Language of document : ECLI:EU:C:2023:664

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Settembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 5 – Pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Dritt ta’ xoljiment – Talba għal kumpens sħiħ – Obbligu ta’ informazzjoni tal-organizzatur tal-ivvjaġġar – Artikolu 12 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Protezzjoni effettiva tal-konsumatur – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑83/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5 ta’ Cartagena, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2022, fil-kawża

RTG

vs

Tuk Tuk Travel SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn P. López‑Carceller u M. Menegatti, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Sáez Moreno u L. Vétillard, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1), fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli tal-aħħar u tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RTG, vjaġġatur, u Tuk Tuk Travel SL, organizzatur tal-ivvjaġġar, dwar somma li dan il-vjaġġatur ħallas wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż, li tagħha huwa jitlob mingħand dan l-organizzatur tal-ivvjaġġar kumpens parzjali wara li dan tal-aħħar xolja dan il-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba t-tixrid tal-coronavirus fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 5 tad-Direttiva 2015/2302 tiddikjara:

“F’konformità mal-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 49 TFUE, is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn huma żgurati l-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. L-armonizzazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti marbuta ma’ pakketti tal-ivvjaġġar u ma’ arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta hija meħtieġa għall-ħolqien ta’ suq intern reali għall-konsumatur f’dak il-qasam, billi toħloq bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u l-kompetittività tan-negozji.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.”

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma l-vjaġġatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, l-organizzatur u, fejn il-pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut, dan tal-aħħar għandu jagħti wkoll lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formula rilevanti kif tinsab fil-Parti A jew Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-pakkett, bl-nformazzjoni li ġejja:

(a)      il-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi tal-ivvjaġġar:

[…]

(g)      informazzjoni li l-vjaġġatur jista’ jtemm il-kuntratt fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett ladarba titħallas tariffa ta’ terminazzjoni xierqa jew, fejn applikabbli, it-tariffi ta’ terminazzjoni standardizzati mitluba mill-organizzatur, skont l-Artikolu 12(1);

[…]

3.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprovduta b’mod ċar, li jinftiehem u prominenti. Fejn tali informazzjoni tingħata bil-miktub, din għandha tkun tista’ tinqara.”

6        L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett ”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. Il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jista’ jispeċifika tariffi raġonevoli standardizzati ta’ terminazzjoni bbażati fuq iż-żmien tat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u l-iffrankar mistenni ta’ spejjeż u dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fin-nuqqas ta’ tariffi standardizzati ta’ terminazzjoni, l-ammont tat-tariffa ta’ terminazzjoni għandu jikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett nieqes l-ispejjeż iffrankati u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fuq talba tal-vjaġġatur l-organizzatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għall-ammont tat-tariffi ta’ terminazzjoni.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

[…]”

7        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi:

“1.      Dikjarazzjoni minn organizzatur ta’ pakkett jew kummerċjant li qed jiffaċilita arranġament tal-ivvjaġġar marbut li hu qed jaġixxi esklużivament bħala fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar, bħala intermedjarju jew fi kwalunkwe kapaċità oħra, jew li pakkett jew arranġament tal-ivvjaġġar ma jikkostitwixxix pakkett jew arranġament tal-ivvjaġġar marbut, ma teħlisx lil dak l-organizzatur jew il-kummerċjant mill-obbligi imposti fuqhom skont din id-Direttiva.

2.      Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.      Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.”

8        L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infurzar”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma’ din id-Direttiva.”

9        Il-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fejn l-użu ta’ ħoloq elettroniċi hu possibbli”, tipprovdi, f’kaxxa, il-kontenut ta’ din il-formola u tindika li, kemm-il darba jagħfas fuq il-ħolqa elettronika, il-vjaġġatur jirċievi l-informazzjoni li ġejja:

“Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302

[…]

–        Il-vjaġġaturi jistgħu jtterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni qabel jinbeda l-pakkett f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn ikun hemm problemi serji ta’ sigurtà fid-destinazzjoni li x’aktarx jaffettwaw il-pakkett.

[…]”

10      Il-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk koperti fil-Parti A”, tipprovdi, f’kaxxa, il-kontenut ta’ din il-formola u tistabbilixxi l-istess drittijiet ewlenin mogħtija minn din id-direttiva fil-Parti A tal-Anness I tagħha.

 Iddritt Spanjol

 IdDigriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007

11      L-Artikoli 153 u 160 tat-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali ta’ Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Komplementari Oħra, approvat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kif ukoll il-Partijiet A u B tal-Anness II tiegħu, jittrasponu fid-dritt Spanjol l-Artikoli 5 u 12 tad-Direttiva 2015/2302, kif ukoll il-Partijiet A u B tal-Anness I tagħha.

 IlKodiċi talProċedura Ċivili

12      L-Artikolu 216 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), jipprovdi:

“Il-qrati ċivili għandhom jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet tal-partijiet, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor mil-liġi f’każijiet speċifiċi.”

13      L-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ċari u preċiżi u bi qbil mat-talbiet u pretensjonijiet oħra tal-partijiet, li jkunu ġew ippreżentati fil-ħin matul il-proċeduri. Dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun fihom id-dikjarazzjonijiet meħtieġa, jikkundannaw jew jilliberaw lill-konvenut u jiddeċiedu fuq kull punt kontenzjuż tat-tilwima.

Mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi tilqa’ punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li l-partijiet riedu jsostnu, il-qorti għandha tiddeċiedi skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk dawn tal-aħħar ma jkunux ġew iċċitati jew invokati korrettement mill-partijiet fil-kawża.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Fl‑10 ta’ Ottubru 2019, RTG xtara mingħand Tuk Tuk Travel SL pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż għal żewġ persuni lejn il-Vjetnam u l-Kambodja, bit-tluq minn Madrid (Spanja) fit‑8 ta’ Marzu 2020 sal‑24 ta’ Marzu ta’ wara.

15      Mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħallas is-somma ta’ EUR 2 402 bħala ħlas bil-quddiem fuq il-prezz totali tal-vjaġġ, li kien jammonta għal EUR 5 208. Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt kienu jipprovdu informazzjoni, b’mod partikolari, dwar il-possibbiltà li dan il-kuntratt jiġi xolt qabel id-data tat-tluq permezz tal-ħlas ta’ tariffa ta’ xoljiment. Din l-informazzjoni ma kinitx tipprovdi l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi xolt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni tal-vjaġġ jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt.

16      Permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali informa lill-konvenuta fil-kawża prinċipali bid-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat minħabba t-tixrid tal-coronavirus fl-Asja, u talab mingħandu r-rimbors tas-somom kollha li huwa seta’ jitlob.

17      Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-konvenuta fil-kawża prinċipali weġbitu li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tal-vjaġġ, kien ser jiġi rrimborsat lilu ammont ta’ EUR 81, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni. Dakinhar stess, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali reġa’ tenna d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt u kkontesta l-ammont tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni.

18      Fl‑4 ta’ Marzu 2020, il-konvenuta fil-kawża prinċipali informat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li hija kienet ser tirrimborsah ammont ta’ EUR 302 peress li l-kumpannija tal-ajru inkarigata bl-operat tat-titjira kkonċernata kienet tagħti lill-vjaġġaturi tagħha l-benefiċċju ta’ kanċellazzjoni mingħajr spejjeż.

19      Wara li rċieva tali informazzjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr ma kien irrappreżentat minn avukat, ħarrek lill-konvenuta fil-kawża prinċipali quddiem il-Juzgado de Primera Instancia nº 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5 ta’ Cartagena, Spanja), il-qorti tar-rinviju. Fir-rikors tiegħu, huwa jsostni li d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat ittieħdet kważi xahar qabel id-data tat-tluq prevista minħabba forza maġġuri, jiġifieri t-tixrid tal-coronavirus fl-Asja. Huwa jitlob li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi kkundannata tirrimborsah ammont addizzjonali ta’ EUR 1 500. Huwa jqis, fil-fatt, li l-EUR 601 li jifdal jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ ġestjoni sostnuti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

20      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali opponiet din it-talba billi sostniet li kemm fid-data li fiha ġie xolt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat, kif ukoll fid-data li fiha kien previst it-tluq, kien għadu possibbli li wieħed jivvjaġġa b’mod normali lejn il-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Barra minn hekk, hija tallega li r-rikorrent fil-kawża prinċipali aċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt li kienu jipprevedu li, fil-każ ta’ xoljiment, l-ispejjeż ta’ ġestjoni kienu jammontaw għal 15 % tal-prezz totali tal-vjaġġ ikkonċernat u li l-ispejjeż ta’ xoljiment kienu jikkorrispondu għal dawk applikati minn kull wieħed mill-fornituri tagħha.

21      Billi l-partijiet fil-kawża prinċipali ma talbux li ssir seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kawża bdiet l-istadju tad-deliberazzjoni fit‑22 ta’ Ġunju 2021.

22      Madankollu, permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali li, f’terminu ta’ għaxart ijiem, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq numru ta’ domandi li jirrigwardaw, essenzjalment, l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-Direttiva 2015/2302.

23      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ppreżentax osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tenniet mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha li, fid-data li fiha ġie xolt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż, ma kien hemm ebda raġuni għal xiex il-vjaġġ inkwistjoni ma kellux isir. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qatt ma sostna nuqqas ta’ informazzjoni jew kwalunkwe ommissjoni fir-rigward tad-drittijiet tiegħu.

24      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 fid-dawl tal-Artikolu 169 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114 TFUE, sa fejn dan l-Artikolu 5 ma jipprevedix l-obbligu tal-organizzatur tal-ivvjaġġar li jinforma lill-konsumatur bil-possibbiltà, fil-każ li jseħħu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jiġi xolt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż li huwa jkun kkonkluda billi jirkupra l-ħlas kollu li jkun sar. Għalhekk, f’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali allegatament injora l-eżistenza tad-dritt tiegħu li jikseb kumpens sħiħ ta’ dan il-ħlas fejn iseħħu tali ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk tali assenza ta’ informazzjoni lill-konsumatur ikkonċernat tagħmilx iktar diffiċli d-difiża tad-drittijiet u tal-interessi tiegħu, iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, dan tal-aħħar ma jkunx irrappreżentat minn avukat, u jekk din l-assenza ta’ informazzjoni ma tqegħidx f’perikolu l-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2015/2302.

25      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li hija tagħti ex officio lill-konsumatur, skont id-dritt tal-Unjoni, kumpens tal-ħlas kollu li jkun sar fil-każ li jseħħu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat. Tali possibbiltà tiggarantixxi l-għan imsemmi fil-punt preċedenti. Madankollu, din il-possibbiltà tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali Spanjol li huma l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, sanċiti fl-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia nº 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5 ta’ Cartagena, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikoli 169(1) u [(2)(a)] TFUE u 114(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta], peress li dan l-artikolu ma jinkludix, fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi, id-dritt irrikoxxut lill-vjaġġaturi mill-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li jiġi tterminat il-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u li jinkiseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar, fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett?

(2)      L-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302, jipprekludu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ dispożittiv u ta’ kongruwenza previsti fl-Artikoli 216 u 218(1) tal-[Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili], meta dawn il-prinċipji proċedurali jistgħu jostakolaw il-protezzjoni sħiħa tal-konsumatur rikorrent?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

27      Il-Gvern Ċek jikkontesta, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, huwa jsostni li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bla bażi peress li l-biżgħat ta’ tixrid tal-coronavirus fl-Asja invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex ixolji l-kuntratt tiegħu ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż kważi xahar qabel il-bidu tat-tluq tiegħu ma jikkostitwixxux ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li seħħew fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li kellhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ vvjaġġar jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post ta’ destinazzjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, imsejsa fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Legea, C‑686/21, EU:C:2023:357, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary, C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet it-tilwima u li għandhom jieħdu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-fatti ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ domanda preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 15, u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 22, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk il-fatti invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex jiġġustifika x-xoljiment tiegħu tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tad-Direttiva 2015/2302, taqa’ taħt l-evalwazzjoni awtonoma tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma qisitx li kien hemm bżonn tagħmel domanda preliminari dwar il-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sabiex tissolva t-tilwima li tressqet quddiemha.

30      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a), kif ukoll tal-Artikolu 114(3) TFUE, minħabba li dan l-Artikolu 5 ma jobbligax lil organizzatur tal-ivvjaġġar jinforma lill-vjaġġatur bid-dritt tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jxolji l-kuntratt tiegħu ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment u jikseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar fir-rigward ta’ dan il-pakkett, fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż.

32      Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija domanda hija ipotetika għaliex l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi obbligu li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Issa, il-qorti tar-rinviju, permezz tad-domanda tagħha, tistaqsi dwar il-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija meħtieġa qabel ma ssir l-evalwazzjoni tal-validità tagħha. Din l-interpretazzjoni ma timplikax evalwazzjoni ta’ problema ta’ natura ipotetika b’mod għalhekk li l-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li din id-domanda hija inammissibbli.

35      Madankollu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzatur tal-ivvjaġġar jgħaddi lill-vjaġġatur, qabel ma dan tal-aħħar ikun marbut b’kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż, b’mod partikolari, l-informazzjoni standard permezz tal-formola rilevanti li tinsab fil-Parti A jew B tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

36      Il-formoli ta’ informazzjoni standard, li jinsabu fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, jindikaw, permezz ta’ ħolqa elettronika jew, fl-assenza ta’ tali ħolqa elettronika, b’mod espliċitu, id-drittijiet ewlenin li dwarhom għandhom ikunu informati l-vjaġġaturi. Dawn id-drittijiet jinkludu, skont is-seba’ inċiż tal-Partijiet A u B ta’ dan l-Anness I, id-dritt tal-vjaġġaturi fuq pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż li “jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni qabel jinbeda l-pakkett f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn ikun hemm problemi serji ta’ sigurtà fid-destinazzjoni li x’aktarx jaffettwaw il-pakkett”. B’hekk, dan is-seba’ inċiż jispjega u jfisser il-kontenut tad-dritt ta’ xoljiment mogħti lil dawn il-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva.

37      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qieset il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma jeskludix informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata b’mod obbligatorju lill-vjaġġatur, dik relatata mad-dritt, mogħti lil dan tal-aħħar fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jxolji l-kuntratt tal-ivvjaġġar tiegħu qabel jibda l-pakkett, mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, meta jeżistu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett.

38      Fid-dawl tal-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, peress li l-imsemmi artikolu jeżiġi li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, ma tqumx il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 114(3) TFUE minħabba l-fatt li dan l-Artikolu 5 ma jeżiġix li l-konsumatur jiġi informat b’dan id-dritt ta’ xoljiment.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil organizzatur tal-ivvjaġġar jinforma lill-vjaġġatur bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. Il-validità tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114(3) TFUE, ma tistax għalhekk tiġi kkontestata minħabba li dan ma jipprevedix li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva.

 Fuq ittieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, sanċiti fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar tista’ xxekkel il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur li jaġixxi bħala rikorrent.

41      Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li, minn naħa, l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda twassal neċessarjament għal dik tat-tieni domanda u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302 ma għandu ebda rabta mal-kawża prinċipali. Din il-kontestazzjoni għandha tiġi miċħuda peress li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 33u 34 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda ma hijiex inammissibbli u peress li mill-kuntest tat-tieni domanda jirriżulta b’mod ovvju li r-riferiment għall-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva huwa żball tal-pinna u li għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva.

42      Fid-dawl tal-premess u tal-fatt li d-Direttiva 2015/2302 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE sabiex tgħin jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi msemmi fl-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, hemm lok li t-tieni domanda tiġi fformulata mill-ġdid bħala li tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali li jistipulaw il-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv li bis-saħħa tagħhom, meta xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 12(2) u l-vjaġġatur ikkonċernat iressaq quddiem il-qorti nazzjonali talba għal kumpens inqas minn kumpens sħiħ, din il-qorti ma tkunx tista’ tagħti ex officio lil dan il-vjaġġatur kumpens sħiħ.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi li jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jseħħu fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni, il-vjaġġatur għandu d-dritt ixolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment u jikseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar fir-rigward ta’ dan il-pakkett.

44      Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ dan id-dritt ta’ xoljiment. L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi biss li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi xierqa u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma’ din id-direttiva. Dan ifisser li l-modalitajiet tal-proċeduri intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet tal-kawża jisiltu mill-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx, bħala prinċipju, li l-qorti nazzjonali teżamina ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligaha toħroġ mil-limiti tat-tilwima kif din tal-aħħar tkun ġiet limitata mill-partijiet. Din il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata mill-prinċipju li, f’kawżi ċivili, huma l-partijiet li għandhom jieħdu l-inizjattiva. Konsegwentement, din il-qorti tista’ taġixxi ex officio biss f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeżiġi l-intervent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín, C‑227/08, EU:C:2009:792, punti 19 u 20, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina ex officio l-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi meta, fl-assenza ta’ tali eżami, l-għan ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi ma jkunx jista’ jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ifisser li l-protezzjoni effettiva ta’ ċerti drittijiet li l-konsumatur jislet mid-dritt tal-Unjoni taqa’ taħt l-interess pubbliku li jeżiġi l-intervent ex officio tal-qorti nazzjonali.

47      Għalhekk, id-dmir ta’ eżami ex officio tal-qorti nazzjonali ġie rrikonoxxut, b’mod partikolari, fir-rigward tal-klawżoli tad-Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (85/577/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262) (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín, C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 29), tal-klawżoli tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-klawżoli tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u r-rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40 u ĠU 2011, L 234, p. 46) (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ xoljiment li konsumatur jislet mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, il-qorti nazzjonali għandhiex tkun tista’ tqajjem ex officio l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li dan id-dritt ta’ xoljiment jgħin sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kemm jista’ jkun uniformi meta dawn tal-aħħar jidħlu f’kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż. Id-Direttiva 2015/2302 tiggarantixxi lil vjaġġatur dritt li huwa ma setax neċessarjament jinnegozja mal-organizzatur tal-ivvjaġġar peress li jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa fir-rigward ta’ dan l-organizzatur f’dak li għandu x’jaqsam mas-setgħa ta’ negozjati tat-termini tal-pakkett. Id-dritt ta’ xoljiment, bħad-dritt għal kumpens tal-ħlas li jkun sar wara dan ix-xoljiment, mogħtija lill-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, jissodisfaw dan l-għan protettiv tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC‑Que choisir u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 33).

50      Sussegwentement, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, dan id-dritt ta’ xoljiment għandu post sinjifikattiv fl-istruttura tad-Direttiva 2015/2302, peress li huwa kklassifikat bħala “dritt essenzjali” tal-vjaġġatur fil-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ din id-direttiva u li, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, organizzatur tal-ivvjaġġar huwa obbligat jinforma lil dan il-vjaġġatur bl-eżistenza tal-imsemmi dritt ta’ xoljiment.

51      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302 jistabbilixxi n-natura imperattiva ta’ din tal-aħħar. Dan ifisser li, konformement mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, il-vjaġġatur ma jistax jirrinunzja għad-drittijiet mogħtija lilu minn din id-direttiva u li kull klawżola jew kull dikjarazzjoni magħmula mill-vjaġġatur li tippreżupponi rinunzja diretta jew indiretta għal dawn id-drittijiet ma tistax tiġi invokata kontrih.

52      Fid-dawl tal-premess, għandu jitqies li l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ xoljiment mogħti lill-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 teħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tqajjem ex officio ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

53      L-eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tad-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 huwa madankollu suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

54      L-ewwel, waħda mill-partijiet fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat għandha tkun bdiet proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti nazzjonali u din il-proċedura għandu jkollha bħala suġġett dan il-kuntratt (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      It-tieni, id-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jkun marbut mas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet fid-dawl tat-talbiet u tal-motivi tagħhom (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 34).

56      It-tielet, il-qorti nazzjonali għandu jkollha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tevalwa jekk dan id-dritt ta’ xoljiment jistax jiġi invokat mill-vjaġġatur ikkonċernat (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Ir-raba’, dan il-vjaġġatur ma għandux ikun indika b’mod espliċitu lill-qorti nazzjonali li kien qiegħed jopponi l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

58      F’sitwazzjoni fejn l-imsemmi vjaġġatur ma jinvokax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-kundizzjonijiet ta’ din l-applikazzjoni jkunu jidhru ssodisfatti, ma għandux jiġi eskluż li dan ma kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ xoljiment previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Issa, dan huwa biżżejjed sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tinvoka ex officio l-istess dispożizzjoni.

59      F’dan il-każ, u bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet jidhru li huma ssodisfatti. Fil-fatt, din il-qorti hija adita mir-rikorrent fil-kawża prinċipali b’azzjoni li tirrigwarda x-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż li dan tal-aħħar ikkonkluda mal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Id-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jidher marbut mas-suġġett tat-tilwima quddiem l-imsemmija qorti peress li dan jirrigwarda l-kumpens tal-ħlas li sar minn dan ir-rikorrent wara d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-imsemmi kuntratt minħabba t-tixrid tal-coronavirus. Barra minn hekk, jidher li l-qorti tar-rinviju għandha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tevalwa jekk dan id-dritt ta’ xoljiment jistax jiġi invokat mill-vjaġġatur. Matul din l-evalwazzjoni awtonoma tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-punti 41 sa 51 tas-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC – Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2023:449), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ġenerali li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, jista’ jkopri t-tifqigħa ta’ kriżi sanitarja dinjija. Barra minn hekk, l-imsemmi rikorrent, permezz tal-azzjoni tiegħu quddiem din il-qorti, ma jidhirx li eskluda b’mod espliċitu xoljiment abbażi tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ dan id-dritt peress li l-organizzatur tal-ivvjaġġar naqas mill-obbligu li jinformah bl-imsemmi dritt li huwa għandu skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, kif dan tal-aħħar ġie traspost fid-dritt Spanjol.

60      Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti, il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa teżamina ex officio d-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

61      Dan l-eżami ex officio jeħtieġ li, skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli nazzjonali ta’ proċedura, din il-qorti, minn naħa, tinforma lir-rikorrent bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment kif previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u, min-naħa l-oħra, tagħti lil dan ir-rikorrent il-possibbiltà li jinvoka dan id-dritt fil-proċedura ġudizzjarja pendenti u li, jekk l-imsemmi rikorrent jinvokah, hija tistieden lill-konvenut jiddibattih fil-kontradittorju (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, l-imsemmi eżami ex officio ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali xxolji ex officio l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat mingħajr spejjeż u tagħti lill-istess rikorrent id-dritt għal kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar fir-rigward ta’ dan il-pakkett. Fil-fatt, tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ xoljiment previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u jmur kontra l-awtonomija tar-rikorrent fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ xoljiment.

63      B’mod iktar partikolari, il-qorti nazzjonali ma tistax tkun obbligata xxolji ex officio kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż permezz ta’ din id-dispożizzjoni kemm-il darba l-vjaġġatur, wara li jkun ġie avżat minn din il-qorti, jagħmel il-ħsieb, b’mod volontarju u informat, li ma jxoljix il-kuntratt tiegħu abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva 2015/2302 ma tasalx sal-punt li ġġiegħel lill-vjaġġaturi jeżerċitaw id-drittijiet li huma għandhom bis-saħħa tas-sistema ta’ protezzjoni li hija stabbilixxiet (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punti 53 u 54, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, li bis-saħħa tagħhom, meta xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni u meta l-vjaġġatur ikkonċernat iressaq quddiem il-qorti nazzjonali talba għal kumpens inqas minn kumpens sħiħ, dik il-qorti ma tkunx tista’ tagħti ex officio lil dan il-vjaġġatur kumpens sħiħ, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li l-imsemmija qorti tista’ tinforma ex officio lil dan il-vjaġġatur bid-dritt tiegħu għal kumpens sħiħ u tippermetti lil dan tal-aħħar jinvokah quddiemha.

 Fuq lispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jobbliga lil organizzatur tal-ivvjaġġar jinforma lill-vjaġġatur bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. Il-validità tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114(3) TFUE, ma tistax għalhekk tiġi kkontestata minħabba li dan ma jipprevedix li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva.

2)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, li bis-saħħa tagħhom, meta xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni u meta l-vjaġġatur ikkonċernat iressaq quddiem il-qorti nazzjonali talba għal kumpens inqas minn kumpens sħiħ, dik il-qorti ma tkunx tista’ tagħti ex officio lil dan il-vjaġġatur kumpens sħiħ, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li l-imsemmija qorti tista’ tinforma ex officio lil dan il-vjaġġatur bid-dritt tiegħu għal kumpens sħiħ u tippermetti lil dan tal-aħħar jinvokah quddiemha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.