Language of document : ECLI:EU:C:2023:669

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

14 ta’ Settembru 2023 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Bejgħ ta’ xarbiet fil-laned lir-residenti tar-Renju tad-Danimarka – Bejgħ mingħajr depożitu bil-kundizzjoni li x-xarbiet li jinxtraw jiġu esportati – Assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kunċett ta’ ‘riżorsi tal-Istat’ – Deċiżjoni li tiddikjara l-assenza ta’ għajnuna – Rikors għal annullament”

Fil-Kawżi magħquda C‑508/21 P u C‑509/21 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑18 ta’ Awwissu 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti,

appellanti (C‑508/21 P)

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑509/21 P),

Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG), stabbilita fi Flensbourg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Bauer u F. von Hammerstein, Rechtsanwälte,

appellanti (C‑509/21 P)

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑508/21 P),

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Dansk Erhverv, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka), irrappreżentata inizjalment minn T. Mygind u H. Peytz, advokaten, sussegwentement minn H. Peytz, advokat,

rikorrenti fl-ewwel istanza (C‑508/21 P u C‑509/21 P),

Danmarks Naturfredningsforening, stabbilita f’Kopenħagen.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑508/21 P u C‑509/21 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG), assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-ħwienet transkonfinali tat-Tramuntana tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Dansk Erhverv vs Il‑Kummissjoni (T‑47/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:331), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6315 final tal‑4 ta’ Ottubru 2018, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44865 (2016/FC) – Il-Ġermanja – Allegata għajnuna mill-Istat favur ħwienet ta’ xorb li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 94/62/KE

2        L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2015/720/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 (ĠU 2015, L 115, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 94/62”), intitolat “Is-sistemi tar-ritorn, tal-ġbir u ta’ l-irkupru”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:

a)      għar-ritorn u/jew għall-ġbir ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ mingħand il-konsumatur, utent finali ieħor, jew mill-ġabra finali ta’ l-iskart sabiex jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart l-aktar addattati;

b)      għall-użu mill-ġdid jew għall-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ ta’ l-imballaġġ u/jew l-iskart mill-imballaġġ miġbur,

sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva.

Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat [FUE].”

 IdDirettiva 2008/98/KE

3        Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tagħha, tfisser il-kunċett ta’ “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

 Iddritt Ġermaniż

4        Il-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Verpackungsverordnung) (id-Digriet dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart tal-Imballaġġ) tal‑21 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2379, iktar ’il quddiem il-“VerpackV”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwima, jittrasponi d-Direttiva 94/62 fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż.

5        Skont l-Artikolu 2(1) tal-VerpackV, din tapplika għal kull imballaġġ li jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Gesetz zur Förderung der Kreislaufwirtschaft und Sicherung der umweltverträglichen Bewirtschaftung von Abfällen (Kreislaufwirtschaftsgesetz – KrWG) (il-Liġi Intiża sabiex Tippromwovi l-Ekonomija Ċirkolari u li Tiggarantixxi l-Ġestjoni Ekoloġika tal-Iskart) tal‑24 ta’ Frar 2012 (BGBl. 2012 I, p. 212, iktar ’il quddiem il-“Liġi li Tirriformula d-Dritt tal-Iskart”).

6        L-Artikolu 9(1) tal-VerpackV jistabbilixxi sistema ta’ depożitu għal ċertu imballaġġ ta’ xarbiet li jintuża darba (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ depożitu”). Dan l-artikolu jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Id-distributuri li jinnegozjaw il-bejgħ ta’ xarbiet f’imballaġġ li jintuża darba u li jesa’ minn 0.1 litru sa 3 litri huma obbligati jiċċarġjaw lill-klijenti tagħhom depożitu ta’ mill-inqas EUR 0.25 għal kull pakkett, inkluż it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-ewwel sentenza ta’ hawn fuq ma tapplikax għall-imballaġġ li jinbiegħ lill-konsumaturi finali lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-VerpackV. Id-depożitu huwa ċċarġjat minn kull distributur tal-output, fl-istadji kollha tal-katina kummerċjali, sal-bejgħ tal-imballaġġ lill-konsumatur finali. […] [L-ammont tad-depożitu] jitħallas lura waqt l-irkupru tal-imballaġġ. Dan ma jistax jiġi rrimborsat fin-nuqqas tal-irkupru tal-imballaġġ […]”

7        Mill-punt 14 tal-Artikolu 15(1) tal-VerpackV jirriżulta li l-assenza ta’ ġbir tad-depożitu, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, tikkostitwixxi ksur amministrattiv (Ordnungswidrigkeit).

8        L-Artikolu 69(3) tal-Liġi Intiża sabiex Tippromwovi l-Ekonomija Ċirkolari u li Tiggarantixxi l-Ġestjoni Ekoloġika tal-Iskart jipprevedi li dan it-tip ta’ ksur huwa ssanzjonat b’multa li tista’ tammonta għal mhux iktar minn EUR 100 000.

9        Is-sistema ta’ depożitu daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2003.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

10      Il-fatti li wasslu għall-kawża huma mfissra fil-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

11      Fl‑14 ta’ Marzu 2016, Dansk Erhverv, assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi Daniżi, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, previsti fl-Artikoli 107 u 108 TFUE.

12      Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, Dansk Erhverv sostniet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat lil grupp ta’ impriżi ta’ bejgħ bl-imnut li jinsabu fit-Tramuntana tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“ħwienet transkonfinali”) u li huma mmirati esklużivament lejn il-konsumaturi residenti f’pajjiżi transkonfinali, b’mod partikolari fid-Danimarka, għajnuna illegali, inkompatibbli mas-suq intern, li tikkonsisti f’eżenzjoni mill-obbligu ġenerali, previst fl-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, li jinġabar id-depożitu fuq l-imballaġġ ta’ xarbiet li jintuża darba.

13      B’mod partikolari, Dansk Erhverv sostniet ukoll li kien bil-kunsens tal-awtoritajiet taż-żewġ Länder ikkonċernati, jiġifieri x-Schleswig‑Holstein u l-Mecklenburg‑Vorpommern‑Occidentale (il-Ġermanja), li dawn il-ħwienet transkonfinali kienu jbigħu lill-konsumaturi Daniżi u Svediżi xarbiet ibbottiljati f’imballaġġ li jintuża darba mingħajr ma jiġbru d-depożitu relatat, jiġifieri EUR 0.25 bit-taxxi kollha inklużi għal kull landa. Fil-fatt, dawn l-awtoritajiet ma jimponux multa fuq il-ħwienet transkonfinali fejn dawn tal-aħħar ma jiġbrux id-depożitu. Dansk Erhverv irrilevat ukoll li l-eżenzjoni mid-depożitu timplika eżenzjoni mill-VAT relatata mal-ammont ta’ dak id-depożitu.

14      Billi l-prezzijiet tal-birra u ta’ xarbiet oħra huma ogħla f’pajjiżi transkonfinali, bħad-Danimarka, milli fil-Ġermanja, minħabba, b’mod partikolari, differenzi fir-rigward tal-prezzijiet bl-ingrossa, tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, ġie żviluppat kummerċ transkonfinali speċjalizzat, li fil-kuntest tiegħu bejjiegħa bl-imnut, stabbiliti fiż-żewġ Länder ikkonċernati, jindirizzaw in-negozju tagħhom lejn il-klijenti transkonfinali, b’mod partikolari dawk Daniżi. Il-birra, l-ilma minerali u s-soft drinks jinbiegħu esklużivament f’pakketti kbar, jiġifieri fi “trejs”, b’mod partikolari dawk b’24 landa ppakkjati fil-plastik. Madwar 20 impriża li jinkludu madwar sittin ħanut iwettqu tali kummerċ transkonfinali. Dawn l-impriżi transkonfinali jimpjegaw madwar 3 000 persuna u ħolqu l-IGG, assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tagħhom, appellanti fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑509/21 P.

15      Huwa stabbilit, kif jirriżulta mill-punt 155 tas-sentenza appellata, li, wara d-digriet tax-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja) tas‑7 ta’ Lulju 2003 (12 B 30/03), ikkonfermat permezz ta’ digriet tax-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja) tat‑23 ta’ Lulju 2003 (4 MB 58/03, 12 B 30/03) (iktar ’il quddiem id-“digrieti tal-qrati Ġermaniżi tal‑2003”), l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni taż-żewġ Länder ikkonċernati (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti”) iddeċidew li ma jadottawx miżuri ġodda ta’ restrizzjoni amministrattiva fir-rigward tal-ħwienet transkonfinali li ma japplikawx id-depożitu.

16      Dawn l-awtoritajiet qiesu li l-obbligu li jinġabar id-depożitu ma kienx japplika għall-ħwienet transkonfinali kemm‑il darba x-xarbiet ikunu nbiegħu esklużivament lil klijenti ddomiċiljati, b’mod partikolari, fid-Danimarka u jekk dawn tal-aħħar jkunu ntrabtu bil-miktub, meta ffirmaw “dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni”, li jikkonsmaw dawn ix-xarbiet u li jeħilsu mill-imballaġġ tagħhom lil hinn mit-territorju Ġermaniż.

17      Fl‑4 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fi tmiem il-proċedura preliminari ta’ eżami tal-għajnuna, prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. F’dik id-deċiżjoni, din l-istituzzjoni llimitat ruħha għall-eżami tal-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat, stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, hija eżaminat waħda waħda t-tliet miżuri li jistgħu jikkostitwixxu vantaġġ iffinanzjat permezz tar-riżorsi tal-Istat (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”), jiġifieri l-assenza ta’ ġbir tad-depożitu fih innifsu, l-assenza ta’ ġbir tal-VAT relatata mad-depożitu u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma jiġbrux id-depożitu.

18      Fir-rigward, l-ewwel, tal-assenza ta’ ġbir tad-depożitu, il-Kummissjoni qieset, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li s-sistema ta’ depożitu ma kinitx iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

19      It-tieni, hija indikat, fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-assenza ta’ ġbir tal-VAT fuq id-depożitu kienet il-konsegwenza normali tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali fil-qasam tal-VAT u minn dan iddeduċiet li din l-assenza ta’ ġbir, permezz tal-iskop u tal-istruttura tagħha, ma kinitx maħsuba sabiex toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat u li din il-miżura għalhekk lanqas ma kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

20      F’dak li jirrigwarda, it-tielet, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma applikawx is-sistema ta’ depożitu, il-Kummissjoni fakkret, fil-punti 45 u 47 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multa setgħet, bħala prinċipju, tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat. Madankollu, hija ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat kinitx issodisfatta, kellha, bħala prinċipju, tinsilet distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali kienu pprevedew il-possibbiltà li jiġi evitat il-ħlas ta’ multa li tkun normalment dovuta minn dawk fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux jimponu sanzjoni għaliex kienu awtorizzaw b’mod espliċitu ċertu aġir.

21      Il-Kummissjoni żiedet, fil-paragrafi 48 u 49 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, meta l-awtoritajiet nazzjonali kienu kkonfrontati b’dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u l-interpretazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprevedi obbligu, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa ma kienx neċessarjament ir-riżultat ta’ deċiżjoni tal-imsemmija awtoritajiet li ma jinġabrux il-multi dovuti, iżda l-konsegwenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni inerenti għal kull sistema ġuridika. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li kien jaqbel ukoll li tinsilet distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kienu kkonfrontati b’diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regoli applikabbli, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom bħala setgħat pubbliċi, u s-sitwazzjonijiet li fihom huma ddeċidew li ma jinġabrux il-multi, li huma, madankollu, dovuti, jew taw lill-impriżi l-possibbiltà li jevitaw li jħallsuhom.

22      Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat, fil-paragrafu 50 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti qiesu li l-ħwienet transkonfinali ma kinux, ipso iure, marbuta li jiġbru d-depożitu, b’tali mod li, fil-fehma tagħhom, l-assenza ta’ ġbir tiegħu ma kinitx tikkostitwixxi ksur u li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kienet is-sempliċi konsegwenza ta’ din l-assenza ta’ ksur.

23      Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-paragrafu 69 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu kkonfrontati, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom bħala awtorità pubblika, b’dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u l-interpretazzjoni tal-obbligu li jinġabar id-depożitu u li, konsegwentement, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat.

24      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-paragrafu 51 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma hemmx dubju li, fid-dawl tal-mod kif hu fformulat, l-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, sa fejn japplika għat-“territorju Ġermaniż” u għat-“tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tax-xarba”, jidher li għandu jinftiehem bħala li jimponi fuq il-ħwienet transkonfinali l-obbligu li jiġbru d-depożitu.

25      Madankollu, hija qieset, fil-punti 52 u 53 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-assenza ta’ tali obbligu fuq il-ħwienet transkonfinali, jekk kienu jbigħu xarbiet fil-laned esklużivament lil konsumaturi “residenti barranin”, li jintrabtu li jikkonsmaw dawn ix-xarbiet lil hinn mit-territorju Ġermaniż, setgħet titqies li hija koerenti mal-għan li għandu jintlaħaq mill-VerpackV, jiġifieri l-promozzjoni tar-restituzzjoni tal-imballaġġ ta’ xorb li jintuża darba fil-Ġermanja.

26      Il-Kummissjoni ppreċiżat f’dan ir-rigward li, skont l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, dan l-għan ma kienx jeħtieġ li jiġi applikat id-depożitu għal xarbiet fil-laned li kienu kkonsmati barra mill-pajjiż u li l-imballaġġ tagħhom ma kienx irritorna fil-Ġermanja. Hija żiedet tgħid li, dejjem skont l-interpretazzjoni tal-imsemmija awtoritajiet, il-ħwienet transkonfinali kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-esportaturi ta’ xarbiet fil-laned, li kienu jbiegħu prodotti li ma kinux intiżi sabiex jiġu kkonsmati fil-Ġermanja u li l-imballaġġ tagħhom kien intiż li jiġi eliminat ’il bogħod mill-impjanti ta’ riċiklaġġ integrati fis-sistema Ġermaniża. Issa, il-VerpackV ma kinitx tobbliga lil dawn l-esportaturi li jiġbru d-depożitu.

27      Il-Kummissjoni enfasizzat, fil-paragrafi 56 sa 60 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-pożizzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienet, minn naħa, ikkorroborata minn rapport imħejji matul is-sena 2005, fuq talba tal-ħwienet transkonfinali, minn professur tad-dritt u, min-naħa l-oħra, ikkontestat minn rapport ieħor, imħejji ukoll matul l-istess sena, fuq it-talba tal-Gvern Federali Ġermaniż.

28      Fil-paragrafu 61 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni żiedet tgħid li d-digrieti tal-qrati Ġermaniżi tal‑2003, hekk kif imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, għandhom tendenza li jikkonfermaw l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti.

29      Il-Kummissjoni fakkret ukoll, fil-paragrafu 67 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, peress li d-Direttiva 94/62 ma tirregolax din l-eċċezzjoni ta’ “esportazzjoni” minn konsumatur, l-Istati Membri kienu liberi li jew jiddeċiedu jiġbru depożitu bil-kundizzjoni li josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew inkella le.

30      Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni, peress li qieset li kien possibbli li jitqies li, meta konsumatur kien jixtri xarba fil-Ġermanja sabiex jeħodha miegħu fi Stat Membru ieħor, l-imballaġġ ta’ dik ix-xarba ma jirritornax il-Ġermanja, iżda jsib ruħu fis-sistema ta’ ġestjoni tal-iskart tal-Istat Membru l-ieħor, indikat, fil-paragrafu 65 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li kien jidher raġonevoli li jiġi rrinunzjat l-obbligu li jinġabar id-depożitu meta konsumatur ikun iffirma dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Il-Kummissjoni rrilevat, fil-paragrafu 68 ta’ din id-deċiżjoni, li l-interpretazzjoni adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienet tikkostitwixxi kompromess raġonevoli bejn l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, li d-Direttiva 94/62 tfittex li tilħaq, u l-moviment liberu tal-merkanzija.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-paragrafi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li peress li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti huma għalhekk ikkonfrontati, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi, b’dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u l-interpretazzjoni tal-obbligu li jinġabar id-depożitu, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, anki jekk kellu jitqies li din kellha tinġabar mingħand il-ħwienet transkonfinali skont il-VerpackV, ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat, b’tali mod li din il-miżura ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Jannar 2019, Dansk Erhverv fetħet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

33      Insostenn tal-kawża tagħha, Dansk Erhverv qajmet motiv uniku li permezz tiegħu hija sostniet li l-Kummissjoni, billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja d-diffikultajiet serji li qajjem l-eżami tal-miżuri kontenzjużi, kienet kisret id-drittijiet proċedurali, li hija kellha, skont l-istess dispożizzjoni, fil-kwalità ta’ parti interessata. Dan il-motiv uniku kien jinqasam fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, Dansk Erhverv sostniet li l-Kummissjoni ma għamlitx eżami suffiċjenti tal-kompatibbiltà tal-eżenzjoni mid-depożitu mal-Artikolu 4(3) TUE, mad-Direttiva 94/62, mal-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” kif ukoll ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż. Permezz tat-tieni parti, hija invokat eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-assenza ta’ ġbir ta’ dħul mill-VAT, peress li din il-miżura ngħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet parti, Dansk Erhverv ikkritikat lill-Kummissjoni talli ma għamlitx eżami suffiċjenti tal-miżura li tikkonsisti fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, peress li din il-miżura ngħatat ukoll permezz tar-riżorsi tal-Istat.

34      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

35      Fil-punti 57 sa 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiva l-ewwel parti tal-motiv uniku billi kkonstatat li l-fatt li miżura nazzjonali tikser dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat u, a fortiori, tad-dritt ta’ Stat Membru, ma jistax, bħala tali, jiġi invokat b’suċċess sabiex jiġi stabbilit li dik il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

36      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-tieni parti tal-motiv uniku billi qieset, b’mod partikolari, fil-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, billi tirreferi għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97), li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta fir-rigward tal-assenza ta’ ġbir tal-VAT fuq id-depożitu, peress li din l-assenza kienet biss konsegwenza indiretta tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mid-depożitu, inerenti għall-assenza ta’ ġbir tad-depożitu, u li ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża kienet maħsuba, f’dan ir-rigward, li tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi permezz tar-riżorsi tal-Istat.

37      Mill-banda l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet parti tal-motiv uniku minħabba li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żbalji u li indizji oħra kienu jippermettu li tinsilet il-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji waqt l-eżami tal-miżura kontenzjuża, li tikkonsisti fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma jiġbrux id-depożitu.

38      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, qabelxejn, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma vvizzjatx ir-raġunament tagħha bi żball ta’ liġi meta qieset li, sabiex tinsilet il-konklużjoni li hemm assenza ta’ riżorsi tal-Istat fir-rigward ta’ miżura li, permezz tagħha, awtorità pubblika ma timponix multa, kien jaqbel, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li jiġi applikat kriterju ġdid, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li l-awtoritajiet nazzjonali jiffaċċjaw fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom bħala awtorità pubblika.

39      Madankollu, sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, fil-punti 157 u 163 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat il-kriterju msemmi fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta, mingħajr ma eżaminat jekk id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li hija kienet qiegħda tibbaża ruħha fuqhom kinux temporanji u inerenti għall-kjarifika gradwali tar-regoli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li hija setgħet tapplika, f’dan il-każ, il-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli, filwaqt li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma bbażawx ruħhom fuq l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet sabiex jiġġustifikaw il-prassi tagħhom li ma jimponux multa fuq il-ħwienet transkonfinali meta dawn tal-aħħar ma jiġbrux id-depożitu.

40      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punti 169 sa 235 tas-sentenza appellata, li kienu jeżistu għadd ta’ indizji li jixhdu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jippermettu li tiġi ddubitata l-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li dawn l-indizji kienu jippermettu, tal-inqas, li tinsilet il-konklużjoni li l-eżami li għamlet il-Kummissjoni tas-sitwazzjoni li kellha quddiemha ma kienx wieħed sħiħ, li kien jikkostitwixxi, bħala tali, indizju li jixhed l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

 Ittalbiet talpartijiet quddiem ilQorti talĠustizzja

 IlKawża C508/21 P

41      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi l-Kawża T‑47/19 Danske Erhverv vs Il‑Kummissjoni, billi tannulla t-Taqsima 3.3 tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lil Dansk Erhverv għall-ispejjeż tal-appell, u

–        tikkundanna lil kull parti u lil kull intervenjent għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

42      Dansk Erhverv titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell billi tissostitwixxi ċerti motivi tas-sentenza appellata jew, fi kwalunkwe każ, tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ Dansk Erhverv relatati mal-appell u mal-proċedura fl-ewwel istanza, u

–        sussidjarjament, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tbati tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti minn Dansk Erhverv fil-proċedura fl-ewwel istanza.

43      IGG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ t-talba għall-annullament tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talba għall-kundanna ta’ Dansk Erhverv għall-ispejjeż tal-appell, u

–        tiċħad il-kumplament tal-appell.

 IlKawża C509/21 P

44      Permezz tal-appell tagħha, IGG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lil Dansk Erhverv għall-ispejjeż.

45      Dansk Erhverv titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell billi tissostitwixxi ċerti motivi tas-sentenza appellata;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil IGG għall-ispejjeż.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

46      Fl‑24 ta’ Awwissu 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lill-partijiet sabiex jieħdu pożizzjoni dwar l-possibbiltà li jingħaqdu l-Kawżi C‑508/21 P u C‑509/21 P għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċedura.

47      Permezz ta’ ittri tal‑25 u tas‑27 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma kellha ebda oġġezzjoni li dawn il-kawżi jingħaqdu. Permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ Awwissu 2021, Dansk Erhverv infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma kienx opportun li l-kawżi jingħaqdu f’dan l-istadju tal-proċedura.

48      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma kienx hemm lok li l-kawżi jingħaqdu f’dan l-istadju tal-proċedura.

49      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad il-kawżi C‑508/21 P u C‑509/21 P għall-finijiet tal-fażi orali.

 Fuq lappelli

50      Fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, hemm lok li, skont l-Artikolu 54(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq lappell fil-Kawża C509/21 P

51      Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑509/21 P, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, IGG tqajjem sitt aggravji.

52      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet billi applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn hija interpretat ineżatt il-kunċett ta’ “rabta suffiċjentement diretta” bejn vantaġġ u l-baġit tal-Istat fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat”. It-tieni aggravju, li jinqasam f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet billi applikat b’mod żbaljat din id-dispożizzjoni, sa fejn hija applikat regola ineżatta għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat” f’każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet billi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat”, applikat regola li tmur lil hinn mill-kriterju l-ġdid, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli. Ir-raba’ aggravju, li jinqasam f’seba’ partijiet, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta qieset li l-eżami li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kontenzjuża kien ivvizzjat b’diversi żbalji u li kienu jeżistu indizji oħra li jippermettu li tiġi sostnuta l-konklużjoni li kienu jeżistu “diffikultajiet serji” sabiex jiġi ddeterminat jekk ġewx investiti riżorsi tal-Istat. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet billi ċaħdet l-argumenti addizzjonali ta’ IGG maħsuba sabiex isostnu l-konklużjoni li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonfrontata b’“diffikultajiet serji”. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kollha, inkluż il-parti relatata mal-assenza ta’ ġbir tal-VAT relatata mad-depożitu.

53      Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel aggravju, it-tieni parti tat-tieni aggravju kif ukoll it-tielet aggravju.

 Largumenti talpartijiet

54      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, IGG tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet, b’mod partikolari fil-punti 140 sa 146 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi billi interpretat b’mod ineżatt il-kunċett ta’ “rabta suffiċjentement diretta” bejn vantaġġ u l-baġit tal-Istat fl-evalwazzjoni tal-kriterju tar-riżorsi tal-Istat. Rabta suffiċjentement diretta bejn in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa u l-baġit tal-Istat tista’ tiġi stabbilita biss jekk l-impożizzjoni ta’ multa kienet legalment possibbli.

55      Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 155 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu ddeċidew, wara d-digrieti tal-qrati Ġermaniżi tal‑2003, li ma jadottawx miżuri ta’ restrizzjoni amministrattiva fir-rigward tal-ħwienet transkonfinali li ma japplikawx id-depożitu, fejn ix-xerrejja jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. B’hekk, mill-konklużjonijiet stess tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ multi hija legalment impossibbli u loġikament ma huwiex, għalhekk, possibbli li jkun hemm xi rabta suffiċjentement diretta bejn vantaġġ u l-baġit tal-Istat.

56      F’dan ir-rigward, IGG tippreċiża li, hekk kif il-Qorti Ġenerali għarfet fil-punti 140 sa 142 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuq individwi biss jekk dawn ikunu, bi ħsieb jew b’negliġenza, naqsu milli jwettqu xi obbligu, li huwa mfisser b’mod ċar. Sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, tirreferi għall-prinċipju tar-riżultat ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja “raġonevolment prevedibbli”, huwa biżżejjed li jiġi indikat li, minn naħa, dan japplika b’mod speċjali abbażi tal-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjoni mill-ġurisprudenza rilevanti fiż-żmien meta jkunu seħħew il-fatti u, min-naħa l-oħra, li l-ġurisprudenza eżistenti, f’dan il-każ, sostniet il-pożizzjoni ġuridika taż-żewġ Länder ikkonċernati.

57      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, IGG tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet, b’mod partikolari fil-punti 140 sa 158 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi billi imponiet kriterju addizzjonali, jiġifieri n-neċessità ta’ kjarifika gradwali tar-regoli.

58      Minn naħa, dan il-kriterju addizzjonali ma huwiex iġġustifikat, billi r-riferiment li għamlet il-Qorti Ġenerali għall-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tar-reati u tal-pieni huwa nieqes minn kull sens peress li dan il-prinċipju huwa maħsub biss sabiex jipproteġi lill-individwi kontra s-sanzjonijiet li jimponi l-Istat, filwaqt li, f’dan il-każ, jiġi applikat sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, jiġġustifika deċiżjoni dannuża fir-rigward tal-allegati benefiċjarji. Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġġustifika l-konklużjoni kuntrarja li, kif intwera fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ma ġiet investita ebda riżorsa tal-Istat, peress li l-impożizzjoni ta’ multi ma hijiex possibbli.

59      Min-naħa l-oħra, fil-fehma ta’ IGG, il-prassi amministrattiva li tikkonsisti li ma jiġix impost fuq il-ħwienet transkonfinali li jiġbru depożitu meta x-xerrejja jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija, tal-inqas, qrib ħafna tal-każ ta’ awtorizzazzjoni espliċita, bħalma kien il-każ fil-kawża Eventech (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 16).

60      Fil-fatt, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, allegatament uriet li l-għan tal-prassi amministrattiva ma kienx li l-ħwienet transkonfinali jiġu eżentati mill-multi, iżda li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti qiesu li l-ħwienet transkonfinali ma humiex obbligati jiġbru depożitu. Il-Qorti Ġenerali qablet ma’ din l-interpretazzjoni fil-punt 103 tas-sentenza appellata dwar l-assenza ta’ ġbir tal-VAT. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx ir-raġuni għaliex l-istess loġika ma kinitx tapplika għall-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi, li, fiha nnifisha, hija suffiċjenti sabiex tinsilet il-konklużjoni li, minħabba l-assenza ta’ “rabta suffiċjentement diretta”, ma ġiet investita ebda riżorsa tal-Istat.

61      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, IGG tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 166 sa 203 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi eżiġiet analiżi sħiħa mill-Kummissjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għall-istess raġunijiet bħal dawk elaborati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, tali rekwiżit iwassal sabiex tiġi adottata interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “rabta suffiċjentement diretta”.

62      Dansk Erhverv hija tal-opinjoni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli, minn naħa, sa fejn IGG tipprova tbiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, billi tallega li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn IGG tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli evalwat il-kontenut tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni b’mod li ma kienx jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, mingħajr ma invokat jew uriet li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-liġi Ġermaniża applikabbli. Barra minn hekk, l-ewwel aggravju huwa ineffettiv jew infondat sa fejn teżisti “rabta suffiċjentement diretta” wkoll fejn il-vantaġġ li jingħata lill-benefiċjarju jwassal għal “riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet” fuq il-baġit tal-Istat (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 109).

63      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, Dansk Erhverv twieġeb, minn naħa, li mingħajr il-kriterju addizzjonali impost fil-punt 146 tas-sentenza appellata, jiġifieri n-neċessità ta’ kjarifika gradwali tar-regoli, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jistgħu jirrikorru għall-allegati diffikultajiet ta’ interpretazzjoni sabiex, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ikomplu, b’mod indefinit, jagħtu trattament iktar favorevoli lil ċerti impriżi.

64      Min-naħa l-oħra, Dansk Erhverv issostni li l-argument ta’ IGG, li l-allegat għan tal-miżura ta’ għajnuna kellu jkun determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi huwa inammissibbli peress li ma jidhirx fid-deċiżjoni kontenzjuża u għandu l-effett li jbiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, dan l-argument jinterpreta b’mod żbaljat is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551), li minnha jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala determinanti mhux l-għan tal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata, iżda pjuttost l-effett ta’ dik il-miżura.

65      Fir-rigward tat-tielet aggravju, Dansk Erhverv tirrileva li l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-kontenut tad-dritt nazzjonali jagħmlu parti mill-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. B’hekk, fis-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Portovesme vs Il‑Kummissjoni (C‑606/14 P, EU:C:2017:75, punti 62 u 63), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dritt nazzjonali kienet taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti u li hija kellha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk il-provi ġewx żnaturati jew le.

66      Barra minn hekk, Dansk Erhverv titlob sostituzzjoni tal-motivi fir-rigward tal-punti 135 sa 138 tas-sentenza appellata. Insostenn ta’ din it-talba, Dansk Erhverv issostni li t-tieni sal-ħames aggravju mqajma minn IGG huma ineffettivi peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-imsemmija punti billi ċaħdet l-ewwel parti tat-tielet parti tal-motiv uniku tagħha meta hija ammettiet li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tintroduċi kriterju ġdid, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli. Dansk Erhverv tippreċiża li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi setgħet tiġi pparagunata mas-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punti 42 u 43), tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punti 41 sa 43), u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551).

67      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 149 sa 155 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni legali kienet suffiċjentement ċara sa fejn kellu jinġabar ukoll depożitu mill-ħwienet transkonfinali u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi kienet tammonta għalhekk għal prassi contra legem. Barra minn hekk, Dansk Erhverv issostni li, sabiex tkun tista’ teskludi l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-prassi tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni kienet legali fid-dritt Ġermaniż, ħaġa li l-Kummissjoni lanqas biss ipprovat tistabbilixxi fid-deċiżjoni kontenzjuża.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

68      Fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-ewwel aggravju, tat-tieni parti tat-tieni aggravju u tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑509/21 P, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża, li hija s-suġġett tas-sentenza appellata, ittieħdet fi tmiem dik il-proċedura u, għaldaqstant, mingħajr ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

69      Il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija waħda indispensabbli fejn il-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi ta’ eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk, fi tmiem l-ewwel eżami, hija tkun persważa li dik l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Mill-banda l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami kien wassal lill-Kummissjoni tkun xorta oħra persważa, jew ma jkunx ippermetta li tingħeleb kull diffikultà mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tagħmel il-konsulti kollha neċessarji u li tiftaħ, għal dan l-għan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, C‑578/21 P, EU:C:2022:898, punt 53, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Billi l-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” huwa oġġettiv min-natura tiegħu, il-prova tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li fihom tittieħed d-deċiżjoni fi tmiem l-eżami preliminari, kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tinġieb minn min jitlob l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, C‑578/21 P, EU:C:2022:898, punt 54, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Għaldaqstant, hija l-qorti tal-Unjoni Ewropea, meta tiġi adita b’talba għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, li għandha tiddetermina jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li l-Kummissjoni kellha quddiemha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ta’ dik il-miżura, peress li dubji bħal dawn għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, C‑578/21 P, EU:C:2022:898, punt 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, huwa jkun qiegħed, essenzjalment, jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni kienet tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u dan bi ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba tiegħu għal annullament tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li l-Kummissjoni għandha quddiemha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti la jista’, bħala konsegwenza, ibiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 115, u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 81, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, l-argument ta’ IGG, kif miġbur fil-qosor fil-punti 54 sa 61 ta’ din is-sentenza, iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kriterju dwar ir-“riżorsi tal-Istat” stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ natura li juri li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji matul l-eżami tal-miżura kontenzjuża, li tikkonsisti fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma jiġbrux id-depożitu, diffikultajiet li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

75      Għaldaqstant, huma biss il-vantaġġi li jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż addizzjonali fuq l-Istat li għandhom jitqiesu bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u mir-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra li ma humiex riżorsi tal-Istat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 99, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-użu ta’ riżorsi tal-Istat, il-kunċett ta’ “għajnuna”, skont ġurisprudenza stabbilita, jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jitgħabba bihom il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Konsegwentement, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi stabbilit jekk hemmx rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis fil-baġit tal-Istat, jew saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet fuq dan tal-aħħar (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ din ir-rabta, hemm lok, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk, permezz tal-iskop u tal-istruttura ġenerali tagħha, il-miżura għandhiex it-tendenza li toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 21).

79      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 131 sa 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jqisu li, meta jinxtraw xarbiet fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ma jseħħ ebda ksur tal-leġiżlazzjoni li jkun suġġett għal multa, b’tali mod li, peress li l-assenza ta’ ġbir tad-depożitu hija konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni, kif interpretata minn dawk l-awtoritajiet, l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-ħwienet transkonfinali hija neċessarjament eskluża. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li tali kuntest, li fih l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma tistax tiġi sseparata mill-assenza ta’ ġbir tad-depożitu u, għalhekk, mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, ma jikkorrispondi għal ebda waħda mill-ipoteżijiet eżaminati sa dak iż-żmien mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, l-eżenzjoni mid-depożitu, kif ukoll l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, la jirriżultaw minn eżenzjoni espliċita adottata mill-awtur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u lanqas minn awtorizzazzjoni minn qabel u trasparenti, stabbilita minn dispożizzjoni leġiżlattiva, iżda jirriżultaw minn sempliċi prassi tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq kriterju ġuridiku ġdid, imsejjes fuq id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli.

80      Hekk kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, madankollu, fil-punti 157, 163 u 203 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni applikat dan il-kriterju l-ġdid b’mod żbaljat.

–       Fuq leżistenza ta’ żball ta’ liġi flevalwazzjoni talkriterju ta’ “riżorsi talIstat”

81      Qabel kollox, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument ta’ IGG, għandha tiġi miċħuda, minn naħa, l-allegazzjoni ta’ Dansk Erhverv li IGG qiegħda tipprova, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, tbiddel, bi ksur tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali billi tallega li din tal-aħħar kienet issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li IGG ma tagħmilx tali argument, iżda, għall-kuntrarju, issostni li l-impossibbiltà ġuridika li jiġu imposti multi tirriżulta mill-konklużjonijiet stess tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-allegazzjoni li permezz tagħha IGG tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, IGG tfittex li tikkontesta mhux l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-dritt nazzjonali, iżda l-konsegwenzi li din tal-aħħar siltet minnha għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura kontenzjuża kinitx tinvolvi l-għoti ta’ vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Tali argument, li jfittex li juri li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa ammissibbli fl-istadju tal-appell.

82      Min-naħa l-oħra, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ta’ Dansk Erhverv li IGG qiegħda tipprova, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, tbiddel, bi ksur tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali billi ssostni li l-allegat għan tal-miżura ta’ għajnuna kellu jkun determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ IGG ma jikkostitwixxix bidla fis-suġġett tat-tilwima, iżda jfittex li jibbaża ruħu fuq l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li tgħid li “sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tar-rabta [suffiċjentement diretta], hemm b’mod partikolari lok li jiġi vverifikat jekk, mill-għan u mill-istruttura ġenerali tagħha, il-miżura hijiex intiża sabiex toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat”.

83      Fir-rigward tal-fondatezza tal-argument ta’ IGG, li skont dan tista’ tiġi stabbilita rabta suffiċjentement diretta bejn in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa u l-baġit tal-Istat biss jekk l-impożizzjoni ta’ multa tkun legalment possibbli, għandu jiġi rrilevat li huwa inerenti għal kull sistema legali li aġir iddefinit minn qabel bħala legali u leċitu ma jesponix lill-individwu għal sanzjonijiet (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 36).

84      Issa, mill-punt 155 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ddeċidew, wara digrieti tal-qrati Ġermaniżi tal‑2003, kif imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li ma jadottawx miżuri ġodda ta’ restrizzjoni amministrattiva fir-rigward tal-ħwienet transkonfinali li ma japplikawx id-depożitu. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 131 tas-sentenza appellata, l-imsemmija awtoritajiet iqisu li, meta jinxtraw xarbiet fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ma jseħħ ebda ksur tal-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-VerpackV, li jkun suġġett għal multa u li, f’tali sitwazzjoni, peress li l-assenza ta’ ġbir tad-depożitu hija konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-ħwienet transkonfinali kienet neċessarjament eskluża.

85      Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, fil-punti 160 sa 164 tas-sentenza appellata, din l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali hija konformi mal-mod kif ġiet interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali fid-digrieti tal-qrati Ġermaniżi tal‑2003, kif imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. B’hekk, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali stess jirriżulta li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti applikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali mingħajr ma kienu kkonfrontati b’diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege huwa stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tfisser b’mod ċar ir-reati u l-pieni li dawn iġorru magħhom. Din il-kundizzjoni tkun issodisfatta fejn il-parti fil-kawża tkun tista’ tagħraf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk hemm bżonn, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet tista’ tinstab kriminalment responsabbli għalihom (sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2021, Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze, C‑870/19 u C‑871/19, EU:C:2021:233, punt 49).

87      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li ċ-ċarezza tal-liġi għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, iżda wkoll tal-kjarifiki mogħtija minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, EU:C:2008:295, punti 40 u 46).

88      F’dan il-kuntest, jidher li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 157 u 203 tas-sentenza appellata, kif imfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma wettqitx eżami suffiċjenti u sħiħ tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet transkonfinali huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

89      F’dan ir-rigward, mill-punti 146 sa 157 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod iktar partikolari li l-Qorti Ġenerali tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx jekk id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu ġew ikkonfrontati bihom kinux temporanji u kinux parti minn proċess ta’ kjarifika gradwali tar-regoli.

90      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 83 u 86 ta’ din is-sentenza, huwa biss dak l-aġir li jiġi ddefinit b’mod ċar – u jekk hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tiegħu mogħtija mill-qrati – bħala ksur li jimplika r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata, li jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi.

91      Dan ifisser li, anki jekk kien hemm diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li x’aktarx jippersistu, din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tinsilet il-konklużjoni li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat kienet issodisfatta. F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ kjarifika gradwali jmur kontra l-portata tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 ta’ din is-sentenza.

92      Fil-fatt, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41), il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja minn kawża għal oħra. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li minn dan ma jistax jiġi dedott, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 146 u 157 tas-sentenza appellata, li għandu dejjem ikun hemm proċess ta’ kjarifika gradwali.

93      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 143 u 145 tas-sentenza appellata li, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali inkwistjoni jiggarantixxi b’mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa ta’ dik id-direttiva u li jissuġġerixxu li leġiżlazzjoni nazzjonali li s-sens tagħha ma jkunx ġie ppreċiżat tippermetti lill-Istati Membri, bħala l-awturi tagħha, li jaħarbu, mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, mill-obbligi tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

94      Fil-fatt, f’dan il-każ, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 ma jobbligax Stat Membru jimponi l-ġbir ta’ depożitu mingħand xerrejja bl-imnut ta’ ppakkjar li jintuża darba għall-konsum tax-xorb lil hinn mit-territorju tiegħu, hekk kif ikkonfermat il-Kummissjoni fil-paragrafi 63, 65 u 70 tad-deċiżjoni kontenzjuża u mingħajr ma l-Qorti Ġenerali kkontestat din il-konstatazzjoni fis-sentenza appellata.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi li jiżguraw ir-ritorn u/jew il-ġbir tal-imballaġġ użat u/jew tal-iskart tal-imballaġġ tal-konsumatur. Issa, meta l-konsumaturi residenti fi Stat Membru jixtru imballaġġ ta’ xarbiet fi Stat Membru ieħor sabiex jikkonsmaw il-kontenut tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, l-imballaġġ vojt isir skart, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, f’dan l-aħħar Stat Membru.

96      Dan ifisser, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 ma jeżiġix il-ġbir ta’ depożitu f’ċirkustanzi bħal dawk li wasslu għal dan l-appell, fejn il-bejgħ ta’ xarbiet fil-laned fi ħwienet transkonfinali lil konsumaturi li jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jixbah il-bejgħ ta’ merkanzija lil operaturi bil-għan li tiġi esportata, għal liema bejgħ il-bejjiegħ ma huwiex obbligat jiġbor depożitu.

97      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sistema ta’ depożitu tista’ tilħaq l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 94/62 biss meta l-konsumaturi li jkunu ħallsu l-ammont tad-depożitu jistgħu faċilment jirkuprawh mingħajr ma jkollhom jirritornaw fil-post ta’ xiri inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 46). Konsegwentement, l-għan tad-Direttiva 94/62 dwar il-ġbir effettiv tal-iskart ma jimplikax il-ġbir ta’ depożitu fuq imballaġġ li jintuża darba u li ma jinħelisx minnu fit-territorju tal-Istat ta’ esportazzjoni, u dan indipendentement mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 200 tas-sentenza appellata, il-ħwienet transkonfinali ma jkunux ġew awtorizzati, minkejja l-isforzi tagħhom u wara l-oppożizzjoni ta’ Dansk Erhverv, li jingħaqdu mas-sistema Daniża ta’ depożitu.

98      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, fil-punti 157 u 203 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma kinitx għamlet eżami suffiċjenti u sħiħ tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet transkonfinali, sa fejn hija ma vverifikatx jekk id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu kkonfrontati bihom kinux temporanji u kinux jagħmlu parti minn proċess ta’ kjarifika gradwali tar-regoli, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li, fl-istadju tal-fażi ta’ eżami preliminari, tegħleb id-diffikultajiet serji kollha li ltaqgħet magħhom sabiex tiddetermina jekk din l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

99      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju, it-tieni parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju għandhom jintlaqgħu u, konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji l-oħra.

 Fuq lappell filKawża C508/21 P

100    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 264 TFUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li jekk tintlaqa’ t-tielet parti tal-aggravju uniku, dan iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi meta ġie kkonstatat li t-tliet miżuri kontenzjużi huma inseparabbli.

101    Madankollu, fid-dawl tal-annullament tas-sentenza appellata minħabba li l-appell fil-Kawża C‑509/21 P intlaqa’, ma huwiex iktar meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑508/21 P.

 Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

102    B’mod konformi mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, kemm‑il darba kellha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

103    Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-motivi tar-rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess.

104    Dansk Erhverv qajmet motiv uniku quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu hija fittxet li turi li l-Kummissjoni, billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja d-diffikultajiet serji li qajjem l-eżami tal-miżuri kontenzjużi, kisret id-drittijiet proċedurali li hija għandha, bis-saħħa tal-istess dispożizzjoni, bħala parti interessata.

105    Permezz tat-tielet parti ta’ dan il-motiv uniku, Dansk Erhverv issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma għamlitx eżami suffiċjenti tal-miżura li tikkonsisti fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, peress li din il-miżura ngħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat.

106    F’dan ir-rigward, mill-motivi mfissra fil-punti 83 sa 99 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma għamlitx eżami suffiċjenti u sħiħ tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet transkonfinali.

107    B’mod partikolari, mill-motivi mfissra fil-punti 83 sa 85 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-paragrafu 50 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġustament irrilevat li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma eżonerawx lill-ħwienet transkonfinali mis-sanzjonijiet amministrattivi u mill-ħlas tal-multi normalment dovuti lill-baġit tal-Istat, iżda qiesu, mingħajr ma ġew ikkonfrontati b’diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli, li meta jinxtraw xarbiet fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ma jseħħ ebda ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jkun suġġett għal multa, f’liema każ, billi l-assenza ta’ ġbir tad-depożitu kienet konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-ħwienet transkonfinali kienet neċessarjament eskluża.

108    Għalkemm huwa minnu, li l-Kummissjoni indikat, fil-paragrafu 51 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-VerpackV setgħet tissuġġerixxi, kif ġie mfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li din id-dispożizzjoni kienet timponi fuq il-ħwienet transkonfinali l-obbligu li jiġbru d-depożitu, hija madankollu qieset, fil-paragrafi 52 u 53 ta’ din id-deċiżjoni, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li l-assenza ta’ tali obbligu fuq il-ħwienet transkonfinali li kieku kellhom ibigħu xarbiet fil-laned esklużivament lil konsumaturi “residenti barranin” li jintrabtu li jikkonsmaw dawn ix-xarbiet lil hinn mit-territorju Ġermaniż setgħet titqies li hija bi qbil mal-għan li għandu jintlaħaq mill-VerpackV li tippromwovi r-restituzzjoni tal-imballaġġ ta’ xarbiet li jintuża darba fil-Ġermanja.

109    Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-raġunament espost fil-punti 93 sa 96 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni rrilevat, ġustament, fil-paragrafi 63, 65 u 70 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti lanqas ma huma obbligati jieħdu approċċ differenti fid-dawl tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri li, filwaqt li jittrasponu direttiva fl-ordinament ġuridiku tagħhom, jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa ta’ dik id-direttiva, peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 ma jobbligax lil dawn l-Istati Membri jeżiġu l-ġbir ta’ depożitu mingħand ix-xerrejja bl-imnut ta’ imballaġġ li jintuża darba għall-konsum ta’ xorb lil hinn mit-territorju tagħhom.

110    Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafi 69 u 70 tad-deċiżjoni kontenzjuża, qieset, barra minn hekk, li, “anki jekk” id-dritt nazzjonali kellu jiġi interpretat fis-sens li l-ħwienet transkonfinali huma marbuta, fi kwalunkwe każ, li jiġbru d-depożitu, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa madankollu tirriżulta, f’każ bħal dan, minn interpretazzjoni raġonevoli ta’ dan id-dritt nazzjonali, jidher li, fid-dawl tal-punti 107, 108 u 109 ta’ din is-sentenza, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ta’ natura superfluwa meta mqabbla mar-raġunament li jinsab, b’mod partikolari, fil-paragrafi 50, 52, 53, 63, 65 u 70 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

111    Sa fejn, għalhekk, il-prassi tal-ħwienet transkonfinali li ma jiġbrux depożitu tikkostitwixxi aġir iddefinit minn qabel bħala legali u leċitu li ma jesponix dawn il-ħwienet għal sanzjonijiet, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma hijiex, għaldaqstant, miżura li tingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 36).

112    Fid-dawl tal-premess, il-motiv uniku mqajjem minn Dansk Erhverv quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

113    Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Dansk Erhverv quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

114    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

115    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

116    F’dan il-każ, fir-rigward tal-appell ippreżentat fil-Kawża C‑509/21 P, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet favur IGG, hemm lok li, skont it-talbiet tagħha, Dansk Erhverv tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn IGG.

117    Fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑508/21 P, skont l-Artikolu 149 tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190 tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184 tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, l-ispejjeż huma, f’dan il-każ, irregolati liberament mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, hemm lok li Dansk Erhverv tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell fil-Kawża C‑508/21 P.

118    Barra minn hekk, peress li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġie miċħud, Dansk Erhverv hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi C508/21 P u C509/21 P huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad9 ta’ Ġunju 2021, Dansk Erhverv vs IlKummissjoni (T47/19, EU:T:2021:331), hija annullata.

3)      Ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea minn Dansk Erhverv huwa miċħud.

4)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell fil-Kawża C508/21 P.

5)      Dansk Erhverv hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-proċeduri tal-appell, dawk sostnuti minn Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG), kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.