Language of document : ECLI:EU:C:2023:666

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Settembru 2023 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna għall-operat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn – Artikolu 108 TFUE – Deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors għal annullament – Kwalità ta’ parti interessata – Salvagwardja tad-drittijiet proċedurali”

Fil-Kawża C‑466/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑29 ta’ Lulju 2021,

Land Rheinland-Pfalz, irrappreżentat minn R. van der Hout u C. Wagner, Rechtsanwälte,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Deutsche Lufthansa AG, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Martin-Ehlers, Rechtsanwalt,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Georgieva u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, il-Land Rheinland-Pfalz (il-Land ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Land”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Mejju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑218/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:282) li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5289 final tal‑31 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47969 (2017/N), implimentata mill-Ġermanja li tirrigwarda għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2        Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob ukoll l-annullament tas-sentenza appellata.

3        Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DLH”) titlob l-annullament ta’ din is-sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni lment tal-ewwel parti tal-motiv uniku li hija kienet qajmet fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament (UE) 2015/1589

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

h)      ‘parti interessata’ tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

5        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“[…]

3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it- TFUE tkun ġiet applikata.

4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) tat- TFUE (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’).”

 Ir‑Regolament (UE) Nru 651/2014

6        L-Artikolu 56a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li i jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1084 tal‑14 ta’ Ġunju 2017 (ĠU 2017, L 156, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 26, p. 53) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 651/2014”), jipprevedi:

“1.      L-għajnuna għall-investiment għal ajruport għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 14 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.      L-għajnuna operatorja għal ajruport għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3, 4, 10 u 15 sa 18 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

[…]

6.      L-għajnuna għall-investiment ma għandhiex tingħata lil ajruport li jinsab 100 kilometru ’l bogħod jew 60 minuta ta’ vvjaġġar bil-karozza, bix-xarabank, ferrovija jew ferrovija ta’ velocità għolja minn ajruport eżistenti minn liema jitħaddmu servizzi tal-ajru skedati, fis-sens tal-Artikolu 2(16) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3)].

7.      Il-paragrafi 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal ajruporti li l-medja annwali tagħhom ta’ traffiku ta’ passiġġieri mhix iktar minn 200 000 passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel is-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija jekk l-għajnuna għall-investiment mhix mistennija li żżid il-medja tat-traffiku annwali tal-passiġġieri tal-ajruport għal iktar minn 200 000 passiġġier fis-sentejn finanzjarji wara l-għoti tal-għajnuna. Għajnuna għall-investiment mogħtija lil ajruporti bħal dawn għandha tkun konformi mal-paragrafu 11 jew mal-paragrafi 13 u 14.

8.      Il-paragrafu 6 m’għandux japplika fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata lil ajruport li jinsab fid-distanza ta’ 100 kilometru minn ajruporti eżistenti fejn huma operati servizzi tal-ajru skedati, fis-sens tal-Artikolu 2(16) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, sakemm ir-rotta bejn kull wieħed minn dawk l-ajruporti eżistenti l-oħrajn u l-ajruport li jirċievi l-għajnuna neċessarjament tinvolvi mill-inqas total ta’ 90 minuta ta’ vjaġġar permezz ta’ trasport marittimu jew trasport bl-ajru.

[…]”

 IlLinji Gwida dwar lgħajnuna għallavjazzjoni

7        Il-punt 25 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar l-għajnuna għall-avjazzjoni”) jipprevedi:

“25.      Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

12)      ‘żona ta’ lħuq [attrazzjoni] ta’ ajruport’ b’mod tfisser il-konfini ta’ suq ġeografiku, li normalment huwa stabbilit għal madwar 100 kilometru jew madwar 60 minuta ta’ vvjaġġar bil-karozza, bix-xarabank, tren jew ferrovija ta’ velocità għolja; madankollu, iż-żona ta’ lħuq ta’ ajruport partikolari tista’ tkun differenti u jeħtieġ li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull ajruport partikolari. Id-daqs u l-forma taż-żona ta’ lħuq tvarja minn ajruport għal ieħor, u tiddependi fuq diversi karatteristiċi tal-ajruport, inklużi l-mudell tan-negozju tiegħu, il-post u d-destinazzjonijiet li jaqdi.

[…]”

8        Il-punti 114, 115, 131 u 132 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għall-avjazzjoni, li jagħmlu parti mit-Taqsima 5.1.2 tagħhom, intitolat “Għajnuna għall-ġestjoni lill-ajruporti”, jipprevedu:

“114.      Madankollu, id-duplikazzjoni ta’ ajruporti li ma jrendux profitti ma tikkontribwixxix għal mira ta’ interess komuni. Fejn ajruport jinstab fl-istess medda ta’ lħuq ta’ ajruport ieħor b’kapaċità żejda, il-pjan ta’ negozju, ibbażat fuq previżjonijiet tajba tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija, għandu jidentifika l-effett probabbli fuq it-traffiku tal-ajruporti l-oħra li jinsabu f’dik iż-żona ta’ lħuq.

115.      Skont dan, il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-prospetti ta’ ajruport li ma jħallix profitt biex jikseb kopertura sħiħa tal-ispiża fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jekk ajruport ieħor ikun jinsab fl-istess żona ta’ lħuq.

[…]

131.      Meta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-ġestjoni l-Kummissjoni se tqis id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ. Fejn ajruport jinstab fl-istess medda ta’ lħuq ta’ ajruport ieħor b’kapaċità żejda, il-pjan ta’ negozju, ibbażat fuq previżjonijiet tajba tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija, għandu jidentifika l-effett probabbli fuq it-traffiku tal-ajruporti l-oħra li jinsabu f’dik iż-żona ta’ lħuq.

132.      Għajnuna għall-ġestjoni ta’ ajruport li jinsab fl-istess żona ta’ lħuq hi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern biss meta Stat Membru juri li l-ajruporti kollha fl-istess żona ta’ lħuq jistgħu jiksbu kopertura sħiħa tal-ispejjeż ta’ ġestjoni fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

9        Fis‑7 ta’ April 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti, f’partijiet suċċessivi, bejn l‑2018 u l‑2022, għajnuna operattiva għall-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn, minħabba t-telf li kien qiegħed jagħmel dan l-ajruport (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża”). Dan l-ajruport huwa operat minn Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (iktar ’il quddiem “FFHG”).

10      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet, essenzjalment, li ma kienx hemm lok li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE peress li, għalkemm il-miżura kienet tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-paragrafu 3(c) ta’ dan l-artikolu. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, iġġustifikat din id-deċiżjoni billi sostniet li ma kienx hemm ajruporti oħra fiż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn, li kien il-benefiċjarju tal-imsemmija għajnuna.

11      Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet adottat żewġ deċiżjonijiet dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-benefiċċju tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u ta’ Ryanair, jiġifieri, l-ewwel, id-Deċiżjoni (UE) 2016/788 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32833 (11/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Ġermanja rigward l-arranġamenti ta’ finanzjament għall-ajruport ta’ Frankurt Hahn li ddaħħlu fis-seħħ fl-2009 sal-2011 (ĠU 2016, L 134, p. 1), li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2019, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑764/15, EU:T:2019:349), u, it-tieni, id-Deċiżjoni (UE) 2016/789 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21121 (C29/08) (l-eks NN 54/07) implimentata mill-Ġermanja dwar il-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-ajruport u Ryanair (ĠU 2016, L134, p. 46), li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2019, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑492/15, EU:T:2019:252). L-appelli ppreżentati rispettivament kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608) u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑594/19 P, EU:C:2022:40).

12      Barra minn hekk, fis‑26 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, fuq il-bażi tal-ilment ta’ DLH, irreġistrata bir-referenza SA.43260 li tirrigwarda miżuri oħra favur l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u Ryanair. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑13 ta’ Settembru 2019 (ĠU 2019, C 310, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Hahn IV”).

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Marzu 2018, DLH ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

14      DLH, essenzjalment, qajmet, quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv uniku, maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti essenzjali tal-każ li tressaq quddiemha, it-tieni waħda, fuq l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni għajnuna oħra li kienet diġà ngħatat lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u, it-tielet waħda, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

15      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, iddeċidiet li r-rikors ippreżentat minn DLH Bank kien ammissibbli. Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward taż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-kriterji kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħha skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna għall-avjazzjoni u li, għaldaqstant, in-“natura insuffiċjenti u inkompleta” tal-eżami li rriżulta minnha ma ppermettietx lil din l-istituzzjoni li tqiegħed lilha nnifisha f’pożizzjoni li tegħleb kull dubju dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Filwaqt li ċaħdet l-ilmenti l-oħra kollha mqajma minn DLH, il-Qorti Ġenerali, b’hekk, laqgħet parzjalment it-tielet parti tal-motiv uniku mqajjem minn DLH fir-rikors fl-ewwel istanza u annullat, għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni kontenzjuża.

 Ittalbiet talpartijiet

 Ittalbiet talappell prinċipali

16      Permezz tal-appell tagħha, il-Land jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u tiċħad definittivament ir-rikors fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

17      DLH titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u

–        tikkundanna lil-Land għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u

–        tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 Ittalbiet talappell inċidentali ppreżentati minn DLH

19      Permezz tal-appell inċidentali tagħha, DLH titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni lment tal-ewwel parti tal-motiv uniku tagħha, u

–        tikkundanna lil-Land għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell inċidentali ppreżentat minn DHL,

–        tannulla s-sentenza appellata u “tiċħad definittivament” ir-rikors fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

21      Il-Kummissjoni titlob:

–        tiċħad l-appell inċidentali ippreżentat minn DHL bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u

–        tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 Ittalbiet talappell inċidentali ppreżentati millKummissjoni

22      Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u

–        tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

23      DLH titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell inċidentali ippreżentat mill-Kummissjoni bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Land jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni,

–        tannulla s-sentenza appellata u “tiċħad definittivament” ir-rikors fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lil DLH għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 Fuq ittalba għal sospensjoni tależekuzzjoni taddeċiżjoni kkontestata

25      Permezz ta’ talba mressqa fl‑10 ta’ Settembru 2021, il-Land talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata.

26      Permezz tad-digriet tat‑30 ta’ Novembru 2021, Land Rheinland-Pfalz vs Deutsche Lufthansa (C‑466/21 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:972), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.

 Fuq ittalba għallftuħ millġdid talproċedura orali

27      Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, DLH talbet, permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2023 u fil‑11 ta’ Lulju 2023, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Insostenn tat-talba tagħha, DLH issostni l-eżistenza ta’ fatti ġodda, li hija ma kinitx taf bihom qabel il-qari ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dawn huma, minn naħa, il-preżentata, mil-Land, ta’ nota fil-kuntest tal-proċedura pendenti relatata ma’ tilwima magħha quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), dwar l-irkupru tas-somom li jikkorrispondu għall-miżuri msemmija fid-deċiżjoni Hahn IV. DLH tirrileva, b’mod iktar partikolari, li, f’din in-nota, il-Land isostni li Ryanair u hija stess jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni. DLH tirrileva, b’mod iktar partikolari, li, f’din in-nota, il-Land isostni li Ryanair u hija stess huma f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, DLH issostni l-eżistenza ta’ sentenza tal-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köblenz, il-Ġermanja) li rrikonoxxiet li l-għajnuna mogħtija lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn kienet tikkostitwixxi sussidju trażversali favur Ryanair, fatt li jikkonferma li DLH hija direttament u individwalment ikkonċernata minn din l-għajnuna.

29      Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha.

30      Madankollu, f’dan il-każ, it-talbiet imressqa minn DLH ma jiżvelaw l-eżistenza ta’ ebda fatt ġdid tali li jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq lammissibbiltà talappell prinċipali u talappell inċidentali talKummissjoni

 Fuq lammissibbiltà talappell prinċipali u talappell inċidentali talKummissjoni

 Largumenti talpartijiet

32      DLH tqis li l-appell prinċipali huwa inammissibbli minħabba li, l-ewwel, id-dokument prodott mil-Land, bħala prova tal-eżistenza ta’ mandat ad litem tar-rappreżentant tiegħu, huwa antik u ġenerali wisq u ma jinkludi ebda informazzjoni dwar l-identità tal-persuna li għandha tiġi rrappreżentata, anki jekk huwa ffirmat f’isem il-Land. It-tieni, DLH tqis li l-Land huwa direttament milqut mis-sentenza appellata biss minħabba l-obbligu tiegħu li jirkupra l-porzjonijiet tal-għajnuna inkwistjoni li diġà ngħataw lil FFHG u li ma jħallasx iktar lil FFHG tali porzjonijiet fil-futur. Issa, il-Land kien irrifjuta li jissuġġetta ruħu għal tali obbligu. Il-preżentata tal-appell huwa għaldaqstant abbużiv. It-tielet, is-sentenza appellata ma twassalx għal bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tal-Land, peress li dan ifittex, fir-realtà, li jipproteġi l-interessi ta’ FFHG tal-azzjonisti l-ġodda ta’ dan tal-aħħar kif ukoll ta’ Ryanair. Ir-raba’, il-Land ma għandux interess ġuridiku, peress li l-annullament tas-sentenza appellata ma jagħtih ebda benefiċċju.

33      Fil-kontroreplika tagħha u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, DLH fl-aħħar nett sostniet, minn naħa, li l-appell kien jikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-digriet tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2019, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑764/15, EU:T:2019:349), u, min-naħa l-oħra, li l-Land ma kellux iktar interess ġuridiku, peress li s-sitwazzjoni ekonomika attwali ta’ FFHG ma tippermettix iktar lil din tal-aħħar tikseb il-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna inkwistjoni.

34      Il-Land u l-Kummissjoni jsostnu li l-argumenti ta’ DLH għandhom jiġu miċħuda.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

35      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument invokat minn DLH, fil-kontroreplika tagħha u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appell huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-awtorità ta’ res judicata tad-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑764/15, EU:T:2017:933), għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

36      Għaldaqstant, sa fejn l-argument dwar l-awtorità ta’ res judicata tad-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑764/15, EU:T:2017:933), ma ġiex invokat minn DLH fir-risposta tagħha għall-appell u sa fejn dan l-argument ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura, l-imsemmi argument għandu jitqies bħala tardiv u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

37      Fit-tieni lok, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-intervenjenti minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jippreżentaw appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali meta din id-deċiżjoni tolqothom direttament.

38      F’dan il-każ, il-Land, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li s-sentenza appellata tolqtu direttament.

39      Fil-fatt, kif jirrileva l-Land fl-appell tiegħu, din is-sentenza għandha l-konsegwenza, minn naħa, li tobbliga lil dan tal-ewwel jirkupra l-porzjonijiet tal-għajnuna inkwistjoni li diġà ġew attribwiti lil FFHG u, min-naħa l-oħra, li tipprojbixxi lil dan tal-ewwel milli jħallas porzjonijiet ġodda ta’ din l-għajnuna fil-futur.

40      L-argument ta’ DLH, invokat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li, fid-dawl tal-proċedura ta’ insolvenza li FFHG issa hija suġġett għaliha, din tal-aħħar, fi kwalunkwe każ, ma kinitx iktar f’pożizzjoni li titħallas il-porzjonijiet li fadal tal-għajnuna inkwistjoni, ma jistax ibiddel tali konklużjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, xorta jibqa’ l-fatt li s-sentenza appellata dejjem timponi fuq il-Land l-obbligu li jirkupra, fi kwalunkwe każ, il-porzjonijiet tal-għajnuna inkwistjoni li huwa diġà ħallas lil FFHG.

41      Barra minn hekk, il-fatt li l-Land ma ħax il-miżuri kollha imposti mis-sentenza appellata, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax ibiddel il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, li huma suffiċjenti sabiex juru li l-Land huwa milqut direttament mis-sentenza appellata u li għalhekk jista’ jippreżenta appell kontra din l-aħħar sentenza, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk din il-parti għandhiex interess ġuridiku.

42      Fit-tielet lok, il-mandat tar-rappreżentant tal-Land jipprevedi espressament li dan tal-aħħar jirrappreżenta l-Land quddiem il-qrati tal-Unjoni fit-tilwimiet tal-għajnuna tal-Istat. Barra minn hekk, DLH la tallega u lanqas, a fortiori, ma turi li, minkejja li nħareġ fis‑7 ta’ Ġunju 2019, dan il-mandat ma għadux validu. Għaldaqstant, l-imsemmi mandat jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, mobile.de vs EUIPO, C‑418/16 P, EU:C:2018:128, punti 34 u 39).

43      Minn dan isegwi li l-appell tal-Land huwa ammissibbli.

 Fuq lammissibbiltà talappell inċidentali talKummissjoni

 Largumenti talpartijiet

44      DLH issostni li l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli minħabba li, fl-ewwel lok, dan ma jindikax id-data li fiha l-appell tal-Land ġie nnotifikat lil din l-istituzzjoni, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-Artikolu 177(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45      Fit-tieni lok, l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni jikser it-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, peress li huwa, fil-parti l-kbira, identiku għan-nota ppreżentata minn din l-istituzzjoni b’risposta għall-appell prinċipali.

46      Fit-tielet lok, dan l-appell inċidentali huwa inammissibbli minħabba li l-appell prinċipali huwa, huwa stess, inammissibbli.

47      Fir-raba’ lok, il-preżentata tal-imsemmi appell inċidentali hija abbużiva peress li l-Kummissjoni ma bdiet ebda proċedura ta’ ksur fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li DLH informatha li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Hahn IV, la FFHG u lanqas il-Land ma kienu rkupraw l-għajnuna kkonċernata mingħand Ryanair sabiex is-somom korrispondenti jiġu ttrasferiti f’kont ibblukkat.

48      Il-Land u l-Kummissjoni jsostnu li l-argumenti ta’ DLH għandhom jiġu miċħuda.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

49      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ta’ DLH li l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli, minħabba li l-appell tal-Land huwa inammissibbli wkoll, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 35 sa 43 ta’ din is-sentenza.

50      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 172 u 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li għandhom interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud jistgħu jippreżentaw risposta li t-talbiet tagħha huma intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, dan l-appell. Dawn il-partijiet jistgħu wkoll, skont l-Artikolu 176 u l-Artikolu 178(1) u (3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw appell inċidentali, li għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, li t-talbiet tiegħu huma intiżi għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali billi jibbażaw ruħhom fuq aggravji u argumenti ta’ liġi distinti mill-motivi u mill-argumenti invokati fir-risposta (digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, C‑323/16 P, EU:C:2017:952, punt 30, kif ukoll is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 47).

51      Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li r-risposta għal appell ma tistax tkun intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għal aggravji distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitressqu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs IlKummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 48). Minn dan jirriżulta wkoll li l-appell inċidentali għandu, bħala prinċipju, jinkludi aggravji u argumenti distinti u awtonomi minn dawk imqajma fir-risposta għall-appell prinċipali mressqa mill-istess parti.

52      F’dan il-każ, diversi aggravji mqajma fl-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni jikkoinċidu, parzjalment, mal-argumenti invokati minnha fir-risposta li hija ppreżentat insostenn tal-appell tal-Land.

53      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni titlob, hija stess, l-annullament tas-sentenza appellata billi tqajjem aggravji li huma, parzjalment, awtonomi u distinti minn dawk imqajma fl-appell prinċipali. Skont ir-regoli mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, tali talba ma tistax titressaq u tali aggravji ma setgħux jitqajmu fir-risposta tagħha u huwa għalhekk konformement ma’ dawn ir-regoli li l-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tistax tiġi kkritikata li fl-appell inċidentali tagħha esponiet l-aggravji kollha mqajma insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata, inklużi dawk li tqajmu wkoll fir-risposta tagħha minflok ma qassmet l-espożizzjoni tal-aggravji tagħha bejn dan l-appell inċidentali u din ir-risposta, bir-riskju li tippreġudika l-koerenza tar-raġunament tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Eurallumina vs IlKummissjoni, C‑323/16 P, EU:C:2017:952, punt 31).

54      Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 177(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell inċidentali għandu jsemmi d-data li fiha l-appell prinċipali jkun ġie nnotifikat lill-parti li tippreżenta dan l-appell inċidentali. DLH tirrileva li tali riferiment ma jidhirx fl-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

55      Għalkemm huwa minnu li dan ir-riferiment ma jidhirx f’dan l-appell inċidentali, huwa paċifiku li d-data li fiha l-appell prinċipali ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, jiġifieri l‑5 ta’ Awwissu 2021, hija espressament imsemmija fir-risposta għal dan l-appell prinċipali li l-Kummissjoni ppreżentat u li ġiet innotifikata lil DLH kif ukoll lil-Land. Barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa kkontestat li dan l-appell inċidentali ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit.

56      Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli ssemmi, fl-appell inċidentali tagħha, ir-riferiment previst fl-Artikolu 177(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix irregolarità li tista’ twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan l-appell inċidentali, peress li l-partijiet l-oħra tqiegħdu f’pożizzjoni li jivverifikaw li l-imsemmi appell inċidentali kien effettivament ġie ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tal-appell.

57      Kuntrarjament għal dak li ssostni DLH fil-kontroreplika tagħha għall-appell prinċipali, il-fatt li t-talbiet tar-risposta tal-Kummissjoni fl-appell prinċipali huma intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata u mhux, kif jimponi l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, dan l-appell, ma jistax jibdel tali konklużjoni. Fil-fatt, tali irregolarità twassal biss għall-inammissibbiltà tal-kap tat-talbiet li permezz tiegħu l-Kummissjoni titlob, f’din ir-risposta, l-annullament tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs IlKunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 21).

58      Fl-aħħar lok, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, il-fatt li l-Land ma jkunx ħa l-passi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza appellata jew mad-deċiżjoni Hahn IV ma huwiex tali li jirrendi inammissibbli l-appell inċidentali tal-Kummissjoni intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

59      Għaldaqstant, l-appell inċidentali tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.

 Fuq ilfondatezza talappell prinċipali u talappell inċidentali talKummissjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

60      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Land iqajjem ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni taż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ne ultra petita, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tastjeni milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 264 TFUE.

61      Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tqajjem sitt aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE, it-tieni wieħed, fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, fuq l-obbligu li tingħata risposta għall-argumenti invokati mill-partijiet u li jinstemgħu dawn tal-aħħar, it-tielet wieħed, fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju żbaljat sabiex tiġi eżaminata l-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ir-raba’ wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għall-avjazzjoni, il-ħames wieħed, fuq ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u, is-sitt wieħed, fuq ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ta’ eżami ex officio żbaljat u ta’ żnaturament ta’ prova.

 Fuq laggravji bbażati fuq lassenza ta’ locus standi ta’ DLH

 Largumenti talpartijiet

–       Fuq lewwel aggravju mqajjem flappell prinċipali

62      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Land jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

63      Fit-tieni parti ta’ dan l-ewwel aggravju, il-Land iqis, b’mod iktar partikolari, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 62 u 86 tas-sentenza appellata, li minn analiżi globali tar-rikors fl-ewwel istanza kien jirriżulta li DLH kienet qajmet, quddiemha, ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Fil-fatt, DLH illimitat ruħha li ssostni, f’dan ir-rikors, żbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta awtorizzat l-għajnuna inkwistjoni. Billi llimitat ruħha li tikkonstata li l-allegazzjoni ta’ tali ksur kienet tirriżulta minn analiżi globali tal-imsemmi rikors, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

64      Il-Kummissjoni tikkunsidra, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-istess rikors jew, tal-inqas, interpretatu b’mod ġuridikament żbaljat, peress li qieset li dan kien jinkludi motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ DLH, filwaqt li kien jinkludi, fir-realtà, diversi motivi. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 59, 62 u 86 tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa suffiċjenti li wieħed mill-ksur tad-drittijiet proċedurali jiġi allegat permezz tar-rikors jew permezz tar-rikors kollu tmur kontra r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

65      DLH twieġeb li, fil-punti 55 et seq. tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija espressament sostniet il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, peress li dan l-aspett issemma wkoll fis-suġġett tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza kif ukoll fil-motivi mqajma insostenn ta’ dan tal-aħħar, kif juri l-punt 14 ta’ dan ir-rikors.

–       Fuq ittieni aggravju talappell inċidentali talKummissjoni

66      Permezz tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mil-Land, issostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova kif ukoll l-obbligu tagħha li tirrispondi għall-argumenti invokati mill-partijiet u li tisma’ lil dawn tal-aħħar.

67      Fl-ewwel parti ta’ dan it-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li DLH qatt ma ddikjarat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-ajruporti ta’ Frankfurt Hahn u ta’ Frankfurt am Main kienu f’kompetizzjoni u lanqas li l-għajnuna favur tal-ewwel jista’ jkollha xi effett fuq it-tieni.

68      Il-punt 50 tas-sentenza appellata hija, għaldaqstant, ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għal allegazzjoni li DLH ma fformulatx quddiemha u li, fi kwalunkwe każ, ma eżaminatx il-veraċità tagħha.

69      Fil-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm pressjoni kompetittiva ta’ Ryanair fuq DLH, li din tonqos fl-assenza tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni lil FFHG, mingħajr ma teżamina l-provi prodotti minn DLH u mill-Kummissjoni, u dan jikser ukoll ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova.

70      DLH wieġbet li, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, stabbilixxiet li ż-żewġ ajruporti kkonċernati kienu f’kompetizzjoni. Tali sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni diġà hija bbażata fuq il-fatt, imsemmi fil-punti 43 u 117 et seq. ta’ dan ir-rikors, li ż-żoni ta’ attrazzjoni ta’ dawn l-ajruporti jikkoinċidu. Barra minn hekk, hija sostniet, fil-punt 43 tal-imsemmi rikors, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn l-imsemmija ajruporti fir-rigward tar-rotot tal-ajru li jitilqu minnhom.

71      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkontesta l-fatt, stabbilit mill-Qorti Ġenerali, li l-ajruporti ta’ Frankfurt am Main u ta’ Frankfurt Hahn jinsabu f’kompetizzjoni, peress li appell inċidentali huwa limitat għall-motivi ta’ liġi.

72      Sussidjarjament, DLH uriet li l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn kien eżerċita pressjoni kompetittiva fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main, sal-punt li dan tal-aħħar kien jippermetti lil Ryanair tiftaħ bażi f’Marzu 2017.

73      Fit-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li, għat-titjiriet proposti minn Ryanair, li jitilqu mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn, u t-titjiriet, għall-istess destinazzjonijiet, operati minn DLH mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main, Ryanair u DLH kienu kompetituri. Issa, il-Kummissjoni sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li t-titjiriet li kienet topera DLH, bi tluq mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main, kienu jikkonċernaw “titjiriet premium” u passiġġieri fi tranżitu, filwaqt li Ryanair kienet topera titjiriet bi prezz baxx fil-kuntest tat-traffiku “minn punt għal punt”. Il-Kummissjoni wriet ukoll li l-allegati provi pprovduti minn DLH ma kien fihom ebda informazzjoni dwar l-iżvilupp tan-numru ta’ passiġġieri u tal-prezzijiet u li kienu jeżistu dubji importanti dwar liema rotot kienu realment operati minn DLH u f’liema dati. Peress li dan l-argumenti tal-Kummissjoni huwa ta’ importanza kbira, għall-eżitu tal-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha tirrispondi għalihom.

74      DLH tirrispondi li ma jeżisti ebda obbligu għall-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni argumenti invokati quddiemha, iżda biss obbligu li jiġi ggarantit li d-dritt għal smigħ jiġi rrispettat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

75      Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mhux lil DHL, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att tal-Unjoni li tiegħu hija ma tkunx destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, IlKummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda għajnuna individwali, kien eskluż li din id-deċiżjoni kienet att regolatorju. Barra minn hekk, tali konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

77      F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk DLH hijiex ikkonċernata “direttament u individwalment” mid-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tiddistingwihom b’mod analogu għal dik tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, ukoll, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 51).

78      Peress li r-rikors fl-ewwel istanza kien jirrigwarda deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi, li huwa intiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-każ, li t-Trattat FUE jipprevedi l-obbligu, għal din l-istituzzjoni, li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 94, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 52).

79      Minn dan jirriżulta, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza appellata li meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, huma ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, ippreżentat minn “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ifittex, bil-preżentata tiegħu, li jitħarsu d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 53 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata”, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet ikkodifikata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li ġie ssostitwit mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddefinixxi l-kunċett analogu ta’ “parti interessata” bħala li tkopri “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ” (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 58).

81      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, u, għaldaqstant, mingħajr ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll imsemmija fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

82      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li r-rikors ippreżentat minn DLH seta’ jitqies li huwa ammissibbli sa fejn din il-kumpannija tal-ajru, minn naħa, uriet li hija “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, u, min-naħa l-oħra, invokat ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

83      Il-Land u l-Kummissjoni jqisu madankollu li, fil-punti 32 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li ż-żewġ kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

–       Fuq ilkwalità ta’ “parti interessata” ta’ DLH

84      Fil-punti 39 sa 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li DLH kienet “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (UE) 2015/1589

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, għalkemm il-kunċett ta’ “parti interessata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi, b’mod partikolari, l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kunċett ikopri, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza appellata, grupp indeterminat ta’ destinatarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63), kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 59).

86      B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ madankollu tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu milquta mill-għoti ta’ għajnuna, li jeżiġi li din l-impriża turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-kwalità ta’ “parti interessata” ma tippreżupponix neċessarjament relazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 64 u 65; tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 58, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 60).

87      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni seta’ jkollu effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ DLH f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-operat tal-ajruport ta’ Frankfurt am Main, li huwa l-ewwel “ajruport prinċipali” tagħha, u, min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni dwar id-destinazzjonijiet tat-titjiriet li DLH tipproponi bi tluq minn dan l-ajruport.

88      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, qieset, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna inkwistjoni setgħet taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tal-ajruport ta’ Frankfurt am Main.

89      Madankollu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fl-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, mir-rikors fl-ewwel istanza ma jirriżultax li DLH invokat tali argument sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha. Issa, kif tfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, huwa biss ir-rikorrent li għandu juri li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu.

90      Fl-aħħar nett, il-punt 50 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

91      It-tieni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 51 sa 54 tas-sentenza appellata, li, billi ppermettiet lil FFHG tkompli l-attivitajiet tagħha, l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni kien offra lil Ryanair il-possibbiltà li żżomm pressjoni kompetittiva fuq DLH fit-tluq mill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn. Tali konstatazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru huma kompetituri sa fejn joffru titjiriet għall-istess destinazzjonijiet li jitilqu mill-ajruporti ta’ Frankfurt Hahn u ta’ Frankfurt am Main, u dan il-fatt huwa kkonfermat, kif indikat fil-punt 51 tas-sentenza appellata, mil-listi ta’ destinazzjonijiet li ġew ipprovduti minn DLH fin-noti proċedurali tagħha u waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

92      B’hekk, minn dan il-punt 51 jirriżulta espressament li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn DLH. Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-Kummissjoni, fit-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħha, mis-sentenza appellata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti invokati minnha, b’mod partikolari, fil-punti 33 sa 40 tal-kontroreplika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, u li kienu intiżi li jikkontestaw ir-rilevanza tal-provi, prodotti minn DLH, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn din il-kumpannija tal-ajru u Ryanair.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi l-għadd ta’ argumenti invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza, essenzjalment, jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29, tad‑29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB, C‑202/21 P, EU:C:2022:734, punt 106, kif ukoll tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 118).

94      Ċertament, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni interessati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM vs IlKunsill u IlKummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 96, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2022, EUIPO vs Vincenti, C‑653/20 P, EU:C:2022:945, punt 47).

95      Madankollu, sa fejn, f’dan il-każ, id-data ppreżentata mill-Kummissjoni kienet intiża sabiex tikkontesta r-rilevanza tad-data pprovduta minn DLH, il-Qorti Ġenerali kellha, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija marbuta bih, tesponi r-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li dawn il-provi ma setgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tagħha, ibbażata fuq il-provi prodotti minn DLH, li skontha din il-kumpannija tal-ajru u Ryanair kienu attivi fl-istess suq ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u kienu, għaldaqstant, kompetituri.

96      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddeċidiet li DLH kienet “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

97      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu.

–       Fuq l-invokazzjoni minn DLH tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha

98      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li DLH kienet invokat, fir-rikors fl-ewwel istanza, il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha hija bbażata fuq il-konstatazzjonijiet magħmula minnha fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza.

99      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li “mill-analiżi tar-rikors kollu kemm hu” jirriżulta li r-rikors ippreżentat minn DLH “[kien] jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, billi kkontestat il-fatt li [din] id-deċiżjoni [kienet] naqset milli twettaq eżami komplet tal-għajnuna inkwistjoni, u dan [kien] ippreġudika [lid-DLH] sa fejn hija [kienet] parti interessata u [kisret] id-dritt tagħha għal smigħ u d-drittijiet proċedurali tagħha”.

100    Fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll li, “fir-rigward […] ta’ rikors li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mingħajr il-ftuħ tal-proċedura formali, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti kollha mqajma minn [DLH] fil-motiv uniku, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dawn [jippermettux] li jiġu identifikati diffikultajiet serji li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ l-imsemmija proċedura”.

101    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali fis-sens li fil-verità huwa intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li r-rikorrent jislet mill-Artikolu 108(2) TFUE meta dan ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta espressament motiv li jsegwi dan l-għan, għaliex inkella tkun qiegħda tibdel is-suġġett tar-rikors (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs IlKummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Madankollu, l-argumenti ta’ rikorrent li huma intiżi speċifikament sabiex juru li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni formali huma ammissibbli meta r-rikors li insostenn tiegħu jiġu invokati dawn l-argumenti huwa effettivament intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li ma tinfetaħx tali proċedura u li, skont il-kliem stess tar-rikors, ir-rikorrent isostni li n-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni pprekludih milli jibbenefika mill-garanziji proċedurali li huwa għandu dritt għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Belgique/Deutsche Post u DHL International, C‑148/09 P, EU:C:2011:603, punti 61sa 63).

103    F’dan il-każ, huwa minnu, l-ewwel nett, li, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza appellata, ir-rikors ippreżentat minn DLH quddiemha kien intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-fażi ta’ investigazzjoni formali, imsemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

104    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, it-tieni, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi sempliċement affermat, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li l-invokazzjoni minn DLH ta’ ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha kienet tirriżulta mill-analiżi globali tar-rikors fl-ewwel istanza. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kellha ssemmi espliċitament il-punti ta’ dan ir-rikors li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex twettaq tali evalwazzjoni sabiex tippermetti lill-partijiet, kif imfakkar fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li jkunu jafu r-raġunijiet li wassluha tiddeċiedi b’dan il-mod u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

105    It-tielet, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata wkoll teżamina liema mill-ilmenti mqajma minn DLH kienu speċifikament intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni formali.

106    Issa, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li tali eżami twettaq mill-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, mill-punt 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li, peress li r-rikors fl-ewwel istanza kien intiż sabiex jikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, imsemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, hija kienet obbligata teżamina l-argumenti kollha li DLH kienet invokat sabiex tevalwa jekk dawn kinux jippermettu li jiġu identifikati diffikultajiet serji, li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ tali proċedura, mingħajr ma tivverifika, minn qabel, jekk kull wieħed minn dawn l-argumenti kienx speċifikament intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet.

107    Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li DLH kienet invokat ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

108    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell tal-Land għandha tintlaqa’.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni la fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Land, la fuq l-ewwel aggravju u t-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni intiżi li jikkontestaw, għal raġunijiet oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors, u lanqas fuq l-aggravji l-oħra tal-appell prinċipali u tal-appelli inċidentali intiżi li jikkontestaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-mertu u, b’mod partikolari, fuq l-aggravji żviluppati minn DLH fl-appell inċidentali tagħha fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 107 TFUE tal-kunċett ta’ “xenarju globali” użat mill-Qorti Ġenerali, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata.

 Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

110    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

111    Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

112    Fil-fatt, fid-dawl tal-eżistenza ta’ diversi żbalji ta’ liġi u ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors jimplika evalwazzjonijiet ta’ fatt li jeħtieġu, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni tal-proċess.

113    Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Mejju 2021, Deutsche Lufthansa vs IlKummissjoni (T218/18, EU:T:2021:282) hija annullata.

2)      Il-kawża hija mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.