Language of document : ECLI:EU:C:2023:649

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C517/22 P

Eurobolt BV,

Fabory Nederland BV,

ASF Fischer BV

vs

IlKummissjoni Ewropea,

Stafa Group BV

“Appell – Dumping – Estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja – Impożizzjoni mill-ġdid tad-dazju antidumping definittiv – Validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/611 – Bażi legali – Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Validità tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża APEX”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tagħhom, Eurobolt BV, Fabory Nederland BV u ASF Fischer BV (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) – tliet kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jimportaw u jbigħu qfieli tal-ħadid jew tal-azzar – jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (2) li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/611 tat‑30 ta’ April 2020 (3) li jimponi mill-ġdid id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 (4) fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le.

2.        L-appellanti jinvokaw seba’ aggravji. Madankollu, skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-analiżi tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet għas-sitt aggravju, li jallega illi, permezz tal-konstatazzjoni li r-Regolament kontenzjuż għandu bażi legali xierqa, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ħażin l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (5), l-Artikoli 5(1) u (2) TUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

3.        Fil-qosor, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tindirizza, sabiex tittratta dan l-aggravju, hija s-segwenti: it-tħassir ta’ regolament li jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stat terz, minħabba l-possibbiltà ta’ inkonsistenza mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), jipprekludi lill-Kummissjoni Ewropea milli testendi dan id-dazju għall-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stat terz ieħor, għal raġunijiet ta’ evażjoni, anki meta l-estensjoni tikkonċerna l-perijodu preċedenti għat-tħassir tar-regolament, u meta l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skont ir-regoli antidumping rilevanti?

II.    Ilkuntest ġuridiku

4.        Matul il-perijodu rilevanti għal dawn il-proċeduri, l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping kienet irregolata, l-ewwel, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (6), imbagħad mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (7), u, finalment, mill-imsemmi Regolament Nru 2016/1036 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) (8).

5.        L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, intitolat “Evażjoni”, jipprevedi:

“1.      Id-dazji kontra d-dumping imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi [...] meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

[…]

3.      [...] Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) [...]

Fejn il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kummissjoni li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3). L-estensjoni ssir effettiva mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) [...]”

6.        L-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, dwar id-“Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“Il-Kummissjoni tista’, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien debitu, tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. [...] L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta’ perjodu itwal minn disa’ xhur.”

7.        L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 tas‑26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ tħassir”) (9), jipprevedi:

“It-tħassir tad-dazji antidumping imsemmija fl-Artikolu 1 jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament kif stipulat fl-Artikolu 3 u ma għandux isservi bħala bażi għar-rimborż ta’ dazji miġbura qabel dik id-data.”

8.        Il-premessa 14 tar-Regolament ta’ tħassir hija fformulata f’termini simili.

9.        L-Artikoli 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż, essenzjalment, jestendi d-dazji antidumping imposti mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament oriġinali “għal fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar [...] ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le [...]”, meta dawn ikunu “irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 966/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [...]”.

10.      L-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż jipprevedi:

“1.      Id-dazji miġbura abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 ma għandhomx jitħallsu lura.

2.      Kwalunkwe ħlas lura li sar fis-segwitu tas-sentenza tal-Kawża C‑644/17 Eurobolt (EU:C:2019:555) tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġu rkuprat mill-awtoritajiet li kienu għamlu dawn il-ħlasijiet lura.”

III. Ilkuntest fattwali

11.      Il-fatti l-iktar rilevanti, kif stabbiliti fis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Ladozzjoni u ttħassir tarRegolament oriġinali

12.      Fl‑2009, il-Kunsill ikkonstata li qfieli mibjugħa fis-suq tal-Unjoni Ewropea kienu s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Għalhekk, fis‑26 ta’ Jannar 2009, huwa adotta r-Regolament oriġinali.

13.      Wara l-impożizzjoni tad-dazju antidumping definittiv, il-Kummissjoni rċeviet provi li dawn il-miżuri kienu qegħdin jiġu evitati permezz ta’ trażbord mill-Malasja. B’hekk hija adottat, fis‑27 ta’ Ottubru 2010, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 966/2010 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-[Regolament oriġinali] permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jitilqu mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (10). Kif jidher mill-premessa 18 u l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet tad-dwana ngħataw direzzjoni sabiex jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet ġewwa l-Unjoni skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’konstatazzjoni ta’ evitar, ikunu jistgħu jiġu imposti dazji antidumping ta’ ammont xieraq retroattivament mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ tali importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Malasja.

14.      Fit‑18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1225/2009, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (11).

15.      Wara żewġ settijiet ta’ proċeduri quddiem il-korpi ġudizzjarji tal-WTO, kif ukoll l-adozzjoni tar-rapporti ta’ dawn il-korpi mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO (iktar ’il quddiem id-“DSB”) (12), il-Kummissjoni adottat, fis‑26 ta’ Frar 2016, ir-Regolament ta’ tħassir.

B.      Ittilwima quddiem ilqrati Olandiżi u ssentenza talQorti talĠustizzja filKawża C644/17, Eurobolt

16.      Ir-rikorrenti kienu importaw qfieli mill-Malasja matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni mmexxija mill-Kummissjoni. Dawn l-importazzjonijiet ġew irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament Nru 1225/2009.

17.      Bejn Jannar 2012 u Ottubru 2013, l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi ħarġu avviżi għall-ħlas ta’ dazji antidumping dovuti mir-rikorrenti fuq importazzjonijiet ta’ qfieli skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011. Fit-terminu stabbilit mid-dritt Olandiż, ir-rikorrenti kkontestaw dawn l-avviżi għall-ħlas skont l-Artikolu 243 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (13).

18.      Fis‑17 ta’ Novembru 2017, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, fil-kuntest tal-appell nazzjonali fuq punt ta’ liġi mressaq minn Eurobolt kontra d-dazji antidumping imħallsa fuq il-bażi tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni.

19.      Fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Lulju 2019 fil-kawża Eurobolt (14), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni kien ivvizzjat bi ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-adozzjoni tal-miżura antidumping estiża ma kinitx ippreċeduta minn konsultazzjoni valida tal-Kumitat Konsultattiv, kif previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku. Din id-dispożizzjoni pprovdiet li l-informazzjoni rilevanti kollha kellha tiġi kkomunikata lill-Kumitat Konsultattiv sa mhux iktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa ta’ dan il-kumitat. Madankollu, l-osservazzjonijiet sottomessi minn Eurobolt, li kellhom jitqiesu bħala “informazzjoni rilevanti”, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku, kienu ġew ikkomunikati lill-Istati Membri jumejn biss qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 kien invalidu sa fejn ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 15(2).

C.      Fuq ladozzjoni tarRegolament kontenzjuż

20.      Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Lulju 2019 fil-kawża Eurobolt, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1374 (15), il-Kummissjoni reġgħet fetħet l-investigazzjoni kontra l-evażjoni sabiex tikkoreġi l-illegalità proċedurali identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-premessa 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1374 jirriżulta li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni kien intiż li jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali kollha tal-proċedura tal-Kumitat Konsultattiv. Għal dan l-għan, il-kumitat ta’ eżami rċieva l-osservazzjonijiet ta’ Eurobolt fit-terminu stabbilit mid-dispożizzjonijiet rilevanti.

21.      Wara li rċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni adottat, fit‑30 ta’ April 2020, ir-Regolament kontenzjuż u imponiet mill-ġdid id-dazji ta’ evażjoni.

IV.    Issentenza appellata u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

22.      Fit‑28 ta’ Lulju 2020, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali. Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti invokaw tliet motivi.

23.      Fit‑18 ta’ Mejju 2022, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata, billi ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

24.      Fl-appell tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit‑2 ta’ Awwissu 2022, l-appellanti talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex (i) tħassar is-sentenza appellata; (ii) tilqa’ r-rikors fl-ewwel istanza u tannulla r-Regolament kontenzjuż sa fejn jikkonċerna lill-appellanti jew, sussidjarjament, sabiex tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni mill-ġdid; u (iii) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

26.      Fit‑23 ta’ Mejju 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-appellanti ċerti mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub, li għalihom l-appellanti wieġbu permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ġunju 2023.

27.      Iż-żewġ partijiet ippreżentaw il-fehmiet tagħhom waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li nżammet fis‑6 ta’ Lulju 2023.

V.      Evalwazzjoni tassitt aggravju

28.      Kif intqal fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-analiżi tiegħi ser tkun limitata għas-sitt aggravju, li huwa indirizzat kontra l-punti 123 sa 155 tas-sentenza appellata.

29.      F’dawn is-siltiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv tal-appellanti bħala infondat, li permezz tiegħu huma kienu sostnew li r-Regolament kontenzjuż kien jikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 5(1) u (2) TUE, u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn ir-Regolament kontenzjuż ma għandux bażi legali xierqa.

A.      Largumenti talpartijiet

30.      Fil-bidu, l-appellanti jenfasizzaw li, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-qofol tat-talba tagħhom: sa fejn ir-Regolament oriġinali kien illegali u, għaldaqstant, imħassar fl‑2016, dan ma setax iservi bħala bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament “sempliċement anċillari” kontenzjuż fl‑2020. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex bażi legali valida meta adottat ir-Regolament kontenzjuż. L-appellanti sussegwentement iressqu diversi argumenti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom.

31.      L-ewwel, l-appellanti jsostnu li l-invokazzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża APEX (16) sabiex tiċħad it-talba tagħhom hija żgwidata. Fis-sentenza fil-kawża APEX, il-legalità tal-bażi legali tal-att ikkontestat ma kinitx inkwistjoni. Konsegwentement, l-appellanti jsostnu li s-sentenza f’din il-kawża ma tipprovdi ebda gwida fir-rigward tal-kwistjoni mqajma minnhom fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Fil-fehma tagħhom, l-element kruċjali fil-kawża ineżami huwa li r-Regolament oriġinali, peress li ġie deċiż li huwa illegali, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż.

32.      It-tieni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-punt rilevanti meta rreferiet għall-Artikolu 207 TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni, b’mod ġenerali, ta’ miżuri antidumping. L-appellanti jenfasizzaw ukoll li r-Regolament kontenzjuż kien jeżiġi, bħala bażi legali, regolament validu li jimponi d-dazji antidumping allegatament evitati. Mingħajr bażi legali xierqa, ir-Regolament kontenzjuż jikser – fil-fehma tal-appellanti – l-Artikolu 5(1) u (2) TUE li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi.

33.      It-tielet, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li t-tħassir tar-Regolament oriġinali ma jaffettwax il-validità tiegħu. L-appellanti jenfasizzaw li l-Kummissjoni ħassret dan ir-regolament għaliex kien illegali, peress li dan kien ġie ddikjarat li huwa inkompatibbli mal-Ftehimiet tal-WTO. Għalhekk, l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż ammontat, fil-fehma tagħhom, għal tqegħid fis-seħħ mill-ġdid ta’ regolament illegali.

34.      Ir-raba’, l-appellanti jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-inkapaċità tagħhom li jinvokaw id-dritt tal-WTO bħala parametru ta’ validità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni huma irrilevanti. Huma jenfasizzaw li, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali nnifisha, huma ma sostnewx li l-ksur tad-dritt tal-WTO li jinsab fir-Regolament oriġinali jivvizzja r-Regolament kontenzjuż. Minflok, huma sostnew li r-Regolament oriġinali ma setax iservi bħala bażi legali għar-Regolament kontenzjuż.

35.      Il-Kummissjoni ssostni li l-kritika tal-appellanti kontra s-sentenza appellata hija infondata. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-argumenti tal-appellanti dwar allegata assenza ta’ bażi legali xierqa tar-Regolament kontenzjuż. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament oriġinali – li, fil-fehma tagħha, bl-ebda mod ma huwa illegali kif isostnu l-appellanti – ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-bażi legali (jew waħda mill-bażijiet legali) tar-Regolament kontenzjuż. Ir-Regolament kontenzjuż kien, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, ġustament ibbażat fuq l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament bażiku.

B.      Analiżi

36.      Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-appellanti ma humiex konvinċenti.

37.      Qabelxejn, m’iniex konvint li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-qofol tat-talba tal-appellanti. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata, fil-punti 123 sa 155, esponiet b’mod preċiż u ttrattat korrettament l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza. B’mod partikolari, jiena tal-fehma li ż-żewġ premessi li l-appellanti jibbażaw l-argumenti varji tagħhom fuqhom (assenza ta’ bażi legali xierqa u illegalità tar-Regolament oriġinali) huma żbaljati.

38.      Ir-raġunijiet għall-fehmiet tiegħi huma spjegati hawn taħt.

1.      Ilbażi legali ġiet identifikata b’mod korrett millQorti Ġenerali

39.      L-ewwel, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti jidhru li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “bażi legali” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Essenzjalment, bażi legali toriġina mid-dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tagħti lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni s-setgħa li jaġixxu f’qasam partikolari ta’ kompetenza tal-Unjoni, meta l-kundizzjonijiet rilevanti jkunu ssodisfatti. Ir-rekwiżit ta’ bażi legali għal kwalunkwe azzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet joriġina, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi lill-istituzzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, li jipprovdi li “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom” (17).

40.      F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa ċar ħafna li s-setgħa tal-Kummissjoni li testendi d-dazji antidumping diġà stabbiliti fuq importazzjonijiet minn pajjiż terz, għal importazzjonijiet minn pajjiż terz ieħor, f’każ ta’ evażjoni, tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Din is-setgħa hija mogħtija lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni (in casu, il-Parlament u l-Kunsill) fl-istrument legali prinċipali li jirregola l-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi terzi.

41.      Huwa, fil-fatt, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku (intitolat “Evażjoni”) li, b’mod partikolari, (i) jipprevedi li “[i]d-dazji kontra d-dumping imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi [...] meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ” (punt 1); (ii) jinkariga lill-Kummissjoni bit-twettiq tal-investigazzjoni (paragrafu 3); u anki (iii) jidentifika lill-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni inkarigata mill-estensjoni tad-dazji, billi taġixxi skont il-proċedura għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni msemmija hemm (paragrafu 3) (18). Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tal-istess regolament (dwar id-“Dispożizzjonijiet ġenerali”), jispeċifika li d-dazji antidumping kollha – u għalhekk ukoll dawk estiżi – għandhom jiġu imposti “permezz ta’ regolament”.

42.      Ir-riferiment għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fil-preambolu tar-Regolament kontenzjuż jidentifika b’mod korrett id-dispożizzjonijiet legali li minnhom il-Kummissjoni kisbet is-setgħa tagħha li testendi d-dazji inkwistjoni għal importazzjonijiet bħal dawk magħmula mill-appellanti.

43.      Konsegwentement, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li r-Regolament kontenzjuż huwa, jew kellu jkun, ibbażat fuq ir-Regolament oriġinali. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ Regolament oriġinali (validu) hija biss waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-estensjoni ta’ dawn id-dazji tkun possibbli.

44.      Din il-kundizzjoni ssegwi mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.(19) Fil-fatt, huwa ovvju li d-dazji antidumping jistgħu jiġu estiżi biss jekk ikunu ġew stabbiliti b’mod validu fl-ewwel lok. Madankollu – jista’ jkun utli li jerġa’ jiġi enfasizzat dan il-punt – ma huwiex l-att li jimponi d-dazji antidumping (jiġifieri r-Regolament oriġinali) li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li testendihom iżda, kif ġie spjegat, ir-Regolament bażiku.

45.      Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 126 sa 128 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa għar-Regolament kontenzjuż.

46.      F’dan il-kuntest, inżid li l-Qorti Ġenerali kienet korretta wkoll meta, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, hija tirreferi mhux biss għall-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, iżda wkoll għall-Artikolu 207 TFUE, bħala d-dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tadotta regolamenti kontra l-evażjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 207(2) TFUE huwa d-dispożizzjoni tad-dritt primarju li tagħti s-setgħa lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex “jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.” Ir-Regolament bażiku, li mbagħad jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta ċerti miżuri kontra l-evażjoni, huwa bla dubju wieħed mill-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni msemmija fl-Artikolu 207 TFUE.

47.      Għalhekk, l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rreferiet għall-Artikolu 207 TFUE, u għalhekk naqset milli tiċċensura ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (2) TFUE (20), hija infondata.

48.      Il-kunsiderazzjonijiet premessi jwassluni għat-tieni punt li nixtieq nagħmel f’dak li jirrigwarda l-premessi li fuqhom l-appellanti jibbażaw l-argumenti tagħhom.

2.      Fuq ilvalidità tarRegolament oriġinali

49.      It-tieni premessa li fuqha l-appellanti jibbażaw l-argumenti tagħhom hija li r-Regolament oriġinali kien illegali.

50.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa żbaljat ukoll.

51.      Kif ser nispjega fit-taqsimiet li ġejjin, la l-fatt li r-Regolament oriġinali tħassar mil-leġiżlatur tal-Unjoni u lanqas il-possibbiltà tal-inkonsistenza eventwali tiegħu mal-Ftehimiet tal-WTO ma jimplikaw l-illegalità tiegħu.

52.      Ir-Regolament oriġinali tħassar mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) 2015/476 (21). Skont din id-dispożizzjoni, kull darba li d-DSB jadotta rapport dwar miżura tal-Unjoni meħuda, inter alia, skont ir-Regolament bażiku, “il-Kummissjoni tista’ twettaq waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin, kif tqis xieraq [...] (a) tħassar jew temenda il-miżura kontestata; jew (b) tadotta kwalunkwe miżura speċjali ta’ implimentazzjoni oħra meqjusa xierqa fiċ-ċirkostanzi sabiex l-Unjoni tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rapport”.

53.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2015/476 tagħmilha ċara li l-konstatazzjonijiet sfavorevoli tad-DSB dwar il-possibbiltà ta’ inkonsistenza ta’ miżura tal-Unjoni mal-Ftehimiet tal-WTO ma jwasslux, ipso facto, għall-invalidità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni. Huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jisiltu l-konsegwenzi neċessarji minn tali konstatazzjonijiet fir-rigward ta’ dak li għandu jsir sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konsistenza, u huma għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament 2015/476 fil-fatt jindika li l-Kummissjoni “tista’” twettaq miżura waħda jew iktar, skont “kif tqis xieraq”.

54.      Dan ta’ hawn fuq huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet tal-WTO. Skont l-Artikolu 19 tal-Impenn għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim (iktar ’il quddiem id-“DSU”), “meta panel jew il-Korp tal-Appell jikkonkludi li miżura hija inkonsistenti mal-[Ftehimiet tal-WTO], huwa għandu jirrakkomanda lill-Membru kkonċernat sabiex iġib din il-miżura konformi ma’ dan il-ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn il-korpi ma jistgħux “jissuġġerixxu li l-mezzi li bihom il-Membru kkonċernat jista’ jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, huwa stabbilit sew li “l-Membri tal-WTO għandhom id-diskrezzjoni fir-rigward ta’ kif miżura li tinstab li hija inkompatibbli mal-obbligi tal-WTO tinġieb konformi mal-obbligi tal-WTO” (22) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Membri tal-WTO ġeneralment jingħataw, skont l-Artikolu 21.3 tad-DSU, “żmien raġonevoli” sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konsistenza.

55.      F’dan il-kuntest, għandi ngħid li jiena pjuttost imfixkel bid-dikjarazzjonijiet tal-appellanti – magħmula kemm fl-ewwel istanza (23) kif ukoll fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri (24) – li skonthom huma ma jallegawx li l-allegat ksur tar-regoli tal-WTO mir-Regolament oriġinali jivvizzja r-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, wieħed mill-argumenti prinċipali tal-appellanti huwa, essenzjalment, li l-Kummissjoni ħassret ir-Regolament oriġinali minħabba l-illegalità ta’ dan ir-regolament fuq il-bażi tal-inkonsistenza tiegħu mal-Ftehimiet tal-WTO u li din l-illegalità taffettwa, min-naħa tagħha, il-validità tar-Regolament kontenzjuż.

56.      Mistoqsija waqt is-seduta dwar din il-kontradizzjoni apparenti, l-appellanti ddikjaraw li huma ma jinvokawx ir-regoli tal-WTO sabiex jinvalidaw ir-Regolament oriġinali, iżda biss sabiex jinvokaw l-illegalità tiegħu. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward jixbhu ħafna s-sofiżmu: l-illegalità hija, fil-fehma tiegħi, in-nuqqas ta’ konsistenza ta’ miżura ma’ regoli ta’ dritt ta’ livell ogħla, filwaqt li l-invalidità hija l-konsegwenza ovvja li tirriżulta minn dan għall-miżura inkwistjoni. Dawn il-kunċetti jikkostitwixxu l-proverbjali “żewġ uċuħ tal-istess munita”.

57.      Fi kwalunkwe każ, għandi nikkonstata li ma nara ebda żball ta’ liġi, fis-sentenza appellata, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, la l-legalità tar-Regolament oriġinali u lanqas dik tar-Regolament kontenzjuż ma setgħu jiġu evalwati fid-dawl tar-regoli u tad-deċiżjonijiet tal-WTO inkwistjoni. B’mod partikolari, il-punti 144 u 150 ta’ din is-sentenza jirriflettu u japplikaw korrettament il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni f’dan il-qasam. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat, reċentement ħafna fis-sentenza fil-kawża Donex, li l-validità tar-Regolament oriġinali ma tistax tiġi evalwata b’riferiment għar-rapporti DSB tal‑2011 u tal‑2016 imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq (25).

58.      B’dan premess, issa niġi għall-allegazzjoni tal-appellanti li t-tħassir tar-Regolament oriġinali mill-Kummissjoni, motivat mir-rekwiżit li tiġi żgurata l-osservanza ta’ ftehim internazzjonali, jirrendi r-Regolament oriġinali illegali.

59.      Dan l-argument ma huwiex korrett. Is-sempliċi tħassir ta’ att tal-Unjoni – indipendentement mill-motivi li mmotivaw dan it-tħassir – ma jistax jiġi mqabbel mal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ tali att. L-att imħassar ma għadux fis-seħħ u, konsegwentement, ma jistax jirregola sitwazzjonijiet li jqumu fil-futur. B’kuntrast ma’ dan, il-kapaċità tiegħu li jirregola sitwazzjonijiet li qamu fil-passat, matul il-perijodu li fih huwa kien fis-seħħ, ġeneralment ma hijiex ikkontestata mit-tħassir tiegħu.

60.      Għandu jitfakkar li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità jew le ta’ att tal-Unjoni, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lilha mit-Trattati (26).

61.      Naturalment, dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament oriġinali mill-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-effetti ex tunc tagħha, taffettwa wkoll il-validità tar-Regolament kontenzjuż (27). Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-qrati tal-Unjoni ma ddikjarawx dan ir-regolament illegali, la meta l-validità tiegħu ġiet ikkontestata quddiemhom skont l-Artikolu 263 TFUE (28), u lanqas meta ġew aditi b’domandi fil-kuntest ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari (29).

62.      F’dan il-kuntest, inżid li huwa preċiżament għal din ir-raġuni li s-sitwazzjoni tal-appellanti hija fundamentalment differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża Vitol (30), sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha l-appellanti rreferew b’mod estensiv waqt is-seduta. Fil-fehma tagħhom, din is-sentenza tikkonferma li huma jistgħu jinvokaw b’suċċess l-illegalità ta’ att tal-Unjoni (in casu, ir-Regolament oriġinali) sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att ieħor relatat tal-Unjoni (in casu, ir-Regolament kontenzjuż).

63.      Madankollu, ma narax kif il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Vitol jistgħu jkunu rilevanti għall-kawża ineżami. F’dik il-kawża, qorti nazzjonali kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, dwar il-validità ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping li l-invalidità tiegħu kienet diġà ġiet iddikjarata mill-Qorti Ġenerali f’sentenza mogħtija skont l-Artikolu 263 TFUE u li kienet saret, sa dak iż-żmien, res judicata. Għalkemm il-partijiet li ppreżentaw ir-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju ma kinux dawk li fittxew b’suċċess l-annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-konklużjonijiet xierqa kollha kellhom jinsiltu mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li r-Regolament kontenzjuż kien kiser ċerta dispożizzjoni tar-Regolament bażiku. Peress li l-ksur inkwistjoni kien jaffettwa wkoll is-sitwazzjoni legali tal-partijiet li kienu aġixxew quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellha ebda diffikultà tikkonstata l-invalidità tar-Regolament kontenzjuż (31).

64.      Fil-kawża ineżami, madankollu, ma teżisti l-ebda konstatazzjoni preċedenti tal-Qrati tal-Unjoni dwar l-allegata invalidità tar-Regolament oriġinali. Fil-fatt, il-kuntrarju huwa minnu, kif spjegajt fil-punt 61 iktar ’il fuq.

65.      Inżid ukoll li l-appellanti ma ħadux vantaġġ mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 277 TFUE sabiex jinvokaw l-inapplikabbiltà tar-Regolament oriġinali minħabba l-allegata illegalità tiegħu. Waqt is-seduta, l-appellanti donnhom issuġġerixxew li huma invokaw, impliċitament, l-eċċezzjoni ta’ illegalità fl-ewwel istanza u/jew f’dawn il-proċeduri. Madankollu, iż-żewġ siltiet tas-sottomissjonijiet imsemmija mill-appellanti f’dan ir-rigward ma jippermettux, fil-fehma tiegħi, li tiġi sostnuta din it-teżi.

66.      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li t-tħassir tar-Regolament oriġinali ma jaffettwax il-validità tiegħu.

3.      Tħassir tarRegolament oriġinali b’effetti  ex nunc

67.      Ovvjament, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jħassar ir-Regolament oriġinali b’effetti ex tunc – jiġifieri li jelimina l-effetti tiegħu retroattivament – l-estensjoni tad-dazji magħmula mir-Regolament kontenzjuż ma kinitx tkun possibbli.

68.      Madankollu, dan ma huwiex dak li għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni meta ddeċieda li jħassar ir-Regolament oriġinali. Mill-kliem stess tar-Regolament ta’ tħassir jirriżulta li r-Regolament oriġinali tħassar b’effett ex nunc. L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir jippreċiża li “[i]t-tħassir tad-dazji antidumping [inkwistjoni] jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament [...] u ma għandux isservi bħala bażi għar-rimborż ta’ dazji miġbura qabel dik id-data”. Din id-dispożizzjoni hija riprodotta mill-premessa 14 tal-istess regolament, li taqra: “[i]t-tħassir tal-miżuri kontenzjużi għandu jieħu effett mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ u, għaldaqstant, ma jipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazji miġbura qabel dik id-data”.

69.      L-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward hija konsistenti mal-prinċipji kkodifikati fir-Regolament 2015/476. L-Artikolu 3 tiegħu jipprovdi li “[k]walunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tieħu effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor”. Il-premessa 7 ta’ dan ir-regolament tirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u tispjega r-raġuni warajhom. Din il-premessa taqra hekk: “[...] Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti adottati mid-DSB għandhom biss effett prospettiv. Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi speċifikat illi, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, kwalunkwe miżura li tittieħed permezz ta’ dan ir-Regolament jibda jkollha effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u, għaldaqstant, ma tipprovdi l-eba bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data.”

70.      Il-konsegwenza ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq hija li s-sitwazzjonijiet kollha li kienu, ratione temporis, irregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament oriġinali ma ġewx affettwati mit-tħassir tiegħu. Konsegwentement, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferma l-ġbir korrett tad-dazji antidumping miġbura bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali u d-data li fiha dan ir-regolament tħassar, ma hemmx bażi sabiex jitqies li l-estensjoni ta’ dawn id-dazji għal importazzjonijiet li pprovaw jevitaw il-miżura kummerċjali tal-Unjoni hija invalida.

71.      Kif intqal ġustament fil-punt 129 tas-sentenza appellata, dak li huwa meħtieġ sabiex tali estensjoni tkun legali, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, huwa li (i) l-estensjoni tikkonċerna esklużivament il-perijodu qabel l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri, u (ii) li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, kienet ordnata. Huwa paċifiku li dawn il-kundizzjonijiet huma, fil-kawża ineżami, issodisfatti (32).

72.      Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kienet korretta wkoll, fil-fehma tiegħi, meta bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża APEX sabiex tiċħad l-argumenti tal-appellanti fuq dan il-punt.

4.      Linvokazzjoni millQorti Ġenerali tassentenza filkawża APEX

73.      Fis-sentenza fil-kawża APEX – talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta’ regolament ieħor li jestendi d-dazji antidumping minħabba evażjoni – waħda mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet sostniet li r-Regolament kontenzjuż kellu jiġi kkunsidrat invalidu minħabba li kien ġie adottat fi żmien meta r-regolament li oriġinarjament kien impona dawn id-dazji ma kienx għadu fis-seħħ.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-teżi billi ddeċidiet li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kien jippermetti deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ miżuri antidumping minħabba evażjoni, anki meta r-Regolament oriġinali li jistabbilixxi d-dazji kien skada. Tali interpretazzjoni – bħalma ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja – ma ġietx eskluża mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni u, iktar importanti minn hekk, ġiet sostnuta minn qari kuntestwali u teleoloġiku tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll l-argument li n-natura anċillari tal-miżura ta’ estensjoni tad-dazji għall-evażjoni – element li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfasizzat f’sentenza preċedenti (33) – imur kontra din l-interpretazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[j]ekk minn din il-konstatazzjoni, jirriżulta li l-miżuri estiżi ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ meta jiskadu dawk il-miżuri li huma jestendu, ma jistax jiġi dedott mill-vinkolu li jorbothom li d-deċiżjoni li jiġu stabbiliti tal-ewwel għandhom iseħħu qabel l-iskadenza tat-tieni” (34).

75.      L-appellanti, madankollu, ma jaqblux dwar ir-rilevanza tas-sentenza fil-kawża APEX għall-kawża ineżami, minħabba li, f’dik is-sentenza, il-validità tar-Regolament oriġinali ma kinitx inkwistjoni. Madankollu, kif spjegajt fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki fil-kawża ineżami, ma hemm xejn li jindika li r-Regolament oriġinali huwa illegali.

76.      Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan il-qasam, li tħassar dan ir-regolament qabel l-iskadenza tiegħu oriġinarjament prevista (35) huwa irrilevanti. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża APEX jibqgħu rilevanti ħafna fil-kawża ineżami.

77.      Matul is-seduta, madankollu, l-appellanti sostnew li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra r-Regolament oriġinali bħala validu, iż-żewġ kawżi xorta jibqgħu differenti, peress li t-terminu li ddekorra bejn l-iskadenza tar-Regolament oriġinali u l-impożizzjoni (jew l-impożizzjoni mill-ġdid) tad-dazji kontra l-evażjoni huwa iktar sinjifikattiv f’dan il-każ milli f’dak ikkunsidrat fis-sentenza fil-kawża APEX. Għandi ngħid li, fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni oħra fuq dan il-punt, ma narax għalfejn dan l-element fattwali (it-tul iqsar jew itwal tal-perijodu msemmi) għandu jqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni ġuridika magħmula iktar ’il fuq.

78.      Wara kollox, ikun stramb li jiġi konkluż li, matul perijodu partikolari (dak li jikkorrispondi għat-tul ta’ żmien attwali tar-Regolament oriġinali), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu validament jimponu dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn pajjiż terz, iżda mhux fuq l-importazzjonijiet li kienu ttrasportati permezz ta’ pajjiż terz ieħor sabiex jipprovaw jevitaw miżura kummerċjali tal-Unjoni. Tali konstatazzjoni tħeġġeġ de facto lill-kummerċjanti jipprovaw jevitaw il-miżuri kummerċjali tal-Unjoni fil-futur, peress li tippenalizza lill-importaturi onesti u tiffavorixxi lil dawk diżonesti (36). Dan imur kontra l‑għan stess tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

79.      Għalhekk, ma nara l-ebda żball ta’ liġi fil-punti 129 u 134 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenza fil-kawża APEX insostenn tal-konstatazzjonijiet tagħha.

80.      Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, ma hemmx ħtieġa li jiġi ttrattat speċifikament il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba allegat mill-appellanti. Huma ma żviluppaw l-ebda argument speċifiku u awtonomu f’dan ir-rigward.

81.      Bħala konklużjoni, is-sitt motiv tal-appellanti qajjem il-kwistjoni dwar jekk it-tħassir ta’ regolament li jimponi dazju antidumping fuq l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn Stat terz, minħabba l-possibbiltà ta’ inkonsistenza mar-regoli tal-WTO, jipprekludix lill-Kummissjoni milli testendi dan id-dazju għall-importazzjonijiet minn Stat terz ieħor, għal raġunijiet ta’ evażjoni, anki meta l-estensjoni tkun tikkonċerna l-perijodu preċedenti għat-tħassir u meta l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati f’konformità mar-regoli antidumping rilevanti.

82.      F’dawn il-konklużjonijiet, ipprovajt nispjega għaliex – kuntrarjament għall-appellanti – jiena tal-fehma li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

VI.    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt aggravju ta’ Eurobolt BV, Fabory Nederland BV u ASF Fischer BV.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Eurobolt et vs Il‑Kummissjoni (T‑479/20, EU:T:2022:304) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3      ĠU 2020, L 141, p. 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”).


4      Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament oriġinali”).


5      ĠU 2016, L 176, p. 21.


6      Regolament tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20).


7      Regolament tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).


8      Peress li d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għal dawn il-proċeduri ineżami huma fformulati b’mod simili ħafna, ser nirreferi, tul dawn il-konklużjonijiet, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1036, kif għamlu ż-żewġ partijiet fis-sottomissjonijiet tagħhom.


9      ĠU 2016, L 52, p. 24.


10      ĠU 2010, L 282, p. 29.


11      ĠU 2011, L 194, p. 6.


12      Ara, f’iktar dettall, il-punti 7 sa 11 tas-sentenza appellata.


13      Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat.


14      C‑644/17, EU:C:2019:555.


15      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1374 tas‑26 ta’ Awwissu 2019 Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni wara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, fil-kawża C‑644/17 Eurobolt, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 (ĠU 2019, L 223, p. 1).


16      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża APEX”).


17      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 52).


18      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-proċedura ta’ kumitat stabbilita fl-Artikolu 15(3) tiegħu. Min-naħa tagħha, din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall-“proċedura ta’ eżami” prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).


19      Ara, supra, il-punti 5 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Fil-qosor, skont dan il-prinċipju, l-Unjoni tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati. Għalhekk, kull kompetenza li ma ġietx mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati tibqa’ tappartjeni lill-Istati Membri.


21      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 83, p. 6).


22      Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Grupp tal‑31 ta’ Lulju 2002, “United States – Countervailing Measures Concerning Certain Products From the European Communities” (WT/DS212/R), punt 6.43, u r-Rapport tal-Grupp tat‑22 ta’ Diċembru 1999, “United States — Sections 301—310 of the Trade Act of 1974” (WT/DS152/R), punt 7.102.


23      Ara l-punti 139 sa 144 tas-sentenza appellata.


24      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding (C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 48).


26      F’dan is-sens, ara inter alia s-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44), kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 17).


27      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill (C‑602/12 P, EU:C:2014:2203), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ningbo Yonghong Fasteners vs Il‑Kunsill (C‑601/12 P, EU:C:2014:115).


29      Ara, inter alia, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding (C‑104/19, EU:C:2020:539); tal‑15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan (C‑592/17, EU:C:2018:913); u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas (C‑207/17, EU:C:2018:840).


30      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023 (C‑268/22, EU:C:2023:508).


31      Ibid., punti 60 sa 78.


32      Ara wkoll il-punti 133 u 134 tas-sentenza appellata.


33      Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013 fil-kawża Paltrade, C‑667/11 (EU:C:2013:368, punt 28).


34      Sentenza fil-kawża APEX, punti 39 sa 55.


35      F’dan ir-rigward, ara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, intitolat “Durata, reviżjonijiet u rifużjonijiet”.


36      Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża APEX (C‑371/14, EU:C:2015:507, punt 39).