Language of document : ECLI:EU:C:2023:663

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Settembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Sanzjoni imposta fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali – Natura kriminali tas-sanzjoni – Sanzjoni kriminali imposta fi Stat Membru wara l-adozzjoni ta’ sanzjoni fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali fi Stat Membru ieħor iżda li saret definittiva qabel din is-sanzjoni tal-aħħar – Artikolu 52(1) – Limiti għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Koordinazzjoni tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet”

Fil-Kawża C‑27/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

Volkswagen Group Italia SpA,

Volkswagen Aktiengesellschaft

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Associazione Cittadinanza Attiva Onlus,

Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Volkswagen Group Italia SpA u Volkswagen Aktiengesellschaft, minn T. Salonico, avvocato, u O. W. Brouwer, advocaat,

–        għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

–        għall-Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons), minn G. Giuliano u C. Rienzi, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, A. M. de Ree u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Spina, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2000, Vol. 239, p. 19) (iktar ’il quddiem il-“KFS”) kif ukoll tal-Artikolu 3(4) u tal-Artikolu 13(2)(e), tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Volkswagen Group Italia SpA (iktar ’il quddiem “VWGI”) u Volkswagen Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem “VWAG”) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li tiggarantixxi l-osservazzjoni tal-kompetizzjoni u tar-regoli tas-suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) dwar id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li timponi fuq dawn il-kumpanniji multa għal prattiki kummerċjali żleali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlKFS

3        Il-KFS ġiet konkluża bil-għan li jiġi implementat il-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3).

4        L-Artikolu 54 tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, bit-titolu “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III tagħha, jaqra kif ġej:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

 IdDirettiva 2005/29

5        Il-premessa 10 tad-Direttiva 2005/29 tistipula:

“(10) Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-liġi Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. […] Għaldaqstant din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi Komunitarja li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti. Dan huwa importanti b’mod partikolari għal prodotti kumplessi b’livelli għolja ta’ riskju għal konsumaturi, bħal ċerti prodotti ta’ servizzi finanzjarji. Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.”

8        Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Il-Penali”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Il-penali previsti jrid ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.”

 Id-Direttiva (UE) 2019/2161

9        Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ applikazzjoni aħjar u modernizzazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU 2019, L 328, p. 7) emendat, b’effett mit‑28 ta’ Mejju 2022, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/29 kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi li ġejjin jitqiesu għall-impożizzjoni ta’ penali, fejn xieraq:

a)      in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

b)      kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kummerċjant biex itaffi jew jirrimedja d-dannu mġarrab mill-konsumaturi;

c)      kwalunkwe ksur preċedenti mill-kummerċjant;

d)      il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew telf evitat mill-kummerċjant minħabba l-ksur, jekk id-data rilevanti tkun disponibbli;

e)      il-penali imposti fuq il-kummerċjant għall-istess ksur fi Stati Membri oħra f’każijiet transkonfinali fejn l-informazzjoni dwar tali penali hija disponibbli permezz tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2017, L 345, p. 1)];

f)      kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-penali jiġu imposti skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394, huma jinkludu l-possibbiltà li jiġu imposti multi permezz ta’ proċeduri amministrattivi jew li jinbdew proċedimenti legali biex jiġu imposti multi, jew it-tnejn li huma, fejn l-ammont massimu ta’ tali multi jkun tal-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati. […]

[…]”

 Iddritt Taljan

10      L-Artikolu 20(1) tad-decreto legislativo n. 206 – Codice del consumo, a norma dell’articolo 7 della legge 29 luglio 2003, no 229 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 dwar il-Kodiċi tal-Konsumatur skont l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 229, tad‑29 ta’ Lulju 2003), tas‑6 ta’ Settembru 2005 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat‑8 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Konsumatur”), jipprevedi li l-prattiċi kummerċjali żleali huma pprojbiti.

11      L-Artikolu 20(2) tal-Kodiċi tal-Konsumatur jipprovdi:

“Prattika kummerċjali tkun żleali jekk tmur kontra d-diliġenza professjonali u jekk toħloq distorsjoni jew tista’ toħloq distorsjoni sinjifikattiva, fir-rigward tal-prodott, fil-komportament ekonomiku tal-konsumatur medju li hija taffettwa jew li hija indirizzata lilu jew tal-membru medju tal-grupp meta prattika kummerċjali tkun immriata lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.”

12      Skont l-Artikolu 20(4) ta’ dan il-kodiċi, jikkostitwixxu, b’mod partikolari, prattiki kummerċjali żleali, il-prattiki qarrieqa msemmija fl-Artikoli 21 sa 23 tal-imsemmi kodiċi u l-prattiki aggressivi msemmija fl-Artikoli 24 sa 26 tal-istess kodiċi.

13      L-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi tal-Konsumatur jipprovdi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk tinkludi tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun fattwalment korrett, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra:

[…]

b)      il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji tiegħu, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-iskop, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;

[…]”

14      L-Artikolu 23(1)(d) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-prattiki kummerċjali li ġejjin għandhom jitqiesu qarrieqa fiċ-ċirkustanzi kollha:

[…]

d)      tiddikjara, għall-kuntrarju tar-realtà, li kummerċjant, il-prattiki kummerċjali tiegħu jew wieħed mill-prodotti tiegħu ġew approvati, awtorizzati jew approvati minn korp pubbliku jew privat jew li l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni, tal-awtorizzazzjoni, jew tal-approvazzjoni rċevuta ġew osservati”.

15      L-Artikolu 27(9) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Permezz tal-miżura li tipprojbixxi l-prattika kummerċjali żleali, l-[AGCM] timponi barra minn hekk l-applikazzjoni ta’ multa amministrattiva pekunjarja li tista’ tvarja minn EUR 5 000 sa EUR 5 000 000, skont il-gravità u t-tul tal-ksur. Fil-każ ta’ prattiki kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 21(3) u (4), is-sanzjoni ma tistax tkun inqas minn EUR 50 000.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), l-AGCM imponiet in solidum fuq VWGI u fuq VWAG multa fl-ammont ta’ EUR 5 miljun talli implimentat prattiki kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikolu 20(2), tal-Artikolu 21(1)(b) u tal-Artikolu 23(1)(d) tal-Kodiċi tal-Konsumatur.

17      Dawn il-prattiki kummerċjali żleali kienu jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni fl-Italja, sa mis-sena 2009, ta’ vetturi diesel li fihom kien ġie installat software li jippermetti distorsjoni tal-kejl tal-livelli ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu (NOx) tagħhom matul it-testijiet ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fil-kuntest tal-proċedura msejħa “approvazzjoni tat-tip”, li permezz tagħha awtorità tal-approvazzjoni tiċċertifika li tip ta’ vettura jissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli. Barra minn hekk, VWGI u VWAG ġew akkużati li xandru messaġġi promozzjonali li, minkejja l-installazzjoni tal-imsemmi software, kienu jinkludu informazzjoni dwar, minn naħa, l-attenzjoni allegatament mogħtija minn dawn il-kumpanniji fil-livell tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u, min-naħa l-oħra, l-allegata konformità tal-vetturi inkwistjoni mar-regoli legali fil-qasam tal-emissjonijiet.

18      VWGI u VWAG ppreżentaw rikorsi kontra deċiżjoni kontenzjuża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja).

19      Filwaqt li dan ir-rikors kien pendenti quddiem din il-qorti, il-Prosekutur ta’ Braunschweig (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż”), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem id-deċiżjoni Ġermaniża”), impona fuq VWAG multa fl-ammont ta’ EUR 1 biljun, minħabba li nbdiet proċedura li kellha bħala suġġett il-manipulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost ta’ ċerti magni diesel tal-grupp Volkswagen li għalihom investigazzjonijiet kienu wrew li ma kinux ġew osservati r-regoli dwar l-emissjonijiet. Din id-deċiżjoni kienet tispeċifika li parti minn dan l-ammont, li tikkorrispondi għal somma ta’ EUR 5 miljun, kienet tissanzjona l-aġir imsemmi fl-imsemmija deċiżjoni u li l-bqija tal-imsemmi ammont kellu jċaħħad lil VWAG mill-vantaġġ ekonomiku li hija kienet kisbet mill-installazzjoni tas-software imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

20      Id-deċiżjoni Ġermaniża kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li VWAG kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Ordnungswidrigkeitengesetz (Il-Liġi Dwar il-Ksur Amministrattiv) li jissanzjonaw in-nuqqas, b’negliġenza, tad-dmir ta’ sorveljanza fl-attivitajiet tal-impriżi, f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp tas-software imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u l-installazzjoni ta’ dan is-software fuq 10.7 miljun vettura mibjugħa fid-dinja kollha, fosthom madwar 700 000 vettura fl-Italja, dan is-software għandu jitqies li jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

21      Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-prosekutur Ġermaniż ikkonstata wkoll li l-assenza ta’ sorveljanza tal-iżvilupp u tal-installazzjoni tal-imsemmi software kienet waħda mir-raġunijiet li kkontribwixxew għal ksur ieħor imwettaq fuq livell dinji minn VWAG bejn is-sena 2007 u s-sena 2015, f’dak li jirrigwarda t-talba għal approvazzjoni, il-promozzjoni tal-vetturi u l-bejgħ bl-imnut tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dawn il-vetturi, minkejja l-preżenza fi ħdanhom tal-istess software ipprojbit, kienu ġew ippreżentati lill-pubbliku bħala vetturi mgħammra b’teknoloġija diesel ekoloġika, jiġifieri bħala vetturi b’emissjonijiet partikolarment baxxi.

22      Id-deċiżjoni Ġermaniża saret definittiva fit‑13 ta’ Ġunju 2018, peress li VWAG ħallset il-multa li kienet prevista fiha u kienet irrinunzjat formalment milli tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni.

23      Fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio), VWGI u VWAG invokaw, b’mod partikolari, l-illegalità, li seħħet sussegwentement, tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem imsemmi fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal-KFS.

24      Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ April 2019, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn VWGI u VWAG, minħabba, b’mod partikolari, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix iż-żamma tal-multa prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża.

25      VWGI u VWAG appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplikax f’dan il-każ għandha tiġi deċiża preliminarjament.

27      Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 63) jirriżulta li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li titkompla proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali kontra persuna minħabba aġir illegali li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq li għalih diġà ngħatat kundanna kriminali definittiva fil-konfront tagħha, sa fejn din il-kundanna hija, fid-dawl tad-dannu kkawżat lis-soċjetà mill-ksur imwettaq, ta’ natura li tiskoraġġixxi dan il-ksur b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv.

28      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sanzjoni imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni tagħha. Hija tqis li din is-sanzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sanzjoni amministrattiva hija mogħnija b’tali natura meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, hija għandha mhux biss l-għan li tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-ksur iżda għandha wkoll għan repressiv.

29      Fit-tieni lok, wara li fakkret il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-qorti tar-rinviju tindika li dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jipprevjeni li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka mill-ġdid, li jippreżupponi li din l-impriża tkun ġiet ikkundannata jew iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma għadx tista’ tiġi appellata. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni Ġermaniża jikkonċernawx l-istess fatti, il-qorti tar-rinviju ssemmi x-“xebh, jekk mhux [l-]identiċità” kif ukoll in-“natura analoga” tal-aġir imsemmi minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

30      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għalkemm is-sanzjoni prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet imposta qabel is-sanzjoni prevista mid-deċiżjoni Ġermaniża, din tal-aħħar saret definittiva qabel l-ewwel waħda.

31      Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha. Hija tqis għalhekk li tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Konsumatur applikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, li jittrasponu d-Direttiva 2005/29 u li huma intizi li jipproteġu lill-konsumatur, jistgħux ikunu rilevanti fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 52.

32      Il-qorti tar-rinviju tfakkar f’dan ir-rigward li, skont din il-ġurisprudenza, limitazzjonijiet eventwali tal-Artikolu 50 tal-Karta huma permessi biss jekk jissodisfaw ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. B’mod partikolari, tali limitazzjonijiet għandhom ikunu mmirati lejn għan ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifika l-kumulu tas-sanzjonijiet, ikun previst minn regoli ċari u preċiżi, jiżgura koordinazzjoni bejn il-proċeduri u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena. Issa, jidher li, f’dan il-każ, ma hemmx regola ċara u ċerta li trendi prevedibbli l-kumulu tas-sanzjonijiet, li ma hija prevista ebda koordinazzjoni bejn il-proċeduri inkwistjoni u li s-sanzjoni massima ġiet imposta fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sanzjonijiet imposti fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva [2005/29] jistgħu jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali?

2)      L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi kkonfermata quddiem qorti u ssir definittiva sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali fil-konfront ta’ persuna ġuridika għal aġir illegali li jintegra prattiki kummerċjali żleali, li għalihom sadanittant tkun ġiet deċiża kundanna kriminali definittiva kontriha fi Stat Membru differenti, fejn it-tieni kundanna tkun saret res judicata qabel it-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-ewwel sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali?

3)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, b’riferiment b’mod partikolari għall-Artikoli 3(4) u 13(2)(e), jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-projbizzjoni ta’ ne bis in idem stabbilita fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sussegwentement inkorporata fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 6 TUE) u fl-Artikolu 54 tal-Ftehim ta’ Schengen?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja u lammissibbiltà taddomandi preliminari

34      L-AGCM issostni li d-domandi preliminari għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli peress li ma humiex utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Minn naħa, l-Artikolu 50 tal-Karta u l-Artikolu 54 tal-KFS ma humiex applikabbli f’dan il-każ peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, li abbażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni Ġermaniża, ma tirriżultax mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti, l-identiċità tal-fatti hija, f’dan il-każ, ineżistenti, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni Ġermaniża jirrigwardaw persuni u aġir differenti. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jeskludi tali identiċità.

35      Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, li jirrigwarda, fir-realtà, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 23).

36      F’dak li jikkonċerna, preliminarjament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa importanti li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, dispożizzjoni li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwarha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22).

37      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata abbażi tal-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2005/29 u għalhekk tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan isegwi li l-Karta għandha tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

38      It-tieni, f’dan il-każ, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS, huwa importanti li jitfakkar li l-KFS tifforma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-Qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290) (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 24).

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

40      Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-argumenti msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali f’kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia, C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, l-AGCM ma wrietx li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tad-domandi preliminari tagħha, ma għandha ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika. Ċertament, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni Ġermaniża jikkonċernawx l-istess fatti u l-istess persuni. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija qorti tqis li hemm “xebh, jekk mhux [l-] identiċità” tal-aġir imsemmi mid-deċiżjoni kontenzjuża u mid-deċiżjoni Ġermaniża. Barra minn hekk, din l-istess qorti tirreferi, permezz tat-tieni domanda tagħha, għal sitwazzjoni fejn persuna ġuridika tkun suġġetta għal sanzjonijiet ta’ natura kriminali għall-istess fatti fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti. Għalhekk, jidher li l-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-każ, din il-persuna hija mħarrka u ssanzjonata għall-istess ksur.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

43      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li multa amministrattiva pekunjarja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, imposta fuq kumpannija mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għal prattiki kummerċjali żleali, minkejja li kklassifikata bħala sanzjoni amministrattiva minn din il-leġiżlazzjoni, tikkostitwixxi sanzjoni kriminali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

44      L-Artikolu 50 tal-Karta jiddisponi li “‘[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi’. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tliet kriterji huma rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. L-ewwel wieħed huwa l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni huwa n-natura stess tal-ksur u t-tielet huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-proċeduri u s-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel kriterju, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsumatur, is-sanzjoni u l-proċedura li twassal għall-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni huma kklassifikati bħala amministrattivi.

48      Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” fid-dritt nazzjonali iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħra li jissemmew fl-imsemmi punt 45 ta’ din is-sentenza (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura stess tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat li s-sanzjoni inkwistjoni għandha, b’mod partikolari, għan punittiv, mingħajr ma s-sempliċi fatt li hija jkollha wkoll għan preventiv ikun ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa fin-natura nnifisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ifittxu kemm ir-repressjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-aġir illegali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrimedja d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura kriminali (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 42).

50      F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsumatur jirriżulta li s-sanzjoni li tipprevedi din id-dispożizzjoni tiżdied, b’mod obbligatorju, mal-miżuri l-oħra li l-AGCM tista’ tieħu fir-rigward ta’ prattiki kummerċjali żleali u li jinkludu b’mod partikolari, kif irrileva l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-projbizzjoni ta’ tkomplija jew ta’ repetizzjoni tal-prattiki inkwistjoni.

51      Għalkemm, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan il-gvern isostni li r-repressjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali hija ggarantita minn din il-projbizzjoni u li, konsegwentement, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsum ma hijiex intiża li trażżan aġir illegali iżda li ċċaħħad lill-impriża kkonċernata mill-vantaġġ kompetittiv indebitu li hija kisbet minħabba l-aġir illegali tagħha fir-rigward tal-konsumaturi, għandu jiġi rrilevat li dan l-għan eventwali bl-ebda mod ma jissemma fid-dispożizzjoni inkwistjoni.

52      Barra minn hekk, kieku l-għan ta’ din id-dispożizzjoni kien li ċċaħħad lill-impriża kkonċernata mill-vantaġġ kompetittiv indebitu, xorta jibqa’ l-fatt li l-multa tvarja skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li juri ċerta gradazzjoni u progressività fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti. Barra minn hekk, jekk dan kien l-għan ta’ din l-istess dispożizzjoni, il-fatt li din tidher li tipprevedi li l-multa tista’ tilħaq ammont massimu ta’ EUR 5 miljun jista’ jkollu l-konsegwenza li dan l-għan ma jintlaħaqx meta l-vantaġġ kompetittiv indebitu jaqbeż dan l-ammont. Għall-kuntrarju, il-fatt li jidher li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsumatur, l-ammont tal-multa ma jistax ikun inqas minn EUR 50 000 f’dak li jirrigwarda ċerti prattiki kummerċjali żleali jfisser li l-multa tista’, għal dawn il-prattiki, teċċedi l-ammont tal-vantaġġ kompetittiv indebitu.

53      Fir-rigward tat-tielet kriterju, jiġifieri l-grad ta’ severità tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-grad ta’ severità huwa evalwat skont il-piena massima prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 46).

54      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tista’ tilħaq ammont ta’ EUR 5 miljun għandha grad għoli ta’ severità li jista’ jsostni l-analiżi li tgħid li din is-sanzjoni hija ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li multa amministrattiva pekunjarja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, imposta fuq kumpannija mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għal prattiki kummerċjali żleali, minkejja li hija kklassifikata bħala sanzjoni amministrattiva mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi sanzjoni kriminali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din għandha għan repressiv u jkollha grad għoli ta’ severità.

 Fuq ittieni domanda

56      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma ta’ multa ta’ natura kriminali imposta fuq persuna ġuridika għal prattiki kummerċjali żleali fil-każ fejn din il-persuna kienet is-suġġett ta’ kundanna kriminali għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor, anki jekk din il-kundanna tkun sussegwenti għad-data tad-deċiżjoni li timponi din il-multa iżda tkun saret definittiva qabel ma s-sentenza dwar l-azzjoni ġudizzjarji ppreżentata kontra din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

57      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu s-suġġett tad-deċiżjoni preċedenti u tal-proċeduri jew tad-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28).

 Fuq il-kundizzjoni “bis”

58      Fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, sabiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies bħala li tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għal tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 29).

59      Għalkemm, ċertament, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti definittiva, ma jsegwix neċessarjament li d-deċiżjonijiet ulterjuri li jipprekludi dan il-prinċipju jistgħu jkunu biss dawk adottati wara din id-deċiżjoni preċedenti definittiva. Fil-fatt, dan il-prinċipju jeskludi li, meta tkun teżisti deċiżjoni definittiva, prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti tista’ tinbeda jew tinżamm fis-seħħ.

60      F’dan il-każ, minn naħa, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni Ġermaniża saret definittiva fit‑13 ta’ Ġunju 2018, jiġifieri wara d-deċiżjoni kontenzjuża. Għalkemm din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi invokata sabiex topponi, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-proċedura mmexxija mill-AGCM u d-deċiżjoni kontenzjuża, sakemm hija ma kinitx saret definittiva, is-sitwazzjoni kienet differenti peress li l-imsemmija deċiżjoni saret definittiva f’mument meta d-deċiżjoni kontenzjuża kienet għadha ma saritx definittiva.

61      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-AGCM fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li d-deċiżjoni Ġermaniża saret definittiva wara li VWAG ħallset il-multa li din id-deċiżjoni kienet tipprevedi u rrinunzjat li tikkontestaha ma jistax jikkontesta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit mill-Artikolu 50 tal-Karta japplika meta deċiżjoni ta’ natura kriminali tkun saret definittiva, indipendentement mill-mod kif din id-deċiżjoni tkun saret definittiva.

62      Min-naħa l-oħra, jidher, bla ħsara għal verifika minn din il-qorti, li din id-deċiżjoni ngħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni Ġermaniża ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

 Fuq il-kundizzjoni “idem”

64      Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 31).

65      Bħalma tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, kemm id-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll id-deċiżjoni Ġermaniża huma diretti kontra l-istess persuna ġuridika, jiġifieri VWAG. Il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkonċerna, barra minn hekk, lil VWGI ma jistax jikkontesta din il-konstatazzjoni.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv. Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali fi tmiem proċeduri differenti mressqa għal dan il-għan (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, u kif diġà ġie rrilevat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tirreferi, permezz tat-tieni domanda tagħha, għal sitwazzjoni li fiha persuna ġuridika tkun suġġetta għal sanzjonijiet ta’ natura kriminali għall-istess fatti fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti. Minn dan isegwi li din il-qorti tidher li tikkunsidra li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-kundizzjoni “idem” hija ssodisfatta.

69      Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, u kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, din il-qorti tirreferi wkoll għax-“xebh” u għan-“natura analoga” tal-fatti inkwistjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem imsemmi fl-Artikolu 50 tal-Karta jista’ japplika biss jekk il-fatti koperti miż-żewġ proċeduri jew iż-żewġ sanzjonijiet inkwistjoni jkunu identiċi. Ma huwiex biżżejjed li l-fatti jkunu sempliċement simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 36).

71      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-punt 66 ta’ din is-sentenza, jekk il-proċeduri mmexxija mill-prosekutur Ġermaniż u mill-AGCM kif ukoll is-sanzjonijiet imposti fuq VWAG fid-deċiżjoni Ġermaniża u fid-deċiżjoni kontenzjuża jikkonċernawx l-istess fatti u, għaldaqstant, l-istess ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, kif jagħmel il-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-laxkar fis-sorveljanza tal-attivitajiet ta’ organizzazzjoni stabbilita fil-Ġermanja, imsemmi fid-deċiżjoni Ġermaniża, huwa aġir differenti mill-kummerċjalizzazzjoni fl-Italja ta’ vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007, u t-tixrid ta’ reklamar qarrieqi f’dan l-Istat Membru li huma msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża.

73      It-tieni, sa fejn id-deċiżjoni Ġermaniża tikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi mgħammra b’tali apparat ta’ manipulazzjoni illegali, inkluż fl-Italja, kif ukoll xandir ta’ messaġġi promozzjonali mhux korretti relatati mal-bejgħ ta’ dawn il-vetturi, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li awtorità ta’ Stat Membru ssemmi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, punt ta’ fatt relatat mat-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jistax ikun biżżejjed sabiex jitqies li dan il-punt ta’ fatt ta lok għall-proċeduri jew ġie kkunsidrat minn din l-awtorità fost il-punti li jikkostitwixxu dan il-ksur. Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-imsemmija awtorità effettivament ħaditx deċiżjoni fuq l-imsemmi punt ta’ fatt sabiex tikkonstata l-ksur, tistabbilixxi r-responsabbiltà għal dan il-ksur tal-persuna li tressqu proċeduri kontriha u, jekk ikun il-każ, timponilha sanzjoni, b’tali mod li l-imsemmi ksur għandu jitqies bħala li jinkludi t-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 44).

74      It-tielet, mid-deċiżjoni Ġermaniża jirriżulta madankollu li l-bejgħ ta’ tali vetturi fi Stati Membri oħra, inkluża r-Repubblika Taljana, ittieħed inkunsiderazzjoni mill-prosekutur Ġermaniż fil-kalkolu tas-somma ta’ EUR 995 miljun, imposta fuq VWAG bħala taxxa fuq il-vantaġġ ekonomiku miksub mill-aġir illegali tagħha.

75      Ir-raba’, il-prosekutur Ġermaniż indika espliċitament, fid-deċiżjoni Ġermaniża, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fil-kostituzzjoni Ġermaniża, jipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali ulterjuri għall-grupp Volkswagen, fil-Ġermanja, fir-rigward tal-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni u tal-użu tiegħu. Fil-fatt, skont l-opinjoni ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur, il-fatti msemmija f’din id-deċiżjoni huma l-istess fatti bħal dawk ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-installazzjoni tal-imsemmi apparat, il-kisba tal-approvazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni u l-bejgħ tal-vetturi kkonċernati jikkostitwixxu ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod inseparabbli bejniethom.

76      Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatti li kienu s-suġġett taż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma identiċi, il-kumulu tas-sanzjonijiet imposti fuq VWAG jikkostitwixxi limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma ta’ multa ta’ natura kriminali imposta fuq persuna ġuridika għal prattiki kummerċjali żleali fil-każ fejn din il-persuna kienet is-suġġett ta’ kundanna kriminali għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor, anki jekk din il-kundanna hija sussegwenti għad-data tad-deċiżjoni li timponi din il-multa iżda saret definittiva qabel ma s-sentenza dwar ir-rimedju ġudizzjarju ppreżentat kontra din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

 Fuq ittielet domanda

78      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 13(2)(e) tad-Direttiva 2005/29 kif ukoll l-Artikolu 50 tal-Karta u l-Artikolu 54 tal-KFS sabiex tirrispondi għad-domanda dwar f’liema kundizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 54 tal-KFS kif ukoll l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 13(2)(e) tad-Direttiva 2005/29, li huma espressament imsemmija fit-tielet domanda, huma irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

81      Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu l-għan li jiggarantixxi lil persuna, li tkun ġiet ikkundannata u tkun skontat il-piena tagħha, jew, jekk ikun il-każ, li tkun ġiet illiberata b’mod finali fi Stat kontraenti, tkun tista’ tiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ li jitressqu proċeduri kriminali kontriha, fir-rigward tal-istess fatti, fi Stat kontraenti ieħor, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 45, u tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 78).

82      Issa, peress li din il-possibbiltà ta’ moviment liberu ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tikkonċerna żewġ impriżi stabbiliti waħda fil-Ġermanja u l-oħra fl-Italja, interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

83      Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li, f’każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali, dawn ir-regoli l-oħra għandhom jipprevalu u japplikaw għal dawn l-aspetti speċifiċi. Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-premessa 10 tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li, minn naħa, din id-direttiva ma tapplikax meta ma jkunux jeżistu dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi li jirregolaw aspetti partikolari tal-prattiċi kummerċjali żleali u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni tkopri espressament kunflitti bejn regoli tal-Unjoni u mhux bejn regoli nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li f’dan il-każ jeżisti kunflitt bejn regoli tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 huwa intiż speċifikament sabiex jevita kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, din id-dispożizzjoni hija irrilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar f’liema ċirkustanzi huma possibbli derogi mill-prinċipju ta’ ne bis in idem.

85      Fit-tielet lok, l-Artikolu 13(2)(e) ta’ din id-direttiva ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, peress li din id-dispożizzjoni ġiet introdotta fid-Direttiva 2005/29 permezz tad-Direttiva 2019/2161 u kienet applikabbli biss mit‑28 ta’ Mejju 2022.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema kundizzjonijiet limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, jistgħu jiġu ġġustifikati.

87      Limitazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tista’ tkun iġġustifikata biss abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu biss jiġu stabbiliti limitazzjonijiet tal-imsemmija drittijiet u libertajiet jekk dawn ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

89      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jidher li jirriżulta mill-annessi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervent ta’ kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, li fir-rigward tiegħu huwa sostnut li ta lok għal kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, kienx previst mil-liġi.

90      Tali possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess ksur jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43).

91      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsegwu għanijiet leġittimi li huma distinti.

92      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni Ġermaniża hija intiża sabiex l-impriżi u l-impjegati tagħhom jaġixxu b’osservanza tal-liġi u, minħabba f’hekk, tissanzjona n-nuqqas, b’negliġenza, għad-dmir ta’ viġilanza fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Konsum applikati mill-AGCM jittrasponu d-Direttiva 2005/29, peress li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, konformement mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, kif ukoll li jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

93      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas vinkolanti u li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu leġittimament jagħżlu tweġibiet ġuridiċi komplementari quddiem ċertu aġir dannuż għas-soċjetà permezz ta’ proċeduri differenti li jifformaw koerenza waħda b’mod li l-problema soċjali inkwistjoni tiġi indirizzata taħt l-aspetti differenti tagħha, bil-kundizzjoni li dawn it-tweġibiet ġuridiċi magħqudin ma jirrappreżentawx piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni. Għalhekk, il-fatt li żewġ proċeduri jfittxu li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali distinti li huwa leġittimu li jiġu protetti b’mod kumulattiv jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, bħala fattur intiż sabiex dan il-kumulu jiġi ġġustifikat, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu komplimentari u li l-piż supplimentari li l-imsemmi kumulu jirrappreżenta jkun jista’ jiġi ġġustifikat b’dan il-mod miż-żewġ għanijiet imfittxija (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 49).

95      Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat, b’mod iktar partikolari, jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, jekk iż-żewġ proċeduri jkunux tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkunx ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur imwettaq (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Minn dan isegwi li kumulu ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti għandu, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa ġġustifikat, b’mod partikolari jissodisfa tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li dan il-kumulu ma jirrappreżentax piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni, it-tieni, li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu u, it-tielet, li l-proċeduri inkwistjoni jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u viċin fiż-żmien.

97      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kontenzjuża żżid biss multa ta’ EUR 5 miljun mal-multa ta’ EUR 1 biljun imposta fuq VWAG permezz tad-deċiżjoni Ġermaniża. Fid-dawl tal-fatt li VWAG aċċettat din l-aħħar multa, ma jidhirx li l-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għal 0.5 % biss tal-multa prevista mid-deċiżjoni Ġermaniża, kellha bħala konsegwenza li l-kumulu ta’ dawn is-sanzjonijiet jirrappreżenta piż eċċessiv għal din il-kumpannija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti l-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, ġiet imposta s-sanzjoni massima prevista mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

98      It-tieni, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma semmietx dispożizzjonijiet Ġermaniżi jew Taljani li jipprevedu speċifikament il-possibbiltà li aġir bħal dak imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni Ġermaniża, jekk wieħed jassumi li dan huwa l-istess aġir, jista’ jkun is-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet fi Stati Membri differenti, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li VWAG ma setgħetx tipprevedi li dan l-aġir seta’ jagħti lok għal proċeduri u għal sanzjonijiet f’mill-inqas żewġ Stati Membri, li huma bbażati jew fuq ir-regoli applikabbli għall-prattiki kummerċjali żleali jew fuq regoli oħra, bħal dawk previsti mill-Ordnungswidrigkeitengesetz (il-Liġi dwar Ksur Amministrattiv), li ċ-ċarezza u l-preċiżjoni rispettivi tagħhom ma jidhrux, barra minn hekk, li ġew ikkontestati.

99      Fir-rigward, it-tielet, tal-kundizzjoni relatata mal-koordinazzjoni tal-proċeduri, imsemmija fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, jidher, fid-dawl ukoll tal-informazzjoni li ġiet ipprovduta minn VWAG waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma saret ebda koordinazzjoni bejn il-prosekutur Ġermaniż u l-AGCM, minkejja li l-proċeduri inkwistjoni jidhru li tmexxew b’mod parallel għal xi xhur u li, skont din l-informazzjoni, il-Prosekutur Ġermaniż kien jaf bid-deċiżjoni kontenzjuża fil-mument meta adotta d-deċiżjoni tiegħu stess.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, għalkemm ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU 2004, L 364, p. 1), li ġie ssostitwit bir-Regolament 2017/2394, kien jipprevedi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-Prosekutur Ġermaniż ma kienx, b’differenza mill-AGCM, parti minn dawn l-awtoritajiet.

101    Min-naħa l-oħra, għalkemm, kif jirriżulta mill-informazzjoni li ġiet ipprovduta minn VWAG waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż jidher li ħa passi quddiem l-Unità ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (Eurojust), sabiex jevita kumulu ta’ proċeduri kriminali kontra VWAG f’diversi Stati Membri, fir-rigward tal-fatti msemmija fid-deċiżjoni Ġermaniża, minn din l-informazzjoni jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani ma rrinunzjawx għall-proċeduri kriminali kontra din il-kumpannija u li l-AGCM ma ħaditx sehem f’dan it-tentattiv ta’ koordinazzjoni fil-kuntest tal-Eurojust.

102    Sa fejn il-Gvern Taljan jindika, essenzjalment, li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biss neċessarju, sabiex kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti jitqies li huwa ġġustifikat, li jiġi vverifikat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa osservat fid-“dimensjoni materjali” tiegħu, skont il-kliem użat minn dan il-gvern, jiġifieri li jiġi vverifikat li s-sanzjoni globali li tirriżulta miż-żewġ proċeduri inkwistjoni ma hijiex manifestament sproporzjonata, u dan mingħajr ma hija neċessarja koordinazzjoni bejn dawn il-proċeduri, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet, kif ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li fihom tali kumulu jista’ jitqies li huwa ġġustifikat, jirregolaw il-possibbiltà li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju. Konsegwentement, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux ivarjaw minn każ għal ieħor.

103    Ċertament, il-koordinazzjoni ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet li jikkonċernaw l-istess fatti tista’ tirriżulta iktar diffiċli meta l-awtoritajiet inkwistjoni jkunu joriġinaw, bħal f’dan il-każ, minn Stati Membri differenti. Għalkemm għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet prattiċi proprji għal tali kuntest transkonfinali, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw li wieħed jirrelativizza jew li wieħed jinjora l-imsemmi rekwiżit, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 114 u 115 tal-konklużjonijiet tiegħu.

104    Tali koordinazzjoni ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet tista’ tkun espressament organizzata mid-dritt tal-Unjoni, kif juru, għalkemm limitati għall-proċeduri li jirrigwardaw il-prattiki kummerċjali żleali, is-sistemi ta’ koordinazzjoni li kienu previsti mir-Regolament Nru 2006/2004 u li issa huma previsti mir-Regolament 2017/2394.

105    Fir-rigward tar-riskju, invokat mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li individwu jfittex li jikseb kundanna kriminali fi ħdan Stat Membru għall-finijiet biss li jipproteġi ruħu minn proċeduri u minn sanzjonijiet relatati mal-istess fatti fi Stat Membru ieħor, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi affermat li tali riskju jista’ jimmaterjalizza ruħu fil-kuntest tal-kawża prinċipali. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 97 ta’ din is-sentenza ma jippermettux li tiġi sostnuta tali allegazzjoni.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, b’tali mod li jippermetti kumulu ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza, huma ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel, li din l-akkumulazzjoni ma tirrappreżentax piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni, it-tieni, li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu u, it-tielet, li l-proċeduri inkwistjoni jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u viċin fiż-żmien.

 Fuq lispejjeż

107    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li multa amministrattiva pekunjarja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, imposta fuq kumpannija mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għal prattiki kummerċjali żleali, minkejja li hija kklassifikata bħala sanzjoni amministrattiva mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi sanzjoni kriminali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din għandha għan repressiv u jkollha grad għoli ta’ severità.

2)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma ta’ multa ta’ natura kriminali imposta fuq persuna ġuridika għal prattiki kummerċjali żleali fil-każ fejn din il-persuna kienet is-suġġett ta’ kundanna kriminali għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor, anki jekk din il-kundanna hija sussegwenti għad-data tad-deċiżjoni li timponi din il-multa iżda saret definittiva qabel ma s-sentenza dwar ir-rimedju ġudizzjarju ppreżentat kontra din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

3)      L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, b’tali mod li jippermetti kumulu ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza, huma ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel, li din l-akkumulazzjoni ma tirrappreżentax piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni, it-tieni, li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu u, it-tielet, li l-proċeduri inkwistjoni jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u viċin fiż-żmien.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.