Language of document : ECLI:EU:C:2023:674

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑14 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C582/21

FY

vs

Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Warszawa-Praga, Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Rikors għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri li ngħalqu permezz ta’ sentenza fil-kontumaċja – Res judicata – Raġunijiet għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri – Prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività – Interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kawża ineżami tintroduċi perspettiva ġdida għall-protezzjoni proċedurali li għandha tingħata lill-konsumaturi minn klawżoli kuntrattwali inġusti. B’mod iktar speċifiku, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara jekk din il-protezzjoni teħtieġx li l-effett nazzjonali ta’ res judicata jitwarrab sabiex ikun permess il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri li allegatament ġew affettwati min-nuqqas tal-qorti nazzjonali li teżamina, ex officio, il-possibbiltà ta’ inġustizzja tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni.

2.        Il-kuntest fattwali u legali nazzjonali li fih oriġinat din id-domanda jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej. L-appellanti fil-kawża prinċipali – FY – ġiet ordnata tħallas mill-ġdid il-bilanċ tal-ammont ta’ self li hija kienet ħadet mingħand Profi Credit Polska, kumpannija li tipprovdi self lill-konsumaturi. L-obbligu tagħha biex tħallas ġie rreġistrat f’sentenza fil-kontumaċja li ngħatat fuq il-bażi ta’ ċedola in bjank, iffirmata mid-debitriċi, liema ċedola sussegwentement imtliet minn Profi Credit Polska, li invokatha.

3.        Il-qorti nazzjonali tat is-sentenza fil-kontumaċja mingħajr ma kellha l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self disponibbli. Għaldaqstant hija ma eżaminatx il-possibbiltà ta’ inġustizzja tagħhom. Għalkemm FY ma fittxitx li tikkontesta din is-sentenza, hija sussegwentement adottat il-fehma li l-kundizzjonijiet li fihom ingħatat kienu inkonsistenti mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija diversi xhur wara. Għaldaqstant, hija ppreżentat rikors għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri.

4.        Skont id-dritt nazzjonali, rikors ta’ dan it-tip jista’ jirnexxi fejn, inter alia, (i) id-dispożizzjoni nazzjonali invokata fil-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni ġiet sussegwentement iddikjarata inkompatibbli ma’ att legali superjuri mill-qorti kostituzzjonali nazzjonali, jew fejn (ii) il-parti kkonċernata tkun ġiet “illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li taġixxi”.

5.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk – fid-dawl tal-ewwel possibbiltà – il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġx li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, fil-livell nazzjonali, jiġi estiż fuq il-bażi ta’ deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija fil-forma ta’ sentenza preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

6.        Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk l-obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġx – fid-dawl tat-tieni possibbiltà – li parti tiġi kkunsidrata bħala “illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li taġixxi” meta qorti nazzjonali tonqos milli teżamina l-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż mal-konsumaturi.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

7.        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 KEE (2) “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

8.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

B.      Iddritt Pollakk

1.      IlKostituzzjoni Pollakka

9.        Skont l-Artikolu 190(4) tal-Kostituzzjoni Pollakka, “sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar in-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni, ma’ ftehim jew ma’ liġi internazzjonali, ta’ att normattiv li fuq il-bażi tiegħu ngħatat sentenza legalment effettiva ta’ qorti, deċiżjoni amministrattiva definittiva jew konklużjoni ta’ kwistjonijiet oħra, għandha tkun bażi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, jew għall-annullament tad-deċiżjoni jew konklużjoni oħra skont u fuq il-prinċipji speċifikati f’dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċeduri inkwistjoni.”

2.      IlKodiċi talProċedura Ċivili

10.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi s-segwenti informazzjoni dwar id-dritt intern applikabbli. L-Artikolu 339(1) tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“KPC”) jistabbilixxi li jekk il-konvenut ma jidhirx għal seduta skedata jew jidher iżda ma jipparteċipax fil-proċeduri, il-qorti għandha tagħti sentenza fil-kontumaċja.

11.      L-Artikolu 399(1) tal-KPC jipprevedi l-possibbiltà li jintalab il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri li ġew konklużi permezz ta’ sentenza definittiva.

12.      L-Artikolu 401(2) tal-KPC jistabbilixxi li huwa possibbli li jintalab il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri fuq il-bażi tal-invalidità tagħhom jekk parti ma kellhiex il-kapaċità tkun parti jew il-kapaċità li taġixxi fi proċeduri tal-qorti, jew jekk ma kinitx debitament irrappreżentata, jew jekk ġiet illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li taġixxi.

13.      Skont l-Artikolu 407(1) tal-KPC, rikors għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri għandu jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur; it-terminu għandu jibda mill-ġurnata li fiha l-parti ssir taf bir-raġunijiet għall-ftuħ mill-ġdid, u jekk dawn ir-raġunijiet jikkonsistu fiċ-ċaħda tal-possibbiltà tal-parti li taġixxi jew fl-assenza ta’ debita rappreżentanza, fil-ġurnata li fiha l-parti, il-korp governattiv jew rappreżentant legali tagħha jsiru jafu bis-sentenza.

14.      L-Artikolu 4011 tal-KPC jipprevedi li għandu jkun possibbli wkoll rikors għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara li parti minn leġiżlazzjoni, li fuq il-bażi tagħha ngħatat deċiżjoni, bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni, ftehim internazzjonali rratifikat jew liġi.

15.      Skont l-Artikolu 407(2) tal-KPC, ir-rikors għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri għandu jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali.

16.      Skont l-Artikolu 410(1) tal-KPC, il-qorti għandha tiċħad rikors li jiġi ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu, li jkun inammissibbli jew li ma jkunx ibbażat fuq raġunijiet ta’ liġi.

III. Ilfatti, ilproċeduri nazzjonali u ddomandi preliminari

17.      Fis‑16 ta’ Ġunju 2015, FY ikkonkludiet kuntratt ta’ self mal-kumpannija li tipprovdi self lill-konsumaturi Profi Credit Polska. Il-ħlas lura tas-self ġie ggarantit bil-ħruġ ta’ ċedola vojta, iffirmata minn FY.

18.      Fit‑30 ta’ Ottubru 2017, Profi Credit Polska ressqet talba kontra FY quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Pragi-Południe (il-Qorti Distrettwali, Warszawa Praga-Południe, Varsavja, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Distrettwali”) għall-ħlas tal-ammont dovut bl-interessi. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax iċ-ċirkustanzi li wasslu għal din l-azzjoni. Madankollu, dak li jidher rilevanti huwa li l-unika ċedola (li l-kumpannija kienet ikkompletat, b’indikazzjoni tal-ammont dovut) u l-avviż ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ self ġew annessi mar-rikors.

19.      Wara li kkonstatat li ma kienx hemm raġunijiet għall-għoti ta’ ordni għall-ħlas, il-Qorti Distrettwali għaddiet sabiex tiskeda seduta (3). In-notifika ta’ FY tqieset li saret. Fis‑17 ta’ April 2018, din il-qorti tat sentenza fil-kontumaċja li ordnatilha tħallas l-ammont mitlub (biċ-ċaħda tal-azzjoni biss fir-rigward ta’ parti mill-interessi mitluba), billi bbażat ruħha biss fuq il-kontenut taċ-ċedola u tar-rikors. Hija ma talbitx lil Profi Credit Polska tipprovdiha bil-kuntratt ta’ self u, għalhekk, ma eżaminatx jekk il-kuntratt kienx jinkludi klawżoli inġusti. Din is-sentenza fil-kontumaċja ġiet iddikjarata bħala eżegwibbli immedjatament u FY ma kkontestathiex.

20.      Madankollu, fil‑25 ta’ Ġunju 2019, FY ippreżentat rikors mal-Qorti Distrettwali għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri. Hija sostniet li din il-qorti interpretat b’mod żbaljat id-Direttiva 93/13 u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Profi Credit Polska I (4) (mogħtija wara l-għoti tas-sentenza fil-kontumaċja). Fil-fehma tagħha, il-Qorti Distrettwali naqset milli teżamina l-inġustizzja tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, u għalhekk ċaħħditha mill-possibbiltà li taġixxi fis-sens tal-Artikolu 401(2) tal-KPC.

21.      B’digriet tas‑27 ta’ Awwissu 2020, il-Qorti Distrettwali ċaħdet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu u ma kienx ibbażat fuq raġunijiet ta’ liġi. Hija nnotat ukoll li FY immisha fittxet li tiddefendi l-kawża tagħha (fil-proċeduri li wasslu għas-sentenza fil-kontumaċja), li hija naqset li tagħmel.

22.      FY ippreżentat appell mid-digriet quddiem is-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Warszawa-Praga, Varsavja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

23.      Matul il-proċeduri quddiem din il-qorti, ir-Rzecznik Finansowy (l-Ombudsman Finanzjarju) osserva li raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri li wasslu għas-sentenza fil-kontumaċja tista’ tkun ibbażata fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 4011 tal-KPC, li jikkonċerna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri fuq il-bażi ta’ deċiżjoni (sussegwenti) tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali. Fil-fehma tiegħu, is-sentenza fil-kontumaċja ngħatat bi ksur tal-obbligu tal-qorti li teżamina ex officio l-klawżoli kuntrattwali tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni (5). L-Ombudsman Finanzjarju indika x-xebh bejn ir-rwol tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jissostanzja l-argument tiegħu li deċiżjoni tat-tieni waħda tista’ wkoll isservi bħala bażi valida għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

24.      Bħala punt sussidjarju, l-Ombudsman Finanzjarju ddikjara li jista’ wkoll ikun possibbli li jinfetħu mill-ġdid il-proċeduri inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 401(2) tal-KPC peress li n-nuqqas ta’ qorti li twettaq stħarriġ ex officio jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (u jammonta għaċ-ċaħda tal-possibbiltà ta’ parti li taġixxi) (6). Barra minn hekk, huwa qabel ma’ FY dwar l-inġustizzja tal-klawżoli inkwistjoni.

25.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar liema hija t-triq li għandha tieħu.

26.      Minn naħa, hija tenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta’ res judicata u tindika l-fatt li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ dritt nazzjonali ma timponi fuq il-qrati nazzjonali obbligu ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri li rriżultaw f’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni.

27.      Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk huwiex possibbli li wieħed jasal għall-konklużjoni opposta fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jew l-obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

28.      B’mod importanti, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Profi Credit Polska I, Profi Credit Polska II (7) u Kancelaria Medius, huwa “probabbli ħafna” li s-sentenza fil-kontumaċja ngħatat bi “ksur flagranti” tar-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 (8). Madankollu, hija tispjega li ma tinsabx f’pożizzjoni li tevalwa l-kwistjoni peress li hija limitata fil-kapaċità tagħha li tivverifika jekk, l-ewwel, it-termini ġewx irrispettati u, it-tieni, jekk ir-rikors għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri jinvokax wieħed mir-raġunijiet ta’ liġi. Huwa f’dan il-kuntest proċedurali li hija għandha tivverifika jekk sentenza preliminari interpretattiva tistax tikkostitwixxi tali raġuni.

29.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li s-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Warszawa-Praga, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirreferi d-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], għandhom jiġu interpretati fis-sens li sentenzi tal-[Qorti tal-Ġustizzja] dwar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 267(1) TFUE jservu bħala bażi għal ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ċivili konkluża permezz ta’ sentenza definittiva preċedenti, fil-każ fejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 4011 tal-[KPC], tawtorizza l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-każ ta’ għoti ta’ sentenza definittiva fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) qieset li kienet inkompatibbli ma’ att legali superjuri?

2)      Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] jirrikjedi interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-[KPC] b’tali mod li tinkludi fil-bażi għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri stabbiliti fl-imsemmi artikolu sentenza definittiva mogħtija fil-kontumaċja, li fiha qorti, bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [f’Profi Credit Polska I], naqset milli teżamina kuntratt li jorbot lil konsumatur ma’ kreditur fir-rigward ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti fejn illimitat ruħha sempliċement għall-eżami tal-validità formali ta’ ċedola?”

30.      Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Iż-żewġ partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta, li seħħet fl‑24 ta’ Jannar 2023.

IV.    Analiżi

31.      Ser nindirizza l-merti tad-domandi magħmula fil-kawża ineżami billi, l-ewwel, nagħmel rimarki preliminari dwar il-pożizzjoni adottata mid-dritt tal-Unjoni vis-à-vis l-effett nazzjonali ta’ res judicata, speċjalment, fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u dwar iċ-ċertezza legali li l-effett ta’ res judicata jikkostitwixxi espressjoni speċifika tagħha (1).

32.      It-tieni, ser nispjega li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jeħtieġx il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili sabiex isir disponibbli fuq il-bażi ta’ deċiżjoni preliminari interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn dan ikun possibbli, taħt id-dritt nazzjonali, fuq il-bażi ta’ ċerti sentenzi tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali (2).

33.      It-tielet, is-suġġeriment ta’ risposta għat-tieni domanda magħmula (li tqajjem l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi) ser jeħtieġ kjarifika ta’ diversi kwistjonijiet li timplika din id-domanda. F’dan il-kuntest, ser nispjega li l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra klawżoli inġusti ma teħtieġx b’mod awtomatiku li l-Istati Membri jipprovdu rimedju straordinarju meta l-qorti nazzjonali tonqos li tistħarreġ jekk il-klawżoli kuntrattwali li jkollhom effett vinkolanti fuq il-konsumatur huma effettivament inġusti jew le. Madankollu, jiena ser nispjega wkoll li ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom jidher li ngħatat u saret definittiva s-sentenza fil-kontumaċja jagħmluha neċessarju li l-konsumatur ikkonċernat jiġi pprovdut b’rimedju. Filwaqt li l-possibbiltà li jintlaqa’ r-rikors ta’ FY għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, fil-fehma tiegħi, ser tiddependi fuq l-għażliet interpretattivi disponibbli fid-dritt Pollakk (u fuq it-termini applikabbli), ser nispjega li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha għażliet proċedurali oħra li permezz tagħhom jista’ jiġi rrestawrat id-dritt tagħha li ma tiġix marbuta b’klawżoli kuntrattwali (allegatament) inġusti (3).

1.      Iddritt talUnjoni, leffetti nazzjonali ta’ res judicata u lprinċipju ta’ ċertezza legali

34.      Għandu jiġi indikat, mill-bidu, li rimedji straordinarji, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermettu, b’mod ġenerali, l-annullament ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru definittivi. Bħala tali, dawk ir-rimedji għalhekk jaffettwaw, min-natura tagħhom stess, il-prinċipju ta’ res judicata li għall-kuntrarju jipprekludi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi milli jiġu kkontestati.

35.      Għalkemm il-prinċipju ta’ res judicata jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju taċ-ċertezza legali (9), l-eżekuzzjoni tiegħu mhux dejjem hija assoluta (kif turi l-eżistenza ta’ rimedji straordinarji). F’dan ir-rigward, isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, iddefiniti mil-leġiżlatur nazzjonali, jistgħu jiskattaw oħrajn addizzjonali meħtieġa bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

36.      Il-mistoqsija dwar jekk id-dritt jistax, f’ċerti sitwazzjonijiet, jeħtieġ it-twarrib tal-effetti nazzjonali ta’ res judicata hija indirizzata, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi dwar din il-kwistjoni, mill-perspettiva klassika tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, li jfasslu l-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.  Għaldaqstant, il-pożizzjoni ġenerali tad-dritt tal-Unjoni hija li ma teħtieġx li l-effetti nazzjonali ta’ res judicata jitwarrbu sabiex tissewwa inkompatibbiltà ta’ sitwazzjoni suġġetta għad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma tkunx meħtieġa konklużjoni kuntrarja minn wieħed mill-prinċipji msemmija iktar ’il fuq (10).

37.      F’dan il-qafas, l-evalwazzjoni ġeneralment titwettaq b’kawtela. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament tfakkar l-importanza tal-prinċipju ta’ res judicata, li huwa ppreżentat bħala ġġustifikat fl-interess tal-istabbiltà tad-dritt u r-relazzjonijiet ġuridiċi, u mill-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (11). Bħalma ġie indikat, dan il-prinċipju jservi wkoll l-interessi tal-partijiet li l-kwistjoni tagħhom tiġi konkluża b’mod definittiv u, għalhekk, jista’ jitqies bħala garanzija li tirriżulta mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxi għall-iskop usa’ tal-interess pubbliku li jkun hemm sistema legali li s-soċjetà tista’ tafda l-istabbiltà tagħha (12).

38.      Għalhekk, rimedji straordinarji – bħal eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ res judicata – għandhom jiġu ttrattati b’kawtela. Filwaqt li l-kundizzjonijiet preċiżi tal-applikabbiltà tagħhom jistgħu jkunu differenti skont l-ordinament ġuridiku kkunsidrat, huma jirriflettu bilanċ delikat milħuq mil-leġiżlatur nazzjonali bejn l-interess ġenerali fiċ-ċertezza legali, minn naħa, u l-interess fil-kisba ta’ eżitu ġust f’ċirkustanzi speċifiċi u limitati, min-naħa l-oħra (13).

39.      It-tfassil kawt tagħhom jirrifletti l-fatt imfakkar diġà li huma jaffettwaw l-istabbiltà ta’ relazzjonijiet legali u jostakolaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali, impliċitu fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (14), li huwa kkunsidrat bħala “wieħed mill-aspetti fundamentali tal-Istat tad-dritt” (15) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal din ir-raġuni, ġie kkunsidrat li s-sentenzi definittivi għandhom jitħallew intatti sakemm ma tkunx meħtieġa konklużjoni kuntrarja minn ċirkustanzi ta’ natura sostanzjali u konvinċenti, bħall-korrezzjoni ta’ difetti fundamentali jew in-nuqqas ta’ ġustizzja (16).

40.      Dawn l-osservazzjonijiet ġenerali huma, naturalment, rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-kawża ineżami u jfissru li, sabiex tingħata risposta għaż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami, il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, li jimmiraw sabiex itejbu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu mistħarrġa fi sfond partikolarment kumpless u delikat.

2.      Ilprinċipju ta’ ekwivalenza u ddeċiżjonijiet talQorti Kostituzzjonali.

41.      Sabiex nipproponi risposta għall-ewwel domanda magħmula, ser nibda billi niddiskuti f’iktar dettall il-limiti li d-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u l-prinċipju ta’ ekwivalenza b’mod partikolari, jimponu fuq l-effetti nazzjonali ta’ res judicata (a). Wara li nindika l-qafas analitiku applikabbli, ser nidentifika l-kategorija ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali sabiex jiġu eżaminati fid-dawl tagħha. Dan l-aspett beda diskussjoni estensiva matul il-kawża ineżami (b). Fuq din il-bażi, ser nistabbilixxi r-raġunijiet li ser iwassluni sabiex nikkunsidra li d-differenzi bejn il-karatteristiċi tad-deċiżjonijiet nazzjonali rilevanti, minn naħa, u dawk tad-deċiżjonijiet preliminari interpretattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, jipprekludu l-iskattar tal-prinċipju ta’ ekwivalenza b’mod illi jkun meħtieġ li dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu raġuni ta’ liġi (ġdida) għar-rimedju straordinarju inkwistjoni (ċ).

a)      Ilprinċipju ta’ ekwivalenza u leffetti nazzjonali ta’ res judicata

42.      Kif diġà għidt, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-effetti nazzjonali ta’ res judicata.

43.      B’mod iktar speċifiku, dan il-prinċipju ma jħallix Stat Membru jistabbilixxi regoli proċedurali inqas favorevoli għal talbiet relatati ma’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għal proċedura simili bbażata fuq ksur tad-dritt nazzjonali (17). Fil-kuntest attwali, dan ifisser illi, fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi eċċezzjonijiet għall-effetti nazzjonali ta’ res judicata b’mod illi jkun possibbli li l-ksur ta’ drittijiet li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jiġu rrimedjati, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għal azzjonijiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

44.      Sabiex jiġi żgurat jekk, b’mod ġenerali, azzjoni skont id-dritt intern tistax tiġi kkunsidrata bħala simili għal azzjoni mressqa għall-protezzjoni ta’ drittijiet li jirrżultaw mid-dritt tal-Unjoni, fil-prinċipju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan, il-kawża u l-elementi essenzjali tagħhom (18).

45.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-domanda, madankollu, ma hijiex jekk iż-żewġ proċeduri inkwistjoni għandhomx jiġu kkunsidrati bħala simili (u għalhekk għandhomx jiġu rregolati minn kundizzjonijiet ekwivalenti) (19), iżda pjuttost jekk proċedura waħda għandhiex tiġi magħmula disponibbli fuq il-bażi ta’ deċiżjoni preliminari interpretattiva meta tista’ tiġi skattata minn tip speċifiku ta’ deċiżjoni ġudizzjarji nazzjonali.

46.      Fil-passat, xenarju simili wassal għas-sentenzi Impresa Pizzarotti (20), XC u Hochtief (21).

47.      Is-sitwazzjoni li tikkulmina fis-sentenza Impresa Pizzarotti kienet tinvolvi qorti nazzjonali (tal-aħħar istanza) li kellha dik li kienet tidher bħala setgħa pjuttost wiesgħa sabiex tissupplimenta s-sentenzi definittivi tagħha sabiex tirrimedja l-ksur ta’ dritt intern, permezz ta’ mekkaniżmu magħruf bħala “res judicata li tiżviluppa progressivament” (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’tali ċirkustanzi, dan il-mekkaniżmu kellu jiġi magħmul disponibbli sabiex is-sitwazzjoni terġa’ ssir konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni (fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi).

48.      Fis-sentenza Hochtief, kawża dwar għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll dikjarazzjoni pjuttost wiesgħa fis-sens li, fejn ir-regoli proċedurali jippermettu l-annullament ta’ sentenza definittiva sabiex is-sitwazzjoni tiġi magħmula kompatibbli ma’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti, fejn kemm il-qorti u l-partijiet kienu konxji minn din tal-aħħar, din il-possibbiltà għandha wkoll tipprevali sabiex is-sitwazzjoni ssir kompatibbli ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (23).

49.      Madankollu, eżami bir-reqqa tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jiżvela li dawn il-kundizzjonijiet, li kienu jippermettu l-annullament ta’ sentenza definittiva, ġew ippreżentati bħala xenarju ipotetiku li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Dan ix-xenarju huwa mmudellat sabiex jirrifletti s-sitwazzjoni li qamet f’din il-kawża li tinvolvi deċiżjoni preliminari li allegatament ġiet imwarrba fl-istadju sussegwenti tal-proċeduri li fihom ġiet mitluba. Fil-fehma tiegħi baqa’ ma ġiex speċifikat jekk ir-regoli nazzjonali li jippermettu l-annullament tal-effett ta’ res judicata attwalment jaqgħux taħt dan ix-xenarju ipotetiku (24).

50.      Finalment, fis-sentenza XC, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jiġi skattat sabiex proċess mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali minħabba ksur tal-KEDB, jiġi estiż għal allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq “[i]r-rabta funzjonali mill-qrib” bejn ir-rimedju nazzjonali inkwistjoni u l-proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB” (25)). Dan ir-rimedju fil-fatt iddaħħal fis-seħħ, essenzjalment, sabiex jimplimenta sentenzi tal-Qorti EDB mogħtija, kif nifhimha jien, f’każijiet individwalment relatati (26). Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, dawn is-sentenzi jistgħu jiġu applikati biss, u mogħtija, wara li r-rimedji nazzjonali kollha jkunu ġew eżawriti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkuntrastat din is-sitwazzjoni mal-loġika li tirregola l-eżekuzzjoni ġudizzjarja ta’ drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, liema loġika jsir użu minnha qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda skont id-dritt intern u li hija definittiva, b’mod partikolari permezz tal-mekkaniżmu tal-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari.

51.      Filwaqt li din il-ġurisprudenza naturalment tipprovdi qafas ta’ riferiment utli, l-ebda waħda mis-sentenzi msemmija fil-qosor iktar ’il fuq ma taqa’ eżattament taħt is-sitwazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami tal-implikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa neċessarjament speċifiku għall-kawża peress li jinvolvi paragun tal-karatteristiċi partikolari tar-rimedji inkwistjoni.

52.      Sabiex inkun nista’ nindirizza tali analiżi fil-kawża ineżami, issa ser niċċara t-tipi ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li għandhom jitqiesu rilevanti għal dan l-għan.

b)      Deċiżjonijiet rilevanti talQorti Kostituzzjonali

53.      Għalkemm ma huwiex speċifikat fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, isegwi li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jistgħu jiġu invokati għall-għanijiet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri skont l-Artikolu 4011 tal-KPC huma sussegwenti għad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li qiegħed jitfittex il-ftuħ mill-ġdid tagħha. Fil-fatt, kif nifhimha jiena, ir-raġunament li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 4011 tal-KPC, li għalih tirreferi din id-domanda, jinkludi l-kunċett li huwa permezz ta’ sentenza sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali li jsir evidenti li deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti hija bbażata fuq bażi illegali.

54.      Bl-istess mod, it-tliet deċiżjonijiet preliminari interpretattivi msemmija iktar ’il fuq (27), li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat bħala raġunijiet possibbli għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri inkwistjoni, ġew mogħtija sussegwenti għas-sentenza fil-kontumaċja. Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi mifhuma li qiegħda tistaqsi jekk tistax tiġi stabbilita ekwivalenza bejn is-sentenzi rispettivi tal-Qorti Kostituzzjonali, minn naħa, u d-deċiżjonijiet preliminari interpretattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, mogħtija, fiż-żewġ każijiet, sussegwenti għad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li qiegħed jitfittex l-annullament tagħha.

55.      Wara li ġie ċċarat dan, il-qorti tar-rinviju spjegat li hemm żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jistgħu jservu bħala l-bażi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri skont l-Artikolu 4011 tal-KPC. Dawn sar riferiment għalihom bħala “sentenzi sempliċi”, minn naħa, u “sentenzi interpretattivi negattivi”, min-naħa l-oħra (28).

56.      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju spjegat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, hija qiegħda tfittex kjarifika dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-prinċipju ta’ ekwivalenza fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji.

57.      Jiena ninnota s-segwenti f’dan ir-rigward.

58.      Kif spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju, fejn il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi, permezz ta’ “sentenza sempliċi”, li d-dispożizzjoni nazzjonali li tkun qiegħda tiġi mistħarrġa hija inkompatibbli ma’ att legali superjuri, hija tannulla s-saħħa ta’ liġi tad-dispożizzjoni nazzjonali li tkun qiegħda tiġi mistħarrġa.

59.      Kemm il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jidhru li jaqblu ma’ din il-fehma, u mal-fatt li “sentenza sempliċi” tal-Qorti Kostituzzjonali tikkostitwixxi raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili fuq il-bażi tal-Artikolu 4011 tal-KPC.

60.      Madankollu, jidher li hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-kategorija ta’ “sentenzi interpretattivi negattivi”.

61.      Jidher li, f’sentenza interpretattiva, il-Qorti Kostituzzjonali tadotta l-fehma dwar jekk interpretazzjoni partikolari ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex kompatibbli mal-punt ta’ riferiment partikolari għal stħarriġ. B’mod partikolari, meta tali sentenza tilħaq eżitu negattiv, bl-esklużjoni ta’ ċerta interpretazzjoni bħala illegali (“sentenza interpretattiva negattiva”), il-validità tal-att interpretat titħalla intatta.

62.      Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, filwaqt li huwa possibbli li tinvoka “sentenza interpretattiva negattiva” sabiex tiftaħ mill-ġdid proċeduri amministrattivi, il-kwistjoni dwar jekk hijiex possibbli l-istess ħaġa fir-rigward ta’ proċeduri ċivili (bħall-kwistjoni fil-kawża prinċipali) ma hijiex ċara fid-dritt Pollakk. Dik il-qorti tammetti li l-fehma prevalenti ttendi lejn tweġiba fin-negattiv. Madankollu, hija nnifisha hija tal-fehma li tweġiba fl-affermattiv hija possibbli.

63.      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnotat matul is-seduta li huwa l-Gvern Pollakk li jinsab f’pożizzjoni aqwa sabiex jevalwa l-kwistjoni. Madankollu, hija ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali huma kkunsidrati li għandhom effett vinkolanti erga omnes mingħajr ebda distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ sentenzi li tista’ tadotta din il-qorti.

64.      Il-Gvern Pollakk issottometta li “sentenza interpretattiva negattiva” ma taffettwax il-validità tad-dispożizzjoni interpretata u, għaldaqstant, ma tistax isservi bħala raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili. Fis-seduta, huwa enfasizza li l-fehma tiegħu hija bbażata fuq riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) li, fil-fehma tiegħu tirregola l-kwistjoni (29).

65.      Ninnota li l-kwistjoni dwar jekk “sentenza interpretattiva negattiva” tal-Qorti Kostituzzjonali tikkostitwixxix raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili skont l-Artikolu 4011 tal-KPC, ovvjament, ma hijiex kwistjoni li għandha tiddeċiedi dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja. Il-proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE huma bbażati fuq separazzjoni ċara ta’ funzjonijiet, f’liema kuntest il-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali. Għalhekk, l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-kontenut ta’ tali dritt ma jistgħux jiġu kkontestati f’dawn il-proċeduri (30).

66.      Għaldaqstant jiena ser nipproċedi bil-premessa adottata mill-qorti tar-rinviju, li skontha “sentenza interpretattiva negattiva” tista’ tikkostitwixxi raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili skont l-Artikolu 4011 tal-KPC u ninkludi din il-kategorija ta’ deċiżjonijiet fl-analiżi preżenti.

c)      Konsegwenzi li għandhom jinsiltu millprinċipju ta’ ekwivalenza

67.      Ser nibda l-evalwazzjoni tiegħi tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-prinċipju ta’ ekwivalenza f’din il-kawża billi niddiskuti l-għan tar-rimedju straordinarju inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ser nispjega li dan ir-rimedju jista’ jingħad li huwa marbut ma’ dik li tidher li hija fehma diretta adottata mill-Qorti Kostituzzjonali dwar l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali (inferjuri) ma’ att legali superjuri jew dwar l-illegalità ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali att legali inferjuri (i).

68.      Imbagħad jiena ser indur għall-karatteristiċi speċifiċi tad-deċiżjonijiet preliminari interpretattivi li jikkonsistu fil-provvista ta’ interpretazzjoni awtoritattiva tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ djalogu ġudizzjarju usa’ fejn il-konsegwenzi preċiżi għandhom jinsiltu, għad-dritt nazzjonali partikolari (bħala att legali inferjuri), mill-qorti nazzjonali u fejn il-forma preċiża ta’ dawn il-konsegwenzi tiddependi minn ħafna varjabbli. Din id-dimensjoni speċifika, fil-fehma tiegħi, tagħmilha estremament diffiċli sabiex dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu taħt il-loġika partikolari tar-rimedju straordinarju inkwistjoni, mingħajr ma jiġi affettwat l-imperattiv taċ-ċertezza legali (ii).

69.      Jekk id-differenza fundamentali ma għandhiex tiġi pperċepita bħala ostakolu għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ekwivalenza, ser niddiskuti, fuq bażi sussidjarja, kif il-kategorija ta’ sentenzi preliminari li possibbilment “jiskattaw” għandha tiġi ddefinita sabiex jiġi żgurat li l-konfini tal-prinċipju tal-ekwivalenza u l-imperattiv taċ-ċertezza legali jibqgħu osservati (iii). Jiena ser nespandi fuq din il-kunsiderazzjoni sussidjarja billi nindirizza l-kwistjoni tat-termini applikabbli. Dan l-aspett tal-kawża jiżvela, per se, l-isfidi fl-integrazzjoni tal-loġika ta’ deċiżjonijiet preliminari fil-mekkaniżmu tar-rimedju straordinarju inkwistjoni (iv).

i)      Lazzjonijiet skont iddritt intern inkwistjoni: lgħan tagħhom u rrabta funzjonali

70.      Mill-eżami maqsum fi tlieta ta’ għan, kawża u elementi essenzjali msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, isegwi mill-proċess li l-għan tal-proċeduri rispettivi li jistgħu jirriżultaw f’sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tista’ tiġi invokata fuq il-bażi tal-Artikolu 4011 tal-KPC huwa, b’mod ġenerali, il-kisba ta’ dikjarazzjoni dwar il-kompatibbiltà (jew l-inkompatibbiltà) – u s-segwenti validità (jew invalidità) – ta’ dispożizzjoni nazzjonali partikolari ma’ att legali superjuri, jew dikjarazzjoni li tikkonstata li ċerta interpretazzjoni ta’ dan id-dritt hija inkompatibbli ma’ att legali superjuri.

71.      Għaldaqstant, l-għan tar-rimedju straordinarju previst fl-Artikolu 4011 tal-KPC jidher li jippermetti l-annullament ta’ deċiżjoni definittiva wara li l-bażi legali li fuqha hija bbażata din is-sentenza tkun tneħħitilha s-saħħa ta’ liġi jew wara li jkun ġie ċċarat li din is-sentenza kienet ibbażata fuq interpretazzjoni mhux permessa tad-dritt nazzjonali.

72.      B’mod sempliċi, u b’eku tal-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza XC tagħha, jidher li hemm rabta funzjonali bejn ir-rimedju stabbilit fl-Artikolu 4011 tal-KPC u d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (jew ta’ illegalità tal-interpretazzjoni tagħha) li tkun ġiet invokata fil-proċeduri li jkun imfittex il-ftuħ mill-ġdid tagħhom.

73.      B’kuntrast mas-sentenza XC, madankollu, ir-rabta funzjonali hija daqsxejn iktar dgħajfa fil-kawża ineżami minħabba li, sabiex il-ftuħ mill-ġdid ikun possibbli skont l-Artikolu 4011 tal-KPC, is-sentenza “li tiskatta” tal-Qorti Kostituzzjonali ma għandhiex għalfejn tingħata f’kawża li hija individwalment marbuta mal-proċeduri li għalihom qiegħed jitfittex il-ftuħ mill-ġdid.

74.      Fil-fatt, dan ir-rimedju jidher li huwa disponibbli għal kull parti li l-kawża tagħha ġiet deċiża fuq il-bażi ta’ tad-dritt nazzjonali li sussegwentement ġiet iddikjarata illegali, sakemm ir-rikors għall-ftuħ mill-ġdid jiġi ppreżentat fit-terminu applikabbli.

75.      Għal din ir-raġuni, u b’kuntrast mas-sitwazzjoni li kkulminat fis-sentenza XC, ma jidhirx li huwa rilevanti li deċiżjoni preliminari interpretattiva tikkostitwixxi, b’mod ġenerali, mezz ex ante sabiex tiġi żgurata l-konformità qabel ma tingħata deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali definittiva. Naturalment dan japplika għal kawżi individwali li fiha tintalab tali deċiżjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-kunsiderazzjoni speċifika ma tibqax deċiżiva meta r-rabta funzjonali bejn ir-rimedju straordinarju u s-sentenza nazzjonali “li tiskatta” tal-Qorti Kostituzzjonali tiġi mwessa’ sabiex tinkludi kull sentenza sussegwenti ta’ din il-qorti li invalidat il-bażi legali inkwistjoni jew li eskludiet bħala illegali l-interpretazzjoni adottata tad-dritt nazzjonali.

76.      Dan, madankollu, ma jeżawrixxix il-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw id-deċiżjonijiet preliminari interpretattivi li għandhom jiġu kkunsidrati.

77.      Dak li jidher li huwa deċiżiv fil-kuntest tal-kawża ineżami huma d-differenzi fil-loġika li tirregola l-konsegwenzi li għandhom jittieħdu mill-kategoriji rispettivi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni.

78.      Kif nifhimha jiena, meta l-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħala inkompatibbli ma’ att legali superjuri, dan ma jħallix ħafna spazju għal diskussjoni dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn din id-dikjarazzjoni għall-att legali inferjuri kkonċernat. Kif innotat iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tiġi ddikjarata bħala inkompatibbli u tisparixxi mill-ordinament ġuridiku. Ir-rimedju straordinarju inkwistjoni sussegwentement jippermetti li dawn il-konsegwenzi jingħataw espressjoni konkreta fil-livell tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ngħataw fuq dik il-bażi legali (invalidata).

79.      L-istess osservazzjoni tista’ ssir, mutatis mutandis, dwar is-“sentenzi interpretattivi negattivi”.

80.      Minkejja li tali sentenzi jħallu intatta l-validità tad-dritt nazzjonali interpretat, l-impossibbiltà li tiġi adottata ċerta interpretazzjoni tal-att legali inferjuri inkwistjoni sseħħ, b’mod simili għal dak li jiġri bħala riżultat tas-“sentenzi sempliċi”, bħala konsegwenza diretta, mhux medjata, tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Tali deċiżjoni mbagħad tiġi “tradotta”, fil-livell tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li jadottaw tali interpretazzjoni mhux permessa tal-att legali inferjuri partikolari, bil-possibbiltà tal-annullament tagħhom permezz tar-rimedju straordinarju inkwistjoni.

81.      B’kuntrast ma’ dan, l-għan primarju tad-deċiżjonijiet preliminari interpretattivi huwa li jipprovdu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (bħala l-att legali superjuri inkwistjoni). Għalkemm, b’dan il-mod, dawn jikkostitwixxu bażi awtoritattiva li minnha għandhom jittieħdu l-konsegwenzi xierqa għar-regola ta’ dritt nazzjonali partikolari, li hija possibbilment inkompatibbli, dawn il-konsegwenzi speċifiċi għandhom jittieħdu mill-qorti nazzjonali rispettiva, ladarba tingħata d-deċiżjoni preliminari u l-proċeduri prinċipali jitkomplew. B’mod importanti, il-forma preċiża ta’ dawn il-konsegwenzi ser tiddependi, tipikament, fuq diversi varjabbli.

82.      Dan l-aspett, fil-fehma tiegħi, għandu impatt fundamentali fuq il-possibbiltà li jiġi faċilment identifikat jekk deċiżjoni preliminari partikolari hijiex, in fine, sejra tiskatta konsegwenzi legali li jistgħu jitqiesu simili għal dawk prodotti mis-sentenzi rispettivi tal-Qorti Kostituzzjonali. Dan, imbagħad, għandu implikazzjonijiet importanti għall-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet li fihom ir-rimedju straordinarju inkwistjoni, estiż bil-mod previst f’din il-kawża preżenti, ikun jista’ japplika. Ser nindirizza din il-kwistjoni f’iktar dettall iktar ’il quddiem.

ii)    Ilkaratteristiċi speċifiċi ta’ deċiżjonijiet preliminari interpretattivi rilevanti għallkawża ineżami

83.      Kif diġà ġie nnotat fil-qosor, l-għan ġenerali tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari (interpretattiva) huwa li tipprovdi lill-qrati nazzjonali bil-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu t-tilwimiet quddiemhom (l-għan mikro tagħha) u, bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni madwar l-Unjoni (l-għan makro tagħha) (31).

84.      B’mod importanti, l-għoti ta’ deċiżjoni preliminari jseħħ f’kuntest usa’ ta’ djalogu ġudizzjarju kkostitwit mill-proċeduri ta’ deċiżjoni preliminari u li fih ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa kkumplimentat mill-intervent sussegwenti tal-qorti tar-rinviju rispettiva: filwaqt li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn din l-interpretazzjoni għall-kawża speċifika huma r-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali, li jaġixxu skont il-prinċipju ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni (32).

85.      Barra minn hekk, fejn jiġi identifikat kunflitt bejn dritt tal-Unjoni u dritt nazzjonali, is-soluzzjoni tiegħu tkun tiddependi fuq diversi varjabbli.

86.      Min-naħa tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, l-inkompatibbiltà identifikata tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ser tirriżulta fit-twarrib tad-dritt nazzjonali tiddependi min-natura speċifika tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni (bħall-applikabbiltà tagħha f’relazzjonijiet orizzontali jew l-effett dirett tagħha fir-rigward ta’ dawk vertikali, meħud inkunsiderazzjoni li l-effett dirett huwa l-kundizzjoni għall-possibbiltà li d-dritt tal-Unjoni jobbliga t-twarrib ta’ dritt nazzjonali) (33).

87.      Min-naħa tad-dritt nazzjonali, il-kwistjoni dwar jekk l-inkompatibbiltà identifikata hijiex ser twassal għall-inaplikabbiltà effettiva tad-dritt nazzjonali ser tiddependi mill-għażliet interpretattivi taħt l-ordinament ġuridiku partikolari. Fil-fatt, anki fejn, in fine, isegwi minn deċiżjoni preliminari li ċerta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan ma jkunx neċessarjament ifisser it-tmiem tal-“ħajja legali” tagħha peress illi l-qorti nazzjonali tista’ ssib mezz kif tinterpretaha f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Bħala prinċipju, din il-possibbiltà għandha tiġi kkunsidrata l-ewwel, u huwa biss meta hija ma tippermettix li l-inkompatibbiltà tiġi riżolta li l-liġi inkompatibbli inkwistjoni għandha titwarrab (fejn tali azzjoni hija meħtieġa bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni) (34).

88.      Din il-loġika hija kuntrarja, fil-fehma tiegħi, pjuttost b’mod ċar għal-loġika li tirregola ż-żewġ kategoriji rilevanti tas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali. Kif diġà spjegajt, fejn tali sentenzi jidentifikaw inkompatibbiltà, dawn jispeċifikaw ukoll direttament il-konsegwenzi speċifiċi li għandhom jittieħdu għall-att legali inferjuri partikolari (jiġifieri, l-invalidità tiegħu jew l-impossibbiltà li tiġi adottata ċerta interpretazzjoni).

89.      Nixtieq inżid li din id-differenza ma hijiex affettwata mill-fatt li ż-żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li qegħdin jiġu pparagunati jidher li jipproduċu effetti erga omnes (35).

90.      Tali prima facie element komuni wassal għal ċerta diskussjoni matul is-seduta (36).

91.      Madankollu, l-imsemmija żviluppi jikxfu, fil-fehma tiegħi, li t-termini tal-effetti erga omnes għandhom – fiż-żewġ każijiet li qegħdin jiġu pparagunati – sens u konsegwenzi fundamentalment differenti. B’mod importanti, il-fatt li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji riżultanti huma, fiż-żewġ każijiet, ġeneralment vinkolanti ma jidhirx li jiċċara l-mod li bih jinteraġixxu mall-att legali inferjuri inkompatibbli.

92.      Id-differenza li identifikajt iktar ’il fuq f’dan ir-rigward għandha, fil-fehma tiegħi, impatt importanti fuq il-possibbiltà li jiġu antiċipati, (abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni ġudizzjarja biss), is-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom ikun japplika r-rimedju straordinarju inkwistjoni jekk id-deċiżjonijiet preliminari interpretattivi kellhom jiskattawh: dan jista’ jkun il-każ f’ċerti każijiet, iżda mhux neċessarjament f’oħrajn.

93.      Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ekwivalenza f’dawn iċ-ċirkustanzi jġib miegħu il-prezz mhux negliġibbli ta’ inqas ċertezza legali. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet “li jiskattaw” tkun teħtieġ analiżi intermedja separata (bil-possibbiltà tal-bżonn li jinstemgħu l-partijiet), dwar jekk deċiżjoni preliminari partikolari tipproduċix konsegwenzi in fine li jistgħu jitqiesu kumparabbli għal dawk skattati minn kwalunkwe waħda mis-sentenzi rilevanti tal-Qorti Kostituzzjonali.

94.      Madankollu, jekk il-ħtieġa li ssir tali diskussjoni ma titqiesx bħala ostakolu għall-prinċipju tal-ekwivalenza jiġi “attivat”, ser niddiskuti iktar ’il quddiem, fuq bażi sussidjarja, kif il-kategorija ta’ deċiżjonijiet preliminari li possibbilment “jiskattaw” għandha tiġi ddefinita sabiex jiġi żgurat li l-konfini tal-prinċipju tal-ekwivalenza u l-imperattiv taċ-ċertezza legali, jibqgħu osservati.

iii) Kjarifika sussidjarja talkategorija rilevanti taddeċiżjonijiet preliminari interpretattivi “li jiskattaw”

95.      L-ewwel, għandu jiġi deċiż jekk il-kategorija rilevanti ta’ deċiżjonijiet preliminari interpretattiva għandhiex tkun dawk li jwasslu għal konklużjoni li dispożizzjoni partikolari tad-dritt nazzjonali għandha tiġi mwarrba jew dawk li (sempliċement) iwasslu għall-esklużjoni ta’ ċerta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

96.      It-tweġiba għal din il-mistoqsija x’aktarx tiddependi fuq jekk il-kumparatur nazzjonali rilevanti huwiex is-“sentenza sempliċi” jew is-“sentenza interpretattiva negattiva” tal-Qorti Kostituzzjonali. Infakkar li, jsegwi mill-proċess li, filwaqt li l-ewwel kategorija tinvalida l-att legali inferjuri inkompatibbli, it-tieni waħda sempliċement teskludi mod wieħed ta’ interpretazzjoni tiegħu.

97.      Tweġiba diretta għal din il-mistoqsija jidher li hija li l-konsegwenzi possibbli ta’ deċiżjoni preliminari qatt ma jaqgħu preċiżament taħt l-ewwel kategorija (minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tista’ tinvalida dritt nazzjonali) (37), filwaqt li jistgħu jikkorrispondu, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, għat-tieni waħda (38).

98.      Din id-delimitazzjoni tista’, madankollu, ma tkunx totalment konvinċenti. Jiena ninnota li deċiżjoni preliminari interpretattiva tista’ twassal għall-inapplikabbiltà effettiva tad-dritt nazzjonali. Għalhekk wieħed jista’ jsostni li, finalment, ma hemmx differenza kbira bejn id-dikjarazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħala “mejta”, minn naħa, u li tinżamm “ħajja”, filwaqt li titneżża’ mill-possibbiltà attwali tagħha li tirregola relazzjonijiet soċjali, min-naħa l-oħra.

99.      Barra minn hekk, ladarba jiġi ddeterminat (kuntrarjament għas-suġġeriment prinċipali tiegħi fit-taqsima preċedenti) li l-assenza ta’ konsegwenzi legali (għad-dritt intern) li kieku jikkostitwixxu riżultat mhux medjat ta’ deċiżjoni preliminari ma tipprekludix l-iskattar tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-istess x’aktarx għandu jingħad dwar id-differenza bejn l-invalidazzjoni (diretta) tad-dritt nazzjonali u t-twarrib ta’ dan id-dritt (li, barra minn hekk, jista’ jwassal għat-tħassir effettiv tiegħu mil-leġiżlatur nazzjonali fi stadju sussegwenti).

100. Finalment, għandu jitfakkar ukoll li l-paragun tar-rimedji jew sentenzi rispettivi għall-għan tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk dawn ir-rimedji jew sentenzi humiex simili. Sabiex jiġi skattat il-prinċipju tal-ekwivalenza, dawn m’għandhomx ikunu l-istess.

101. Madankollu, filwaqt li dan l-approċċ jidher li ma għandux problemi fil-kuntest ta’ rimedji ordinarji, jiena nikkunsidra li għandu jiġi użat b’iktar trażżin fil-każ ta’ rimedji straordinarji minħabba l-fatt li tali rimedji jaffettwaw prinċipji fundamentali bħal res judicata u ċ-ċertezza legali.

102. Għalhekk, id-differenza fil-konsegwenzi legali preċiżi għall-att legali inferjuri inkwistjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tkun importanti li jfisser, f’dan il-kuntest partikolari, li l-kumparatur nazzjonali rilevanti għandu jkun limitat għas-“sentenza interpretattiva negattiva” minflok dik “sempliċi”.

103. Barra minn hekk, u għall-istess raġunijiet, id-deċiżjonijiet preliminari komparabbli għandhom jiġu limitati iktar għal dawk li jwasslu għall-esklużjoni ta’ ċerta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li madankollu ma jaslux sabiex jobbligaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħha. Fil-fatt, din tkun kategorija differenti, iktar invażiva, ta’ konsegwenza legali li “sentenza interpretattiva negattiva” ma jidhirx li tipproduċi.

104. It-tieni, il-kategorija rilevanti ta’ deċiżjonijiet preliminari tista’, fil-fehma tiegħi, tinkludi biss dawk li jikkonċernaw eżattament l-istess leġiżlazzjoni bħal dik invokata mis-sentenza definittiva li qiegħed jitfittex l-annullament tagħha. Kwalunkwe definizzjoni usa’ tal-kumparatur rilevanti tmur lil hinn mill-iffukar speċifiku fuq il-kategorija rilevanti tas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali (u taffettwa, f’dan ir-rigward ukoll, l-imperattiv taċ-ċertezza legali).

105. Fil-fatt, dawn is-sentenzi jidhru li jikkonċernaw att speċifiku jew dispożizzjoni speċifika tad-dritt nazzjonali. Kif nifhimha jien, ma huwiex possibbli li jsir rikors b’suċċess għar-rimedju straordinarju inkwistjoni b’analoġija, jiġifieri, bl-invokazzjoni ta’ allegata invalidità, jew interpretazzjoni allegatament inkompatibbli ta’ dispożizzjoni nazzjonali li hija differenti minn (għalkemm simili għal) dik li ġiet effettivament eżaminata mill-Qorti Kostituzzjonali.

106. It-tielet, minħabba li l-għan innifsu ta’ “sentenzi interpretattivi” huwa li tittieħed pożizzjoni dwar jekk interpretazzjoni partikolari tad-dritt intern hijiex kompatibbli ma’ att legali superjuri, jiena nifhem li tweġiba għal din il-mistoqsija hija riflessa fid-dispożittiv tagħhom, bħalma l-Gvern Pollakk essenzjalment spjega matul is-seduta.

107. Filwaqt li l-osservanza tal-prinċipju tal-ekwivalenza (u, għal darba oħra, l-imperattiv taċ-ċertezza legali) tkun teħtieġ li l-kategorija rilevanti ta’ deċiżjonijiet preliminari interpretattivi tiġi ddelimitata bl-istess mod, tali delimitazzjoni tista’ twassal għal riżultati arbitrarji fid-dawl tal-loġika li tirregola dawn id-deċiżjonijiet.

108. Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’xi każijiet, tagħmel l-osservazzjoni rilevanti fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, tali osservazzjoni tista’, f’każijiet oħra, tirriżulta mir-raġunament tagħha. Dan jirrifletti l-fatt li l-għan primarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet huwa li jipprovdu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-iffukar preċiż tagħhom jiddependi fuq il-mod li bih huma fformulati d-domandi, kif ukoll fuq l-elementi speċifiċi tal-kuntest legali u fattwali nazzjonali.

109. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva jinkludu l-aspett kruċjali tat-termini. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ determinazzjoni ċara tal-mument li fih jibdew jiddekorru. Fil-kawża ineżami, dan il-mument jidher li huwa l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti tal-Qorti Kostituzzjonali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju jidher li tikkunsidra li tista’ tinvoka kwalunkwe waħda minn tliet deċiżjonijiet preliminari differenti sabiex possibbilment taċċetta r-rikors għal ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri li jinsabu quddiemha. Dan l-approċċ waħdu jikxef, fil-fehma tiegħi, l-isfidi fl-integrazzjoni tal-loġika ta’ deċiżjonijiet preliminari fil-mekkaniżmu tar-rimedju straordinarju inkwistjoni.

iv)    Liema element millġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa deċiżiv għallkunsiderazzjoni tallimiti applikabbli?

110. Il-qorti tar-rinviju identifikat tliet deċiżjonijiet preliminari interpretattivi (Profi Credit Polska I, Profi Credit Polska II u Kancelaria Medius) li, fil-fehma tagħha, juru li s-sentenza fil-kontumaċja ngħatat bi ksur tar-regoli nazzjonali li jittrasponi l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13. Infakkar li l-allegat ksur jikkonsisti mill-fatt li l-Qorti Distrettwali tat din is-sentenza mingħajr ma stħarrġet il-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni u, mingħajr ma kienu disponibbli għaliha, hija ma talbitx li huma jiġu pprovduti.

111. Filwaqt li ċertament naqbel mal-qorti tar-rinviju li l-ġurisprudenza hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom ingħatat is-sentenza fil-kontumaċja, u li din tista’ twassal għall-konklużjoni ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju (39), jiena tal-fehma li waħda minnhom biss (Kancelaria Medius) attwalment tissodisfa l-parametri li ssuġġerixxejt, fuq bażi sussidjarja, fit-taqsima preċedenti. Madankollu, din id-deċiżjoni preliminari ma hijiex l-ewwel waħda li jista’ jingħad li tippermetti li jinsiltu konsegwenzi simili.

112. Biex nispjega, fis-sentenza tagħha Kancelaria Medius, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 93/13 bħala li teskludi ċerta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali (40) li, kif tindika l-Kummissjoni, jidher li hija l-istess bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (41). Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni tinsab fid-dispożittiv tad-deċiżjoni (u anki jekk il-leġiżlazzjoni inkompatibbli ma hijiex identifikata nominalment hemm, hija tinsab f’partijiet oħra tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).

113. Iktar speċifikament, isegwi minn din is-sentenza li, fejn il-qorti nazzjonali għandha dubji dwar in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali filwaqt li ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha dokument li jirreġistrahom, hija għandha tkun f’pożizzjoni li titlob li tali dokument jiġi pprovdut (sabiex twettaq stħarriġ ta’ dawn il-klawżoli (42)).

114. Għalkemm din il-konstatazzjoni jidher li taqa’ sew taħt is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, din is-sentenza fil-fatt tibni fuq ġurisprudenza preċedenti, inkluż (iżda mhux limitatament għalihom) iż-żewġ sentenzi l-oħra identifikati mill-qorti tar-rinviju.

115. L-ewwel, fis-sentenza tagħha Profi Credit Polska I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva 93/13 tipprekludi regoli nazzjonali li jagħmluha impossibbli għall-qorti nazzjonali li tistħarreġ, ex officio, il-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli kuntrattwali f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi, jekk ir-regoli ddettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt li tiġi ppreżentata oġġezzjoni kontra ordni għall-ħlas ikunu, fil-qosor, restrittivi wisq. In casu, in-natura partikolarment restrittiva tar-regoli applikabbli wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li dan kien fil-fatt il-każ (43).

116. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li, minkejja li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax ordni għal ħlas (u għalhekk l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali), il-kundizzjonijiet li taħthom is-sentenza fil-kontumaċja inkwistjoni tista’ tiġi kkontestata huma restrittivi b’mod simili.

117. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament indirizzat il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-impossibbiltà għall-qorti nazzjonali li tipproċedi għall-istħarriġ ex officio fis-sentenza Profi Credit Polska II billi għamlitha ċara li l-qorti nazzjonali li jkollha dubji dwar in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali tista’ titlob il-produzzjoni tad-dokumenti rilevanti (44).

118. It-tielet, in-natura obbligatorja ta’ tali approċċ proattiv kienet, fil-fehma tiegħi, iddikjarata fis-sentenza Lintner (mogħtija qabel is-sentenza Kancelaria Medius (45)).

119. Wara li ġew ikkunsidrati dawn l-elementi ta’ ġurisprudenza, liema sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi aċċertat jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ġiex osservat?

120. F’dan il-punt, nikkunsidra utli li nfakkar li fil-kawża ineżami l-Kummissjoni sostniet favur il-konstatazzjoni ta’ ekwivalenza bejn “sentenza interpretattiva negattiva” u deċiżjoni preliminari interpretattiva. Madankollu, hija żiedet ukoll li dan għandu jkun il-każ biss fejn il-konklużjoni dwar l-inkompatibbiltà ta’ dritt nazzjonali hija ċara.

121. Tali standard ta’ ċarezza x’aktarx li l-aħjar jiġi assoċjat mas-sentenza Kancelaria Medius. Madankollu, kif għadni kemm spjegajt, din is-sentenza (mogħtija, għal kull fini utli, mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali) (46), hija ċertament mhux l-ewwel waħda li indirizzat il-kwistjoni ġenerali li rriżultat fil-kawża prinċipali.

122. Ninnota li, skont l-informazzjoni fil-proċess, rikors għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri għandu jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tas-sentenza rispettiva tal-Qorti Kostituzzjonali (47).

123. Jiena ninferixxi mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li FY ippreżentat ir-rikors tagħha approssimament disa’ xhur wara l-għoti tas-sentenza Profi Credit Polska I, li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jaf wassal biex ir-rikors tagħha jkun sitt xhur tard. X’aktarx huwa għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-possibbiltà li tidentifika l-allegat nuqqas tas-sentenza fil-kontumaċja fuq il-bażi wkoll tas-sentenzi sussegwenti f’Profi Credit Polska II jew Kancelaria Medius (mogħtija separatament u approssimament 4 jew 12‑il xahar wara l-preżentata tar-rikors ta’ FY).

124. Għandi ngħid li dawn il-kunsiderazzjonijiet ifixkluni xi ftit peress illi, fil-fehma tiegħi, huwa diffiċli li jiġi ammess li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jwassal għal riżultat li fih jista’ jibda jiddekorri t-terminu inkwistjoni ma’ kull deċiżjoni preliminari ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara iżjed il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mid-dritt tal-Unjoni għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt intern.

125. Infakkar li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri inkwistjoni fil-kawża preżenti jikkostitwixxi rimedju straordinarju li, min-natura tiegħu, huwa eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ res judicata. Sabiex jinżamm il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-kundizzjonijiet li skonthom għandu japplika tali rimedju għandhom għalhekk ikunu ddefiniti b’mod ċar sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà, inkluż perijodu ta’ żmien speċifiku li fih jista’ jiġi mitlub tali rimedju.

126. Dan ir-rekwiżit għalhekk jagħmel neċessarju li tiġi ddeterminata l-ewwel deċiżjoni preliminari fiż-żmien li tippermetti konklużjoni li sentenza definittiva invokat interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, u għar-raġunijiet li identifikajt iktar ’il fuq, dan jista’ jkun pjuttost diffiċli jekk dak li jkun imfittex ikun l-istess livell ta’ ċarezza nominali fir-rigward ta’ liema liġi hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u liema huma l-konsegwenzi preċiżi ta’ tali konstatazzjoni.

127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li nissuġġerixxi għall-ewwel domanda preliminari hija li l-prinċipju ta’ ekwivalenza, bħala wieħed mill-manifestazzjonijiet tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ma jobbligax id-disponibbiltà ta’ rimedju straordinarju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili fuq il-bażi ta’ sentenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali (i) li tiddikjara dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, invokata f’dawn il-proċeduri, bħala inkompatibbli ma’ att legali superjuri u għaldaqstant invalida, jew (ii) li tiddikjara interpretazzjoni partikolari ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, invokata f’dawn il-proċeduri, bħala inkompatibbli ma’ att legali superjuri, li tkun disponibbli wkoll fuq il-bażi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE u li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

3.      Linterpretazzjoni f’konformità maddritt talUnjoni (u kunsiderazzjonijiet usa’ ta’ effettività u ekwivalenza)

128. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jfissirx li r-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili previst fl-Artikolu 401(2) tal-KPC għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jinkludi, fil-kunċett legali taċ-“ċaħda illegali ta’ parti mill-possibbiltà li taġixxi”, il-ksur mill-qorti nazzjonali tal-obbligu tagħha li tistħarreġ, ex officio, jekk il-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi humiex ġusti.

129. Sabiex nipprovdi risposta utli għat-tieni domanda preliminari, ser nibda billi nispjega r-raġunijiet li x’aktarx wasslu għal din id-domanda fl-ewwel lok. Tali eżerċizzju jeħtieġ ħarsa eqreb lejn l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju dwar il-fehma tal-kunċett legali taċ-“ċaħda illegali ta’ parti mill-possibbiltà li taġixxi” (a).

130. Bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tat-tieni domanda, imbagħad ser nispjega li l-eżitu preċiż li jista’ jinkiseb minn interpretazzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni huwa kwistjoni li taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (b).

131. B’mod importanti, sabiex dan il-metodu ta’ interpretazzjoni jsir rilevanti, l-ewwel għandu jiġi aċċertat x’inhi r-regola preċiża tal-Unjoni li għandha tiġi żgurata l-konformità magħha. F’dan ir-rigward, id-domanda tal-qorti tar-rinviju jidher li hija bbażata fuq il-premessa li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu rimedju straordinarju li jippermetti l-ikkontestar ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva adottata fl-assenza ta’ eżami tal-klawżoli kuntrattwali ta’ kuntratt konkluż mal-konsumaturi. Fl-assenza ta’ regola speċifika tad-dritt tal-Unjoni f’dan is-sens, ser neżamina l-premessa tal-qorti tar-rinviju billi neżamina huwiex possibbli li nisiltu l-eżistenza tagħha mill-prinċipju ta’ ekwivalenza (c) jew il-kunsiderazzjoni ta’ effettività (d).

a)      Ilkunċett taċċaħda illegali ta’ parti millpossibbiltà li taġixxi

132. Isegwi mill-proċess li sitwazzjoni fejn parti tkun ġiet illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li taġixxi tikkostitwixxi, fid-dritt Pollakk, raġuni separata għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ċivili. Din tissemma fl-Artikolu 401(2) tal-KPC, flimkien mar-raġunijiet li jikkonċernaw persuna li “ma kellhiex il-kapaċità tkun parti jew il-kapaċità li taġixxi fi proċeduri tal-qorti, jew ma kinitx debitament irrappreżentata”.

133. Dawn ir-raġunijiet huma relatati, skont il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 401(2) tal-KPC, mal-invalidità tal-proċeduri u għalhekk, kif nifhimha jiena, ma’ ċerti nuqqasijiet proċedurali li affettwaw il-proċeduri magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva (48). F’dan il-kuntest, il-lista ta’ nuqqasijiet proċedurali li jistgħu jwasslu għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, kif previst fl-Artikolu 401(2) tal-KPC, tidher li hija relattivament qasira, li, jista’ jingħad, huwa minħabba n-natura eċċezzjonali tar-rimedji straordinarji b’mod ġenerali (49).

134. Il-qorti tar-rinviju tispjega li x-xenarju speċifiku ta’ ċaħda illegali tal-possibbiltà li parti taġixxi jkopri sitwazzjoni fejn parti ma setgħetx tipparteċipa fi proċeduri partikolari, jew f’parti sostanzjali minnhom, minħabba ksur ta’ regoli proċedurali mwettqa mill-qorti jew mill-parti tal-opponent.

135. Fl-istess sens, il-Gvern Pollakk spjega fis-seduta li ċaħda illegali tal-possibbiltà li parti taġixxi tipikament isseħħ meta l-konvenut ma jkunx ġie debitament innotifikat bil-proċeduri li jkunu nfetħu kontrih.

136. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li dan il-kunċett ġie applikat mill-Qorti Suprema fejn il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ntalab fuq il-bażi ta’ deċiżjoni (sussegwenti u fattwalment marbuta) tal-Qorti EDB li kkonkludiet li kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit fl-Artikolu 6(1) KEDB (50).

137. Fl-assenza ta’ iktar informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju, u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jiena nifhem li din il-konklużjoni saret minħabba n-nuqqas tal-qorti nazzjonali li timmotiva ċ-ċaħda ta’ talba għal għajnuna legali mressqa minn parti fir-rigward tal-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni (li għalih kienet obbligatorja r-rappreżentanza legali). Jiena nifhem ukoll li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet ikkunsidrata li timpedixxi l-possibbiltà tal-lanjant li juża dan ir-rimedju proċedurali.

138. Dan l-element ta’ ġurisprudenza nazzjonali jidher li jwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi jekk ir-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid inkwistjoni għandux jiġi interpretat (ukoll) b’mod wiesa’ sabiex jiġi kkumpensat nuqqas, mill-qorti nazzjonali, li teżamina ex officio l-legalità tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi, bi ksur tar-rekwiżiti ddikjarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni tistax tkun obbligatorja minħabba l-prinċipju li skontu d-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Issa ser nindirizza din il-kwistjoni.

b)      Lobbligu li ddritt nazzjonali jiġi interpretat f’konformità maddritt talUnjoni u llimiti talġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

139. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw “id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, b’mod li l-applikazzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (51). Filwaqt li, għal dan l-għan, il-qrati nazzjonali għandhom, fil-qosor, jużaw il-mezzi kollha possibbli pprovduti fl-ordinament ġuridiku partikolari għal dan l-għan, dan il-metodu ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun contra legem (52).

140. Isegwi minn din id-deskrizzjoni li, filwaqt li l-metodu ta’ interpretazzjoni konformi jimmira li jiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni (53), l-użu tiegħu, u l-identifikazzjoni tal-limiti tiegħu, neċessarjament jitħallew f’idejn il-qrati nazzjonali, fuq il-bażi tal-gwida li tista’ tipprovdi l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn fattibbli, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-proċess (54).

141. Fil-fatt, skont is-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, u l-qrati nazzjonali, min-naħa l-oħra, fil-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tat-tieni waħda (55). Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel konstatazzjoni formali dwar jekk eżitu interpretattiv speċifiku fil-livell nazzjonali huwiex obbligatorju minħabba l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, peress illi l-kwistjoni dwar jekk konformità mad-dritt tal-Unjoni tistax tintlaħaq b’dan il-mod tiddependi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt intern inkwistjoni u fuq l-“elastiċità interpretattiva” tagħha.

142. Madankollu, sabiex tipprovdi għajnuna lill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju, almenu għar-rilevanza tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi li jiġi kkonfermat, sabiex jiġi ddeterminat, fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, x’inhi il-“miżura ta’ legalità” preċiża li għandha tiġi żgurata konformità magħha.

143. F’dan ir-rigward, it-tieni domanda preliminari jidher li hija bbażata fuq il-premessa li d-dritt tal-Unjoni, speċifikament l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, jeħtieġu l-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili magħluqa minn sentenza definittiva sabiex jiġi rrimedjat l-allegat nuqqas tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità tal-klawżoli f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi. Peress li ma jidhirx li hemm xi bażi legali speċifika għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ċivili fid-dritt nazzjonali applikabbli li tissodisfa tali xenarju, il-qorti tar-rinviju qiegħda tikkontempla interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 401(2) tal-KPC sabiex tinkludiha.

144. Skont il-fehmiet li ġew espressi, essenzjalment, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni, jiena nosserva li l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ qorti nazzjonali li tipproċedi għal stħarriġ ex officio tat-termini f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi bla dubju jtejjeb l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement enfasizzat li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jistabbilixxu proċeduri interni sabiex jeżaminaw jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta, filwaqt li josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività(56).

145. Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fid-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr eżami ulterjuri, li n-nuqqas tal-qorti nazzjonali li tosserva wieħed mir-rekwiżiti tal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, fi proċeduri magħluqa minn sentenza definittiva, iwassal għall-konklużjoni awtomatika li l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu rimedju straordinarju sabiex jippermettu l-annullament ta’ tali sentenza definittiva.

146. Tali obbligu, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi stabbilit biss bħala riżultat tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jew fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-effettività tad-drittijiet miksuba mid-dritt tal-Unjoni. Jiena ser neżamina dawn l-aspetti wara xulxin fiż-żewġ taqsimiet iktar ’il quddiem.

c)      Kunsiderazzjoni talprinċipju ta’ ekwivalenza

147. Kif diġà ġie mfakkar fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu ċerti regoli proċedurali inqas favorevoli għal talbiet relatati ma’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għal talbiet simili fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt nazzjonali.

148. F’dan il-kuntest, u kif tfakkar il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament spjegat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (li essenzjalment jobbliga li klawżoli inġusti ma jkunux vinkolanti fuq il-konsumaturi) jikkostitwixxi “regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fis-sistema legali nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku” (57). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll (fi kwistjonijiet tal-konsumaturi u b’mod iktar ġenerali) li “l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali sabiex tiġi mistħarrġa ex officio regola tad-dritt [tal-Unjoni] ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni ex officio ta’ regoli tal-istess grad tad-dritt nazzjonali” (58).

149. Għalhekk, jekk jiġi stabbilit li r-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ċivili bbażata fuq iċ-ċaħda tal-parti mill-possibbiltà li taġixxi hija applikata, fid-dritt intern, sabiex tkopri nuqqasijiet tal-qrati nazzjonali li jqajmu, ex officio, kwistjonijiet ta’ politika pubblika, mela l-prinċipju ta’ ekwivalenza jiġi skattat sabiex jagħmel dik ir-raġuni applikabbli wkoll għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali (59).

150. Madankollu, nixtieq nenfasizza li l-informazzjoni disponibbli fil-proċess ma tindikax li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 401(2) tal-KPC, kif għadha kemm ġiet indikata, fil-fatt ġiet aċċettata. Għaldaqstant, il-possibbiltà li jkun meħtieġ li jiġi skattat il-prinċipju ta’ ekwivalenza f’dawn iċ-ċirkustanzi tibqa’ sitwazzjoni ipotetika li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika.

d)      Effettività talprotezzjoni taddritt talkonsumaturi li ma jiġux marbuta b’klawżoli kuntrattwali inġusti

151. Fuq il-bażi tal-premessa impliċita fid-domanda tal-qorti tar-rinviju, kif spjegat fil-punt 143 iktar ’il fuq, tqum il-mistoqsija dwar jekk l-effettività tad-drittijiet li l-konsumaturi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, u speċifikament mid-Direttiva 93/13, teħtieġx li jsir disponibbli rimedju straordinarju meta jiġi allegat li dawn id-drittijiet ma ġewx protetti b’mod xieraq. Dan jinkludi sitwazzjonijiet – għal dak li huwa rilevanti hawn – fejn huwa allegat li l-qorti nazzjonali naqset milli twettaq eżami ex officio tal-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli kuntrattwali f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi.

152. Fil-fehma tiegħi, huwa pjuttost sensibbli li ssir din il-mistoqsija fid-dawl tal-protezzjoni pjuttost estensiva li sa issa kienet ipprovduta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja lid-drittijiet tal-konsumaturi fid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 93/13.

153. F’dik li llum hija ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dawn tal-aħħar b’mod li jimplika obbligu tal-qrati nazzjonali li jistħarrġu, ex officio, jekk klawżoli fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi humiex inġusti. Mingħajr ma hemm ħtieġa li nidħol fid-dettalji ta’ din il-ġurisprudenza (60), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkonfermat li dan l-obbligu huwa kontinġenti fuq il-fatt li l-qorti nazzjonali jkollha il-“punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan” (61). Hija kkonfermat ukoll, f’sentenzi sussegwenti, li meta l-qorti nazzjonali ma għandhiex disponibbli dawn l-elementi rilevanti (iżda jkollha dubji dwar il-ġustizzja tal-klawżoli inkwistjoni), hija għandha tkun f’pożizzjoni fejn tista’ titlob li dawn jiġu pprovduti (62).

154. L-aspetti rispettivi tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jadottaw tali approċċ proattiv ġew progressivament misluta mill-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 li jobbligaw, essenzjalment, li lill-Istati Membri jiżguraw klawżoli kuntrattwali inġusti ma jkunux vinkolanti fuq il-konsumaturi u li jipprovdu “mezzi adegwati u effettivi” sabiex jipprekludu l-użu kontinwu ta’ tali klawżoli.

155. Ma hemm l-ebda dubju li l-obbligi riżultanti imposti fuq il-qrati nazzjonali obbligaw, f’xi ordinamenti ġuridiċi, aġġustament importanti għar-rwol tal-imħallef kif ipperċeput li, f’tilwim ċivili, ikun ġeneralment mistenni li jbaxxi rasu għall-allegazzjonijiet fattwali tal-partijiet. Ma hemm ukoll l-ebda dubju dwar il-fatt li l-livell ta’ protezzjoni attwalment meħtieġ jista’ jkun differenti mir-rekwiżiti f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni fejn il-partijiet privati jistgħu wkoll isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà (63).

156. Dawn ir-rekwiżiti speċifiċi, u f’xi każijiet ġodda imposti, għal qrati nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi issa jidhru li huma pjuttost magħrufin sew u integrati.

157. Madankollu, filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara, fil-fehma tiegħi, li l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi għandu, bħala prinċipju, iseħħ f’xi stadju tal-proċeduri, jiena nikkunsidra li l-konsegwenzi tal-assenza ta’ tali stħarriġ għad-deċiżjoni ġudizzjarja riżultanti (li saret definittiva) huma differenti. B’mod partikolari, u għalkemm tali assenza tista’, f’ċerti każijiet, tipprevjeni l-effett ta’ res judicata,  dan ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li dak l-effett jista’ jkollu bżonn jiġi mwarrab f’sitwazzjonijiet fejn il-klawżoli f’kuntratt ma’ konsumatur ma ġewx mistħarrġa (i). Madankollu, jiena tal-fehma wkoll li l-kundizzjonijiet restrittivi li skonthom is-sentenza fil-kontumaċja, li hija inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, setgħet tiġi kkontestata jfissru li l-konsumatur affettwat għandu jkollu rimedju disponibbli sabiex jirrettifika s-sitwazzjoni riżultanti. Dan ir-rimedju jista’ jieħu l-forma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, jekk tali riżultat jista’ jinkiseb permezz ta’ interpretazzjoni konformi, iżda mhux neċessarjament għandu jieħu din il-forma (ii).

i)      Kunsiderazzjonijiet ta’ effettività u leffetti nazzjonali ta’ res judicata

158. Skont dak li diġà semmejt iktar ’il fuq, il-pożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni vis-à-vis l-effetti nazzjonali ta’ res judicata hija li ma hemm l-ebda obbligu ġenerali li jkun jeħtieġ li jiġu kkontestati deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li jiksru d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiġi stabbilit rimedju legali speċifiku (64).

159. Huwa madankollu veru li f’diversi kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat konklużjoni kuntrarja fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ effettività li għandha tiġi żgurata vis-à-vis xi regoli tad-dritt tal-Unjoni.

160. Dan seħħ, l-ewwel, f’sitwazzjoni fejn deċiżjoni nazzjonali definittiva li tikser id-dritt tal-Unjoni pprekludiet l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment u, bħala riżultat, affettwat id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan il-qasam (65).

161. It-tieni, dan seħħ ukoll fejn l-effetti nazzjonali ta’ res judicata ġew iddefiniti b’mod tant wiesa’ li sar strutturalment impossibbli li jinkisbu riżultati konformi mad-dritt tal-Unjoni f’każijiet oħra simili. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni f’kawżi li jinvolvu l-VAT u, għal darba oħra, l-għajnuna mill-Istat (66).

162. L-ebda waħda miż-żewġ kategoriji ta’ sitwazzjonijiet (kemm mill-perspettiva tal-qasam kopert jew, iktar importanti, id-diffikultajiet strutturali li jirriżultaw), ma jidhru rilevanti għall-kawża prinċipali.

163. It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ pjuttost ristrett għall-effetti nazzjonali ta’ res judicata fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod iktar speċifiku, hija għamlitha ċara li l-iżgurar tal-protezzjoni effettiva tad-dritt tal-konsumaturi li ma jkunux marbuta b’klawżoli kuntrattwali meqjusa inġusti skont id-Direttiva 93/13 jeħtieġ li l-effetti nazzjonali ta’ res judicata jiġu mwarrba fl-istadju ta’ appell tal-proċeduri ordinarji jew matul proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

164. Fir-rigward tal-ewwel aspett, fis-sentenza tagħha Unicaja Banco (67), il-Qorti tal-Ġustizzja obbligat it-twarrib tan-natura definittiva ta’ sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, fejn din is-sentenza pprekludiet, essenzjalment, irkupru mill-konsumatur ta’ parti mis-somma mħallsa lill-professjonist fuq il-bażi ta’ “klawżola bażi” meqjusa inġusta. Fil-fatt, filwaqt li din id-deċiżjoni tal-ewwel istanza ordnat ir-rimbors tal-ammonti mħallsa skont din il-klawżola, hija imponiet terminu fuq tali obbligu restitutorju , skont il-ġurisprudenza (ta’ dak iż-żmien) tal-qorti suprema nazzjonali (68).

165. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali limitazzjoni ratione temporis kienet kuntrarja għad-Direttiva 93/13 (69). Madankollu, din id-determinazzjoni saret wara li t-termini għall-preżentata ta’ appell fil-kawża kienu skadew, fejn kien biss il-bank involut li ppreżenta wieħed (li kkontesta d-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li timponi fuqu t-totalità tal-ispejjeż). Dan l-appell irnexxa. B’risposta għal domanda magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-qorti tal-appell kienet fil-fatt obbligata tannulla l-parti mis-sentenza tal-ewwel istanza li kienet saret res judicata u li tqajjem, ex officio, l-inġustizzja tal-limitazzjoni ratione temporis, għalkemm, l-ewwel, din il-parti tas-sentenza tal-ewwel istanza ma kinitx ikkontestata u, it-tieni, s-sitwazzjoni riżultanti aggravat il-pożizzjoni legali tal-bank li kien ippreżenta l-appell sabiex jikkontesta aspett differenti tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza.

166. Rigward it-tieni aspett imsemmi fil-punt 164 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja obbligat l-annullament tal-effett ta’ res judicata ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi proċeduri għal ordni għal ħlas jew fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju.

167. B’mod iktar speċifiku, fis-sentenza tagħha Finanmadrid EFC, il-Qorti tal-Ġustizzja obbligat l-annullament tal-effett ta’ res judicata fl-istadju ta’ eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas, billi tat lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tevalwa, ex officio, jekk klawżola fil-kuntratt bażi kinitx inġusta, meta din il-qorti ma kellhiex din is-setgħa fid-dritt intern u meta l-klawżoli kuntrattwali ma ġewx mistħarrġa fl-istadji preċedenti tal-proċeduri (70).

168. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Banco Primus, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan l-approċċ għal sitwazzjonijiet fejn, fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju, kien seħħ eżami iżda kien limitat biss għal ċerti klawżoli tal-kuntratt bażi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, essenzjalment, li l-protezzjoni li għandha tingħata lill-konsumaturi skont id-Direttiva 93/13 kienet tkun “inkompleta u insuffiċjenti” jekk il-qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju tkun prekluża milli teżamina, ex officio, l-inġustizzja tal-klawżoli l-oħra li baqgħu mhux ikkontestati (71).

169. Is-sentenza Ibercaja Banco (72) b’mod simili, u bħala prinċipju, obbligat it-twarrib, fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju, tal-effetti nazzjonali ta’ res judicata fejn il-qorti nazzjonali kienet eżaminat il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni mingħajr, madankollu, xi dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens fid-deċiżjoni definittiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, f’tali ċirkustanzi, il-konsumatur ma ġiex informat bl-eżistenza ta’ dan l-istħarriġ, u lanqas, tal-inqas fil-qosor, bir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-qorti qieset li l-klawżoli inkwistjoni ma kinux inġusti, li pprekludih milli jkun jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk kienx hemm lok li jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni (73).

170. Prima facie, jista’ jsegwi minn din il-ġurisprudenza li l-effett ta’ res judicata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tiflaħ għall-iskrutinju f’termini tal-effettività tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-konsumaturi, fi kwalunkwe każ ikkunsidrata, biss meta din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara eżami tal-klawżoli kuntrattwali rilevanti (u biss meta ssir dikjarazzjoni espressa dwar l-eżitu ta’ dan l-eżami) (74).

171. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali konklużjoni ma hijiex korretta, fit-totalità tagħha.

172. L-ewwel, ninnota li tali konklużjoni tkun tfisser li ż-żewġ domandi tal-kawża ineżami immedjatament jiċċaħħdu minn kull għan peress li l-konsegwenza loġika tagħha tkun li l-effetti legali ta’ res judicata sempliċement ma japplikax: minkejja li hija formalment definittiva, deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija mingħajr eżami tar-relazzjoni kuntrattwali bażi ma tistax tipprekludi xi forma ta’ kontenzjuż mill-ġdid. Konsegwentement, ma jkun hemm l-ebda ħtieġa li l-kwistjoni ta’ rimedji straordinarji tiġi kkunsidrata minħabba li dawn huma, kif spjegajt diġà, għodod eċċezzjonali li jippermettu l-annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

173. It-tieni, u iktar importanti, huwa diffiċli, fil-fehma tiegħi, li jiġu antiċipati l-konsegwenzi usa’ ta’ tali interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċjalment fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha dwar it-termini ta’ rikors għal arrikkiment indebitu ppreżentat minn konsumatur (75).

174. It-tielet, u importanti wkoll, il-ġurisprudenza diskussa iktar ’il fuq għandha tinqara fid-dawl tas-sensiela ta’ ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-“passività totali tal-konsumatur” (76), li r-rilevanza kontinwa tagħha ġiet reċentement ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

175. Biex tispjega, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza preċedenti tagħha Asturcom Telecomunicaciones li l-prinċipju ta’ effettività ma jestendix sabiex jimponi fuq il-qorti nazzjonali adita b’rikors għal eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ (magħmula fl-assenza tal-konsumatur) l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi hijiex inġusta, fejn il-konsumatur ma fittixx l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, u fejn it-terminu applikabbli ta’ xahrejn, stabbilit għal dan l-għan, ma setax jitqies problematiku (77).

176. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din il-ġurisprudenza preċedenti fis-sentenza reċenti tagħha Unicaja Banco, diskussa iktar ’il fuq, sabiex tikkonferma li l-fatti li wasslu għal din tal-aħħar ma involvewx nuqqas ta’ azzjoni totali minn naħa tal-konsumatur: għalkemm huwa ma kkontestax sentenza tal-ewwel istanza deċiża fil-kawża prinċipali, dan kien minħabba li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Gutierrez Naranjo, li ddeċidiet li l-ġurisprudenza nazzjonali, li fuqha kienet ibbażata dik id-deċiżjoni tal-ewwel istanza, kienet inkonsistenti mad-Direttiva 93/13, ingħatat biss wara li t-termini għall-preżentata tal-appell kienu skadew (78).

177. F’dan id-dawl, nikkunsidra li l-possibbiltà ta’ assenza ta’ eżami tal-inġustizzja ta’ klawżoli f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi tista’ xorta twassal għal effett ta’ res judicata ġenwin speċjalment fejn il-konsumatur ma jkunx ipparteċipa fl-ebda stadju tal-proċeduri.

178. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat jekk tali sitwazzjoni seħħitx fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali.

179. Isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju li FY ma pparteċipatx fil-proċeduri li wasslu għas-sentenza fil-kontumaċja u li ma fittxitx li tikkontesta din is-sentenza (għalkemm hija kienet ġiet debitament innotifikata bis-sentenza). Dawn l-elementi huma prima facie indikattivi tal-passività tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li saret referenza għaliha iktar ’il fuq.

180. Madankollu, is-sitwazzjoni speċifika tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-isfond ġenerali tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli inkwistjoni.

181. Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li r-regoli proċedurali applikabbli għas-sentenza fil-kontumaċja pprekludew lill-qorti tal-ewwel istanza rispettiva milli tistħarreġ il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, peress li din il-qorti kellha tbaxxi rasha għall-allegazzjonijiet fattwali tar-rikorrenti (79).

182. Isegwi, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza Profi Credit Polska I li tali soluzzjoni proċedurali ma hijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13 per se, sakemm dan l-istħarriġ ikun jista’ jseħħ fit-tieni istanza u sakemm il-kundizzjonijiet tal-appell ikunu ddefiniti b’mod li ma jagħmilhiex eċċessivament diffiċli jew impossibbli għall-konsumatur li effettivament jippreżenta wieħed.

183. F’dan ir-rigward, isegwi minn din id-deċiżjoni tar-rinviju li s-sentenza fil-kontumaċja saret eżegwibbli immedjatament u li setgħet tiġi kkontestata fi żmien ġimagħtejn filwaqt li FY kien ikollha tipproduċi l-motivi tad-dritt u l-provi li xtaqet tinvoka.

184. Bħalma jinnotaw kemm il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, dawn il-kundizzjonijiet jidhru li huma pjuttost simili għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala restrittivi żżejjed fis-sentenza tagħha Profi Credit Polska I (80). Jiena tal-fehma li, flimkien mal-assenza tal-eżami tal-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli fl-ewwel istanza, dawn jistgħu fil-fatt iwasslu għal konklużjoni simili, jiġifieri li ma jippermettux li r-rispett ta’ drittijiet li l-konsumatur jikseb mid-Direttiva 93/13 jiġi żgurat. Madankollu, id-domandi preliminari fil-kawża ineżami ma jikkonċernawx dan l-aspett partikolari u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din id-deskrizzjoni tar-regoli proċedurali applikabbli hijiex korretta.

185. Jekk in-natura restrittiva żżejjed tagħhom kellha tiġi kkonfermata, ikun isegwi, fil-fehma tiegħi, li FY ma tistax tiġi kkunsidrata li wriet nuqqas ta’ azzjoni totali.

186. F’tali każ, jiena tal-fehma li l-effettività tad-dritt tal-konsumaturi li ma jiġux marbuta bi klawżoli kuntrattwali inġusti teħtieġ li hija tiġi pprovduta b’rimedju.

187. Madankollu, jiena ma nemminx li dan ir-rimedju għandu neċessarjament ikun fil-forma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri. Issa ser nindirizza din il-kwistjoni fit-taqsima segwenti.

ii)    Rimedji possibbli sabiex jiġi rrestawrat iddritt talkonsumatur li ma jkunx marbut bi klawżola kuntrattwali allegatament inġusta

188. L-ewwel, jiena diġà fakkart li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità tal-klawżoli kuntrattwali li jaffettwaw konsumaturi jista’ jestendi għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni (81). F’dan ir-rigward, l-informazzjoni disponibbli fil-proċess ma tindikax jekk inbdewx jew ġewx konklużi proċeduri ta’ eżekuzzjoni, jew, forsi, jekk FY diġà osservatx is-sentenza fil-kontumaċja volontarjament. Madankollu, jekk il-prospett ta’ eżekuzzjoni għadu miftuħ, u jekk tali proċeduri ta’ eżekuzzjoni jinbdew, isegwi fil-fehma tiegħi mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li FY għandu jkollha opportunità li tinvoka, f’dak il-kuntest, il-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-kuntratt bażi (82).

189. It-tieni, isegwi wkoll, fil-fehma tiegħi, li ċ-ċirkustanzi proċedurali partikolari li fihom ingħatat u saret definittiva s-sentenza fil-kontumaċja jwasslu għall-konklużjoni li l-effett tagħha ta’ res judicata ma jistax jipprekludiha milli tinvoka n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli inkwistjoni sabiex tressaq talba għall-ħlas lura tal-ammonti rispettivi.

190. Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mis-sentenza Ibercaja Banco, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat id-dritt tal-konsumatur li jfittex kumpens (mill-professjonist partikolari inkwistjoni, kif nifhimha jien) fejn il-qorti nazzjonali tkun naqset milli tosserva, b’mod xieraq, l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-kuntratt bażi ta’ self, iżda fejn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ sekwestru ipotekarju jkunu diġà ngħalqu, bir-riżultat li s-sjieda tal-proprjetà immobbli inkwistjoni tiġi ttrasferita lil terz (83). Jiena nikkunsidra li dan ir-raġunament għandu, a fortiori, japplika fejn il-konsumatur ikun ħallas sempliċi korrispettiv pekunjarju lill-professjonist (fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali li għandha titqies inġusta u konsegwentement nulla u fejn il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkontestata sentenza fil-kontumaċja kienu inkompatibbli mal-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi żgurat fir-rigward ta’ konsumaturi skont id-Direttiva 93/13, kif diġà nnotajt iktar ’il fuq).

191. Finalment, ir-rimedju nazzjonali rispettiv jista’ wkoll jieħu l-forma tar-rimedju straordinarju inkwistjoni sakemm id-dritt nazzjonali jagħmilha possibbli li l-kunċett ta’ ċaħda illegali tal-possibbiltà li parti taġixxi jiġi interpretat b’mod li jkopri s-sitwazzjoni inkwistjoni.

192. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni fil-proċess twassalni sabiex nissuġġerixxi li l-qorti tar-rinviju tista’ tevalwa jekk il-qafas proċedurali applikabbli, kif deskritt fil-punti 183 u 184 iktar ’il fuq, jistax jitqies li jimpedixxi l-aċċess ta’ FY għal rimedju speċifiku, b’mod simili għal dak li jidher li ġie deċiż (suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju) mill-Qorti Suprema f’sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali ma ddikjaratx raġunijiet għaliex rikorrent ikun ġie mċaħħad mill-għajnuna legali sabiex jippreżenta appell ta’ kassazzjoni (84).

193. Madankollu, anki jekk tali interpretazzjoni konformi tkun possibbli, ir-rikors inkwistjoni xorta jkollu josserva t-terminu applikabbli (85). Dan it-terminu rilevanti, skont kif nifhem il-formulazzjoni tal-Artikolu 407(1) tal-KPC, jibda jiddekorri mill-mument li fih il-parti inkwistjoni isir taf bis-“sentenza” (86). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix iktar informazzjoni dwar kif għandha tinftiehem din ir-regola. Prima facie, jiena nifhem il-formulazzjoni tagħha bħala li tirreferi għas-sentenza definittiva mogħtija fi proċeduri li fihom il-konvenut ġie allegatament imċaħħad mill-possibbiltà li jaġixxi. Hija, naturalment, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din il-fehma.

194. Jekk, madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li r-rimedju straordinarju inkwistjoni ma jistax jiġi skattat, minħabba l-limiti ta’ interpretazzjoni konformi jew minħabba t-termini applikabbli, jiena ma nemminx li r-rekwiżit tal-effettività tad-dritt tal-konsumaturi inkwistjoni jestendi sabiex jobbliga li jiġi magħmul disponibbli r-rimedju straordinarju inkwistjoni, minkejja l-kundizzjonijiet li fihom jista’ japplika, kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali.

195. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li n-natura adegwata u effettiva tal-protezzjoni proċedurali mogħtija lill-konsumaturi għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-rimedji li huma disponibbli diġà (87).

196. F’dan ir-rigward, isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju li n-nuqqas tal-qorti nazzjonali diskuss fil-kawża ineżami jikkostitwixxi l-bażi għal rimedju straordinarju ieħor, jiġifieri appell straordinarju. Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-disponibbiltà ta’ dan ir-rimedju hija limitata għall-Ombudsman u l-Avukat Ġenerali li tirriżulta f’numru ristrett ta’ kawżi li jiġu mistħarrġa b’dan il-mod. Madankollu, l-fatt jibqa’ li dak ir-rimedju għadu parti mill-kuntest proċedurali ġenerali intern.

197. Barra minn hekk, u forsi b’mod iktar importanti, jiena tal-fehma li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi, pjuttost b’mod komprensiv, l-aspetti differenti tal-proċedura interna li tista’ anki tostakola lill-konsumaturi (li ma jkunux urew passività totali) milli jopponu l-eżekuzzjoni ta’ titolu li l-inġustizzja possibbli tiegħu ma tkunx ġiet mistħarrġa jew milli jiksbu kumpens għal dak li ħallsu (jew tilfu) fuq tali bażi illegali.

198. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nara l-ebda ħtieġa għal introduzzjoni ta’ saff addizzjonali ta’ protezzjoni li jkun jeħtieġ, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, speċjalment jekk wieħed jikkunsidra n-natura eċċezzjonali ta’ tali rimedju.

199. Kif spjegajt iktar ’il fuq, l-applikabbiltà ta’ rimedji straordinarji hija, b’mod ġenerali, ibbażata fuq bilanċ ġenerali milħuq mil-leġiżlatur nazzjonali bejn il-valuri li jikkompetu inkwistjoni. Il-ħtieġa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni (sostantiv jew personali) ta’ dawn ir-rimedji biex jiġi kkumpensat, speċifikament, in-nuqqas tal-qorti nazzjonali li teżamina l-legalità ta’ kuntratt konkluż mal-konsumaturi tista’ tiddisturba dan il-bilanċ ġenerali jekk, pereżempju, ma teżistix protezzjoni proċedurali komparabbli f’oqsma oħra tad-dritt, għalkemm tali oqsma jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ ċaħda illegali tal-protezzjoni li kieku għandha tiġi ggarantita lil persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà (88).

200. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-obbligu li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-konsumaturi taħt l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jeħtieġx li rimedju straordinarju jiġi magħmul disponibbli sabiex jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri konklużi b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija mingħajr eżami tal-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi. Madankollu, dan l-obbligu jagħmel neċessarju li jiġi pprovdut rimedju, li għandu jiġi identifikat fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, meta tali deċiżjoni ġudizzjarja definittiva tkun ingħatat, u saret definittiva, fuq il-bażi tar-regoli proċedurali li ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jikseb mid-Direttiva 93/13.

V.      Konklużjoni

201. Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mis-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Warszawa-Praga, Varsavja, il-Polonja), kif ġej:

“(1)      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza, bħala wieħed mill-manifestazzjonijiet tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE,

għandu jiġi interpretat bħala li

ma jobbligax id-disponibbiltà ta’ rimedju straordinarju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili fuq il-bażi ta’:

–        sentenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali li tiddikjara dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, invokata f’dawn il-proċeduri, bħala inkompatibbli ma’ att legali superjuri u għaldaqstant invalida, jew

–        li tiddikjara interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali speċifika, invokata f’dawn il-proċeduri, bħala inkompatibbli ma’att legali superjuri,

li tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE u li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

(2)      L-Artikolu 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur:

għandu jiġi interpretat bħala li

ma jobbligax li jiġi magħmul disponibbli rimedju straordinarju sabiex jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri konklużi b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija mingħajr eżami tal-possibbiltà ta’ inġustizzja tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati li jobbligaw li jiġi magħmul disponibbli rimedju, u li għandu jiġi identifikat fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, meta tali deċiżjoni ġudizzjarja definittiva tkun ingħatat, u tkun saret definittiva, fuq il-bażi ta’ regoli proċedurali li ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jikseb mid-Direttiva 93/13.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2      Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).


3      Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix iktar dettalji dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkunsidra li ma setgħetx tagħti ordni għall-ħlas.


4      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711; iktar ’il quddiem is-“sentenza Profi Credit Polska I”).


5      L-Ombudsman Finanzjarju rrefera għas-sentenza f’Profi Credit Polska I u għad-digriet tat‑28 ta’ Novembru 2018, PKO Bank Polski (C‑632/17, EU:C:2018:963).


6      B’riferiment għas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius (C‑495/19, EU:C:2020:431; iktar ’il quddiem is-“sentenza Kancelaria Medius”).


7      Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska (C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930; iktar ’il quddiem is-“sentenza Profi Credit Polska II”).


8      Għat-tenur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ara l-punti 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 46).


10      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin (C‑676/17, EU:C:2019:700, iktar ’il quddiem is-“sentenza Călin”, punti 28 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, iktar ’il quddiem is-“sentenza XC”, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, f’dan is-sens u għal kunsiderazzjoni ulterjuri, Turmo, A., “Res Judicata in European Union Law – A multi-faceted principle in a multilevel judicial system”, EU Law Live Press, 2022, p. 46.


13      Ara wkoll Wiśniewski, T., “Extraordinary remedies in Polish civil procedure”, Studia Prawnicze – The Legal Studies, Nru 4 (220), 2019, p. 107.


14      Qorti EDB, 19 ta’ Mejju 2020, REDQUEST LIMITED vs Is‑Slovakkja, ECLI:CE:ECHR:2020:0519JUD000274917, punt 29 (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB f’REDQUEST”).


15      Qorti EDB, 25 ta’ Ġunju 2009, OOO LINK OIL SPB vs Ir‑Russja, ECLI:CE:ECHR:2009:0625DEC004260005 (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB f’Link Oil”; it-test ma huwiex organizzat f’punti).


16      Qorti EDB f’REDQUEST, punt 29, f’Link Oil; u fil-Qorti EDB, 9 ta’ Ġunju 2015, PSMA, SPOL.  S.R.O. vs Is‑Slovakkja, ECLI:CE:ECHR:2015:0609JUD004253311, punti 68 sa 70.


17      Ara, fost ħafna eżempji, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, iktar ’il quddiem is-“sentenza Unicaja Banco”, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ibid., punt 23; sentenzi f’Călin, punt 35 u f’XC, punt 27. Ġieli l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet biss riferiment għall-“għan” u l-“elementi essenzjali”, bħal fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, iktar ’il quddiem is-“sentenza Transportes Urbanos”, punti 35). Id-differenza bejn iż-żewġ approċċi hija, fi kwalunkwe każ, minuri peress li l-kategorija ta’ “elementi essenzjali” hija wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri kwalunkwe aspett rilevanti tal-proċeduri ġudizzjarji.


19      Ara, bħala eżempju ta’ dan, is-sentenza Transportes Urbanos.


20      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067; iktar ’il quddiem is-“sentenza Impresa Pizzarotti”).


21      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630; iktar ’il quddiem is-“sentenza Hochtief”).


22      Sentenza Impresa Pizzarotti, punt 55.


23      Sentenza Hochtief, punt 63.


24      Fil-fatt, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk ir-regoli proċedurali Ungeriżi jagħtux lok għall-possibbiltà li tmur lura għal sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata, bl-għan li tagħmel is-sitwazzjoni li tirriżulta minn din is-sentenza kompatibbli mad-deċiżjoni finali tal-qorti preċedenti, li tagħha l-qorti li tat dik is-sentenza u l-partijiet fil-kawża li wasslu għal dik is-sentenza kienu diġà konxji. Jekk dan ikun il-każ [...]”. Enfasi miżjuda.


25      Sentenza XC, punti 31 u 34.


26      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Călin (C‑676/17, EU:C:2019:94; punti 72 sa 74).


27      Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara wkoll Granat, M. u Granat, K. “The Constitution of Poland: A Contextual Analysis”, Hart Publishing, 2019, p. 147 sa 148. Isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-ispjegazzjoni mogħtija mill-Gvern Pollakk fis-seduta li, filwaqt li hemm tliet tipi ta’ proċedura li fihom il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tagħti sentenza li tista’ sservi bħala l-bażi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri skont l-Artikolu 4011 tal-KPC (fejn din il-qorti tiġi adita (i) minn organu pubbliku awtorizzat f’dan is-sens, (ii) minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura pendenti, jew (iii) minn lanjant individwali), il-mistoqsija dwar liema waħda minn dawn il-proċeduri ġiet effettivament użata ma għandhiex impatt fuq jekk tistax tiġi skattata r-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid inkwistjoni.


29      Riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tas‑17 ta’ Diċembru 2009, III PZP 2/09.


30      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C‑34/19, EU:C:2020:148, iktar ’il quddiem is-“sentenza Telecom Italia”, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 27 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, għall-formulazzjoni dwar l-għan “mikro” u “makro”, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:291, punt 55).


32      Ara, dwar dan il-prinċipju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, iktar ’il quddiem is-“sentenza Popławski”, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Kif iċċarat fis-sentenza Popławski, punt 64.


34      Ara, għal eżempju relatat mas-suġġett, is-sentenza Kancelaria Medius, punti 47 sa 51, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju sabiex l-ewwel teżamina l-possibiltajiet tal-interpretazzjoni konformi tar-regola nazzjonali inkwistjoni qabel ma fakkret l-obbligu (sussidjarju) li din ma tiġix applikata.


35      Infakkar illi deċiżjoni preliminari interpretattiva hija vinkolanti mhux biss għall-għan tal-applikazzjoni tagħha fit-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju partikolari (effetti inter partes), iżda illi din għandha tiġi wkoll osservata fi proċeduri oħra li fihom l-istess regola interpretata tad-dritt tal-Unjoni ssir rilevanti (effetti erga omnes), fatt li jikkorrispondi għall-għanijiet mikro u makro tal-proċeduri ta’ deċiżjonijiet preliminari spjegati fil-punt 83 iktar ’il fuq.


36      L-istess diskussjoni kkonċernat ukoll effetti legali ex tunc. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tifsira tar-regola partikolari tad-dritt tal-Unjoni, kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha titqies li eżistiet mill-mument meta hija daħlet fis-seħħ. Sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Minister for Justice and Equality (Talba għal kunsens – Effetti tal-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali) (C‑142/22, EU:C:2023:544, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li l-effetti legali tas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali jestendu (tal-inqas) lura fiż-żmien sabiex jippermettu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk iddikjara li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom effetti pro futuro.


37      Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford European Union Law Library, 2015, p. 238.


38      Infakkar li l-Gvern Pollakk isostni li l-kategorija ta’ sentenzi interpretattivi negattivi ma tikkostitwixxix raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ċivili li, jekk xejn, hija pprovduta fl-Artikolu 4011 tal-KPC. Ara l-punt 64 iktar ’il fuq.


39      Din il-kwistjoni, madankollu, ma hijiex is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri u għalhekk ma ġietx diskussa. Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara d-dispożittiv tas-sentenza Kancelaria Medius, punt 53.


41      Madankollu, ninnota li r-regoli speċifiċi msemmija fis-sentenza Kancelaria Medius jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 339 tal-KPC, riprodott fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża ineżami tirreferi biss għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 339 tal-KPC dwar il-possibbiltà li tingħata sentenza fil-kontumaċja b’mod ġenerali. Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


42      Sentenza Kancelaria Medius, punti 37 sa 40.


43      Sentenza Profi Credit Polska I, punti 64 sa 71. Dawn ir-regoli kienu jinvolvu: (i) terminu ta’ ġimagħtejn għall-preżentata tal-oġġezzjoni, u (ii) l-obbligu (a) li jiġi indikat jekk id-digriet huwiex ikkontestat totalment jew parzjalment, (b) li jiġu stabbiliti l-ilmenti u prodotti l-fatti u l-provi, u (c) li jitħallsu spejjeż tliet darbiet ikbar minn dawk tal-oppożizzjoni.


44      Sentenza Profi Credit Polska II, punt 77.


45      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 37). Għal kumment dwar in-natura obbligatorja tal-istħarriġ, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Medina f’Tuk Tuk Travel (C‑83/22, EU:C:2023:245, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 32).


46      Infakkar li jsegwi mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li kawża tista’ tiġi deċiża mingħajr tali konklużjonijiet fejn ma tqajjem l-ebda punt ta’ liġi ġdid.


47      Skont l-Artikolu 407(2) tal-KPC. Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


48      X’aktarx huwa utli li jiġi osservat li ż-żewġ raġunijiet invokati fil-kawża ineżami jidhru li jappartjenu għal tipi differenti ta’ ksur: sostantiv (l-Artikolu 4011 tal-KPC, invokat fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari) jew proċedurali (l-Artikolu 401(2) tal-KPC, invokat fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari). Madankollu, iż-żewġ raġunijiet huma proposti fir-rigward tal-istess allegat nuqqas min-naħa tal-qorti nazzjonali li twettaq stħarriġ ex officio. Jiena nassumi li tali nuqqas jista’ jiġi kklassifikat bħala sostantiv jew proċedurali, iżda mhux bħala t-tnejn. Madankollu, il-proċess ma jinkludix iktar informazzjoni dwar id-delimitazzjoni bejn ksur tad-dritt nazzjonali relatat mas-sustanza jew relatat mal-proċedura, li jista’ jiskatta r-rimedju straordinarju inkwistjoni. Dawn il-konklużjonijiet għalhekk jipproċedu fuq il-bażi ta’ dik li tidher li hija l-premessa tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri li hija possibbli klassifikazzjoni doppja f’dan il-kuntest.


49      Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kamp ta’ applikazzjoni apparentament limitat ta’ din id-dispożizzjoni jidher li huwa appoġġjat mill-Artikolu 379 tal-KPC (imsemmi parzjalment fid-deċiżjoni tar-rinviju), li jidher li jirreferi għal lista usa’ ta’ sitt kategoriji ta’ nuqqasijiet proċedurali li jwasslu għan-nullità tal-proċeduri (mingħajr, madankollu, ma neċessarjament u per se jwasslu wkoll għall-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri).


50      Deċiżjoni tal-Qorti Suprema Pollakka I PZ 5/07 tas‑17 ta’ April 2007 u, kif nifhimha jiena, suġġetta għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2006, Tabor vs Il‑Polonja (ECLI:CE:ECHR:2006:0627JUD001282502).


51      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen  (C‑505/14, EU:C:2015:742, iktar ’il quddiem is-“sentenza Klausner”, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ibid., punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


53      Sentenza Popławski, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Klausner, punti 32 sa 37.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Telecom Italia, punt 56.


56      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ibercaja Banco”, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, iktar ’il quddiem is-“sentenza Asturcom Telecomunicaciones”, punt 52), jew, f’dan is-sens, is-sentenza Ibercaja Banco, punt 43.


58      Fi kwistjonijiet tal-konsumaturi, ara, pereżempju, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 49. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punti 30, 31 u 35).


59      Suġġett naturalment, għat-termini applikabbli. Ara l-Artikolu 407(1) tal-KPC, riprodott fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Għal ħarsa ġenerali, ara Werbrouck, J. u Dauw, E., “The national courts’ obligation to gather and establish the necessary information for the application of consumer law – The endgame?”, European Law Review, Vol. 46, Nru 3, 2021, p. 225 sa 244.


61      Kif imfakkar, pereżempju, fis-sentenza Profi Credit Polska I, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32).


62      Ara l-punti 117 u 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ara, għal paragun, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498; iktar ’il quddiem is-“sentenza K.B. u F.S.  (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali)”), fejn ġie deċiż li d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu f’kawża kriminali milli tqajjem ex officio, bl-intenzjoni li tannulla l-proċedura, ksur tal-obbligu impost fuq l-awtoritajiet kompetenti li jinformaw lil persuni ssuspettati jew akkużati immedjatament bid-dritt tagħhom li jibqgħu siekta.


64      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’XC et (C‑234/17, EU:C:2018:391, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet f’XC”, punt 41). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Primus”, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew is-sentenza XC, punt 51.


65      Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 63). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura eċċezzjonali ta’ din il-konklużjoni, ara s-sentenza Impresa Pizzarotti, punt 61.


66      Ara, fil-qasam tal-VAT, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punti 29 sa 31), jew is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C‑424/19, EU:C:2020:581), punti 32 u 33. Fil-qasam tal-għajnuna tal-Istat, ara s-sentenza Klausner, punti 43 sa 45. Ara wkoll il-konklużjonijiet f’XC, punt 61.


67      Imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 17.


68      L-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni li “klawżola bażi” kienet nulla kienu limitati għall-ammonti mħallsa mill-konsumatur wara l-għoti tad-deċiżjoni li fiha saret il-konstatazzjoni tal-inġustizzja tal-klawżola inkwistjoni.


69      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 72 sa 75).


70      Sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 45 sa 54).


71      Sentenza Banco Primus, punt 52.


72      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Sentenza Ibercaja Banco, punt 49. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, iktar ’il quddiem is-“sentenza SPV Project 1503”, punti 65 u 66).


74      Sentenza Ibercaja Banco, punt 50.


75      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punti 63 sa 66).


76      Sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 47.


77      Is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punti 33 sa 48. Jirriżulta minn din is-sentenza li tali obbligu jista’ jirriżulta biss mill-prinċipju ta’ ekwivalenza sa fejn il-qorti nazzjonali setgħet twettaq tali evalwazzjoni f’azzjonijiet simili ta’ natura interna. Ara l-punt 53 u d-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, iktar ’il quddiem is-“sentenza ERSTE Bank Hungary”, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Is-sentenza Unicaja Banco, punti 28 u 38. Ara wkoll id-dispożittiv ta’ din is-sentenza.


79      Il-qorti tar-rinviju pprovdiet, fil-proċeduri attwali, biss it-test tal-Artikolu 339(1) tal-KPC ikkonċernat bil-possibbiltà ġenerali li tiġi adottata sentenza fil-kontumaċja. Kif innotajt diġà, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fis-sentenza Kancelaria Medius kienu wkoll jinvolvu l-Artikolu 339(2) tal-KPC li jistabbilixxi l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tbaxxi rasha għall-allegazzjonijiet fattwali tar-rikorrent. Hija naturalment il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika r-rilevanza u l-kontenut preċiż ta’ tali regola għall-kawża ineżami.


80      Għal deskrizzjoni tar-regoli applikabbli f’din il-kawża, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 43 iktar ’il fuq. Ninnota li l-unika differenza tikkonċerna l-ispejjeż. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fis-sentenza Profi Credit Polska I, id-deċiżjoni tar-rinviju sempliċement tiddikjara li t-“taxxi” li għandhom jitħallsu f’dan il-kuntest għandhom jitnaqqsu bin-nofs.


81      Ara l-punti 167 sa 169, 175 u 176 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82      Il-proċess ma jinkludi l-ebda informazzjoni dwar ir-regoli ta’ eżekuzzjoni applikabbli.


83      Ara s-sentenza Ibercaja Banco, punti 57 sa 59.


84      Kif diskuss iktar ’il fuq f’punti 136 u 137.


85      B’mod simili għal dak li nnotajt fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Ara l-punt 149 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 59 iktar ’il fuq.


86      Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


87      Sentenza ERSTE Bank Hungary, punt 52.


88      Ara, għal paragun, is-sitwazzjoni deskritta fis-sentenza K.B. u F.S.  (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), li jingħata sommarju tagħha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 63.