Language of document : ECLI:EU:C:2023:654

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C371/22

G sp. z o.o.

vs

W S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis‑Sąd Okręgowy w Warszawie (Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il‑Polonja)),

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(5) u (7) – Protezzjoni tal-konsumaturi – Dritt tal-klijent, b’osservanza tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt, li effettivament ikun jista’ jbiddel faċilment lill-fornitur – Kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss konkluż minn impriża żgħira – Penalità kuntrattwali għax-xoljiment antiċipat tal-kuntratt – Ammont tal-penalità li jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti x-xoljiment ‘mingħajr spejjeż u kumpensi għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt’”






I.      Daħla

1.        Id-Direttiva 2009/72/KE (2), li tistabbilixxi regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, tipprevedi, fl-Artikolu 3(5) u (7) tagħha, li meta konsumatur tal-elettriku jkun jixtieq jibdel il-fornitur, b’osservanza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, dan id-dritt jingħatalu b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien, u li jkun jista’ jbiddel faċilment lill-fornitur.

2.        Penalità kuntrattwali applikata fuq impriża żgħira mill-fornitur preċedenti tagħha, minħabba x-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, bl-għan li tibdel il-fornitur, u li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt, hija kompatibbli mad-dritt ta’ dan il-klijent li jaqleb il-fornitur b’mod effettiv u faċli fis-sens tal-Artikolu 3(5) u (7) ta’ din id-direttiva? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja).

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G sp. z o.o., impriża li timpjega inqas minn 50 persuna (iktar ’il quddiem il-“kumpannija G”), u W S.A., fornitur tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“fornitur W”), dwar il-ħlas ta’ penalità kuntrattwali minħabba xoljiment antiċipat tal-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku li jorbot lil dawn iż-żewġ partijiet.

4.        Din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jinstab bilanċ, fil-kuntest tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, bejn, minn naħa, id-dritt mogħti lill-klijent li effettivament ikun jista’ jbiddel faċilment lill-fornitur u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-fornitur preċedenti li jikseb kumpens għan-nuqqas ta’ konsum tal-elettriku li l-klijent kien intrabat li jixtri mingħandu skont kuntratt konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 2009/72

5.        Skont il-premessi 1, 3, 42, 52 u 57 tad-Direttiva 2009/72:

“(1)      Is-suq intern fil-qasam tal-elettriku, li ġie implimentat progressivament fil-Komunità kollha sa mill‑1999, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jinkiseb titjib fl-effiċjenza, prezzijiet kompettitivi, u standards ogħla ta’ servizzi, u għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità.

[…]

(3)      Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni — inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

[…]

(42)      L-industrija u l-kummerċ kollu tal-Komunità, inklużi l-impriżi żgħar u medji, u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’mod partikolari, il-klijenti domestiċi u, fejn l-Istati Membri jkunu jikkunsidraw bħala adatt, l-impriżi ż-żgħar għandhom igawdu wkoll il-garanziji tas-servizz pubbliku […]. Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

[…]

(52)      Il-konsumaturi għandu jkollhom informazzjoni ċara u li tiftiehem dwar id-drittijiet tagħhom rigward is-settur tal-enerġija. […]

[…]

(57)      Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta u ta’ aċċess faċli għall-fornituri differenti kif ukoll it-trawwim ta’ kapaċità ġdida għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ġdida, għandhom ikunu tal-ogħla importanza għall-Istati Membri sabiex jippermettu li l-konsumaturi jaħtfu bis-sħiħ l-opportunitajiet ta’ suq intern liberalizzat tal-elettriku.”

6.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

7.        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 7, 9 sa 12 u 19 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7.       ‘klijent’ tfisser klijenti bl-ingrossa jew klijenti finali tal-elettriku;

[…]

9.      ‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

10.      ‘klijent domestiku’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tiegħu fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali;

11.       ‘klijent mhux domestiku’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha u għandhom ikunu inklużi produtturi u klijenti bl-ingrossa;

12.       ‘klijent eliġibbli’ tfisser klijent li jkun ħieles li jixtri l-elettriku mill-fornitur tal-għażla tiegħu fis-sens tal-Artikolu 33;

[…]

19.      ‘provvista’ tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti;”

8.        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 sa 5 u 7 tiegħu:

“3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jqisu adatt, l-impriżi ż-żgħar, (jiġifieri impriżi b’anqas minn 50 persuna impjegata u b’turnover annwali jew karta tal-bilanċ li ma tkunx taqbeż EUR 10 000 000), ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet raġonevoli, kumparabbli faċilment u b’mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji. […]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi kollha jkunu intitolati li jkollhom l-elettriku tagħhom ipprovdut minn fornitur, suġġett għal qbil tal-fornitur, irrispettivament f’liema Stat Membru jkun reġistrat il-fornitur, sakemm li l-fornitur jimxi mar-regoli dwar il-kummerċ u ta’ bilanċ applikabbli. […]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      fejn konsumatur, filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali, jixtieq li jbiddel il-fornitur, il-bidla għandha ssir mill-operatur(i) kkonċernat(i) fi żmien tliet ġimgħat; kif ukoll

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija f’punti (a) u (b) huma mogħtija lill-konsumaturi kollha b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien.

[…]

7.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. F’dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi il-kunċett ta’ klijenti vulnerabbli li jista’ jirreferi għall-faqar enerġetiku u, fost l-oħrajn, għall-projbizzjoni tal-iskonnettar ta’ dawn il-klijenti fi żminijiet kritiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi marbutin mal-klijenti vulnerabbli jiġu applikati. B’mod partikolari, għandhom jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-klijenti finali f’żoni remoti. Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ jaqleb b’mod faċli għal ma’ fornitur ġdid. Fir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi, dawk il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.”

9.        L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Ftuħ tas-suq u reċiproċità”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jinkludu:

[…]

c)      mill‑1 ta’ Lulju 2007, lill-klijenti kollha.”

10.      L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur”, jistabbilixxi, fil-punt 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod [(3)] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April  1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur [(4)], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

(a)      għandhom id-dritt ta’ kuntratt mal-fornitur tas-servizz tal-elettriku tagħhom li jispeċifika:

[…]

it-tul tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt u jekk huwiex permess li wieħed jirtira mill-kuntratt bla ħlas;

[…]

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. […]

[…]

e)      ma għandhomx iħallsu talli jibdlu l-fornitur;

[…]”

11.      Id-Direttiva 2009/72 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, bid-Direttiva (UE) 2019/944 (5), skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72 ta’ din tal-aħħar.

2.      IdDirettiva 2019/944

12.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 16 sa 18 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(16)      ‘tariffa għat-tmiem tal-kuntratt’ tfisser imposta jew penali li l-fornituri jew il-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti talli jitterminaw kuntratt għall-provvista tal-elettriku jew kuntratt dwar servizz;

(17)      ‘tariffa marbuta mal-bdil’ tfisser imposta jew penali għall-bdil tal-fornituri jew tal-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni, inklużi tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt, li hija imposta direttament jew indirettament fuq il-klijenti mill-fornituri,mill-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jew mill-operaturi tas-sistema;

(18)      ‘aggregazzjoni’ tfisser funzjoni mwettqa minn persuna fiżika jew ġuridika li tgħaqqad flimkien tagħbijiet multipli ta' klijenti jew l-elettriku ġġenerat minn diversi klijenti għall-bejgħ, ix-xiri jew il-bejgħ bl-irkant fi kwalunkwe suq tal-elettriku;”

13.      L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għall-bdilu regoli dwar tariffi marbuta mal-bdil”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas il-klijenti domestiċi u l-intrapriżi ż-żgħar ma jeħlu l-ebda tariffi marbuta mal-bdil.

3.      B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri jew lill-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt fejn dawk il-klijenti volontarjament itemmu kuntratti għal terminu fiss, bi prezz fiss ta’ provvista tal-elettriku qabel dawn ma jkunu mmaturaw, dment li tali tariffi jkunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih volontarjament u li tali tariffi jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-klijent qabel ma jidħol għall-kuntratt. Tariffi bħal dawn għandhom ikunu proporzjonati u m’għandhomx jeċċedu t-telf ekonomiku dirett għall-fornitur jew il-parteċipanti tas-suq impenjat fl-aggregazzjoni li jirriżultaw mit-terminazzjoni mill-klijent tal-kuntratt, inkluż l-ispejjeż ta’ kwalunkwe investimenti magħquda jew servizzi li diġà jkunu ġew provduti lill-klijent bħala parti mill-kuntratt. L-oneru li jiġi pprovat it-telf ekonomiku dirett għandu jkun fuq il-fornitur jew fuq il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, u l-permissibbilà tat-tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt għandha tiġi mmonitorjata mill-awtorità regolatorja, jew minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra.”

B.      Iddritt Pollakk

14.      L-ustawa – Prawo energetyczne (il-Liġi dwar l-Enerġija), tal‑10 ta’ April 1997 (6), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 4j(3a) tagħha:

“Klijent finali jista’ jxolji kuntratt li jkun ġie konkluż għal żmien determinat u li permezz tiegħu impriża tal-enerġija tipprovdilu kombustibbli gassużi jew enerġija, u dan mingħajr ma ġġarrab spejjeż u kumpensi għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt, billi jibgħat dikjarazzjoni bil-miktub lill-impriża tal-enerġija.”

15.      L-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (7), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tipprevedi, fl-Artikolu 483(1) tagħha:

“Il-kuntratt jista’ jistipula li l-kumpens għad-dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni żbaljata ta’ obbligu mhux pekunjarju għandu jsir permezz tal-ħlas ta’ somma ddeterminata (penalità kuntrattwali).”

16.      L-Artikolu 484 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“§ 1.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni żbaljata ta’ obbligu, tkun dovuta penalità kuntrattwali lill-kreditur sal-ammont previst għal dan l-għan, indipendentement mill-estent tad-dannu mġarrab. Talba għad-danni li teċċedi l-ammont tal-penalità previst ma hijiex ammissibbli, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor.

§ 2.      Jekk parti sostanzjali tal-obbligu tkun ġiet eżegwita, id-debitur jista’ jitlob tnaqqis tal-penalità kuntrattwali; l-istess japplika jekk il-penalità kuntrattwali tkun manifestament eċċessiva.”

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

17.      Fl‑1 ta’ Jannar 2010, il-kumpannija G, impriża żgħira rregolata mid-dritt Pollakk li timpjega inqas minn 50 persuna (8), ikkonkludiet kuntratt ġenerali għal żmien determinat u bi prezz fiss mal-fornitur W, li permezz tiegħu dan intrabat li jipprovdi l-elettriku għal azjenda tal-agrituriżmu li tinsab f’K. (il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

18.      Fit‑23 ta’ Frar 2015, il-kumpannija G u l-fornitur W ikkonkludew ftehim li permezz tiegħu din il-kumpannija ntrabtet li tkompli l-kuntratt inkwistjoni għal perijodu mill-inqas sal‑31 ta’ Diċembru 2016. F’dan il-ftehim, dawn il-partijiet qablu li huma għandhom id-dritt li jxolju l-kuntratt inkwistjoni permezz ta’ preavviż ta’ sitt xhur mid-data tal-komunikazzjoni tat-terminazzjoni, li tidħol fis-seħħ fi tmiem is-sena kalendarja u li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipatta’ dan il-kuntratt mill-kumpannija G, il-fornitur W jista’ jeżiġi l-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“penalità kuntrattwali”) (9).

19.      Fit‑30 ta’ Jannar 2015, il-kumpannija G ikkonkludiet ma’ Z S.A., fornitur ieħor tal-elettriku, kuntratt ta’ provvista li jikkonċerna l-istess azjenda tal-agrituriżmu. Fil‑25 ta’ Frar 2015, dan il-fornitur ieħor, abbażi tal-mandat mogħti lilu mill-kumpannija G, informa lill-fornitur W bil-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt il-ġdid u, fil-każ li dan tal-aħħar ma kienx jaqbel ma’ din is-sitwazzjoni ġdida, ikkomunikalu x-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni.

20.      Fid‑9 ta’ Marzu 2016, il-fornitur W bagħat lill-kumpannija G nota ta’ debitu bl-ammont ta’ 63 959.70 zlote Pollakk (PLN) (madwar EUR 15 372 fid-data tat-talba) (10), bħala penalità kuntrattwali, u l-ħlas kellu jsir sa mhux iktar tard mit‑23 ta’ Marzu 2016. Peress li l-kumpannija G ma għamlitx dan il-ħlas sa din id-data, il-fornitur W, fil‑21 ta’ Novembru 2016, ippreżenta rikors quddiem is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) intiż sabiex, abbażi tal-penalità kuntrattwali, din il-kumpannija tiġi kkundannata tħallasha s-somma msemmija iktar ’il fuq, flimkien mal-interessi legali kkalkolati mill‑24 ta’ Marzu 2016 sad-data tal-ħlas.

21.      Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Frar 2020, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. Hija qieset b’mod partikolari li, wara l-bidla fil-fornitur tal-elettriku min-naħa tal-kumpannija G, il-kuntratt inkwistjoni kien ġie xolt b’mod antiċipat, li kien jawtorizza lill-fornitur W jeżiġi l-ħlas tal-penalità kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 483(1) tal-Kodiċi Ċivili. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti qieset li, skont l-Artikolu 484(1) ta’ dan il-kodiċi, it-talba għall-ħlas tal-penalità kuntrattwali mressqa minn dan il-fornitur ma kinitx suġġetta għall-prova tal-eżistenza ta’ dannu u li din il-penalità kienet ġiet prevista mill-kuntratt inkwistjoni fil-każ ta’ bidla fil-fornitur, peress li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt.

22.      Il-kumpannija G appellat minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72, il-penalità kuntrattwali ma kellhiex tiġi applikata għaliha. Din il-kumpannija sostniet ukoll li l-fornitur W ma ġarrab l-ebda dannu reali, iżda kien tilef biss il-vantaġġ li kieku seta’ jikseb, li jikkorrispondi għall-volum ta’ xiri ta’ elettriku li hija kienet iddikjarat. Min-naħa tiegħu, dan il-fornitur sostna li, skont l-Artikolu 484(1) tal-Kodiċi Ċivili, l-ammont tal-penalità kuntrattwali huwa indipendenti mill-ammont tad-dannu imġarrab.

23.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija, konsumatur finali jista’ jxolji kuntratt ta’ provvista tal-enerġija għal żmien determinat mingħajr ma jġarrab spejjeż oħra u kumpensi oħra għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt. Din il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda kriterju fir-rigward tal-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u kumpensi, peress li ma tinkludi l-ebda riferiment għall-proporzjonalità tagħhom, u ma teskludix il-possibbiltà li jintalab kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa. Fil-kuntest tal-libertà kuntrattwali tagħhom, il-partijiet jistgħu jiffissaw l-ispejjeż u l-kumpensi marbuta max-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, inkluża l-impożizzjoni ta’ penalità kuntrattwali. Tali penalità, fis-sens tal-Kodiċi Ċivili, tkun dovuta lill-kreditur sal-ammont previst għal dan l-għan, indipendentement mill-estent tad-dannu mġarrab, u ma tistax titnaqqas ex officio minn qorti nazzjonali, filwaqt li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li tressaq it-talba u li għandha turi li l-ammont tal-penalità huwa eċċessiv. Fir-rigward tal-impriżi żgħar, peress li l-Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija ma jagħmel l-ebda riferiment għall-protezzjoni tal-konsumaturi, in-natura inġusta ta’ penalità kuntrattwali ma tistax tiġi eżaminata. Barra minn hekk, din il-liġi ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ tnaqqis ex officio ta’ penalità kuntrattwali fir-rigward ta’ klijenti professjonali.

24.      Din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni peress li, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti jingħataw id-dritt li jibdlu l-fornitur tal-elettriku b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien. Barra minn hekk, għalkemm il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-klijent eliġibbli għandu effettivament ikun jista’ jbiddel faċilment lill-fornitur u jindika għalhekk in-neċessità li tinżamm proporzjonalità adegwata fir-rigward tal-ispejjeż, din id-dispożizzjoni la ssemmi penalità u lanqas kumpensi. Jekk il-konsumatur, fil-fatt, jiġi impost fuqu żvantaġġ finanzjarju, il-portata tiegħu ma għandhiex tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni kontra fornituri oħra tal-elettriku, li twassal sabiex il-klijent ma jkollux il-possibbiltà effettiva li jbiddel lill-fornitur.

25.      L-imsemmija qorti żżid li, għalkemm id-Direttiva 2009/72 hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, id-Direttiva 2019/944, li ssostitwixxietha, ipprovdiet kjarifiki dwar id-dritt ta’ bidla ħielsa tal-fornitur tal-elettriku, li huma rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel direttiva. F’dan ir-rigward, l-istess qorti tirreferi għall-Artikolu 4 u għall-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944, dispożizzjonijiet li jipprovdu li, jekk impriża żgħira tiġi imposta fuqha tariffa minħabba bidla fil-fornitur tal-elettriku, din it-tariffa għandha tkun proporzjonata u ma għandhiex teċċedi t-telf ekonomiku dirett imġarrab mill-fornitur jew mill-parteċipant fis-suq involuti fl-aggregazzjoni li jirriżultaw mix-xoljiment tal-kuntratt mill-klijent.

26.      Minn dan, l-istess qorti tiddeduċi li l-possibbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiġi applikata penalità kuntrattwali, indipendentement mill-estent tad-dannu mġarrab, mingħajr kriterji ċari u preċiżi fir-rigward tal-kalkolu ta’ din il-penalità, tista’ ġġib fix-xejn l-għan ta’ protezzjoni msemmi fl-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 u fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944, billi tirrestrinġi, de facto, il-libertà tal-klijent li jxolji l-kuntratt tiegħu ta’ provvista tal-elettriku.

27.      Il-qorti tar-rinviju teżamina, fit-tieni lok, il-possibbiltà għal fornitur tal-elettriku li jimponi fuq klijent, permezz ta’ kuntratt, tariffi għax-xoljiment tal-kuntratt qabel l-iskadenza tiegħu, meta dawn it-tariffi jikkorrispondu, de facto, għall-ispejjeż tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt, fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2009/72 li wieħed ikun jista’ jbiddel faċilment lill-fornitur, b’mod mhux diskriminatorju u tan-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li d-Direttiva 2019/944 tipprovdi, fl-Artikolu 12(3) tagħha, indikazzjonijiet utli dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, billi ma teskludix il-possibbiltà li jiġu imposti tariffi, li għandhom madankollu jkunu proporzjonati. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-legalità ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistipulaw li t-tariffi marbuta max-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt għal żmien determinat jikkorrispondu għal dejn ekwivalenti għall-kwantità ta’ elettriku mhux ikkunsmat, li l-klijent seta’ potenzjalment juża matul it-tul ta’ żmien rimanenti tal-kuntratt, u dwar il-possibbiltà li dawn it-tariffi jiġu kkalkolati b’riferiment għal klawżola tat-tip “take or pay”. L-istess qorti tistaqsi jekk tali mekkaniżmu għandux, essenzjalment, l-effett li jostakola t-tibdil effettiv ta’ fornitur tal-elettriku. Jekk l-ammont tal-penalità kuntrattwali jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt, ix-xoljiment antiċipat ta’ dan tal-aħħar ikollu konsegwenza għall-klijent simili għal dik tat-tkomplija tar-relazzjoni kuntrattwali mal-fornitur. F’tali sitwazzjoni, klijent li jkun jixtieq ixolji l-kuntratt xorta waħda jagħżel, probabbilment, li jżomm ir-relazzjoni kuntrattwali li huwa jqis sfavorevoli u l-fornitur jiġi aċċertat li ser jikseb, fi kwalunkwe każ, vantaġġ finanzjarju matul it-tul kollu tal-kuntratt. Tali penalità tkun tfisser li r-riskju finanzjarju kollu tax-xoljiment tal-kuntratt jiġi impost fuq il-klijent u għalhekk tkun manifestament eċċessiva.

28.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fl-istess ħin, il-fornitur tal-elettriku, meta jakkwista klijent, jagħmel diversi spejjeż, bħax-xiri tal-elettriku. Tqum il-kwistjoni dwar kif għandu jiġi kkalkolat it-telf ekonomiku dirett ta’ fornitur tal-elettriku fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt minn klijent, jiġifieri jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz tal-elettriku użat jew ukoll il-prezz tal-provvista tas-servizz tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat l-ilment ta’ applikazzjoni diskrezzjonali u arbitrarja, filwaqt li jiġi żgurat tqassim ġust tal-oneru tal-prova, u sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi marbuta max-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss għandux ikun espressament previst mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Enerġija.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva [2009/72], li jeżiġi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija (impriża żgħira) fil-każ ta’ bidla fil-fornitur tal-enerġija jseħħ konformement mal-prinċipju li jiggarantixxi lill-klijenti eliġibbli l-possibbiltà effettiva li jbiddlu faċilment lill-fornitur, u li jeżiġi li din il-bidla sseħħ b’mod mhux diskriminatorju, fir-rigward ta’ spejjeż, investiment jew żmien, għandu jiġi interpretat b’mod tali li jipprekludi l-possibbiltà li tiġi imposta penalità kuntrattwali fuq il-konsumatur tal-enerġija minħabba tmiem ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija konkluż għal żmien determinat fil-każ li l-konsumatur ikollu l-intenzjoni li jbiddel il-fornitur tal-enerġija, u dan mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dannu mġarrab (Artikoli 483(1) u 484(1) u (2) tal-[Kodiċi Ċivili]) kif ukoll mingħajr ma l-[Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija] tkun tiddetermina xi tip ta’ kriterju għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż u liema tnaqqis għandu jiġu applikat għalihom?

2)      L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, li jeżiġi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija (impriża żgħira) fil-każ ta’ bidla fil-fornitur tal-enerġija jseħħ b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spejjeż, investiment jew żmien, kif ukoll konformement mal-prinċipju li jiggarantixxi lill-klijenti eliġibbli l-possibbiltà effettiva li jbiddlu faċilment lill-fornitur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li, fil-każ ta’ tmiem tal-kuntratt ta’ forniment tal-enerġija qabel l-iskadenza tat-terminu tiegħu konkluż mal-fornitur għal żmien determinat, tippermetti l-ġbir mingħand il-konsumaturi (impriżi żgħar) ta’ spejjeż li de facto jikkorrispondu għall-prezz tal-enerġija mhux użata sat-tmiem [inizjali] tal-kuntratt konformament mal-prinċipju ta’ “take or pay”?”

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Pollakk u dak Grieg, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

31.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta impriża żgħira xxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur, din l-impriża tista’ tkun obbligata tħallas penalità kuntrattwali fejn din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi li din il-penalità tkun dovuta irrispettivament mill-estent tad-dannu mġarrab mill-fornitur preċedenti u għalhekk fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi l-ebda kriterju għall-kalkolu jew għat-tnaqqis tal-istess penalità u tippermetti li l-ammont ta’ din il-penalità jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt.

32.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija G hija impriża żgħira li kkonkludiet il-kuntratt inkwistjoni għall-finijiet tal-provvista tal-elettriku ta’ azjenda ta’ agrituriżmu. Fid‑9 ta’ Marzu 2016, il-fornitur W talab lill-kumpannija G, skont l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, tħallas penalità kuntrattwali għax-xoljiment antiċipat tal-imsemmi kuntratt sabiex jinbidel il-fornitur, ta’ ammont li jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat li din il-kumpannija kienet intrabtet li tixtri mingħandu sat-tmiem tal-istess kuntratt. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti x-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt għal żmien determinat mingħajr spejjeż u kumpensi għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt, mingħajr madankollu ma tispeċifika l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tagħhom, u lanqas ma tipprevedi l-possibbiltà ta’ tnaqqis ex officio ta’ penalità ħlief fuq talba tal-parti kkonċernata, li jkollha l-oneru li tipprova n-natura eċċessiva ta’ din il-penalità. Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ammont ta’ penalità kuntrattwali ma jiddependix fuq dak tad-dannu mġarrab. Din il-qorti tixtieq tkun taf jekk tali leġiżlazzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72, li jiddetermina b’mod partikolari l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi (11), b’mod partikolari mal-paragrafi 5 u 7 ta’ dan l-artikolu, li għadhom ma ġewx interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li tifforma parti minnu (12).

34.      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija, l-Artikolu 3(5)(a) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk klijent ikun jixtieq jibdel il-fornitur, “filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali”, din il-bidla għandha ssir mill-operatur jew mill-operaturi kkonċernati fi żmien tliet ġimgħat (13) u li dan id-dritt jingħata lill-klijenti b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien. Barra minn hekk, il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, minbarra l-fatt li jirreferi, prima facie, prinċipalment u speċifikament għall-“klijenti vulnerabbli”, jipprevedi, b’mod iktar ġenerali, li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti, u jiżguraw li l-“klijent eliġibbli” jkun jista’ “jaqleb b’mod faċli għal ma’ fornitur ġdid”. Dan il-paragrafu 7 jistabbilixxi wkoll li, “[f]ir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi,”, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

35.      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2tad-Direttiva 2009/72, “klijent eliġibbli” tfisser klijent li jkun ħieles li jixtri l-elettriku mill-fornitur tal-għażla tiegħu fis-sens tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva. F’konformità mal-paragrafu 1(c) ta’ dan l-aħħar artikolu, mill‑1 ta’ Lulju 2007, il-kunċett ta’ “klijent eliġibbli” jinkludi “lill-klijenti kollha”. Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu lill-klijenti kollha, inkluż lil impriża żgħira, irrispettivament mill-vulnerabbiltà tagħhom, il-possibbiltà li effettivament ibiddlu b’mod faċli lill-fornitur tal-elettriku.

36.      Għalhekk, mill-kliem tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-klijent ta’ fornitur tal-elettriku għandu jkun protett meta jkun jixtieq jibdel il-fornitur. Fl-istess ħin, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-fornitur preċedenti jitlob il-ħlas ta’ penalità kuntrattwali għax-xoljiment antiċipat tal-kuntratt u lanqas, a fortiori, ma jindikaw kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ din il-penalità, il-paragrafu 5(a) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti għandhom jiġu osservati.

37.      Għaldaqstant, inqis li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 ma tistax, bħala prinċipju, teskludi li kuntratt ta’ provvista tal-elettriku jipprevedi li tiġi applikata penalità kuntrattwali għal klijent fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss fil-każ li dan il-klijent ikun jixtieq jibdel il-fornitur. Madankollu, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-ammont ta’ din il-penalità ma għandux iċaħħad lill-imsemmi klijent mill-possibbiltà li jibdel b’mod effettiv u faċli l-fornitur.

38.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li dan l-artikolu jagħmel, fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 7 tiegħu, riferiment għall-miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri għandhom jadottaw fir-rigward ta’ “għall-anqas” il-klijenti domestiċi. Dan l-anness jipprovdi b’mod partikolari, fil-punt 1(a) tiegħu, li l-klijenti għandhom id-dritt ta’ kuntratt mal-fornitur tas-servizz tal-elettriku tagħhom li jispeċifika l-eżistenza ta’ klawżola ta’ xoljiment bla ħlas. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet tal-kuntratti għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel, u, fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. Il-punt 1(e) tal-imsemmi anness jippreċiża li l-klijenti ma għandhom iħallsu xejn talli jibdlu l-fornitur. B’hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, “[f]ir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi”, dawn ma għandhom iħallsu l-ebda spejjeż meta jibdlu l-fornitur tal-elettriku, inkluż meta l-kuntratt ta’ provvista jkun għal żmien determinat u bi prezz fiss.

39.      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-kumpannija G taqa’ taħt il-kunċetti ta’ “klijent”, “klijent finali” u “klijent eliġibbli”, kif iddefiniti rispettivament fil-punti 7, 9 u 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, iżda wkoll taħt dak ta’ “klijent mhux domestiku”, fis-sens tal-punt 11 ta’ dan l-artikolu, li jsemmi persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija G, li kkonkludiet il-kuntratt inkwistjoni għall-finijiet tal-provvista ta’ azjenda tal-agrituriżmu, kienet qiegħda taġixxi fil-kuntest ta’ attività professjonali (14).

40.      Fl-istess ħin, din il-kumpannija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “klijent domestiku”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, iddefinit bħala klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-Repubblika tal-Polonja kellha l-intenzjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I ta’ din id-direttiva għall-“klijenti mhux domestiċi”. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet previsti fil-punt 1(a) u (e) ta’ dan l-anness ma jidhrux li japplikaw għal klijent mhux domestiku bħall-kumpannija G. Minn dan jirriżulta li, a contrario, għal tali klijent, l-imsemmija direttiva ma teskludix li kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss jista’ jipprevedi l-eżistenza ta’ penalità kuntrattwali fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt sabiex jinbidel il-fornitur.

41.      It-tieni, il-premessa 42 tad-Direttiva 2009/72 tipprovdi li s-setturi kollha tal-industrija u tal-kummerċ tal-Komunità, u b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, “għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur”, b’mod partikolari l-klijenti domestiċi, u, fejn l-Istati Membri jkunu jikkunsidraw bħala adatt, l-impriżi ż-żgħar għandhom igawdu wkoll il-garanziji tas-servizz pubbliku. Għaldaqstant, l-użu tal-verb “għandhom”, fil-forma tal-kundizzjonali, juri r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri billi jagħtihom sempliċiment għażla, u mhux obbligu, li jagħtu lill-impriżi ż-żgħar il-benefiċċju ta’ livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Hawnhekk ukoll, mingħajr preġudizzju għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li din il-possibbiltà ġiet implimentata mir-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tal-impriżi ż-żgħar. F’tali sitwazzjoni, inqis li din id-direttiva ma tipprekludix li tiġi applikata penalità kuntrattwali fuq impriża żgħira fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku tagħha għal żmien determinat u bi prezz fiss, bl-għan li jinbidel il-fornitur.

42.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2019/944, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2009/72, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, tistabbilixxi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 12(2) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “tal-inqas il-klijenti domestiċi u l-intrapriżi ż-żgħar” (15) ma għandhom jeħlu “l-ebda tariffi marbuta mal-bdil” tal-fornitur, filwaqt li tipprevedi, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li, b’deroga, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-fornituri jew lill-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti tariffi għax-xoljiment tal-kuntratt fejn dawk il-klijenti volontarjament ixolju kuntratti ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss qabel l-iskadenza tagħhom, sakemm tali tariffi jkunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih volontarjament u li tali tariffi jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-klijent qabel ma jidħol għall-kuntratt.

43.      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944 jiddefinixxi “tariffa għat-tmiem tal-kuntratt” bħala imposta jew penalità li l-fornituri jew il-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti li jxolju kuntratt għall-provvista tal-elettriku jew kuntratt dwar servizz u, min-naħa l-oħra, il-punt 17 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “tariffa marbuta mal-bdil” tfisser imposta jew penalità għall-bdil tal-fornituri jew tal-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni, inklużi tariffi għax-xoljiment tal-kuntratt, li hija imposta direttament jew indirettament fuq il-klijenti mill-fornituri, mill-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jew mill-operaturi tas-sistema. Konsegwentement, din id-direttiva tiddistingwi s-sempliċi xoljiment ta’ kuntratt ta’ provvista minn dak magħmul sabiex jinbidel il-fornitur. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, skont l-imsemmija direttiva, impriża żgħira bħall-kumpannija G għandha d-dritt li xxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, bl-għan li tibdel il-fornitur, mingħajr ma tħallas tariffi marbuta mal-bdil ta’ fornitur u, konsegwentement, tariffi għax-xoljiment.

44.      Madankollu, minn naħa, fid-dawl taż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2019/944 ma tapplikax ratione temporis f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, għalkemm din id-direttiva tipprevedi regoli ddettaljati dwar l-ispejjeż li jistgħu jiġu imposti fuq impriża żgħira fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, tali regoli ma kinux jeżistu, lanqas impliċitament, fil-kuntest tad-Direttiva 2009/72, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2019/944 ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija fil-kuntest ta’ din il-kawża (16).

45.      It-tielet u fl-aħħar nett, il-premessa 52 tad-Direttiva 2009/72 tindika li l-“konsumaturi” (17) għandu jkollhom informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tas-settur tal-enerġija. Fil-fehma tiegħi, minn din il-premessa jista’ jiġi dedott li, f’dan il-każ, meta konsumatur ikollu l-intenzjoni li jakkwista l-elettriku, huwa għandu, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss, jiġi informat mill-fornitur b’mod ċar, komplet u trasparenti bl-eżistenza ta’ penalità kuntrattwali, bil-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha kif ukoll bil-metodu ta’ kalkolu tagħha, peress li l-ammont ta’ din il-penalità ma għandux, fid-dawl tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72, iċaħħdu mid-dritt tiegħu li jibdel b’mod effettiv u faċli l-fornitur. F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-penalità kuntrattwali kienet espressament stabbilita fil-kuntratt inkwistjoni, b’mod iddettaljat, li kien jippermetti lill-kumpannija G tkun taf b’mod preċiż il-metodu ta’ kalkolu tagħha u l-fatt li l-ammont tagħha kien jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt (18).

46.      Konsegwentement, il-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 jikkonferma li, bħala prinċipju, il-kuntratt konkluż bejn fornitur tal-elettriku u impriża żgħira jista’ jipprevedi li tiġi imposta fuq din tal-aħħar penalità għax-xoljiment antiċipat, sakemm din tkun ġiet informata b’mod ċar, komplet u trasparenti bl-eżistenza ta’ din il-penalità fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u li l-ammont tal-imsemmija penalità ma jċaħħadhiex mid-dritt tagħha li tibdel b’mod effettiv u faċli l-fornitur.

47.      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 ma jeskludix l-applikazzjoni fil-konfront ta’ impriża żgħira ta’ penalità kuntrattwali fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss, fil-każ li l-Istat Membru ma jkunx estenda fir-rigward ta’ dawn l-impriżi l-protezzjoni mogħtija lill-klijenti domestiċi, hija sostnuta mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

48.      Fil-fatt, id-direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, kif ukoll dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva hija intiża, essenzjalment, sabiex tistabbilixxi suq intern tal-elettriku miftuħ u kompetittiv, li jippermetti lill-konsumaturi jagħżlu b’mod ħieles il-fornituri tagħhom u lil dawn tal-aħħar jipprovdu b’mod ħieles il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, tiżgura s-sigurtà tal-provvista u tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima (19).

49.      Konsegwentement, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2009/72 jikkonsisti fit-tlestija tas-suq intern tal-elettriku (20), li jimplika, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-fornituri tal-elettriku sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar ta’ provvista għall-konsumaturi. F’dan is-sens, il-premessa 57 tad-Direttiva 2009/72 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-konsumaturi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta’ suq intern tal-elettriku liberalizzat.

50.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss jistgħu jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti billi jiggarantixxulhom prezz baxx u stabbli tal-elettriku. F’dan is-sens, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tagħmel riferiment għal opinjoni tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER), tas‑17 ta’ Mejju 2016, dwar it-tariffi għax-xoljiment antiċipat (21), li abbażi tagħha tali kuntratti joffru lill-konsumaturi ċ-ċertezza ta’ spejjeż tal-enerġija li ma jvarjawx (22). Madankollu, bħala korrispettiv għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt, il-fornitur tal-elettriku ġarrab diversi spejjeż sabiex jakkwista l-ammont totali ta’ enerġija li jeħtieġ biex ikopri l-ħtiġijiet tal-klijent mill-bidu, li, kif innotat miċ-CEER, jinvolvi spejjeż addizzjonali, b’mod partikolari sabiex jipproteġi ruħu kontra l-volatilità tal-ispejjeż fis-suq bl-ingrossa (23). Għalhekk, fil-każ li klijent li jkun ikkonkluda kuntratt għal żmien determinat u bi prezz fiss itemm il-kuntratt b’mod antiċipat, tariffa għax-xoljiment antiċipat tista’ tagħmilha possibbli li l-fornitur jikkumpensa l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-kuntratt. Kieku dan ma kienx il-każ, dan il-fornitur jista’ jiġi mġiegħel jgħaddi fuq il-klijenti kollha tiegħu tali spejjeż u dan jista’ jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku u għal tnaqqis fl-offerta għall-klijenti (24).

51.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, fil-kuntest tad-Direttiva 2009/72, il-karatteristiċi partikolari tal-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku konklużi għal żmien determinat u bi prezz fiss jimplikaw li t-tariffi fil-każ ta’ xoljiment antiċipat jistgħu jidhru ġġustifikati sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi kollha billi jitħallew jiksbu prezzijiet iktar baxxi tal-elettriku.

52.      Għaldaqstant, f’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, inqis li d-diffikultà prinċipali mqajma minn din il-kawża tinsab fl-ammont tal-penalità kuntrattwali, li għandu jippermetti lill-klijent jibdel b’mod effettiv u faċli l-fornitur preċedenti u jagħti lill-fornitur preċedenti kumpens xieraq sabiex ikopri l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, inkella jiġi ppreġudikat l-effett utli tad-Direttiva 2009/72.

53.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944 li, fir-rigward tat-tariffi għax-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss, jipprovdi li dawn l-ispejjeż “m’għandhomx jeċċedu t-telf ekonomiku dirett għall-fornitur”. Skont din il-qorti, din id-dispożizzjoni tipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72. Madankollu, fl-ewwel lok, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2019/944 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. It-tieni, din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss it-tariffi għax-xoljiment ta’ kuntratt konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, u mhux it-tariffi għall-bdil tal-fornitur. It-tielet, fir-rigward tal-impriżi żgħar, id-Direttiva 2019/944 segwiet approċċ differenti minn dak adottat fil-kuntest tad-Direttiva 2009/72, billi indikat b’mod espliċitu, fl-Artikolu 12(2) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġux imposti tariffi marbuta mal-bdil tal-fornitur. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li d-Direttiva 2019/944 ma tistax isservi bħala referenza għal kawża bħall-kawża prinċipali.

54.      Fir-rigward tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi kkonstatat li din ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar l-ammont tat-tariffi li tista’ tħallas impriża żgħira meta tipproċedi bix-xoljiment antiċipat, bl-għan li tibdel il-fornitur, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss, u lanqas dwar il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż. Din id-direttiva għalhekk tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni ta’ tali tariffi għax-xoljiment.

55.      Konsegwentement, b’risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, inqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt għal żmien determinat u bi prezz fiss minn impriża żgħira, hija dovuta penalità kuntrattwali jkun xi jkun l-estent tad-dannu mġarrab mill-fornitur preċedenti, u barra minn hekk meta din il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi l-ebda kriterju għall-kalkolu jew għat-tnaqqis tal-imsemmija penalità u tippermetti li l-ammont ta’ din il-penalità jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu inizjali tal-kuntratt, ma hijiex, minħabba dan il-fatt biss, inkompatibbli mad-Direttiva 2009/72.

56.      Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri ma jistax ikollu l-effett li jġib fix-xejn id-dritt li konsumatur effettivament ikun jista’ jbiddel faċilment lill-fornitur, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) u (7) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ipoteżi ta’ penalità li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-tmiem tat-terminu tal-kuntratt, b’applikazzjoni ta’ klawżola tat-tip “take or pay”, “ħu jew ħallas” (25). Skont tali klawżola, f’dan il-każ, ix-xerrej għandu l-obbligu li jħallas kompletament jew parzjalment l-elettriku li jkun impenja ruħu li jixtri, irrispettivament minn jekk jużax dan l-elettriku jew le (26). Klawżola tat-tip “take or pay”, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, timplika li l-konsumatur jerfa’ r-riskji kollha tal-kuntratt ta’ provvista li jkun ikkonkluda u huwa deterrent qawwi għax-xoljiment ta’ tali kuntratt, sabiex ma jħallasx id-doppju tal-ispejjeż tal-elettriku fil-każ ta’ xoljiment antiċipat. Minn dan jista’ jiġi dedott li tali klawżola ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2009/72.

57.      Madankollu, inqis li, f’ċerti ċirkustanzi konkreti, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta fornitur ikun ġarrab diversi spejjeż sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal żmien determinat u bi prezz fiss sat-tmiem tiegħu, b’mod partikolari x-xiri tal-elettriku sabiex ikopri l-bżonnijiet tal-klijent sa mill-bidu, l-ispejjeż imġarrba minn dan il-fornitur minħabba x-xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt jistgħu effettivament jikkorrispondu għall-ammont li l-klijent kellu jħallas sat-tmiem tal-kuntratt li kieku huwa kien segwa t-twettiq tiegħu b’mod normali.

58.      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-penalità kuntrattwali tiksirx id-dritt tal-kumpannija G li tkun effettivament tista’ tbiddel faċilment lill-fornitur, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha tat-tilwima, b’mod partikolari l-proporzjonalità tal-ammont tal-penalità kuntrattwali, peress li dan l-ammont ma għandux jeċċedi l-kopertura tal-ispejjeż li l-fornitur preċedenti ġarrab minħabba x-xoljiment antiċipat tal-kuntratt sabiex jiġi evitat arrikkiment indebitu ta’ dan il-fornitur (27).

59.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari tkun li l-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta impriża żgħira xxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur, din l-impriża tista’ tkun obbligata tħallas penalità kuntrattwali fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi li din il-penalità tkun dovuta irrispettivament mill-estent tad-dannu mġarrab mill-fornitur preċedenti u għalhekk fejn din il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi l-ebda kriterju għall-kalkolu jew għat-tnaqqis tal-imsemmija penalità u tippermetti li l-ammont ta’ din il-penalità jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-terminu tat-tmiem inizjali tal-kuntratt, sakemm l-imsemmija impriża tkun ġiet informata mill-fornitur b’mod ċar, komplet u trasparenti dwar l-eżistenza tal-penalità kuntrattwali, il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tagħha, u sakemm l-ammont ta’ din il-penalità ma jċaħħadx lill-istess impriża mid-dritt tagħha li effettivament tkun tista’ tbiddel lill-fornitur. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-kawża, b’mod partikolari l-proporzjonalità tal-ammont tal-penalità kuntrattwali, peress li dan l-ammont ma għandux jeċċedi l-kopertura tal-ispejjeż li l-fornitur preċedenti ġarrab minħabba x-xoljiment antiċipat tal-kuntratt.

V.      Konklużjoni

60.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta impriża żgħira xxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sabiex tibdel il-fornitur, din l-impriża tista’ tkun obbligata tħallas penalità kuntrattwali fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi li din il-penalità tkun dovuta irrispettivament mill-estent tad-dannu mġarrab mill-fornitur preċedenti u għalhekk fejn din il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi l-ebda kriterju għall-kalkolu jew għat-tnaqqis tal-imsemmija penalità u tippermetti li l-ammont ta’ din il-penalità jikkorrispondi għall-prezz tal-elettriku mhux ikkunsmat sat-terminu tat-tmiem inizjali tal-kuntratt, sakemm l-imsemmija impriża tkun ġiet informata mill-fornitur b’mod ċar, komplet u trasparenti dwar l-eżistenza tal-penalità kuntrattwali, il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tagħha, u sakemm l-ammont ta’ din il-penalità ma jċaħħadx lill-istess impriża mid-dritt tagħha li effettivament tkun tista’ tbiddel lill-fornitur. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-kawża, b’mod partikolari l-proporzjonalità tal-ammont tal-penalità kuntrattwali, peress li dan l-ammont ma għandux jeċċedi l-kopertura tal-ispejjeż li l-fornitur preċedenti ġarrab minħabba x-xoljiment antiċipat tal-kuntratt.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).


6      Dz. U. tal‑1997, Nru 54, punt 348.


7      Dz. U. tal‑1964, Nru 16, punt 93.


8      Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/72, “impriża żgħira”, fis-sens ta’ din id-direttiva, hija impriża li timpjega inqas minn 50 persuna u li d-dħul mill-bejgħ jew il-karta tal-bilanċ annwali ma tkunx taqbeż EUR 10 000 000.


9      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(4) tal-imsemmi ftehim “[f]il-każ ta’ xoljiment tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 1 qabel l-iskadenza tat-terminu li għalih ġie konkluż dan il-kuntratt, [il-fornitur W] jimponi fuq il-klijent il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur tal-elettriku ddikjarat mill-klijent fil-paragrafu 1, ikkalkolat skont it-tariffa stabbilita fl-Artikolu 2, u l-valur tal-elettriku kkunsmat minnu sax-xoljiment tal-kuntratt, ikkalkolat skont il-prezz stabbilit fl-Artikolu 2, b’din id-differenza jkollha valur pożittiv”. Barra minn hekk, f’dan il-ftehim, il-kumpannija G iddikjarat ix-xiri mingħand il-fornitur W ta’ kwantità ta’ elettriku speċifikata.


10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni stabbilixxa bħala PLN 261.06/megawatt siegħa (MWh) (madwar EUR 61.24 fid-data tat-talba) il-prezz tal-elettriku għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2015 u l‑31 ta’ Diċembru 2016 u li l-kumpannija G kellha tixtri mingħand il-fornitur W 245 MWh matul dan il-perijodu, li jwassal għall-ammont totali ta’ PLN 63 959.70 (madwar EUR 15 372 fid-data tat-talba), somma li tikkorrispondi għall-penalità kuntrattwali mitluba.


11      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 23).


12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx jipprevedi terminu ta’ xoljiment ta’ tliet ġimgħat, iżda wieħed ta’ sitt xhur mid-data tal-komunikazzjoni tax-xoljiment li jidħol fis-seħħ fi tmiem is-sena kalendarja. Madankollu, peress li d-domandi magħmula f’din il-kawża ma jirrigwardawx it-tul tat-terminu tax-xoljiment, mhux ser neżamina iktar din il-kwistjoni.


14      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li jkun xieraq li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi, b’mod partikolari dawk previsti fid-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif tipprovdi l-għaxar premessa ta’ din id-direttiva, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti previsti mill-imsemmija direttiva għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn “il-bejjiegħa jew il-fornituri” u “konsumaturi”, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-direttiva. Konformement mal-imsemmi Artikolu 2(b), il-kelma “konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet esterni għall-attività professjonalitagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, peress li l-kumpannija G aġixxiet fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li jsir riferiment għad-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ din il-kawża.


15      Enfasi miżjuda minni.


16      Ninnota li dispożizzjonijiet analogi għall-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72 huma preżenti fid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), li għadha fis-seħħ. Ara l-Artikolu 3(3) u (6) tad-Direttiva 2009/73.


17      Infakkar li, fl-assenza ta’ definizzjoni unika fid-dritt primarju, kull att tal-Unjoni dwar il-konsumaturi jinkludi definizzjoni ta’ “konsumatur” li tapplika biss għall-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”) (C‑570/21, EU:C:2022:1002, punt 32)). Fil-kuntest tad-Direttiva 2009/72, il-kunċett ta’ “konsumatur” ma huwiex iddefinit u jidher li għandu tifsira wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-premessa 1 tagħha, li tiddikjara li s-suq intern tal-elettriku għandu l-għan li joffri għażla reali lill-“konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji”.


18      Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne (C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 32), u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky (C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 22).


20      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Dan id-dokument jista’ jiġi kkonsultat (bl-Ingliż) fl-indirizz li ġej: https://www.ceer.eu/documents/104400/-/-/792d2636-53db-f60c-a7b7-7a676f3a28d0


22      Ara p. 2 tal-Opinjoni taċ-CEER.


23      Ara p. 2 tal-Opinjoni taċ-CEER.


24      Ara p. 2 tal-Opinjoni taċ-CEER.


25      Traduzzjoni libera.


26      Il-klawżola “take or pay”, użata ta’ spiss fil-kuntratti ta’ provvista, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija, għandha tliet karatteristiċi prinċipali, jiġifieri, l-ewwel, natura kumpensatorja sa fejn hija intiża li tagħti kumpens lill-benefiċjarju tagħha minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-parti kontraenti tal-obbligi tagħha u li tippermetti li tiġi evitata l-kwistjoni, xi kultant kumplessa, tal-prova tad-dannu u tal-estent tiegħu; it-tieni, natura antiċipata peress li l-partijiet jistabbilixxu ex ante, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, il-penalitajiet dovuti lill-kreditur jekk il-klijent debitur tiegħu ma jwettaqx l-obbligi tiegħu u, it-tielet, in-natura ta’ somma f’daqqa li tieħu l-forma ta’ ammont fiss jew perċentwali partikolari, stabbilit f’livell għoli ħafna sabiex jinċentiva d-diliġenza, tal-valur totali tal-beni jew tal-prezz tal-bejgħ. Ara, b’mod partikolari, Kohl, B., et, “Les clauses take or pay: des clauses originales et méconnues”, Journal des tribunaux, 2009, Nru 6354, p. 349 sa 358, b’mod partikolari p. 354 sa 356.


27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, (Azzjoni diretta kontra l-assiguratur) (C‑618/21, EU:C:2023:278, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).