzjonijiet addizzjonali u sussegwenti għaliha (l-użu konformi mal-użu onest fil-qasam industrijali jew kummerċjali). Madankollu, ma jidhirx b’mod manifest li l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 ma huwiex intiż li japplika f’sitwazzjoni fejn trade mark tidher fil-kuntest ta’ kampanja pubbliċitarja ta’ terz sabiex jindika premju li klijent ta’ dan it-terz jista’ jirbaħ meta jittella’ bix-xorti.

44.      Barra minn hekk, mingħajr ma tikkontesta espressament l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-Kummissjoni ssostni li, peress li jidher li l-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-użu tat-trade mark ZARA ma kien jaqa’ taħt ebda wieħed mill-każijiet ta’ “użu tat-trade mark” previsti fl-Artikolu 34 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li permezz tiegħu l-leġiżlatur Spanjol ittraspona l-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 89/104, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Trade Marks u fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 humiex issodisfatti f’dan il-każ. Madankollu, inqis li l-argument tal-Kummissjoni ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tad-domanda preliminari għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-argumenti ta’ Inditex.

45.      Fil-fatt, għalkemm jien nifhem l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-pożizzjoni tagħha li l-aġir ta’ Buongiorno ma kienx jikkostitwixxi użu, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 89/104, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju ma tesprimix dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ma jistax iwassal għall-konklużjoni tal-inammissibbiltà tad-domanda preliminari (19).

46.      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

C.      Fuq il-mertu

47.      Qabel ma nindirizza l-problema legali mqajma mid-domanda preliminari, ser nanalizza fil-qosor l-aspett invokat mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-aġir ta’ Bunogiorno li jikkonsisti fl-“użu minn sinjal identiku jew simili għat-trade mark li għandha reputazzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 89/104.

48.      Din l-analiżi hija ta’ interess doppju. Fil-fatt, minn naħa, sabiex l-Artikolu 6 tad-Direttiva Nru 2008/95 ikun jista’ japplika, terz għandu jagħmel użu minn sinjal li l-proprjetarju tiegħu jista’ jopponi, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-argument ta’ Inditex dwar l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari jista’ jinqara wkoll bħala argument dwar il-mertu, li jgħid li l-Artikolu 6(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva fl-ebda każ japplika ma jista’ meta jkun użu relatat ma’ trade mark li għandha reputazzjoni, kif hemm fl-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva.

1.      Fuq l-użu ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95

49.      Il-kwistjoni dwar jekk l-aġir ta’ terz li jikkonċerna trade mark jistax ikun leġittimu fid-dawl tar-regola prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 tqum biss jekk dan l-aġir jitqies li jikkostitwixxi użu, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (20).

50.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda preliminari tagħha fil-każ li hija tilqa’ l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 34(2)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li permezz tiegħu l-leġiżlatur Spanjol implimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95. Fi kliem ieħor, qabel ma tiddeċiedi dwar l-argument ibbażat fuq l-użu bħala indikazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra li l-aġir ta’ Buongiorno kien jikkostitwixxi użu ta’ sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni, li mingħajr raġuni ġġustifikata jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jew tikkawżalhom ħsara.

51.      Kif diġà osservajt fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-argument ta’ Inditex dwar in-natura ipotetika tad-domanda preliminari jista’ jinftiehem fis-sens li, skont din il-kumpannija, id-dritt ta’ proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu msemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95 fl-ebda każ ma huwa ċirkoskritt mil-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark, prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

52.      F’dan ir-rigward, Inditex issostni, minn naħa, li użu tat-trade mark bħala indikazzjoni għandu jkun, kif jeżiġi l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1), in fine, ta’ din id-direttiva, konformi mal-użu onest fil-qasam industrijali jew kummerċjali. Skont hi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Gillette Company u Gillette Group Finland (21), li l-użu ta’ trade mark ma huwiex konformi ma’ tali użu onest, b’mod partikolari meta jaffettwa l-valur tat-trade mark billi jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tagħha. Hija tindika, min-naħa l-oħra, li l-użu ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva msemmija, jikkonsisti f’użu ta’ sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni li, mingħajr raġuni ġġustifikata, jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jew tikkawżalhom ħsara.

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont Inditex, il-kundizzjonijiet tal-użu legali previsti fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 jikkoinċidu ma’ dawk tal-użu relatat ma’ trade mark li għandha reputazzjoni li l-proprjetarju tagħha jista’ jopponi, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jeskludu lil xulxin reċiprokament. Minn dan hija tikkonkludi li terz li jagħmel użu minn trade mark li għandha reputazzjoni, li huwa illegali skont l-Artikolu 5(2) tad-direttiva msemmija, ma jistax jinvoka użu “bħala indikazzjoni”.

54.      Għalkemm nista’ nifhem dan l-argument, naħseb li kunsiderazzjonijiet ta’ natura sistemika u ġurisprudenzjali jipprekludu tali interpretazzjoni stretta li, minn qabel u fi kwalunkwe każ, teskludi l-applikabbiltà konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

55.      Qabel ma nesponi dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandi nosserva li xejn ma jissuġġerixxi li, waqt l-implimentazzjoni tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95, il-leġiżlatur Spanjol xtaq jeskludi tali applikabbiltà konġunta tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, ma hemmx lok li wieħed jistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, waqt tali implimentazzjoni, il-leġiżlatur nazzjonali jistax jiddeċiedi li ma jissuġġettax id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark li għandha reputazzjoni għal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

a)      Fuq l-artikolazzjoni bejn l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95

56.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva Nru 2008/95 hija intiża biss sabiex tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju tagħha, jiġifieri li jiżgura li din tal-aħħar tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fl-ewwel lok, li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark għandu jkun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark. Issa, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, favur trade marks li għandhom reputazzjoni, protezzjoni iktar estiża minn dik prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Il-kundizzjoni speċifika ta’ din il-protezzjoni hija kkostitwita minn użu mingħajr raġuni ġġustifikata ta’ sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark irreġistrata li jieħu jew allegatament jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark jew jikkawżalhom ħsara (22).

57.      Għaldaqstant, fit-tieni lok, b’differenza mill-ipoteżi li taqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva Nru 2008/95, l-eżerċizzju tad-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li għandha reputazzjoni ma jippreżumix l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat (23).

58.      Minkejja li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95 jiddistingwi tliet każijiet ta’ preġudizzju differenti, jiġifieri d-dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark, id-dannu kkawżat lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u l-vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (24), f’dan il-każ, Inditex sostniet, insostenn tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tagħha, li Buongiorno kienet kisbet vantaġġ mir-reputazzjoni li għandha t-trade mark tagħha u kienet ippreġudikat din ir-reputazzjoni.

59.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżami tal-eżistenza ta’ preġudizzju msemmi fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 – u, b’estensjoni, dak imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95 – għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ prossimità tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (25).

60.      Barra minn hekk, meta l-proprjetarju tat-trade mark li għandha reputazzjoni jasal biex jipprova l-eżistenza ta’ wieħed mill-ksur imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95, huwa t-terz li jkun għamel użu minn sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni li għandu jistabbilixxi li l-użu ta’ tali sinjal għandu raġuni ġġustifikata. L-invokazzjoni minn terz ta’ raġuni ġġustifikata għal tali użu b’hekk iġġiegħel lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark jittollera l-użu ta’ dan is-sinjal (26).

61.      Mad-daqqa ta’ għajn, l-invokazzjoni ta’ raġuni ġġustifikata għall-użu ta’ sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni twassal għall-istess riżultat bħall-invokazzjoni tal-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark, prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva Nru 2008/95. Fiż-żewġ każijiet, il-proprjetarju għandu jittollera l-użu ta’ sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark tiegħu.

62.      Madankollu, sabiex terz ikun jista’ jinvoka l-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark, prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95, l-użu ta’ sinjal għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni kif ukoll, kif jeżiġi l-Artikolu 6(1) in fine ta’ din id-direttiva, ikun konformi mal-użu onest fil-qasam industrijali jew kummerċjali.

63.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu stabbiliti l-limiti tal-kunċetti ta’ “raġuni valida” u “skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali”, użati rispettivament fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95 u fl-Artikolu 6(1)(ċ), in fine, ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-assenza ta’ “raġuni valida”, fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, timplikax li l-użu ma huwa, fl-ebda każ, “onest”, fis-sens ta’ din it-tieni dispożizzjoni.

64.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fuq livell letterali teżisti differenza bejn dawn iż-żewġ kunċetti, b’tali mod li l-identiċità tat-tifsira tagħhom ma tistax tiġi preżunta.

65.      Fit-tieni lok, fuq livell sistemiku, l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 ma jinkludi ebda riżerva li tista’ teskludi l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ ta’ preġudizzju għal trade mark li għandha reputazzjoni, prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva. Ċertament, wieħed jista’ jargumenta li tali riżerva ma ġietx introdotta fit-test tad-direttiva msemmija minħabba li l-limitazzjoni prevista f’din l-ewwel dispożizzjoni għandha obbligatorjament tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali, filwaqt li huwa kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi jekk jixtieqx jimplimenta l-possibbiltà prevista f’din it-tieni dispożizzjoni. Madankollu, dispożizzjonijiet analogi għall-Artikolu 5(2) u għall-Artikolu 6(1)(ċ) tal-istess direttiva jinsabu fis-sistema tat-trade marks tal-Unjoni li ma tħalli ebda marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri (27).

66.      Fit-tielet lok, minn naħa, il-kundizzjoni ta’ “użu onest” tikkostitwixxi, essenzjalment, l-espressjoni ta’ obbligu ta’ lealtà fir-rigward tal-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark (28). Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “raġuni valida” għandu t-tendenza li jsib bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95 u fid-dawl tal-protezzjoni estiża li tgawdi minnha t-trade mark ikkonċernata, l-interessi tat-terz li juża dan is-sinjal (29). Il-kunċett ta’ “raġuni valida” ma jistax jinkludi biss raġunijiet oġġettivament imperattivi, iżda jista’ wkoll ikun marbut mal-interessi suġġettivi ta’ terz li jagħmel użu minn sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni (30).

67.      Għalkemm uħud mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu jikkoinċidu, il-perspettiva adottata fil-kuntest ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ma hijiex l-istess. B’mod semplifikat, il-kundizzjoni ta’ “raġuni valida” tiffoka pjuttost fuq il-perspettiva ta’ terz u tal-interessi tiegħu, filwaqt li dik ta’ “użu onest” tadotta l-perspettiva tal-proprjetarju. Bħala estensjoni ta’ din l-osservazzjoni, l-importanza mogħtija lil element meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet tista’ wkoll tkun differenti.

68.      Fir-raba’ lok, l-istess japplika fir-rigward tal-elementi li, minn naħa, jifformaw wieħed mit-tliet każijiet ta’ preġudizzju għat-trade mark li għandha reputazzjoni, previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95, u li, min-naħa l-oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ “użu onest”, fis-sens tal-Artikolu 6(1), in fine, ta’ din id-direttiva. Sabiex tispjega dan, kif tirrileva Inditex, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet, fis-sentenza Gillette Company u Gillette Group Finland (31), li l-użu ta’ sinjal ma huwiex konformi mal-użu onest, b’mod partikolari meta jaffettwa l-valur tat-trade mark billi jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tagħha. Madankollu, skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġi kkonstatat dannu għal trade mark li għandha reputazzjoni, huwa biżżejjed li terz jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, mingħajr ma l-aġir tiegħu jaffettwa l-valur tal-imsemmija trade mark.

69.      Barra minn hekk, it-tagħlim li jista’ jinsilet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkostitwixxi, huwa wkoll, indizju serju li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 tista’ tapplika wkoll meta l-proprjetarju jista’, a priori, jinvoka dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

b)      Fuq il-ġurisprudenza rilevanti

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Adam Opel (32), dwar l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva Nru 89/104. Fl-ewwel lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja inizjalment qieset li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kien hemm lok ukoll li l-qorti tar-rinviju tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, hija madankollu ħalliet lill-qorti tar-rinviju l-evalwazzjoni ta’ natura fattwali relatata mal-kwistjoni dwar jekk l-użu inkwistjoni kienx jikkostitwixxi użu mingħajr raġuni ġġustifikata li jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata, jew li jippreġudikahom (33). Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 6(1)(b) tad-imsemmija direttiva, billi rreferiet ukoll għall-Artikolu 6(1)(ċ) tal-istess direttiva (34). Għandi nenfasizza, f’dan ir-rigward, li, kemm il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva Nru 89/104 kif ukoll dik prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tagħha huma suġġetti għall-kundizzjoni li l-użu jsir b’mod konformi mal-użu onest fil-kamp industrijali jew kummerċjali.

71.      Bl-istess mod, fis-sentenza adidas u adidas Benelux (35), fid-dawl tal-fatt li ma kienx ikkontestat li l-kawża kienet tikkonċerna trade mark li għandha reputazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tat, fl-ewwel lok, interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 89/104 u, fit-tieni lok, mingħajr ebda riżerva, tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva (36).

72.      F’din il-linja ta’ ideat, f’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark prevista fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva Nru 2008/95, suġġetta wkoll għall-kundizzjoni ta’ użu onest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Céline (37), li l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li din hija trade mark li tgawdi, fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata u fejn tintalab il-protezzjoni tagħha, minn ċerta reputazzjoni li minnha t-terz jista’ jieħu vantaġġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu. Abbażi ta’ din is-sentenza, jista’ jiġi sostnut li, jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk terz jistax jinvoka waħda mil-limitazzjonijiet tal-effetti tat-trade mark, previsti fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, ma jistax jitqies li kull ħsara għal trade mark li għandha reputazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-direttiva msemmija, hi eżenti minn dawn il-limitazzjonijiet.

73.      Minn din il-ġurisprudenza niddeduċi li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżistix neċessarjament kontradizzjoni bejn, minn naħa, l-eżistenza ta’ użu li l-proprjetarju ta’ trade mark li għandha reputazzjoni jista’, a priori, jopponi abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva Nru 2008/95 u, min-naħa l-oħra, l-użu minn terz tal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

74.      Għalhekk issa għandna nduru għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95.

2.      Fuq l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95

75.      Fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda wkoll il-kuntest tagħha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (38).

76.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-paragun fuq livell letterali tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 u tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 jissuġġerixxi li l-użu uniku li jillimita l-effetti tat-trade mark (“fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts”) issa jikkostitwixxi wieħed mill-każijiet tal-użu leġittimu li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jopponi. Fil-fatt, l-Artikolu 14 tad-Direttiva Nru 2015/2346 jipprovdi, fl-ewwel lok, li issa jkopri l-użu tat-trade mark sabiex jindika jew isemmi prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark u, fit-tieni lok, li huwa jirriproduċi l-kontenut leġiżlattiv tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 u li jippreċedih bl-espressjoni “b’mod partikolari”.

77.      Fit-tieni lok, din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-analiżi tax-xogħol preparatorju relatat mad-Direttiva Nru 2015/2436.

78.      Fil-fatt, l-ewwel nett, jirriżulta mill-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni li kien “meqjus li hu xieraq ukoll li tiġi stipulata […] limitazzjoni espliċita li tkopri użu referenzjali b’mod ġenerali (39). Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 sempliċement jiċċara jew jippreċiża l-limiti tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104. Il-kliem “meqjus li hu xieraq ukoll li tiġi stipulata” jindika r-rieda ta’ din l-istituzzjoni li tipproponi li tintroduċi restrizzjoni tal-effetti tat-trade mark li tkopri b’mod ġenerali l-użu bħala indikazzjoni. Barra minn hekk, kienet mill-bidu n-natura ġenerali ta’ din il-limitazzjoni li kienet tiddistingwiha mil-limitazzjoni prevista mid-Direttivi 89/104 u 2008/95, peress li din l-aħħar limitazzjoni għandha portata speċifika u, għaldaqstant, iktar ridotta.

79.      Sussegwentement, f’din il-linja ta’ ħsieb, il-formulazzjoni inizjali tal-premessa 25 ta’ din il-proposta għal direttiva li tirreferi għall-użu bħala riferiment kienet iktar ċara minn dik tal-premessa 27 tad-Direttiva Nru 2015/2436 fir-rigward tal-intenzjoni li tiġi estiża l-portata tal-limitazzjoni li kienet tinsab preċedentement fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 (40). Fil-fatt, din il-premessa 25 kienet tindika li, “il-proprjetarju ma għandux ikun intitolat milli jipprevjeni l-użu ġenerali (41), ġust u onest tal-marka biex jidentifika jew jirreferi għall-merkanzija jew servizzi bħala li huma tal-proprjetarju” (42).

80.      Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jwessa’ l-portata tal-limitazzjoni li issa hija prevista fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 ma hijiex ikkontestata mid-dibattitu li seħħ matul ix-xogħol preparatorju.

81.      Fil-fatt, filwaqt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet issemmi, f’termini kważi identiċi ma’ dawk użati fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436, l-użu tat-“trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts”, il-Parlament ippropona li jiġu introdotti xi eżempji addizzjonali tal-użu legali (43), jiġifieri, b’mod partikolari, l-użu li “(j)sir biex jinġieb għall-attenzjoni tal-konsumaturi l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti ġenwini li oriġinarjament ikunu nbiegħu mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu;” u l-użu li “(j)sir għall-finijiet ta’ parodija, espressjoni artistika, kritika jew kumment”. Madankollu, il-Kunsill oppona din il-proposta (44).

82.      Il-Kummissjoni finalment qablet mal-pożizzjoni tal-Kunsill (45), filwaqt li pproponiet li tiġi riflessa, tal-inqas parzjalment, il-pożizzjoni tal-Parlament fil-premessa 27 tad-Direttiva Nru 2015/2436, li tgħid li “[l]-użu ta’ trade mark li jsir minn partijiet terzi biex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur għar-rivendita ta’ oġġetti ġenwini li oriġinarjament inbiegħu mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu fl-Unjoni għandu jitqies bħala ġust sakemm ikun fl-istess ħin f’konformità ma’ prattika onesta fi kwistjonijiet industrijali u kummerċjali. L-użu ta’ trade mark li jsir minn partijiet terzi għall-fini ta’ espressjoni artistika għandu jitqies bħala ġust sakemm ikun fl-istess ħin f’konformità ma’ prattika onesta fi kwistjonijiet industrijali u kummerċjali. Barra minn hekk, din id-Direttiva għandha tiġi applikata b’mod li jiżgura r-rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni.”

83.      Fit-tielet lok, il-portata limitata tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 meta mqabbla ma’ dik tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 tidher li hija kkonfermata mill-analiżi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

84.      F’dan ir-rigward, b’riferiment għas-sentenzi Gillette Company u Gillette Group Finland (46) u Portakabin (47), il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li llimitat il-portata tal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104 għall-użu neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott.

85.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat f’dawn is-sentenzi li s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 għandhom ikunu limitati għal dawk li jikkorrispondu mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-fornituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi li huma komplimentari għal prodotti jew għal servizzi offruti mill-proprjetarju ta’ trade mark, jużaw din it-trade mark sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar ir-rabta utilitarja li teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi tagħhom u dawk tal-imsemmi proprjetarju tat-trade mark (48).

86.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet fil-qosor, fis-sentenza Adam Opel (49), l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104 billi kkunsidrat li t-twaħħil, fuq mudelli żgħar ta’ vetturi, ta’ trade mark ikkostitwita mil-logo ta’ manifattur ma kellux l-għan li jindika l-użu intenzjonat ta’ dawn il-mudelli-ġugarelli. Minn dan jista’ jiġi dedott, a contrario, li t-twaħħil ta’ trade mark fuq prodott ta’ terz sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ dan il-prodott jista’ jaqa’ taħt il-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

87.      F’din il-linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha kkunsidrat ukoll, fis-sentenza BMW (50), li huwa biss użu li jindika l-użu intenzjonat ta’ prodott jew ta’ servizz ta’ terz li jikkostitwixxi użu leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, f’din is-sentenza, li “l-użu tat-trade mark sabiex il-pubbliku jiġi informat li min jirreklama jsewwi u jżomm il-prodotti koperti minn din it-trade mark jikkostitwixxi użu li jindika l-iskop intiż ta’ servizz fis-sens [ta’ din id-dispożizzjoni]. Fil-fatt, bħall-użu ta’ trade mark intiża sabiex tidentifika l-vetturi li għalihom jaqbel spare part mhux oriġinali, l-użu inkwistjoni jsir sabiex jiġu identifikati l-prodotti li huma s-suġġett tas-servizz mogħti” (51).

88.      Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni li l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 89/104 kellu portata relattivament imnaqqsa meta mqabbel ma’ dik tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 hija sostnuta b’mod wiesa’ mill-awturi tad-duttrina.

89.      Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ limitazzjoni ġenerali bħala indikazzjoni għal emenda tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 u tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet ġiet proposta mill-awturi tad-duttrina qabel l-adozzjoni tad-Direttiva Nru 2015/2436 u tar-Regolament 2015/2424 (52). Kif indikajt fil-punti 78 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li jsegwi l-approċċ irrakkomandat minn dawn l-awturi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-formulazzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 u tal-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament 2015/2424, l-awturi msemmija jsostnu li l-portata tagħhom hija iktar estiża minn dik tad-dispożizzjonijiet analogi tad-Direttiva Nru 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009 (53).

90.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95 u dwar l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll ta’ dawk ta’ natura ġurisprudenzjali u dottrinali, nipproponi li d-domanda preliminari tingħata r-risposta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-użu fil-kummerċ, tat-trade mark “bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark”, li issa huwa msemmi fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436, ma jaqax taħt din l-ewwel dispożizzjoni, sakemm ma jkunx użu neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz ta’ dan it-terz (54).

VI.    Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva Nru 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks

għandu jiġi interpretat fis-sens li

l-użu, fil-kummerċ, tat-trade mark “bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark”, li issa huwa msemmi fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, ma jaqax taħt din l-ewwel dispożizzjoni, sakemm ma jkunx użu neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz ta’ dan it-terz.

1      Il-punti 78 u 79 ta’ dan it-test ġew suġġetti għal modifika ta’ tip tipografiku, wara li tqiegħed online għall-ewwel darba.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).


3      Direttiva Nru 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25)


4      Direttiva (UE) Nru 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).


5      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).


6      Regolament (UE) Nru 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).


7      Regolament (UE) Nru 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 1; fil-ĠU 2016, L 110, , p. 4; fil-ĠU 2016, L 71, p. 322).


8      Ara, kemm fir-rigward tas-sistema tat-trade marks nazzjonali kif ukoll ta’ dik tat-trade marks tal-Unjoni, id-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company (C‑500/14, EU:C:2015:680, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 32). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2000, Darbo (C‑465/98, EU:C:2000:184, punt 19).


11      Ara l-punti 49 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, adidas u adidas Benelux (C‑102/07, EU:C:2008:217, punti 46 u 47).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 44).


14      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara l-punti 49 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Ara, dwar din il-kwistjoni, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, RegioJet (C‑57/21, EU:C:2023:6, punti 95 sa 97).


17      Ara, dwar din il-kwistjoni, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2008, Trespa International (C‑248/07, EU:C:2008:607, punti 31 sa 37).


18      Ara, reċentement, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan) (C‑756/21, EU:C:2023:523, punt 36).


19      Ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sa fejn jikkonċernaw l-argument li domanda preliminari hija bbażata fuq premessa li qorti tar-rinviju għad trid tiddeċiedi dwarha, b’tali mod li din id-domanda għandha titqies bħala prematura u ipotetika.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, EU:C:1999:82, punt 45).


21      Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005 (C‑228/03, EU:C:2005:177).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries (C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 32 u 33).


23      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, ÖKO-Test Verlag (C‑690/17, EU:C:2019:317, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 72).


25      Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et (C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 39).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries (C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 46).


27      Ara l-Artikolu 9(1)(c) u l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 207/2009.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (63/97, EU:C:1999:82, punt 61).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries (65/12, EU:C:2014:49, punt 46).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries (C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 44 u 45).


31      Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005 (C‑228/03, EU:C:2005:177).


32      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007 (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 32).


33      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 36).


34      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 38 u 45).


35      Sentenza tal‑10 ta’ April 2008 (C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 37).


36      Sentenza tal‑10 ta’ April 2008, adidas u adidas Benelux (C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 37).


37      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007 (C‑17/06, EU:C:2007:497, punt 34).


38      Ara, reċentement, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja) (C‑430/22 u C‑468/22, EU:C:2023:458, punt 24).


39      Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks [COM(2013) 162 final]. Il-korsiv huwa miżjud minni.


40      Il-premessa 27 tad-Direttiva Nru 2015/2436, li tiċċara l-kontenut regolatorju tal-Artikolu 14(1)(c) tagħha, tindika li “d-drittijiet esklużivi mogħtija minn trademark tal-[Unjoni] ma għandhomx jagħtu d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu ta’ sinjali jew indikazzjonijiet minn partijiet terzi li jintużaw b’mod ġust u għaldaqstant skont prattiki onesti f’materji industrijali u kummerċjali […]. [I]l-proprjetarju ma għandux ikun intitolat li jipprevjeni l-użu ġust u onest tal-marka għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ jew ir-referenza għall-oġġetti jew is-servizzi bħala li huma tal-proprjetarju. Il-korsiv huwa miżjud minni.


41      Jew, skont il-verżjoni Ingliża, “general [...] use”.


42      Il-korsiv huwa tiegħi.


43      P7_TA(2014)0119 Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑25 ta’ Frar 2014 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) (COM(2013)0162 – C7-0088/2013 – 2013/0089(COD)): disponibbli fl-indirizz segwenti: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-7-2014-0119_MT.html.


44      P7_TA(2014)0119 Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑25 ta’ Frar 2014, op. cit.


45      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-trade marks [COM(2015) 588 final].


46      Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005 (C‑228/03, EU:C:2005:177).


47      Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010 (C‑558/08, EU:C:2010:416).


48      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland (C‑228/03, EU:C:2005:177, punti 33 u 34), u tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 64).


49      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007 (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 39).


50      Sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999 (C‑63/97, EU:C:1999:82).


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, EU:C:1999:82, punt 59).


52      Ara, b’mod partikolari, Knaak, R., Kur, A., von Mühlendahl, A., “The Study on the Functioning of the European Trade Mark System”, Max Planck Institute for Intellectual Property and Competition Law Research Paper, 2012, Nru 12‑13, 2012, p. 15: “L-istudju jipproponi limitazzjoni ġenerali tal-użu tat-trade marks bħala indikazzjoni jew riferiment għall-prodotti jew servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark” (traduzzjoni libera).


53      Ara Kur, A., Senftleben, M., European Trade Mark Law, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 421, punti 6.39 sa 6.41, u p. 429, punt 6.62.


54      Għandi nippreċiża li l-proposta tiegħi għal risposta ma tistax tinqara fis-sens li l-aġir ta’ Buongiorno kien jaqa’ taħt l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva Nru 2015/2436 kieku din id-direttiva kienet applikabbli fil-kawża prinċipali. Tali kunsiderazzjoni tiddependi minn konstatazzjoni ta’ natura fattwali. Barra minn hekk, moqrija f’dan is-sens, il-proposta tiegħi għal risposta ma hijiex utli għall-qorti tar-rinviju sa fejn l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis fit-tilwima fil-kawża prinċipali.