Language of document : ECLI:EU:C:2023:667

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Settembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 16 – Proċedura ta’ maħżen tat-taxxa – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-ftuħ u għall-operat ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat – Nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet – Irtirar definittiv tal-awtorizzazzjoni applikata b’mod kumulattiv għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑820/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

Vinal AD

vs

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Vinal” AD, minn N. Boshnakova-Dimova, аdvоkаt,

–        għal Direktor na Agentsia “Mitnitsi”, minn P. Gerenski u P. Tonev,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva, T. Mitova, E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u D. Drambozova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Vinal” AD, magazzinier awtorizzat, u d-Direktor na Agentsia “Minitsi” (id-Direttur tal-Aġenzija Doganali, il-Bulgarija) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar irtira l-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa, fis-sens tad-Direttiva 2008/118, minħabba nuqqas gravi tas-sistema tad-dazju tas-sisa, li wassal ukoll għal sanzjoni finanzjarja.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2008/118

3        Il-premessi 10, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/118 kienu jiddikjaraw:

“(10)      L-arranġamenti għall-ġbir u r-rimborż tad-dazju [tas-sisa] għandhom impatt fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern u għandhom għalhekk isegwu kriterji mhux diskriminatorji.

[…]

(15)      Billi jeħtieġ li jitwettqu kontrolli fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni u ta’ ħażna sabiex jiġi żgurat li d-dejn tat-taxxa jinġabar, huwa meħtieġ li tinżamm sistema ta’ mħażen, soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiġu ffaċilitati dawn it-tip ta’ kontrolli.

(16)      Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-magazzinieri awtorizzati u min-negozjanti mingħajr status ta’ magazzinieri awtorizzati.”

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprevedi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘magazzinier awtorizzat’, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa;

[…]

(11)      ‘maħżen tat-taxxa’ tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.”

5        Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum u fl-Istat Membru fejn dan iseħħ.

6        L-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut għandha tkun:

(a)      fir-rigward tat-tneħħija ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(a):

(i)      il-magazzinier awtorizzat, id-destinatarju reġistrat jew kwalunkwe persuna oħra li tirrilaxxa jew li f’isimha prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu rilaxxati mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u, fil-każ ta’ tneħħija irregolari minn maħżen tat-taxxa, kwalunkwe persuna oħra involuta f’dik it-tneħħija;

[…]”

7        L-Artikolu 15 tal-istess direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli tiegħu dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, soġġett għal din id-Direttiva.

2.      Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx tħallas, għandu jseħħ f’maħżen tat-taxxa.”

8        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprevedi:

“1.      Il-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.

2.      Magazzinier awtorizzat għandu jkun meħtieġ li:

(a)      jipprovdi, jekk meħtieġ, garanzija li tkopri r-riskju inerenti fil-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;

(b)      jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-maħżen tat-taxxa;

(ċ)      iżomm, għal kull maħżen tat-taxxa, kontijiet tal-istokk u tal-movimenti tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;

(d)      idaħħal fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u jdaħħal fil-kontijiet tiegħu hekk kif jintemm il-moviment, il-prodotti kollha bid-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, ħlief fejn japplika l-Artikolu 17(2);

(e)      jagħti l-kunsens għal kull monitoraġġ u verifika tal-istokk.

[…]”

9        L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifika fil-ĠU 2020, L 409, p. 38), li ħassret id-Direttiva 2008/118 b’effett mit‑13 ta’ Frar 2023, jipprevedi dispożizzjonijiet identiċi għal dawk tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118.

 IrRakkomandazzjoni 2000/789/KE

10      L-Artikolu 2(1) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2000/789/KE tad‑29 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi linji gwida għall-awtorizzazzjoni ta’ magazziniera skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE fir-rigward ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (ĠU 2000, L 314, p. 29) jindika:

“Filwaqt li l-Istati Membri huma mistiedna japplikaw kriterji stretti għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet lill-persuni msemmija fl-Artikolu 1, għandu jiġi stabbilit bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-effikaċja tal-kontrolli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      L-Artikolu 7 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jippreċiża:

“1.      Bħala prinċipju, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi kkanċellata jew irtirata biss għal raġunijiet serji u wara eżami bir-reqqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tas-sitwazzjoni tal-magazzinier.

2.      Il-kanċellazzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jistgħu, pereżempju, iseħħu fil-każijiet li ġejjin:

–        nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi inerenti għall-awtorizzazzjoni,

–        provvedimenti insuffiċjenti għall-garanzija mitluba,

–        nuqqas repetut ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ,

–        parteċipazzjoni f’atti kriminali,

–        evitar jew evażjoni tat-taxxa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt Bulgaru

12      Il-punt 1 tal-Artikolu 3(1) taż-zakon za aktsizite i danachnite skladove (il-Liġi dwar is-Sisa u l-Imħażen tat-Taxxa), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZADS”), jipprevedi li l-magazzinieri awtorizzati u l-persuni rreġistrati skont din il-liġi huma persuni taxxabbli, fis-sens tagħha.

13      Il-punt 18 tal-Artikolu 4 taż-ZADS huwa fformulat kif ġej:

“Huwa ‘gravi’ il-ksur li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva definittiva li timponi sanzjoni finanzjarja ta’ iktar minn 15 000 [lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 7 600)].”

14      L-Artikolu 47(1) taż-ZADS jiddisponi:

“Il-magazzinier awtorizzat jista’ jkun persuna li:

[…]

5.      ma jkunx wettaq ksur gravi jew repetut fis-sens ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li fihom il-proċedura amministrattiva tkun intemmet bil-konklużjoni ta’ ftehim.”

15      L-Artikolu 53(1) sa (4) taż-ZADS jipprevedi:

“(1)      Il-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa ma tibqax effettiva:

[…]

3.      fil-każ ta’ rtirar tal-liċenzja;

[…]

(2)      Il-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa għandha tiġi rtirata meta:

1.      il-magazzinier awtorizzat ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47; […]

[…]

(3)      Il-liċenzja tintemm b’deċiżjoni tad-Direttur tal-Aġenzija Doganali, eżegwibbli provviżorjament mid-data tal-ħruġ tagħha, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

(4)      Id-deċiżjoni skont il-paragrafu 3 tista’ tkun is-suġġett ta’ appell skont il-modalitajiet previsti mill-Administrativnoprotsesualen kodeks [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva)].”

16      Skont l-Artikolu 107h(1) taż-ZADS:

“Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni amministrattiva u mhux iktar tard minn 30 jum mill-preżentata tal-att ta’ konstatazzjoni ta’ ksur fis-sens ta’ din il-liġi, l-awtorità li għandha s-setgħa ta’ sanzjoni amministrattiva u l-persuna li wettqet il-ksur jistgħu jikkonkludu ftehim li jtemm il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, ħlief jekk l-att ikkritikat jikkostitwixxi reat kriminali.”

17      L-Artikolu 112(1) taż-ZADS jiddisponi:

“Persuna li, filwaqt li tkun responsabbli għalihom, ma tħallasx id-dazji tas-sisa, hija suġġetta għal sanzjoni pekunjarja ekwivalenti għad-doppju tal-ammont tad-dazji tas-sisa mhux imħallsa, mingħajr ma din tkun tista’ tkun inqas minn BGN 500.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      Vinal hija kumpannija stabbilita fil-Bulgarija, detentriċi ta’ liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa li tippermettilha tipproduċi, taħżen, tirċievi u tibgħat prodotti alkoħoliċi suġġetti għad-dazju tas-sisa.

19      Din il-kumpannija kienet is-suġġett ta’ kontroll fiskali fl‑2017.

20      Fit‑22 ta’ Diċembru 2017, l-amministrazzjoni doganali Bulgara ħarġet avviż ta’ aġġustament fiskali ta’ BGN 4 261.89 (madwar EUR 2 180), għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2012 sat‑3 ta’ Mejju 2017. Dik id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata u saret definittiva fil‑5 ta’ Jannar 2018.

21      Barra minn hekk, għall-perijodu mit‑3 sal‑10 ta’ Mejju 2017, l-amministrazzjoni doganali Bulgara adottat ukoll att ta’ konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv, imwettaq mill-imsemmija kumpannija, għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa eżiġibbli.

22      Fl‑24 ta’ Jannar 2018, l-amministrazzjoni doganali Bulgara imponiet, għal din ir-raġuni, fuq Vinal sanzjoni pekunjarja ekwivalenti għad-doppju tal-ammont tad-dazji tas-sisa mhux imħallsa, skont l-Artikolu 112(1) taż-ZADS, jiġifieri ammont ta’ BGN 248 978 (madwar EUR 128 000).

23      Din is-sanzjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2020, li saret definittiva.

24      Fil‑11 ta’ Frar 2020, id-Direttur tal-Aġenzija Doganali rtira, minħabba dik is-sentenza definittiva, il-liċenzja tal-operat tal-maħżen tat-taxxa li kienet ingħatat lil Vinal.

25      Din il-kumpannija adixxiet lill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’talba għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

26      Dik il-qorti tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari għad-Direttiva 2008/118.

27      F’dan il-kuntest, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 16(1) tad-[Direttiva 2008/118] sa fejn jipprevedi li l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa għandha tingħata taħt il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż tat-taxxa possibbli [u] x’kontenut għandu jkollhom dawn il-kundizzjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-prevenzjoni tal-evażjoni jew tal-abbuż tat-taxxa?

2)      Kif għandha tiġi interpretata l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-premessa 10 tal-preambolu tad-Direttiva 2008/118?

3)      Kif għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huma d-dispożizzjonijiet previsti fil-punt 3 tal-Artikolu 53(1) u fil-punt 5 tal-Artikolu 47(1) taż-[ZADS], sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jipprevedu l-irtirar tal-liċenzja b’mod inkundizzjonat, prospettiv, immedjat u mingħajr limitazzjoni ratione temporis, u dan flimkien ma’ sanzjoni diġà imposta għall-istess att?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel u ttielet domanda

28      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ta’ liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa fil-każ ta’ ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa kkunsidrata bħala gravi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kumulattivament ma’ sanzjoni finanzjarja diġà imposta għall-istess fatti.

29      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/118, kull Stat Membru għandu jiddetermina l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u taż-żamma tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, fl-osservanza tagħha, peress li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15 jindika, barra minn hekk, li l-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa bis-sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandhom jitwettqu f’maħżen tat-taxxa.

30      Fir-rigward tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ tali maħżen, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118 jippreċiża, minn naħa, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-ftuħ u l-operat ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li din l-awtorizzazzjoni hija suġġetta “għall-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli”.

31      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/118, b’mod ġenerali, il-prevenzjoni tal-frodi u tal-abbużi tikkostitwixxi għan komuni kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-drittijiet tal-Istati Membri. Fil-fatt, minn naħa, dawn tal-aħħar għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi eventwali huwa għan imfittex minn din id-direttiva, kif jikkonfermaw il-premessi 15 u 16 kif ukoll l-Artikolu 16 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2022, MONO, C‑326/20, EU:C:2022:7, punti 28 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 25).

32      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm is-sanzjoni finanzjarja imposta fuq Vinal kif ukoll l-irtirar tal-liċenzja tal-operat tagħha bħala maħżen tat-taxxa ġew adottati minħabba ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa mwettaq minnha u kkunsidrat bħala gravi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, il-projbizzjoni li jitwettaq tali ksur tikkorrispondi min-natura tagħha għal waħda mill-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet għandhom id-dritt jistabbilixxu sabiex jipprevjenu kull forma possibbli ta’ frodi jew ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118.

33      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li la mill-formulazzjoni, la mill-għan tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118, u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ma jirriżulta li tali sistema ta’ sanzjonijiet ma hijiex konformi magħha.

34      Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa, huma obbligati li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ne bis in idem li ġie stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2022, MONO, C‑326/20, EU:C:2022:7, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 36).

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk dik il-qorti tar-rinviju tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 19).

 Fuq ilprinċipju ta’ ne bis in idem

36      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta għall-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, liema dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ż-żewġ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissanzjonaw il-ksur ta’ regoli nazzjonali li jagħmlu parti mis-sistema tad-dazju tas-sisa li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/118.

38      Għaldaqstant, meta Stat Membru jadotta tali miżuri, huwa jimplimenta din id-direttiva u, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Konsegwentement, huwa għandu josserva d-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 26).

39      Issa, skont il-kliem tal-Artikolu 50 tal-Karta, “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni [Ewropea] b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”.

40      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem imfakkar f’din id-dispożizzjoni jipprojbixxi akkumulazzjoni kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28, u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 51).

42      Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, din teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi, u mhux biss simili. L-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta indissoċjabbilment bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punti 36 u 37).

43      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati fir-rigward tal-istess persuna ġuridika, jiġifieri Vinal, u għall-istess fatti.

44      Fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, għandu jitfakkar li, sabiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies li tkun ġiet deċiża b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għat-tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li dik id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 29).

45      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jidher li dan huwa l-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-liċenzja tal-operat tal-maħżen tat-taxxa kienet ġiet adottata ladarba d-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni finanzjarja, mogħtija wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża, kienet saret definittiva.

46      F’dan il-kuntest, sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-sanzjoni finanzjarja, imposta skont l-Artikolu 112(1) taż-ZADS, u l-irtirar tal-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa, impost skont il-punt 1 tal-Artikolu 53(2) taż-ZADS, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tagħha, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “sanzjonijiet ta’ natura kriminali”, fis-sens tal-Karta.

47      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura kriminali tas-sanzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tiddependi minn tliet kriterji. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 27, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 38).

48      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel kriterju, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkunsidrati bħala sanzjonijiet amministrattivi fid-dritt Bulgaru.

49      Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta testendi, indipendentement mill-klassifikazzjoni ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kriminali fid-dritt intern, għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħra msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 29, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 41).

50      Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura stess tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex skop punittiv, mingħajr ma s-sempliċi fatt li hija jkollha wkoll skop preventiv ikun ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa fin-natura nnifisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ifittxu kemm ir-repressjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-aġir illegali. Għall-kuntrarju, miżura li sempliċement tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura kriminali (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 89; tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 30, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 42).

51      F’dan il-każ, is-sanzjoni finanzjarja u d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa jidhru li t-tnejn li huma għandhom għanijiet kemm ta’ dissważjoni kif ukoll ta’ repressjoni tal-ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa u ma humiex intiżi li jikkumpensaw id-dannu kkawżat minnhom.

52      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni li tiġi rtirata l-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa, kif prevista fl-Artikolu 53(2) taż-ZADS, taqa’ speċifikament taħt is-sistema ta’ ċirkulazzjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u mqiegħda taħt skema ta’ sospensjoni, stabbilita mid-Direttiva 2008/118, li fiha l-magazzinieri awtorizzati għandhom rwol ċentrali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia, C‑81/15, EU:C:2016:398, punt 31). Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali deċiżjoni hija intiża li tapplika biss għall-operaturi ekonomiċi li għandhom awtorizzazzjoni sabiex joperaw bħala magazzinier awtorizzat ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, fis-sens ta’ din id-direttiva, billi ċċaħħadhom mill-benefiċċji li jirriżultaw minn tali awtorizzazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 32).

53      Għaldaqstant, deċiżjoni li tiġi rtirata l-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa ma tirrigwardax il-pubbliku inġenerali, iżda kategorija partikolari ta’ destinatarji li, peress li jeżerċitaw attività speċifikament irregolata mid-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, mogħtija mill-Istati Membri u li jagħtuhom prerogattivi determinati. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk tali deċiżjoni tikkonsistix f’li ċċaħħad lil Vinal mill-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi minħabba li l-awtorità amministrattiva kompetenti qieset li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni ma għadhomx jiġu ssodisfatti, aspett li jimmilita favur il-konstatazzjoni li dik l-istess deċiżjoni ma għandiex skop punittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 33).

54      Għall-kuntrarju, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li s-sanzjoni finanzjarja imposta fuq Vinal hija intiża li tapplika biss għall-operaturi ekonomiċi li għandhom awtorizzazzjoni sabiex jaġixxu bħala magazzinier awtorizzat ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li jinsabu fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġu trasposti għaliha.

55      Fir-rigward tat-tielet kriterju, dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni mġarrba, għandu jiġi kkonstatat li dan il-grad ta’ severità għandu jiġi evalwat skont il-piena massima prevista fid-dispożizzjonijiet rilevanti (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 46).

56      F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tas-sanzjoni finanzjarja, il-fatt li l-ammont tagħha ma jistax ikun inqas minn BGN 500 (madwar EUR 250), li jikkorrispondi sistematikament għad-doppju tal-ammont mhux imħallas u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedi l-ebda limitu massimu għal dan l-ammont, b’tali mod li, f’dan il-każ, ġiet imposta sanzjoni ta’ ammont ekwivalenti għal madwar EUR 128 000, jixhed in-natura severa ta’ din is-sanzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 48), li tista’ tkun suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala sanzjoni ta’ natura kriminali.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li multa ta’ 30 % tal-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta, flimkien mal-ħlas ta’ din it-taxxa, setgħet titqies li għandha grad għoli ta’ severità li tista’ ssostni l-analiżi li tali sanzjoni hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 33).

58      Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-irtirar tal-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa għandu l-effett biss li jċaħħad lill-magazzinier awtorizzat ikkonċernat mill-prerogattivi marbuta mal-proċedura ta’ maħżen tat-taxxa u ma jipprekludix lil dan il-magazzinier milli jkompli jeżerċita attivitajiet ekonomiċi li ma jeħtiġux tali liċenzja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 37), il-konsegwenzi ta’ tali rtirar jibqgħu severi għal dan tal-aħħar peress li, b’mod partikolari, l-effetti ta’ din il-miżura ma humiex limitati ratione temporis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 47).

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ż-żewġ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jikkostitwixxu sanzjonijiet ta’ natura kriminali, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-indikazzjonijiet preċedenti.

60      Jekk dan huwa l-każ, il-kumulu tagħhom joħloq, għalhekk, limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

61      Għalhekk, għalkemm, fi tmiem l-eżami tagħha tal-kundizzjonijiet imfakkra preċedentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kumulu taż-żewġ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, hija għandha tiddetermina jekk din il-limitazzjoni tistax madankollu titqies li hija ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 40, u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punti 58 u 59).

62      Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu biss jiġu stabbiliti limitazzjonijiet għall-imsemmija drittijiet u għall-imsemmija libertajiet jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

63      F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rekwiżit li l-possibbiltà ta’ kumulu tas-sanzjonijiet għandha tkun prevista mil-liġi jidher issodisfatt peress li ż-ZADS tipprevedi espliċitament, fil-każ, b’mod partikolari, ta’ ksur ikkunsidrat bħala gravi għas-sistema tad-dazju tas-sisa, l-applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tali possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess ksur jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43, u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 63).

65      F’dan il-każ, tali kundizzjoni tidher li hija ssodisfatta peress li ż-żewġ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni, peress li l-irtirar ta’ liċenzja tal-operat jirrigwarda biss uħud mill-każijiet ta’ ksur li kien is-suġġett ta’ sanzjoni finanzjarja, u li kull waħda minnhom għandha għanijiet partikolari.

66      F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, fosthom dik dwar in-neċessità li sistema ta’ sanzjonijiet tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa effettivament tali għan sa fejn hija intiża li tiggarantixxi mhux biss il-funzjonament tajjeb tal-arranġament speċjali ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa li huwa bbażat fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-amministrazzjoni u l-operaturi, iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, għall-ġlieda b’mod partikolari kontra l-evażjoni tat-taxxa, li barra minn hekk tikkorrispondi għal għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/118 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 59).

67      Issa, fid-dawl tal-importanza li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil dan l-għan ta’ interess ġenerali, kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u sanzjonijiet ikunu jirrigwardaw, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jkollhom bħala skop, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir kkonċernat li jikkostitwixxi ksur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 44; tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 46; tal‑20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca, C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 42, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 52).

68      Dan huwa a priori l-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jidher leġittimu li Stat Membru jkun jixtieq, minn naħa, jiddisswadi u jikkastiga n-nuqqas ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa billi jipprevedi li tiġi imposta sanzjoni finanzjarja suffiċjentement għolja u, min-naħa l-oħra, jiddisswadi u jikkastiga l-ksur gravi tar-regoli li jirregolaw dan l-arranġament bl-adozzjoni ta’ sanzjoni addizzjonali, bħalma jista’ jkun l-irtirar tal-liċenzja tal-operat tal-magazzinier awtorizzat li jkun wettaq dawn in-nuqqasijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 45). Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet mibgħuta mill-Gvern Bulgaru, din it-tieni miżura tirrifletti t-telf ta’ fiduċja tal-amministrazzjoni doganali fl-osservanza tar-regoli marbuta mal-funzjonament ta’ maħżen tat-taxxa, fis-sens tad-Direttiva 2008/118, u r-rieda tagħha li tevita r-riskju ta’ reċidiva.

69      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni, fejn huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas oneruża u li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 48; tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 66, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 56).

70      Fir-rigward, minn naħa, tan-natura xierqa ta’ tali kumulu, għandu jiġi rrilevat li, sabiex sanzjoni tiżgura effett realment dissważiv, il-persuni li jwettqu l-ksur għandhom jiġu effettivament imċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa u s-sanzjonijiet għandhom jippermettu l-produzzjoni ta’ effetti proporzjonati mal-gravità tal-ksur, b’mod li tiskoraġġixxi lil kull persuna b’mod effettiv milli twettaq ksur tal-istess natura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 44).

71      Issa, dan jidher li huwa l-każ ta’ sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-ammont doppju tad-dazji tas-sisa mhux imħallsa kif ukoll mill-benefiċċju tal-arranġament ta’ sospensjoni ta’ tali dazji marbut mal-maħżen tat-taxxa.

72      Barra minn hekk, tali sistema tippermetti li ddgħajjef, jew saħansitra telimina, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jwasslu lill-magazziniera awtorizzati sabiex ma josservawx is-sistema tad-dazju tas-sisa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 45).

73      Għalhekk, din l-istess sistema tidher li hija ta’ natura, minn naħa, li tinnewtralizza l-vantaġġ finanzjarju miksub permezz tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li tinkoraġġixxi lill-magazziniera awtorizzati josservaw is-sistema tad-dazju tas-sisa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 46), iżda wkoll li tillimita r-riskji ta’ reċidiva li jistgħu jitqiesu li huma ikbar fil-każ ta’ ksur gravi.

74      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk tidher xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex tal-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 47).

75      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tan-natura strettament neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat, b’mod iktar partikolari, jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-partijiet fil-kawża jipprevedu liema atti u liema ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet, u li jiżguraw il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, jekk dawn iż-żewġ proċeduri jkunux tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkunx ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur imwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 51, u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 67).

76      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rekwiżit li l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel sanzjoni fl-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni japplika, mingħajr eċċezzjoni, għas-sanzjonijiet kollha imposti kumulattivament u, għaldaqstant, kemm għall-kumulu ta’ sanzjonijiet tal-istess natura kif ukoll għall-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura differenti, bħal dak ta’ sanzjonijiet finanzjarji u ta’ sanzjonijiet li jillimitaw id-dritt li jiġu eżerċitati ċerti attivitajiet professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 50).

77      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, b’mod ċar u preċiż, f’liema ċirkustanzi ksur tas-sistema tas-sisa jista’ jkun is-suġġett ta’ kumulu bejn sanzjoni finanzjarja u rtirar tal-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa, aspett li madankollu għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, minn dan il-proċess ma jidhirx li jirriżulta li dawn iż-żewġ miżuri kienu ġew adottati minn awtoritajiet differenti li l-koordinazzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata.

78      Madankollu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-amministrazzjoni doganali hija legalment obbligata tirtira l-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa meta, bħal f’dan il-każ, il-magazzinier awtorizzat kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva li tikkundannah għal sanzjoni finanzjarja ta’ ammont ogħla minn BGN 15 000 (madwar EUR 7 600), fejn tali ammont huwa stess huwa ffissat b’mod awtomatiku għad-doppju tal-ammont ta’ dazju tas-sisa mhux imħallas, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

79      Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tidher li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-severità tal-ewwel sanzjoni waqt l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, u lanqas li awtorità tevalwa jekk il-kumulu ta’ dawn iż-żewġ sanzjonijiet huwiex limitat, f’kull każ, għal dak li huwa strettament neċessarju.

80      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm is-sanzjoni finanzjarja u d-deċiżjoni li tiġi rtirata l-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa għandhom jitqiesu li huma sanzjonijiet ta’ natura kriminali, l-Artikolu 50 tal-Karta jista’ jipprekludi li tiġi applikata d-deċiżjoni li tirtira mingħand Vinal il-liċenzja tal-operat tal-maħżen tat-taxxa tagħha, li l-legalità tagħha hija kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, aspett li għandu jiġi vverifikat minn din tal-aħħar.

 Fuq ilprinċipju ta’ proporzjonalità

81      Anki jekk jiġi preżunt li s-sanzjoni finanzjarja jew id-deċiżjoni ta’ rtirar tal-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa ma tikkostitwixxix sanzjoni kriminali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li, għaldaqstant, dan l-artikolu ma jista’, fl-ebda każ, jipprekludi l-akkumulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ miżuri, din id-deċiżjoni ta’ rtirar, li hija s-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ikollha tosserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

82      Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq b’mod effettiv l-għan li għandu jintlaħaq mid-dritt intern, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u għandu jkollhom l-inqas preġudizzju għall-għanijiet u għall-prinċipji l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża f’dan ir-rigward li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 71).

83      Sabiex jiġi evalwat, b’mod iktar partikolari, jekk sanzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tissanzjona (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Rodopi‑M 91, C‑259/12, EU:C:2013:414, punt 38).

84      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-irtirar tal-liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa jingħata mill-amministrazzjoni doganali meta l-magazzinier awtorizzat ma jkunx osserva l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jikseb il-liċenzja tal-operat u dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, dan il-magazzinier ikun wettaq ksur ikklassifikat bħala “gravi” fid-dritt nazzjonali u kien is-suġġett ta’ sanzjoni finanzjarja definittiva.

85      Issa, ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa huwa kklassifikat bħala “gravi”, skont il-punt 18 tal-Artikolu 4 taż-ZADS, meta n-nuqqas ta’ osservanza tas-sistema tad-dazju tas-sisa jkun ta lok għal multa ta’ ammont ogħla minn BGN 15 000 (madwar EUR 7 600).

86      Peress li, skont l-Artikolu 112(1) taż-ZADS, is-sanzjoni pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dejjem iffissata għad-doppju tal-ammont tad-dazji tas-sisa mhux imħallsa, minn dan jidher li jirriżulta li nuqqas ta’ osservanza tas-sistema tad-dazju tas-sisa huwa kkunsidrat bħala “gravi” fid-dritt nazzjonali, li jwassal awtomatikament għall-irtirar tal-liċenzja tal-operat, hekk kif dan in-nuqqas, li ta lok għas-sanzjoni finanzjarja, jikkonċerna ammont ta’ dazju tas-sisa mhux imħallas ta’ iktar minn BGN 7 500 (madwar EUR 3 800), li jikkaratterizza frodi ta’ ċerta gravità.

87      Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-riperkussjonijiet possibbli ta’ miżura ta’ rtirar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq id-dritt leġittimu tal-magazzinier awtorizzat li jeżerċita attività ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 48).

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-konsegwenzi tal-irtirar tal-liċenzja tal-operat fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-magazzinier awtorizzat jidhru severi peress li tali rtirar ma huwiex limitat fiż-żmien.

89      Barra minn hekk u fuq kollox, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix lill-persuna kkonċernata tikseb sussegwentement liċenzja ġdida tal-operat.

90      Il-Gvern Bulgaru jsostni f’dan ir-rigward li din il-projbizzjoni hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi evitat ir-riskju ta’ reċidiva. Madankollu, għalkemm ma jidhirx li huwa inġustifikat li magazzinier awtorizzat li pparteċipa, pereżempju, fi frodi fuq skala kbira jiġi mċaħħad definittivament mill-benefiċċju tal-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji marbut ma’ maħżen tat-taxxa, dan ma huwiex neċessarjament il-każ għal ksur inqas gravi.

91      Minn dan jirriżulta li, anki jekk iċ-ċaħda tal-benefiċċju tal-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji marbut ma’ maħżen tat-taxxa tidher li hija miżura proporzjonata meta mqabbla mal-gravità ta’ ksur, bħal dak imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 53(2) taż-ZADS, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk esklużjoni definittiva mill-benefiċċju ta’ tali arranġament tikkostitwixxix ukoll miżura proporzjonata fid-dawl tal-gravità ta’ dan il-ksur.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda eżaminati flimkien hija li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ta’ liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa fil-każ ta’ ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa kkunsidrata bħala gravi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kumulattivament ma’ sanzjoni finanzjarja diġà imposta għall-istess fatti, sakemm dan l-irtirar, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura definittiva tiegħu, ma jikkostitwixxix miżura sproporzjonata fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

93      Barra minn hekk, fil-każ fejn dawn iż-żewġ sanzjonijiet ikunu ta’ natura kriminali, l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali bil-kundizzjoni li:

–        il-possibbiltà li dawn iż-żewġ sanzjonijiet jiġu akkumulati tkun prevista mil-liġi;

–        il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess ksur jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet differenti;

–        dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ikunu jirrigwardaw għanijiet komplementari li jkollhom bħala skop, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir ikkonċernat li jikkostitwixxi ksur, u

–        jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u liema ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u li s-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur imwettaq.

 Fuq ittieni domanda

94      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fis-sens tal-premessa 10 tad-Direttiva 2008/118.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din il-premessa, peress li l-modalitajiet ta’ ġbir u ta’ rimbors tad-dazji jaffettaw il-funzjonament xieraq tas-suq intern, dawn għandhom għalhekk jissodisfaw kriterji nondiskriminatorji.

96      Madankollu, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-modalitajiet ta’ ġbir u ta’ rimbors tad-dazji tas-sisa.

97      Lanqas ma jirriżulta minn dik id-deċiżjoni u lanqas minn dan il-proċess li l-amministrazzjoni doganali Bulgara ttrattat lil Vinal b’mod differenti mill-operaturi l-oħra li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

98      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-qorti nazzjonali hija obbligata tispjega, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tipprovdi l-ispjegazzjonijiet neċessarji dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C. F. (Kontroll fiskali), C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Konsegwentement, id-deċiżjoni tar-rinviju manifestament ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

100    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ta’ liċenzja tal-operat ta’ maħżen tat-taxxa fil-każ ta’ ksur tas-sistema tad-dazju tas-sisa kkunsidrata bħala gravi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kumulattivament ma’ sanzjoni finanzjarja diġà imposta għall-istess fatti, sakemm dan l-irtirar, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura definittiva tiegħu, ma jikkostitwixxix miżura sproporzjonata fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

Barra minn hekk, fil-każ fejn dawn iż-żewġ sanzjonijiet ikunu ta’ natura kriminali, l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali bil-kundizzjoni li:

–        il-possibbiltà li dawn iż-żewġ sanzjonijiet jiġu akkumulati tkun prevista mil-liġi;

–        il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess ksur jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet differenti;

–        dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ikunu jirrigwardaw għanijiet komplementari li jkollhom bħala skop, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir ikkonċernat li jikkostitwixxi ksur, u

–        jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u liema ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u li s-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur imwettaq.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.