Language of document : ECLI:EU:C:2023:679

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑14 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C75/22

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRepubblika Ċeka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 2005/36/KE u 2013/55/UE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Artikolu 3(1)(g) u (h) – Perijodu ta’ adattament – Test tal-kapaċità – Determinazzjoni tal-istatus ta’ persuna li twettaq perijodu ta’ adattament u tal-applikant li jixtieq iħejji ruħu għat-test tal-kapaċità – Artikolu 6(b) – Fornitur ta’ servizzi – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku fl-Istat Membru ospitanti – Artikolu 45(2) – Spiżjara – Eżerċizzju awtonomu tal-attivitajiet – Esperjenza professjonali supplimetari”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika Ċeka minħabba li din ma ttrasponietx b’mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36/KE (2), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

2.        Il-Kummissjoni tressaq tmien ilmenti. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames ilment.

3.        Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 sa fejn dan jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jiddeterminaw l-istatus tal-persuni li jgħaddu minn perijodu ta’ adattament jew li jixtiequ jħejju ruħhom għal test ta’ kapaċità.

4.        Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ċeka li ma ttrasponietx il-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, fir-rigward, minn naħa, tal-eżenzjoni għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku fl-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu li dan il-korpi jiġi informat mill-fornituri tas-servizzi.

5.        Ir-raba’ lment huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(6) u tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2005/36 dwar it-titolu professjonali ta’ infermiera responsabbli mill-kura ġenerali.

6.        Permezz tal-ħames ilment, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma ggarantixxietx lill-persuni li jkunu għamlu taħriġ professjonali bħala spiżjara l-aċċess għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2)(c), parzjalment (e), u (f) tad-Direttiva 2005/36.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

7.        L-Artikoli 3, 6, 21, 31, 44 u 45 tad-Direttiva 2005/36 huma rilevanti għal din il-kawża.

B.      Iddritt Ċek

1.      IlLiġi dwar irRikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali

8.        L-Artikolu 13 taż-zákon č. 18/2004 Sb., o uznávání odborné kvalifikace a jiné způsobilosti státních příslušníků členských států Evropské unie a některých příslušníků jiných států a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 18/2004, Ġabra, dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u ta’ ħiliet oħra taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ ċerti ċittadini ta’ Stati oħra u li temenda ċerti liġijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 18/2004”) jipprovdi:

“(1)      ‘Perijodu ta’ adattament’ ifisser il-perijodu ta’ twettiq ta’ attivitajiet irregolati fir-Repubblika Ċeka minn applikant taħt is-superviżjoni ta’ persuna fiżika kkwalifikata professjonalment bl-għan li tissupplimenta l-għarfien tal-oqsma teoretiċi u prattiċi li jagħmlu parti mill-kontenut tal-edukazzjoni u mit-taħriġ li jwasslu għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ taħriġ meħtieġ fir-Repubblika Ċeka u li l-għarfien tiegħu huwa neċessarju għat-twettiq tal-attivitajiet irregolati. Il-perijodu ta’ adattament jista’ jinkludi wkoll studji jew taħriġ addizzjonali intiżi li jissupplimentaw kwalifiki professjonali.

(2)      L-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tfassal lista ta’ oqsma li l-għarfien tagħhom huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ attività rregolata u li, skont id-dokument ippreżentat, ma jiffurmawx parti mill-kwalifiki professjonali tal-applikant. Dawn l-oqsma jistgħu jinkludu kemm l-għarfien teoretiku kif ukoll il-ħiliet prattiċi meħtieġa għat-twettiq tal-attività rregolata.

(3)      L-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tiddetermina fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24 il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-perijodu ta’ adattament, jiġifieri:

a)      it-tul tal-perijodu ta’ adattament;

b)      l-oqsma msemmija fil-paragrafu 2 li l-applikant huwa meħtieġ li jikseb għarfien tagħhom matul il-perijodu ta’ adattament,

c)      il-metodu ta’ valutazzjoni tal-perijodu ta’ adattament.

(4)      It-tul tal-perijodu ta’ adattament ma jistax jaqbeż it-tliet snin. Jekk l-applikant ikun biħsiebu jwettaq attività rregolata fir-Repubblika Ċeka, jekk tkun rikjesta prova tal-kwalifika tal-ewwel livell għat-twettiq tagħha, it-tul tal-perijodu ta’ adattament ma għandux jaqbeż sentejn.

(5)      Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-persuna kkwalifikata professjonalment imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità responsabbli għar-rikonoxximent għandha tevalwa jekk l-għan tal-perijodu ta’ adattament intlaħaqx wara li jgħaddi l-perijodu stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3(a) jew, fuq talba tal-applikant, wara li jgħaddi nofs dan il-perijodu u sussegwentement kull sitt xhur. L-għan tal-perijodu ta’ adattament ikun intlaħaq jekk l-applikant juri l-għarfien tiegħu tal-oqsma msemmija fil-paragrafu 3(b). F’dan il-każ, l-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali tal-applikant.”

9.        L-Artikolu 14 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)      Test tal-kapaċità huwa eżami tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-ħiliet professjonali tal-applikant sabiex tiġi evalwata l-ħila tiegħu li jwettaq attività rregolata fir-Repubblika Ċeka. It-test tal-kapaċità għandu jsir quddiem awtorità ta’ rikonoxximent, awtorità amministrattiva oħra, f’università jew f’istituzzjoni edukattiva oħra fil-qasam ikkonċernat (iktar ’il quddiem l-‘istituzzjoni ta’ eżami’).

(2)      L-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tfassal lista tal-oqsma li l-għarfien tagħhom huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ attività rregolata u li, skont id-dokument ippreżentat, ma jiffurmawx parti mill-kwalifiki professjonali tal-applikant. Dawn l-oqsma jistgħu jinkludu kemm l-għarfien teoretiku kif ukoll il-ħiliet prattiċi meħtieġa għat-twettiq tal-attività rregolata.

(3)      L-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tiddetermina fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24 il-kundizzjonijiet għat-twettiq tat-test tal-kapaċità, jiġifieri:

a)      l-oqsma msemmija fil-paragrafu 2 li ser ikunu s-suġġett ta’ test ta’ kapaċità; u

b)      il-proċedura u l-metodu ta’ evalwazzjoni tat-test tal-kapaċità.

(4)      L-awtorità responsabbli għar-rikonoxximent għandha tiżgura li l-applikant ikollu l-opportunità li jagħmel it-test tal-kapaċità fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3.

(5)      It-test tal-kapaċità ġeneralment ikun magħmul minn parti bil-miktub u parti orali. It-test tal-kapaċità ġeneralment isir bil-lingwa Ċeka u l-kontenut tiegħu jqis il-fatt li l-applikant huwa persuna kkwalifikata sabiex teżerċita l-professjoni fl-Istat Membru tal-oriġini. L-ispejjeż marbuta mat-test tal-kapaċità għandhom jitħallsu mill-kandidat u ma għandhomx jaqbżu CZK 6 500 [koruna Ċeka] (4).

(6)      L-istituzzjoni ta’ eżami għandha tevalwa jekk il-kandidat għaddiex jew le mit-test tal-kapaċità. Il-kandidat jgħaddi mit-test jekk juri li jaf l-oqsma msemmija fil-paragrafu 3. F’dan il-każ, l-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali tal-applikant.”

10.      L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Regolament ta’ implimentazzjoni jew regolament professjonali jista’ jistipula, għal attivitajiet irregolati individwali jew grupp ta’ attivitajiet irregolati, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, il-metodu għad-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ adattament u l-kundizzjonijiet għat-twettiq u l-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ adattament u tat-test tal-kapaċità, inklużi l-forma, il-kontenut u l-portata tat-test tal-kapaċità.”

11.      Skont l-Artikolu 36a ta’ din l-istess liġi:

“(1)      Applikant li huwa ċittadin ta’ Stat Membru […] u li jwettaq skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini l-attività inkwistjoni, li hija attività rregolata fir-Repubblika Ċeka, huwa wkoll awtorizzat li jwettaq din l-attività temporanjament jew okkażjonalment fit-territorju tar-Repubblika Ċeka mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonforma mal-obbligu li jinkiteb, jirreġistra, jiġi awtorizzat minn jew jissieħeb ma’ korp professjonali skont ir-regoli speċifiċi u mingħajr ma jkollu għalfejn japplika għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu […].

(2)      Jekk l-attività inkwistjoni ma tkunx irregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-applikant irid jipprova li wettaq l-attività inkwistjoni fi Stat Membru wieħed jew iktar għal mill-inqas sena matul l-għaxar snin preċedenti jew irid juri li għamel taħriġ irregolat li jħejjih għall-attività inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini […].

(3)      Jekk huwa meħtieġ dokument dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati waqt it-twettiq ta’ attività rregolata sabiex titwettaq attività rregolata fir-Repubblika Ċeka, l-applikant għandu jipprova li huwa assigurat sa fejn u taħt il-kundizzjonijiet meħtieġa minn regolament legali speċifiku.

(4)      L-applikant huwa obbligat li, qabel ma jibda jwettaq l-attività rregolata fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, jinforma lill-awtorità ta’ rikonoxximent b’dan bil-miktub. L-informazzjoni għandha tinkludi:

a)      il-kunjom(ijiet) u l-isem/ismijiet tal-applikant, id-data tat-twelid tiegħu u ċ-ċittadinanza tiegħu,

b)      l-isem tal-attività rregolata li għandha titwettaq u indikazzjoni dwar jekk l-attività hijiex irregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew indikazzjoni tal-attività l-iktar viċin tagħha,

c)      indikazzjoni tal-kwalifiki professjonali u, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, tat-twettiq tal-attività jew tat-taħriġ irregolat ukoll,

d)      id-datadata dwar persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jekk l-applikant jiġi kkollokat fir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi minn dik il-persuna li timpjega:

1.      l-isem/ismijiet u l-kunjom(ijiet), id-data tat-twelid, l-Istat Membru tal-istabbiliment, u l-indirizz irreġistrat tal-attività ekonomika jekk il-persuna li timpjega hija persuna fiżika, jew

2. l-isem, l-uffiċċju rreġistrat u l-Istat tal-istabbiliment jekk il-persuna li timpjega hija persuna ġuridika.

(5)      L-awtur tat-talba għandu jehmeż mal-avviż imsemmi fil-paragrafu 4:

a)      karta tal-identità, dokument li jiċċertifika n-nazzjonalità tal-applikant u, fejn applikabbli, dokument li jikkonferma l-istatus ġuridiku msemmi fl-Artikolu 1(2); id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 22(6), u tal-Artikolu 22(7), japplikaw mutatis mutandis,

b)      dokument li jiċċertifika li l-applikant huwa stabbilit fl-Istat Membru ta’ oriġini u jwettaq l-attività kkonċernata skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u li l-awtorizzazzjoni tiegħu sabiex iwettaq l-attività rilevanti fl-Istat Membru ta’ oriġini ma ġietx irtirata jew temporanjament sospiża; id-dispożizzjonijiet tas-seba’ paragrafu tal-Arltikolu  22 japplikaw mutatis mutandis,

c)      il-prova tal-kwalifiki professjonali; id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) u (5), l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 22(6), u l-Artikolu 22(7) u (8) japplikaw mutatis mutandis,

d)      id-dokument imsemmi fil-paragrafu 2, jekk l-attività inkwistjoni ma tkunx irregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini; id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) u (5), l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 22(6), u l-Artikolu 22(7) u (8) japplikaw mutatis mutandis,

e)      dokument konformi mal-paragrafu 3, jekk għat-twettiq ta’ attività rregolata fir-Repubblika Ċeka hija meħtieġa prova ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati waqt it-twettiq ta’ attività rregolata; id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 7 u 8 tal-Artikolu 22 japplikaw mutatis mutandis.

(6)      Il-Ministeru għandu javża dwar it-twettiq tal-obbligu ta’ notifika b’mod li jista’ jiġi aċċessat mill-bogħod.

(7)      Jekk in-notifika jew id-dokumenti mehmuża magħha ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva jew tal-paragrafi 4 u 5, l-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tgħin lill-applikant jirranġa n-nuqqasijiet fuq il-post jew immedjatament tistieden lill-applikant biex jirranġahom. Fl-istess ħin, għandha twissih li sakemm in-nuqqasijiet jiġu eliminati, jew sal-iskadenza speċifikata fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 36b, jekk liġi speċjali tistipula kundizzjoni għall-verifika tal-kwalifiki professjonali, huwa ma huwiex awtorizzat li jwettaq attività rregolata fir-Repubblika Ċeka.

(8)      L-applikant għandu jinforma minnufih lill-awtorità ta’ rikonoxximent bi kwalunkwe bidla fil-fatti kollha indikati fin-notifika jew fid-dokumenti mehmuża man-notifika, inklużi l-fatti li minħabba fihom tista’ tiġi tterminata l-awtorizzazzjoni għat-twettiq fuq bażi temporanja jew ta’ kultant tal-attivitajiet irregolati fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Jekk l-applikant ikun biħsiebu li temporanjament jew ta’ kultant iwettaq attività rregolata fir-Repubblika Ċeka wara 12-il xahar mid-data tas-sottomissjoni ta’ notifika sħiħa, huwa jkun obbligat li jerġa’ jissottometti din in-notifika, ħlief fil-każijiet imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 24c. Meta jerġa’ jissottometti n-notifika, l-applikant huwa meħtieġ jissottometti d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 5(b) sa (e) biss jekk ikunu nbidlu l-fatti stabbiliti fin-notifika oriġinali jew fid-dokumenti mehmuża ma’ dik in-notifika.

(9)      L-awtorità ta’ rikonoxximent għandha tirreġistra d-data tal-applikant u l-fatti li jkun innotifika f’reġistru separat. Kull notifika għandha tingħata numru ta’ reġistrazzjoni mill-awtorità ta’ rikonoxximent, flimkien mad-data tan-notifika, id-data tal-wasla tan-notifika kompluta lill-awtorità ta’ rikonoxximent u indikazzjoni tal-validità tan-notifika.”

2.      Illiġi dwar lassigurazzjoni tassaħħa pubblika

12.      L-Artikolu 11(1) taż-zákon č. 48/1997 Sb., o veřejném zdravotním pojištění a o změně a doplnění některých souvisejících zákonů (il-Liġi Nru 48/1997, Ġabra, dwar l-assigurazzjoni pubblika tas-saħħa, u li temenda u tissupplimenta ċerti atti relatati, iktar ’il quddiem “il-Liġi Nru 48/1997”) jipprovdi:

“(1)      Il-persuna assigurata għandha d-dritt:

a)      li tagħżel il-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa […];

b)      li tagħżel il-fornitur tas-servizzi tas-saħħa fit-territorju tar-Repubblika Ċeka […] li jkollu relazzjoni kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa korrispondenti […];

c)      għall-aċċess f’termini ta’ żmien u spazju għas-servizzi rimborsati pprovduti mill-fornituri kuntrattwali tal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa korrispondenti;

d)      għall-forniment ta’ servizzi rimborsati skont il-portata u l-kundizzjonijiet iddefiniti minn din il-liġi, bil-kundizzjoni li l-fornitur ma jkun jista’ jirċievi ebda ħlas mingħand il-persuna assigurata għal dawn is-servizzi rimborsati;

[…]”

13.      L-Artikolu 17(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Sabiex jiġu assigurati s-servizzi in natura fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi rimborsati lill-persuni assigurati, il-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa (Všeobecná zdravotní pojišťovna České republiky) u l-fondi l-oħra tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandhom jikkonkludu […] kuntratti mal-fornituri dwar il-forniment u r-rimbors tas-servizzi rimborsati. […] Ma humiex meħtieġa kuntratti f’każ ta’ għoti ta’

a)      kura ta’ emerġenza lill-persuna assigurata,

[…]”

3.      Illiġi dwar ilkundizzjonijiet għallkisba u rrikonoxximent talħiliet professjonali u tal-ħiliet speċjalizzati għalleżerċizzju talprofessjonijiet ta’ tabib, ta’ dentist u ta’ spiżjar

14.      L-Artikolu 2(g) taż-zákon č. 95/2004 Sb., o podmínkách získávání a uznávání odborné způsobilosti a specializované způsobilosti k výkonu zdravotnického povolání lékaře, zubního lékaře a farmaceuta (il-Liġi Nru 95/2004, Ġabra, dwar il-kundizzjonijiet għall-kisba u r-rikonoxximent tal-ħiliet professjonali u ta’ ħiliet speċjalizzati għall-eżerċizzju tal-professjonijiet ta’ tabib, ta’ dentist u ta’ spiżjar, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 95/2004”, jipprovdi:

“‘Eżerċizzju awtonomu tal-attività’ ta’ spiżjar tfisser l-eżerċizzju tal-attivitajiet li […] l-ispiżjar huwa awtorizzat iwettaq mingħajr superviżjoni professjonali u abbażi tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tiegħu tal-istat tas-saħħa tal-pazjent u taċ-ċirkustanzi relatati miegħu”.

15.      L-Artikolu 10(2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Wara li jikseb il-ħiliet professjonali, […] l-ispiżjar ikollu d-dritt li jeżerċita b’awtonomija l-attivitajiet involuti fl-għoti ta’ kura farmaċewtika skont il-Liġi dwar is-servizzi tas-saħħa, ħlief għall-attivitajiet li l-eżerċizzju awtonomu tagħhom huwa suġġett għall-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-Artikolu 11. L-ispiżjar huwa awtorizzat ukoll li jwettaq attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-forniment tal-kura tas-saħħa, u dan fil-kuntest tal-manifattura u l-ispezzjoni ta’ prodotti mediċinali kif ukoll il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali għand distributur tal-prodotti mediċinali f’konformità mal-Liġi [Nru 378/2007 Ġabra] dwar il-prodotti mediċinali”.

16.      L-Artikolu 11 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-kwalifika speċjalizzata ta’ spiżjar tinkiseb billi:

a)      jtemm b’suċċess taħriġ speċjalizzat iċċertifikat b’test ta’ ċertifikazzjoni […], li abbażi tiegħu l-Ministeru joħroġ ċertifikat ta’ speċjalizzazzjoni lill-ispiżjar fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni kkonċernat, jew

b)      jikseb esperjenza professjonali addizzjonali skont il-programm ta’ taħriġ korrispondenti f’istituzzjoni approvata għall-qasam ta’ taħriġ speċjalizzat korrispondenti jew għall-qasam ta’ esperjenza professjonali addizzjonali korrispondenti, li għandha toħroġ ċertifikat li jattesta t-tlestija għall-applikant.

(2)      L-oqsma ta’ taħriġ speċjalizzat tal-ispiżjara, il-kwalifiki kif ukoll it-tul tat-taħriġ speċjalizzat huma deskritti fl-Anness 1 ta’ din il-liġi. […]

(3) It-talba għar-reġistrazzjoni taħt l-għażla tal-esperjenza professjonali addizzjonali għandha tiġi ppreżentata minn kandidat lil istituzzjoni akkreditata fil-professjoni li fiha għandha tinkiseb l-esperjenza professjonali addizzjonali. It-talba għandha tinkludi evidenza tal-ħiliet professjonali miksuba u, fejn xieraq, tal-ħiliet speċjalizzati miksuba, kif ukoll il-kard professjonali msemmija fl-Artikolu 23 […].

[…]

(5)      Il-Ministeru għandu joħroġ iċ-ċertifikat ta’ kompetenza speċjalizzata miksub fuq talba ta’ kandidat li jkun kiseb l-esperjenza professjonali addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1(b). It-talba għal ċertifikat ta’ kompetenza speċjalizzata għandu jkollha magħha ċertifikazzjoni maħruġa mill-istituzzjoni akkreditata msemmija fil-paragrafu 1(b).

[…]

(7)      Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-paragrafu 1(a) hija kundizzjoni […] għat-twettiq awtonomu tal-attivitajiet

(a)      relatati mal-ħarsien tas-saħħa pubblika,

(b)      fi stabbilimenti ta’ trasfużjoni,

(c)      fil-qasam tat-teknoloġiji farmaċewtiċi,

(d)      fil-qasam tal-metodi tal-laboratorju u tal-analiżi fil-qasam tas-saħħa, u

(e)      fil-qasam tal-prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi.

(8) Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-paragrafu 1 fil-qasam tal-ispiżeriji dispensatorji hija kundizzjoni għall-eżerċizzju awtonomu tal-attivitajiet marbuta mal-ġestjoni ta’ spiżerija […].

(9)      Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati fil-qasam tal-farmaċija klinika skont it-tifsira tal-paragrafu 1(a) hija kundizzjoni għat-twettiq awtonomu tal-attivitajiet ta’ spiżjar kliniku.

(10)      Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati fil-qasam tal-farmaċija tal-isptarijiet hija kundizzjoni għat-twettiq awtonomu tal-attivitajiet relatati mal-ġestjoni ta’ spiżerija b’postijiet speċjalizzati għat-tħejjija ta’ forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi: skont it-tifsira ta’ din il-liġi, ‘forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi’ tfisser il-prodotti mediċinali sterili intiżi għall-applikazzjoni parenterali ppreparati f’postijiet speċjalizzati fl-ispiżeriji.

(11)      Il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati skont it-tifsira tal-paragrafu 1(a) fil-qasam tal-prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi jew tat-teknoloġiji farmaċewtiċi, jew il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati partikolari fil-qasam tal-farmaċija tal-isptarijiet hija kundizzjoni għall-eżerċizzju awtonomu tal-attivitajiet ta’ preparazzjoni ta’ forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi.

(12)      Qabel jikseb ħiliet speċjalizzati, l-ispiżjar għandu jwettaq l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 7 sa 11 taħt is-superviżjoni professjonali ta’ professjonist tas-saħħa b’ħiliet speċjalizzati korrispondenti.”

III. Ilproċedura prekontenzjuża

17.      Id-Direttiva 2013/55 li temenda d-Direttiva 2005/36 kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Jannar 2016 (5).

18.      Fil‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka dwar il-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36. Fit‑22 ta’ Marzu 2019, ir-Repubblika Ċeka wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

19.      Wara li eżaminat din it-tweġiba, il-Kummissjoni, fit‑28 ta’ Novembru 2019, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka. Dan l-Istat Membru wieġeb għal din l-opinjoni fit‑28 ta’ Jannar 2020.

20.      Fit‑18 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka opinjoni motivata addizzjonali li dan l-Istat wieġeb għaliha fis‑16 ta’ April 2021.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

21.      Peress li kkunsidrat li, minkejja l-ispjegazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx ittrasponiet b’mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36, il-Kummissjoni, permezz ta’ att tal‑4 ta’ Frar 2022, ippreżentat dan ir-rikors.

22.      Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat risposta fil‑25 ta’ April 2022.

23.      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka sussegwentement ippreżentaw replika u kontroreplika rispettivament fis‑7 ta’ Ġunju 2022 u fid‑29 ta’ Lulju 2022.

24.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 3(1)(g) u (h), il-punt (b) tal-Artikolu 6, l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 21(6), l-Artikolu 31(3), l-Artikolu 45(2)(c), parzjalment (e), u (f), l-Artikolu 45(3), l-Artikolu 50(1), moqri flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII, u l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

25.      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad il-parti tar-rikors li tikkonċerna l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-seba’ motiv bħala inammissibbli;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26.      Sussidjarjament, ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

V.      Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

27.      Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ilmenti li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, hija tippreżenta, essenzjalment, diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li jirrigwardaw, minn naħa, in-nuqqas ta’ koerenza u ta’ preċiżjoni tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni kemm matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll matul il-proċedura kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, il-bidla fis-suġġett tat-tilwima.

28.      Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, jidhirli li huwa neċessarju li jitfakkru l-karatteristiċi essenzjali tal-ġurisprudenza li hija żviluppat dwar dawn il-punti.

1.      Fuq lobbligu li lilmenti jiġu ppreżentati b’mod koerenti u ddettaljat

29.      Fir-rigward, minn naħa, tal-proċedura prekontenzjuża, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-proċedura għandha bħala għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-okkażjoni kemm li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll li jressaq b’mod effettiv l-argumenti tiegħu ta’ difiża kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (6). Ir-regolarità tal-imsemmija proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala għan kawża ddefinita b’mod ċar (7).

30.      Barra minn hekk, għalkemm l-opinjoni motivata għandu jkun fiha dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu skont it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ preċiżjoni stretti daqs dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, billi din tista’ tikkonsisti biss f’sommarju inizjali qasir tal-ilmenti. Minn dan isegwi li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħti fid-dettall, fl-opinjoni motivata, l-ilmenti li hija diġà sostniet b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni (8).

31.      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-proċedura kontenzjuża, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (9). B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (10).

2.      Fuq lobbligu li ssuġġett tattilwima ma jiġix mibdul

32.      Fuq dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru, u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa minnha, jiddelimitaw is-suġġett tat-tilwima, li għalhekk ma jistax jiġi estiż ulterjorament. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat, u l-osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal‑Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża (11). Jekk dan ma jkunx il-każ, tali irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala mħassra minħabba l-fatt li l-Istat Membru konvenut ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata (12).

33.      Minkejja dan, għalkemm huwa minnu li s-suġġett tar-rikors huwa delimitat mill-proċedura prekontenzjuża u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu fondati fuq l-istess ilmenti (13), dan ir-rekwiżit ma jistax madankollu jasal sal-punt li f’kull każ jimponi li l-formulazzjoni tagħhom tikkoinċidi perfettament, sakemm is-suġġett tat-tilwima ma jkunx ġie estiż jew mibdul (14). B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tippreċiża l-ilmenti inizjali tagħha fir-rikors tagħha, bil-kundizzjoni, madankollu, li hija ma tibdilx is-suġġett tal-kawża (15).

34.      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu analizzati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mir-Repubblika Ċeka.

B.      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ traspożizzjoni talArtikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36

1.      Fuq lammissibbiltà talilment

a)      Largumenti talpartijiet

35.      Ir-Repubblika Ċeka tinvoka żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

36.      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-ilment ifformulat fir-rikors ma jikkorrispondix għal dak li jinsab fl-opinjoni motivata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-opinjoni motivata kienet tirrigwarda esklużivament il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ċeka kellha tispjega l-istatus tal-persuni kkonċernati, filwaqt li, fir-rikors, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ċeka talli ma introduċietx fid-dritt nazzjonali l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jiddeterminaw l-istatus tal-persuni kkonċernati.

37.      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-ilment ma huwiex ifformulat b’mod ċar. Hija tirrileva li, fil-punt 23 tar-rikors, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem li att li jiddetermina dan l-istatus għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti lil kull persuna kkonċernata, filwaqt li, fil-punt 22 tar-rikors, hija donnha tammetti li l-istatus ta’ dawn il-persuni jista’ jkun previst mil-liġi.

38.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ilment huwa ammissibbli. Hija ssostni li s-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit fl-ittra ta’ intimazzjoni u sussegwentement fl-opinjoni motivata, ma ġiex estiż jew mibdul fir-rikors. Hija żżid li dan l-ilment huwa relatat b’mod ċar man-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 fir-rigward tal-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jiddeterminaw l-istatus ġuridiku tal-persuni li jgħaddu minn perijodu ta’ adattament jew li jixtiequ jħejju ruħhom għal test tal-kapaċità.

b)      Evalwazzjoni

39.      Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, mill-opinjoni motivata (16) jsegwi, minn naħa, li l-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li jimplimentaw id-Direttiva 2005/36 ma jispjegawx l-istatus ġuridiku tal-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jħejju ruħhom għal test tal-kapaċità u lanqas ma jipprovdu bażi ġuridika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jispjegaw dan l-istatus. Hija żżid li l-imsemmi status għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ċek ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-istatus ġuridiku tal-persuni kkonċernati.

40.      Fil-fehma tiegħi, minn dan il-paragun jirriżulta li, kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni tikkritika l-leġiżlazzjoni Ċeka talli ma tippreċiżax b’mod suffiċjenti l-istatus ġuridiku tal-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jħejju ruħhom għal test tal-kapaċità. Minn dan jista’ jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li, fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, il-Kummissjoni ma biddlitx is-suġġett tat-tilwima, b’tali mod li l-motiv ta’ inammissibbiltà invokat ma huwiex fondat.

41.      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-obbligu li l-ilment jiġi mressaq b’mod koerenti u preċiż, inqis li l-Kummissjoni ma kisritx dan ir-rekwiżit peress li, kif diġà indikajt, mir-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ebda ambigwità, li d-dritt Ċek ma jippermettix li jiġi ddeterminat l-istatus ġuridiku tal-persuni kkonċernati. Għalhekk, dan il-motiv ta’ inammissibbiltà għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq ilfondatezza talilment

a)      Largumenti talpartijiet

42.      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek, jiġifieri l-Artikoli 13 sa 15 tal-Liġi Nru 18/2004, ma jippreċiżawx l-istatus ġuridiku tal-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jħejju ruħhom għal test tal-kapaċità.

43.      Hija ssostni li l-għan prinċipali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 huwa li jiġi ggarantit lill-persuni kkonċernati status ġuridiku ċert u suffiċjentement ċar li jippermettilhom li, fl-Istat Membru li jmorru fih, ma jkunux esposti għal deċiżjoni arbitrarja.

44.      Hija tirrileva li r-Repubblika Ċeka ma tagħmel riferiment għall-ebda dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi ddeterminat b’mod ċar l-istatus tal-persuni kkonċernati.

45.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li dan l-ilment huwa infondat.

46.      Hija tfakkar li l-Istati Membri ma humiex obbligati jittrasponu dispożizzjoni ta’ direttiva b’mod letterali. Hija tirrileva li l-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36 ma jsemmix id-drittijiet u l-obbligi konkreti li għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-persuni kkonċernati u lanqas ma jimponi li għandu jiġi rrikonoxxut lilhom status speċifiku, b’tali mod li ma huwiex ipprojbit, kif jipprevedi d-dritt Ċek, li l-istatus ta’ dawn il-persuni jkun is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ġenerali.

47.      Ir-Repubblika Ċeka żżid li d-Direttiva 2005/36 ma teżiġix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi sistema uniformi applikabbli għall-persuni li jwettqu perijodu ta’ adattament jew li jħejju ruħhom għal test tal-kapaċità. Tali rekwiżit huwa bbażat fuq il-preżunzjoni mhux korretta li dawn il-persuni jikkostitwixxu grupp omoġenju li jista’ jkun is-suġġett ta’ status speċifiku uniku filwaqt li l-istatus tal-persuni kkonċernati jiddependi neċessarjament mis-sitwazzjoni personali tagħhom. Issa, hija tqis li d-dritt Ċek jinkludi kriterji ċari u preċiżi li jippermettu lill-persuni kkonċernati jidentifikaw l-istatus tagħhom skont iċ-ċirkustanzi konkreti tar-residenza tagħhom.

b)      Evalwazzjoni

48.      L-eżami ta’ dan l-ilment jinvolvi, l-ewwel, l-ippreċiżar tas-suġġett u l-portata eżatti tal-obbligu previst fl-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36.

49.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (17).

50.      Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2005/36, mill-Artikoli 1 u 4 ta’ din id-direttiva jsegwi li l-għan essenzjali tar-rikonoxximent reċiproku huwa li jippermetti lid-detentur ta’ kwalifika professjonali li tagħtih aċċess għal professjoni rregolata fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu li jaċċedi, fl-Istat Membru ospitanti, l-istess professjoni bħal dik li għaliha huwa kkwalifikat fl-Istat Membru tal-oriġini u li jeżerċitaha hemmhekk taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali (18).

51.      Sussegwentement, l-Artikoli 10 sa 14 tad-Direttiva 2005/36 jistabbilixxu sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-provi ta’ taħriġ. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tippermetti lill-applikanti jaċċedu għal professjoni rregolata u jeżerċitawha, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu, jekk ikollhom ċertifikazzjoni ta’ ħiliet jew prova ta’ taħriġ, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, li tkun inħarġet minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għal dan l-istess għan. Madankollu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jwettaq paragun bejn ir-rekwiżiti ta’ taħriġ previsti mil-leġiżlazzjoni tiegħu u dawk meħtieġa fl-Istat Membru ta’ oriġini. Fi tmiem dan l-eżami, l-Istat Membru ospitanti għandu, skont l-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva, il-possibbiltà li jimponi, f’sitwazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti (19), miżuri kumpensatorji li jikkonsistu jew f’“perjodu ta’ adattament”, li t-tul tiegħu ma għandux ikun iktar minn tliet snin, jew f’“test ta’ kapaċità”. Minn dan jirriżulta li din il-possibbiltà, li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2005/36 jippreċiża li għandha tintuża f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tapplika biss sa fejn il-prinċipju tal-ekwivalenza tal-kwalifiki ma jistax jiġi implimentat.

52.      Huwa f’dan il-kuntest li t-termini “perijodu ta’ adattament” u “test ta’ kapaċità” huma ddefiniti rispettivament fl-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36. B’mod iktar partikolari, minn dawn il-punti jsegwi li l-modalitajiet ta’ dawn il-miżuri kumpensatorji kif ukoll l-istatusijiet li jgawdu minnhom il-persuna li twettaq il-perijodu ta’ adattament u l-applikant li jixtieq iħejji ruħu għat-test tal-kapaċità, huma “stabbiliti” mill-awtoritajiet kompetenti (20) tal-Istat Membru ospitanti. Jidhirli mill-użu tal-kelma “stabbiliti” li dawn l-awtoritajiet huma obbligati “jiddefinixxu bi preċiżjoni” (21) l-istatus tal-persuni kkonċernati minn dawn id-dispożizzjonijiet.

53.      Fir-rigward tal-perijodu ta’ adattament, l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi, barra minn hekk, li “[l]-istatus li tgawdi fi Stat Membru ta’ l-oriġini l-persuna li tgħaddi mill-perijodu ta’ prattika sorveljata, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ residenza kif ukoll obbligi, drittijiet soċjali u benefiċċji, allowances u ħlasijiet, għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat Membru skond id-dritt Komunitarju applikabbli”. Fil-fehma tiegħi, din iż-żieda hija spjegata mit-tul u mill-karatteristiċi tal-perijodu ta’ adattament li, skont dan l-istess artikolu, jinvolvi “l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini taħt ir-responsabbiltà ta’ membru kwalifikat ta’ dik il-professjoni, fejn tali perijodu ta’ prattika sorveljata possibbilment ikun akkumpanjat minn aktar taħriġ”. Fil-fatt, l-istatus tal-persuni kkonċernati mhux neċessarjament ikun l-istess, billi dak tal-applikanti li jwettqu perijodu ta’ adattament neċessarjament ikopri portata usa’ mill-istatus tal-applikanti li jkunu qegħdin iħejju ruħhom għal test tal-kapaċità. Madankollu, din id-differenza fil-kontenut ma jidhirlix li tinvolvi differenza fin-natura, peress li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jiddeterminaw bl-istess livell ta’ preċiżjoni kemm l-istatus tal-persuni li jgħaddu minn perijodu ta’ adattament kif ukoll dak tal-kandidati għat-test tal-kapaċità.

54.      Minn dawn l-elementi kollha niddeduċi li l-awtoritajiet kompetenti ma humiex biss obbligati li jiddefinixxu l-istatus tal-persuni kkonċernati, iżda wkoll li jiggarantixxu l-preċiżjoni u ċ-ċarezza, sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu jafu b’ċertezza s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, u dan, b’mod partikolari, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni korretta tal-miżuri kumpensatorji neċessarji għall-istabbiliment tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit doppju huwa impost indipendentement mill-metodu magħżul mill-Istati Membri, li jibqgħu liberi li jiddeterminaw dan l-istatus jew billi jfasslu dispożizzjonijiet speċifiċi, jew permezz ta’ riferiment għal liġijiet ġenerali. Madankollu, ikun xi jkun il-metodu użat, huwa neċessarju li l-miżuri nazzjonali jippermettu li jintlaħaq ir-riżultat preskritt mid-direttiva (22).

55.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandha tiġi eżaminata, fit-tieni lok, il-fondatezza tal-ilment invokat mill-Kummissjoni.

56.      Fuq dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istat Membru konvenut ma humiex ta’ natura li jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat il-provi hekk prodotti u l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan (23).

57.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Artikoli 13 sa 15 tal-Liġi Nru 18/2004 jipprevedu l-modalitajiet tal-perijodu ta’ adattament u tat-test tal-kapaċità. Min-naħa l-oħra, kif issostni l-Kummissjoni, dawn l-artikoli ma jinkludu ebda dispożizzjoni dwar l-istatus tal-persuni kkonċernati u lanqas ma jagħmlu riferiment għal leġiżlazzjonijiet oħrajn sabiex jiġi ddeterminat dan l-istatus.

58.      Fid-dawl tal-elementi kkomunikati mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka tinvoka regoli nazzjonali ta’ natura ġenerali li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-kategorija li, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, jaqgħu taħtha l-persuna li twettaq perijodu ta’ adattament u l-applikant li jixtieq iħejji ruħu għal test tal-kapaċità.

59.      Madankollu, minkejja li l-pluralità tas-sitwazzjonijiet possibbli x’aktarx li tagħmilha diffiċli li jiġi adottat status uniformi, tali ġustifikazzjoni ma tistax teżenta lill-awtoritajiet kompetenti mill-obbligu tagħhom li jiddeterminaw is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuni kkonċernati b’tali mod li dawn ikollhom informazzjoni ċara u preċiża dwar dan il-punt.

60.      Issa, inqis li, fl-assenza ta’ kwalunkwe regola nazzjonali li tippermetti li jiġi identifikat faċilment l-istatus ta’ dawn il-persuni, is-sempliċi eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura t-traspożizzjoni korretta tal-obbligu previst fl-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36.

61.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni.

C.      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq innuqqas ta’ traspożizzjoni talpunt (b) talArtikolu 6 tadDirettiva 2005/36

1.      Fuq lammissibbiltà talilment

a)      Largumenti talpartijiet

62.      Ir-Repubblika Ċeka tinvoka żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

63.      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, ir-Repubblika Ċeka ssostni li dan in-nuqqas li twettaq obbligu ma ġiex invokat, lanqas b’mod konċiż, fl-ittra ta’ intimazzjoni u li dan ma ġiex espost b’mod koerenti u ddettaljat fl-opinjoni motivata. Hija żżid li l-Kummissjoni, la fl-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata, ma indikat id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek inkwistjoni u li kien biss fl-istadju tar-rikors li hija kellha l-possibbiltà li tifhem li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru ospitanti kellu jinftiehem ukoll bħala l-obbligu tal-fornitur li jikkonkludi kuntratt ma’ fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Minn dan hija tiddeduċi li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu tagħha li tippreċiża, sa mill-proċedura prekontenzjuża, l-ilment u wessgħet is-suġġett tiegħu fl-istadju tar-rikors.

64.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-obbligu li jiġi informat bil-quddiem jew, f’każ urġenti, sussegwentement, il-korp tas-sigurtà soċjali bil-forniment tas-servizzi pprovduti huwa previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Issa, hija tosserva li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni la ġie invokat fl-intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata u lanqas ma huwa msemmi fir-rikors u fil-petitum tiegħu. Hija żżid li s-sustanza stess ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma ġietx indirizzata fl-ittra ta’ intimazzjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni wessgħet is-suġġett tal-ilment. Fl-aħħar nett, hija tafferma li l-opinjoni motivata ma tippreżentax dan l-ilment b’mod ċar u koerenti u minn dan tiddeduċi li r-rikors huwa inammissibbli fuq dan il-punt.

65.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmi ilment huwa ammissibbli.

66.      Hija ssostni li l-kontenut tal-ilment baqa’ kif kien sa mill-intimazzjoni. Hija tallega li t-tweġiba pprovduta mir-Repubblika Ċeka dwar l-intimazzjoni turi li din kienet fehmet is-suġġett tal-ilment. Il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment minn dan l-Istat Membru għad-dritt Ċek, hija kellha tfittex hija stess id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li r-riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet fl-istadju tar-rikors biss ma jistax jiġi evalwat bħala emenda tal-ilment.

67.      Il-Kummissjoni tammetti li, fir-rigward tal-obbligu għall-fornitur tas-servizzi li jinforma lill-korp tas-sigurtà soċjali, hija kellha tirreferi għat-“tieni subparagrafu tal-Artikolu 6” tad-Direttiva 2005/36. Madankollu, hija tirrileva li fl-intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, hija fakkret il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni u li, fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Ċeka speċifikament wieġbet għal dan l-ilment.

b)      Evalwazzjoni

68.      Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, nirrileva qabelxejn li, fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni indikat li l-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 dwar l-eżenzjoni tal-fornituri ta’ servizzi barranin mir-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali ma ġiex traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Ċeka (24).

69.      Sussegwentement nosserva li fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni eżaminat it-tweġibiet tar-Repubblika Ċeka u spjegat dan l-ilment fid-dettall billi ppreċiżat li l-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi li din ir-reġistrazzjoni ma hijiex meħtieġa u li sempliċi informazzjoni mill-fornitur tas-servizzi ta’ korp pubbliku tas-sigurtà soċjali tissostitwixxi tali reġistrazzjoni għal-likwidazzjoni tal-kontijiet għall-assiguratur. Il-Kummissjoni indikat li din id-dispożizzjoni timplika li l-fatt li tabib ikun ipprovda servizzi mediċi fi Stat Membru ieħor lil pazjent li jaqa’ taħt l-iskema pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma jistax ikollu bħala konsegwenza r-rifjut tar-rimbors tal-kura lill-pazjent jew lit-tabib minħabba li dan tal-aħħar ma huwiex irreġistrat mal-assigurazzjoni pubblika tas-saħħa fl-Istat Membru ospitanti. Sussegwentement hija kkunsidrat li d-dritt Ċek ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti (25).

70.      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-ilment ġie invokat fl-intimazzjoni u ġie spjegat b’biżżejjed dettall fl-opinjoni motivata.

71.      Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li l-Kummissjoni wessgħet is-suġġett tal-ilment fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża. Fil-fatt, wara t-tweġibiet għall-opinjoni motivata mibgħuta mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni llimitat ruħha għal riferiment għal dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt Ċek sabiex issostni li l-ilment, li hija ma biddlitx il-kontenut tiegħu, huwa fondat.

72.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mir-Repubblika Ċeka ma tistax tintlaqa’.

73.      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-intimazzjoni (26), il-Kummissjoni fakkret, essenzjalment, fl-obbligu li l-fornitur tas-servizzi jinforma lill-korp tas-sigurtà soċjali u stiednet lir-Repubblika Ċeka sabiex tikkonforma miegħu. Barra minn hekk, fl-opinjoni motivata (27), il-Kummissjoni tenniet dan l-ilment u enfasizzat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali Ċeka kellha timponi dan l-obbligu biss fuq dawn il-fornituri.

74.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni osservat, fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, ir-rekwiżiti marbuta mal-preżentazzjoni tal-imsemmi ilment u li din ma tistax tiġi kkritikata li invokatu biss fir-rikors tagħha.

2.      Fuq ilfondatezza talilment

a)      Largumenti talpartijiet

75.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 36a tal-Liġi Nru 18/2004 invokat mill-awtoritajiet Ċeki ma huwiex biżżejjed sabiex jittrasponi b’mod korrett il-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, peress li d-dritt Ċek (28) jagħmel ir-rimbors tal-persuna assigurata dipendenti fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizzi u fond ta’ assigurazzjoni tas-saħħa Ċek.

76.      Il-Kummissjoni ssostni li l-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 jimponi fuq l-Istat Membru ospitanti l-obbligu li jeżenta lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jirreġistraw “ma’ korp tas-sigurtà soċjali pubbliku bl-għan li jiġu ssettiljati l-kontijiet ma’ assiguratur li huma relatati ma’ l-attivitajiet eżerċitati għall-benefiċċju ta’ persuni assigurati” u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni għalhekk tipprojbixxi wkoll lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għal tali affiljazzjoni r-rimbors, lit-tabib u lill-pazjent, tal-kura mwettqa f’dan il-kuntest. Hija tqis li l-għan ta’ dan l-artikolu huwa li jipprojbixxi kull restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Hija tenfasizza li, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/36, ir-rifjut ta’ rimbors ta’ kura mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel lill-pazjenti minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor kien meqjus li jikser l-Artikolu 56 TFUE (29).

77.      Hija ssostni li dan il-kunċett ta’ “reġistrazzjoni” għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li huwa li tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

78.      Għalhekk, l-imsemmi kunċett jinkludi mhux biss ir-reġistrazzjoni, fis-sens proprju tal-kelma, mal-korp identifikat mill-Istat Membru bħala l-korp prinċipali tas-sigurtà soċjali tiegħu, iżda jinkludi wkoll ir-rekwiżiti amministrattivi jew legali l-oħra li jipproduċu effetti li jixbhu r-reġistrazzjoni, li għandhom eventwalment jiġu osservati ma’ korpi oħra tal-Istat Membru li jikkontribwixxu, b’xi mod jew ieħor, għall-funzjonament tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

79.      Il-Kummissjoni tirrileva li, skont l-informazzjoni li hija għandha, is-sistema Ċeka tal-assigurazzjoni tas-saħħa hija organizzata b’tali mod li meta t-tobba ma jkunux ikkonkludew kuntratt mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-persuna assigurata, il-pazjenti ma jiġux irrimborsati għall-kura mogħtija minkejja li huma jkunu jħallsu l-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-assigurazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ kura ta’ emerġenza, il-pazjent huwa obbligat li jħallas lit-tabib għall-kura mingħajr ma jkun jista’ jiġi rrimborsat mill-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu.

80.      Hija tosserva li l-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa hija s-suġġett ta’ proċess kumpless u li l-kisba ta’ tali kuntratt ma hijiex awtomatika iżda hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ selezzjoni eżiġenti, tant li ma jistax jiġi konkluż kuntratt ad hoc fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 56 TFUE.

81.      Minn dan hija tiddeduċi li dan l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-pazjent għandu jiġi kkunsidrat bħala obbligu li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “reġistrazzjoni” sabiex ikunu jistgħu jitħallsu l-kontijiet ma’ assiguraturi fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36.

82.      Il-Kummissjoni tammetti li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, lil Stat Membru milli jissuġġetta r-rimbors ta’ trattament għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, iżda tqis li l-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 jipprekludi r-rekwiżiti amministrattivi li, bħar-reġistrazzjoni, fihom infushom jagħmlu assolutament impossibbli kull rimbors tas-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ forniment ta’ servizzi.

83.      Hija żżid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (30), is-sistema Ċeka ta’ rimbors tal-kura tikser ukoll l-Artikolu 56 TFUE, li huwa espress mill-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, u li t-twettiq tal-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dan it-trattat jobbliga lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom.

84.      Hija ssostni li l-kunċett ta’ “korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 huwa usa’ minn dak ta’ “assiguratur” u li dan ikopri wkoll il-fondi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, peress li huma inkarigati mir-rimbors tas-servizzi mediċi pprovduti lill-pazjenti fil-kuntest tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

85.      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li t-tieni lment ma huwiex fondat.

86.      Hija tikkunsidra li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma’ fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, previst mid-dritt Ċek, ma jistax jiġi mqabbel ma’ obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 u f’dan ir-rigward tagħmel riferiment għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (31).

87.      Hija ssostni li l-analiżi tal-Kummissjoni ma hijiex sostnuta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, li tiddistingwi, minn naħa, bejn il-korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-assiguratur li lilu jiġu ffatturati s-servizzi. Issa, il-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkwistjoni huwa assiguratur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u mhux il-korp ta’ sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tagħha.

88.      Hija tosserva li sistema ta’ sigurtà soċjali li fil-kuntest tagħha l-kura li ma hijiex kura urġenti tiġi rrimborsata biss lill-imsieħba kuntrattwali hija totalment komuni fl-Unjoni u tippermetti li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, il-kwalità u l-prossimità tagħha għall-kura medika.

89.      Hija tagħmel riferiment ukoll għall-premessa 38 tad-Direttiva 2005/36, li, fil-fehma tagħha, issostni l-analiżi tagħha li din id-direttiva ma tikkonċernax il-forniment ta’ servizzi tas-saħħa u r-rimbors tagħhom.

b)      Evalwazzjoni

90.      Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jiġi ddefinit eżattament is-suġġett tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ċeka li ma ttrasponietx l-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, fir-rigward, minn naħa, tal-eżenzjoni għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku fl-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, mill-obbligu li dan il-korp jiġi informat mill-fornitur tas-servizzi.

91.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali meħuda mir-Repubblika Ċeka tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ dan l-artikolu waħdu u mhux fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 56 TFUE. Minn dan niddeduċi li l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni abbażi ta’ dan l-artikolu tal-aħħar ma humiex rilevanti.

92.      Dan stabbilit, sabiex wieħed jifhem is-sens u l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, għandhom qabel jitfakkru l-għanijiet ta’ din id-direttiva u s-sistema li hija tistabbilixxi fil-qasam tal-forniment ta’ servizzi.

93.      Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2005/36, mill-premessa 4 ta’ din id-direttiva jsegwi li din hija intiża sabiex tiffaċilita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi tistabbilixxi regoli speċifiċi bl-għan li tiġi estiża l-possibbiltà li jiġu eżerċitati attivitajiet professjonali taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini.

94.      F’dan il-kuntest, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi, fit-Titolu II tagħha (32), proċedura ta’ rikonoxximent issimplifikata favur il-fornituri ta’ servizzi. Din is-sistema, li hija bbażata fuq il-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi (33), hija marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-forniment li, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, jikkorrispondi għall-eżerċizzju fuq bażi temporanja u ta’ kultant ta’ professjoni fl-Istat Membru ospitanti (34).

95.      Madankollu, l-imsemmija direttiva tirrikonċilja l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mal-interessi tal-Istat Membru ospitanti. B’hekk, filwaqt li teżenta lill-fornitur mill-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki, din l-istess direttiva tawtorizza lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 7(1) tagħha, jeżiġu dikjarazzjoni bil-quddiem (35) għall-ewwel forniment ta’ servizzi li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, fil-każ tal-professjonijiet involuti fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, li jkun hemm kontroll limitat tal-kwalifiki professjonali tal-fornitur. Fi tmiem dan il-kontroll, l-awtorità kompetenti għandha, sa mhux iktar tard minn xahar minn meta tirċievi d-dikjarazzjoni (36), tieħu d-deċiżjoni li tippermetti l-provvista ta’ servizzi jew li timponi test tal-kapaċità.

96.      Huwa fil-kuntest ta’ din is-sistema li, sabiex jiġu limitati l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li l-Istat Membru ospitanti għandu jeżenta lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mir-rekwiżiti imposti fuq il-professjonisti stabbiliti fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’, fil-punt (a) tiegħu, “awtorizzazzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni jew sħubija f’organizzazzjoni jew korp professjonali” u, fil-punt (b) tiegħu, “reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali pubbliku bl-għan li jiġu ssettiljati l-kontijiet ma’ assiguratur li huma relatati ma’ l-attivitajiet eżerċitati għall-benefiċċju ta’ persuni assigurati”. Dan l-artikolu jippreċiża li, “[m]adankollu l-fornitur ta’servizz għandu jinforma bil-quddiem jew, f’każ urġenti, wara, lill-korp imsemmi f’punt (b) bis-servizzi li huwa pprovda”.

97.      Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, li fuqha tibbaża ruħha r-Repubblika Ċeka, tista’ tiċċara l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36. F’din il-kawża, il-Kummissjoni, li kienet ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ilmentat li r-Renju ta’ Spanja ma ttrasponix l-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/16/KEE (37), li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma ekwivalenti (38) għal dawk tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36. L-argument tal-Kummissjoni kien essenzjalment ibbażat fuq iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għamlet ir-rimbors tas-servizzi tas-saħħa dipendenti fuq l-affiljazzjoni ta’ tabib mas-sistema tas-saħħa nazzjonali.

98.      Biex tiċħad dan l-ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel iddikjarat li la l-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/16 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma huma maħsuba biex jeliminaw l-ostakli kollha li jista’ jkun hemm fl-Istati Membri fir-rigward tar-rimbors ta’ servizzi mediċi minn assiguratur li ma jappartjenix għalih it-tabib stabbilit fi Stat Membru ieħor (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad irrilevat li obbligu bħal dan imur lil hinn mill-qafas ta’ direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u lanqas ma jkun konformi mal-premessa 22 tad-Direttiva 93/16, li minnha jsegwi li din tal-aħħar ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali tagħhom (40).

99.      Għalhekk, minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligu impost fuq l-Istat Membru ospitanti li jeżenta lill-fornitur tas-servizzi mir-reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni minn dan l-Istat tas-sistema tiegħu ta’ rimbors tas-servizzi tas-saħħa.

100. Issa, jidhirli li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja jibqa’ rilevanti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

101. F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36 isegwi li r-rimbors tas-servizzi mediċi mogħtija minn fornitur ta’ servizzi ma jistax ikun suġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku. Għaldaqstant, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li, lil hinn mill-eżenzjoni li din tipprevedi, il-fornitur ma huwiex obbligat li jwettaq il-formalitajiet ta’ fatturazzjoni tas-servizzi tas-saħħa inerenti għall-organizzazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Minn dan jista’ jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li l-imsemmija dispożizzjoni ma tirregolax il-modalitajiet ta’ rimbors tas-servizzi tas-saħħa previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru.

102. Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-qari tal-premessa 38 tad-Direttiva 2005/36 li tgħid li “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jolqtux is-setgħat ta’ l-Istati Membri rigward l-organizzazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ sigurtà soċjali nazzjonali u d-deċiżjoni dwar liema attivitajiet għandhom jiġu eżerċitati taħt dik is-sistema.”. Skont din il-loġika, din id-direttiva ma tipprevedi l-ebda mekkaniżmu ġenerali li jorganizza r-relazzjonijiet bejn ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Għalhekk jidhirli li huwa diffiċli li jitqies li l-eżerċizzju ta’ professjoni fl-Istat Membru ospitanti, anki jekk fuq bażi temporanja u ta’ kultant, jimplika d-dritt li tinkiseb, mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġu ssodisfatti l-formalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-kopertura tas-servizzi tas-saħħa mill-assigurazzjonijiet soċjali ta’ dan l-Istat Membru.

103. F’dawn iċ-ċirkustanzi, niddubita, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, li, meta fassal l-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti għall-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku tali portata li jkollha effett fuq l-organizzazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru. Fi kliem ieħor, inqis li din id-dispożizzjoni ma tistax tingħata interpretazzjoni daqshekk estensiva u, fir-realtà, ma għandha l-ebda għan ieħor, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, ħlief li tneħħi l-formalità tar-reġistrazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi b’mod espliċitu.

104. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-Kummissjoni ma hijiex fondata li ssostni li l-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jeżenta lill-fornituri ta’ servizzi mir-reġistrazzjoni ma’ korp tas-sigurtà soċjali rregolat mid-dritt pubbliku jinvolvi l-obbligu li l-fornituri tas-servizzi jiġu eżentati mill-obbligu li jikkonkludu kuntratt mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-pazjent.

105. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tieni lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36.

D.      Fuq irraba’ lment, ibbażat fuq innuqqas ta’ traspożizzjoni talArtikolu 21(6) u tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2005/36

1.      Fuq lammissibbiltà talilment

a)      Largumenti talpartijiet

106. Ir-Repubblika Ċeka tinvoka tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

107. Fl-ewwel lok, hija ssostni li r-raba’ lment bl-ebda mod ma kien jinsab fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u li tali ommissjoni ma tistax tiġi rrimedjata peress li din għandna bħala konsegwenza diverġenza fundamentali bejn dan id-dispożittiv u t-talbiet tar-rikors. Hija żżid li din l-irregolarità, li ma ġietx irrimedjata fl-opinjoni motivata addizzjonali, ċaħditha minn kwalunkwe ċertezza dwar il-portata preċiża tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat mill-Kummissjoni.

108. Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fir-rikors, il-Kummissjoni bidlet is-suġġett tal-ilment meta mqabbel mal-proċedura prekontenzjuża. Dwar dan il-punt, hija tallega li, fl-istadju tal-opinjoni motivata u tal-intimazzjoni, dan l-ilment kien jirrigwarda biss l-isem tal-professjoni ta’ “infermier prattikant” previst mid-dritt Ċek, li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni mal-professjoni ta’ infermiera ġeneralista, li tikkorrispondi għal dik ta’ “infermiera responsabbli mill-kura ġenerali” prevista mid-Direttiva 2005/36. Minn dan hija tikkonkludi li l-imsemmi ilment huwa differenti minn dak imressaq fir-rikors, inkwantu li dan issa jirrigwarda l-portata eżatta tal-attivitajiet tal-infermiera prattikanti.

109. Fit-tielet lok, ir-raba’ lment ma ġiex ifformulat b’mod koerenti u preċiż, b’mod partikolari sa fejn, fil-punt 115 tar-rikors, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor l-analiżi ta’ dan l-ilment billi sempliċiment tagħmel riferiment għall-isem tal-professjoni ta’ infermier prattikant, mingħajr ma ssemmi l-kwistjoni dwar il-koinċidenza tal-attivitajiet ta’ dawn il-professjonijiet.

110. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmi ilment huwa ammissibbli.

111. Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija tikkunsidra li l-ommissjoni tal-ilment fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata, li hija tikklassifika bħala “żball amministrattiv”, ma kellhiex effett fuq id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Ċeka peress li din ippreżentat osservazzjonijiet dwar dan l-ilment.

112. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li hija la biddlet u lanqas estendiet is-suġġett tal-imsemmi ilment, kif kien iddefinit fl-opinjoni motivata, peress li, sa mill-intimazzjoni, hija invokat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 21(6) u fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2005/36. Hija tenfasizza li, fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, hija indikat li din id-direttiva ma kinitx tipprekludi li ċerti attivitajiet tal-professjoni ta’ infermiera jistgħu jitwettqu wkoll minn persuni oħra inqas kwalifikati, iżda li ma kellu jkun hemm l-ebda ambigwità dwar il-livelli differenti ta’ taħriġ u ħiliet tal-professjonisti kkonċernati.

113. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħhom, l-awtoritajiet Ċeki indikaw tajjeb id-differenzi bejn l-attivitajiet tal-professjonijiet ta’ “infermiera ġeneralista” u ta’ “infermier prattikant” u għaldaqstant fehmu perfettament li l-Kummissjoni kienet qiegħda tikkritika l-koeżistenza tagħhom.

b)      Evalwazzjoni

114. Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża. Anki jekk tali rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta fil-formulazzjoni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li s-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż jew mibdul matul il-proċedura kontenzjuża (41).

115. F’dan il-każ, mill-intimazzjoni (42) u mill-opinjoni motivata (43) jsegwi li, fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni indikat li d-dritt Ċek jipprevedi professjoni ta’ “infermier ġeneralista”, li l-prattikanti tagħha jistgħu jużaw it-titolu professjonali ta’ “infermiera responsabbli mill-kura ġenerali”, kif iddefinit mid-Direttiva 2005/36. Il-Kummissjoni rrilevat li d-dritt Ċek stabbilixxa wkoll il-professjoni ta’ “infermiera prattikant” u li l-aċċess għal dan it-titolu professjonali jinvolvi taħriġ li l-livell tiegħu ma jikkorrispondix għar-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 31(3) ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni enfasizzat li t-termini “ġeneralista” u “prattikant” joħolqu, għall-pazjenti u l-professjonisti tal-Istati Membri, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ professjonijiet. Minn dan hija ddeduċiet li huwa neċessarju li jinbidel it-titolu professjonali ta’ “infermiera prattikant”, billi tiżdied il-kelma “assistent”, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ ta’ din il-professjoni.

116. Fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, il-Kummissjoni ssostni li l-ilment li hija tinvoka huwa bbażat essenzjalment fuq iċ-ċirkustanza li l-attivitajiet taż-żewġ professjonijiet ta’ “infermiera ġeneralista” u ta’ “infermier prattikant” huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, paragunabbli ħafna, b’tali mod li, mingħajr ma tqiegħed fid-dubju l-effettività tad-Direttiva 2005/36 u tevita r-rekwiżiti tagħha, ir-Repubblika Ċeka ma setgħetx toħloq professjoni parallela. Sabiex issostni dan l-argument, il-Kummissjoni tagħmel analiżi komparattiva u ddettaljata tal-attivitajiet allokati lil kull waħda minn dawn il-professjonijiet.

117. Minn dan jirriżulta li, anki jekk huwa intiż għall-konstatazzjoni identika tal-ksur tal-Artikolu 21(6) u tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2005/36, l-ilment, kif ippreżentat fir-rikors, issa jirrigwarda, essenzjalment, in-natura eżatta tal-attivitajiet tal-infermiera prattikanti u l-eżami fid-dettall tal-paragunabbiltà tagħhom ma’ dawk tal-infermiera ġeneralisti, filwaqt li l-intimazzjoni u l-opinjoni motivata kienu jirrigwardaw il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkawżata mill-isem ta’ dawn iż-żewġ professjonijiet.

118. Jidhirli li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tippreċiża dan l-ilment, iżda bidlet sostanzjalment is-suġġett tiegħu billi mexxiet id-diskussjoni lejn kwistjoni li ma kinitx is-suġġett ta’ skambji bejn il-partijiet matul il-proċedura prekontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-Repubblika Ċeka ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tinvoka b’mod utli l-eċċezzjonijiet tad-difiża tagħha kontra l-ilment invokat mill-Kummissjoni.

119. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ilment imressaq fir-rikors huwa ta’ natura partikolarment teknika peress li jimplika eżami fil-fond tal-attivitajiet fdati rispettivament lill-professjonijiet ta’ “infermiera ġeneralista” u “infermiera prattikant”. Issa, jidhirli li sa fejn dan il-punt ma ġiex diskuss matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi li jippermettulha tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti.

120. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-raba’ lment inammissibbli.

2.      Fuq ilfondatezza talilment

121. Kif spjegajt, id-difett li jaffettwa r-regolarità tal-proċedura jipprekludi li tiġi evalwata r-realtà ta’ dan l-ilment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li huwa possibbli li nikkonkludi fuq il-fondatezza tiegħu.

E.      Fuq ilħames ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ traspożizzjoni talArtikolu 45(2) tadDirettiva 2005/36

1.      Fuq lammissibbiltà talilment

a)      Largumenti talpartijiet

122. Insostenn tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati minnha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni ma indikatx b’mod koerenti u preċiż l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni.

123. B’mod partikolari, skont ir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ma identifikatx b’mod ċar fl-opinjoni motivata d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li hija kienet tqis li jiksru l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 u lanqas in-natura eżatta tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tallega fil-konfront tar-Repubblika Ċeka.

124. Barra minn hekk, r-Repubblika Ċeka tgħid ukoll li r-rikors innifsu lanqas ma jippermetti li tiġi ddefinita b’mod preċiż il-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa fejn dan kultant jagħmel riferiment għall-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 fl-intier tiegħu u, kultant, għall-punti (c), (e) u (f) biss ta’ din id-dispożizzjoni.

125. Barra minn hekk, fl-istadju tar-rikors, il-Kummissjoni allegatament ma tinvokax iktar id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li hija kienet semmiet fl-intimazzjoni u issa tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan id-dritt. Ir-Repubblika Ċeka tiddeduċi minn dan li l-Kummissjoni wessgħet is-suġġett ta’ dan l-ilment.

126. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-ħames ilment huwa ammissibbli.

127. Hija ssostni li, sa mill-intimazzjoni, hija kienet ikkritikat lir-Repubblika Ċeka li ma ttrasponietx b’mod suffiċjenti l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 u li hija kienet semmiet id-Digriet Nru 187/2009 Sb. (44) minħabba li dan ma kienx jittrasponi ċerti obbligi tad-dritt tal-Unjoni u mhux għax kien jikser dan id-dritt. Għalhekk, ma huwiex importanti li dan it-test ma jibqax iċċitat fir-rikors.

128. Sussegwentement, hija għamlet riferiment għal-Liġi Nru 95/2004 fl-opinjoni motivata fid-dawl tal-osservazzjonijiet dwar l-intimazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Ċeka.

129. Il-Kummissjoni żżid li, wara l-osservazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru dwar l-intimazzjoni, hija finalment illimitat il-portata tal-ilment għall-Artikolu 45(2)(c), parzjalment (e), u (f), tad-Direttiva 2005/36 fl-opinjoni motivata u li din hija wkoll il-portata ta’ dan l-ilment fir-rikors tagħha.

b)      Evalwazzjoni

130. Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-bidla fis-suġġett tat-tilwima, nikkonstata li l-Kummissjoni indikat, fl-ittra ta’ intimazzjoni (45), li d-dritt Ċek, jiġifieri l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Nru 187/2009 Sb., ma jittrasponix l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, sa fejn ma jsemmix l-attivitajiet imsemmija fil-punti (c), (f) u (h) sa (j) ta’ din id-dispożizzjoni u jsemmi biss parti mill-attivitajiet imsemmija fil-punt (e) tal-imsemmija dispożizzjoni.

131. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-intimazzjoni (46), ir-Repubblika Ċeka indikat li l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Nru 187/2009 jirregola r-rekwiżiti minimi sabiex jinkisbu l-ħiliet professjonali għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ spiżjar. Hija żiedet li l-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru 95/2004 jirregola l-attivitajiet li spiżjar għandu d-dritt li jeżerċita b’mod awtonomu.

132. Fl-opinjoni motivata (47), il-Kummissjoni eżaminat id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn iż-żewġ liġijiet u osservat li d-dritt Ċek jagħmel l-eżerċizzju awtonomu minn spiżjar tal-attivitajiet imsemmija fil-punti (c), (f) u parti mill-attivitajiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 suġġett għall-kisba ta’ taħriġ speċjalizzat addizzjonali. Minn dan hija ddeduċiet li, billi ma ssemmix dawn l-attivitajiet fost dawk li jistgħu jitwettqu minn spiżjar b’taħriġ bażiku, ir-Repubblika Ċeka naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li joħorġu minn dan l-artikolu. Dan l-argument ġie sussegwentement imtenni u żviluppat fir-rikors.

133. Minn dawn l-elementi jirriżulta li, sa mill-intimazzjoni, il-Kummissjoni sostniet li d-dritt Ċek ma jiggarantixxix lill-ispiżjara aċċess għal xi wħud mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36. Sussegwentement, il-Kummissjoni, fl-opinjoni motivata u fir-rikors, żviluppat dan l-ilment fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ċċitati mir-Repubblika Ċeka fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-intimazzjoni. Jidhirli li, billi għamlet riferiment għal dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt Ċek, il-Kummissjoni ma wessgħetx l-ilment, kif ippreżentat fl-intimazzjoni, iżda ppreċiżat is-suġġett tiegħu fil-kuntest tal-iskambji kontradittorji inerenti għall-iżvolġiment regolari tal-proċedura kontradittorja.

134. Inqis ukoll li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li ma esponietx, la fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża u lanqas fir-rikors ġudizzjarju, l-ilment b’mod preċiż u koerenti. Fil-fatt, mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li, kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni ppreżentat ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek, li hija identifikat b’mod preċiż, jiksru l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 45(2)(c), parzjalment (e) u (f) tad-Direttiva 2005/36.

135. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li r-Repubblika Ċeka ma hijiex fondata meta ssostni li l-ħames ilment huwa inammissibbli.

2.      Fuq ilfondatezza talilment

a)      Largumenti talpartijiet

136. Il-Kummissjoni tesponi li l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 jeżiġi li l-Istati Membri jiggarantixxu lill-ispiżjara, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet bażiċi ta’ kwalifika professjonali stabbiliti fl-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, l-aċċess għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva, suġġett biss, fejn xieraq, għall-osservanza tar-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali supplimentari. Minn dan jirriżulta li Stat Membru ma jistax jimponi restrizzjoni oħra għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet ħlief dik marbuta ma’ dan ir-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali supplimentari.

137. Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma ttrasponietx din id-dispożizzjoni għal uħud mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, billi għamlet l-eżerċizzju awtonomu ta’ dawn l-attivitajiet dipendenti fuq ħiliet speċjalizzati addizzjonali. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li jinsabu fl-Artikolu 11(7) sa (11) tal-Liġi Nru 95/2004 jimponu l-kisba ta’ taħriġ speċjalizzat addizzjonali għall-eżerċizzju awtonomu tal-attivitajiet li ġejjin:

–        it-teknoloġiji farmaċewtiċi,

–        il-metodi tal-laboratorju u ta’ analiżi tas-saħħa,

–        il-prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi,

–        il-farmaċija dispensatorja,

–        il-farmaċija klinika,

–        il-farmaċija tal-isptarijiet.

138. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li mill-Artikolu 11(12) ta’ din il-liġi jsegwi li, qabel ma jinkisbu dawn il-ħiliet speċjalizzati, spiżjar jista’ jwettaq l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 7 sa 11 ta’ din id-dispożizzjoni biss taħt is-superviżjoni professjonali ta’ professjonist tas-saħħa li diġà għandu l-imsemmija ħiliet.

139. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija attivitajiet jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikolu 45(2)(c) parzjalment (e), u (f) tad-Direttiva 2005/36.

140. Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet għal taħriġ speċjalizzat addizzjonali jew ta’ superviżjoni professjonali imposti mid-dritt Ċek ma humiex konformi mal-għan u l-istruttura tat-Taqsima 7 intitolata “Spiżjar” tad-Direttiva 2005/36. Hija tqis, fil-fatt, li l-ispiżjara li t-taħriġ professjonali tagħhom jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi għall-armonizzazzjoni għandu jkollhom il-kapaċità li jwettqu l-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 45(2) ta’ din id-Direttiva, suġġett biss, fejn xieraq, għal li jkollhom esperjenza professjonali supplimentari. Minn dan hija tiddeduċi li r-restrizzjonijiet addizzjonali imposti mid-dritt Ċek jikkostitwixxu ksur ta’ dan l-artikolu kif ukoll ostakolu għall-moviment liberu.

141. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li dan l-ilment huwa infondat.

142. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 ma jkoprix l-attivitajiet li għalihom id-dritt Ċek jeżiġi kwalifiki speċjalizzati min-naħa tal-ispiżjara. Hija ssostni li, billi f’din id-dispożizzjoni uża l-kliem “tal-inqas”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ammetta li jista’ jkun hemm attivitajiet oħra, li jeħtieġu speċjalizzazzjoni partikolari, li l-ispiżjara bi kwalifika bażika fis-sens tad-Direttiva 2005/36 ma jistax ikollhom aċċess għalihom. Hija tindika li, f’oqsma speċjalizzati ħafna tal-farmaċija, in-nuqqas ta’ esperjenza u l-assenza ta’ superviżjoni professjonali jista’ jkollhom riperkussjonijiet kbar fuq il-ħajja u s-saħħa ta’ numru kbir ta’ persuni.

143. Ir-Repubblika Ċeka tqis li l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(7) sa (11) tal-Liġi Nru 95/2004, li hija tippreżenta fid-dettall, jaqgħu taħt din il-kategorija u ma jikkorrispondux għall-attivitajiet “normali” elenkati fl-Artikolu 45(2)(c), (e) u (f) tad-Direttiva 2005/36.

144. Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li dawn il-kwalifiki speċjalizzati jikkonċernaw biss l-eżerċizzju awtonomu tal-attivitajiet inkwistjoni u li skont l-Artikolu 11(12) tal-Liġi Nru 95/2004, kull spiżjar jista’ jwettaq l-attivitajiet kollha li għalihom huma meħtieġa kwalifiki speċjalizzati, taħt is-superviżjoni professjonali ta’ professjonist tas-saħħa b’dawn il-kwalifiki. Issa, tali approċċ huwa kompletament konformi mal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 peress li din id-dispożizzjoni timponi biss li l-persuni li jkollhom kwalifika ta’ taħriġ professjonali fil-farmaċija jkollhom aċċess għal ċerti attivitajiet u għat-twettiq tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-attivitajiet koperti minnha jiġu neċessarjament mwettqa b’mod awtonomu.

145. Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu, sabiex jiftħu l-aċċess għal ċerti attivitajiet ta’ spiżjar, il-kisba ta’ esperjenza professjonali supplimentari. F’dan ir-rigward, hija tosserva li skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 95/2004, il-ħiliet speċjalizzati inkwistjoni jistgħu jinkisbu jew permezz ta’ taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni, jew permezz ta’ esperjenza professjonali supplimentari. Minn dan hija tiddeduċi li din id-dispożizzjoni tħalli l-għażla bejn żewġ metodi ta’ kisba tal-ħiliet speċjalizzati, b’tali mod li spiżjar ma huwiex obbligat li jsegwi taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni sabiex ikun jista’ jwettaq l-attivitajiet li jeħtieġu kompetenzi speċjalizzati.

b)      Evalwazzjoni

146. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi fil-Kapitolu III tat-Titolu III tagħha sistema ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku applikabbli għal seba’ professjonijiet, fosthom dik ta’ spiżjar (48). Din is-sistema hija bbażata, minn naħa waħda, fuq id-definizzjoni ta’ rekwiżiti minimi ta’ taħriġ li l-Istati Membri kollha għandhom josservaw u, min-naħa l-oħra, fuq ir-rikonoxximent awtomatiku tad-diplomi kollha li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.  

147. F’dan il-kuntest, l-Artikoli 44 u 45 (49) ta’ din id-direttiva jiddefinixxu l-istandards ta’ taħriġ applikabbli għall-ispiżjara u l-attivitajiet miftuħa għalihom abbażi ta’ dawn il-kwalifiki. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-detenturi ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija f’livell universitarju jew f’livell rikonoxxut bħala ekwivalenti, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44 jistgħu jgawdu aċċess għal u jeżerċitaw tal-inqas minn l-attivitajiet li ġejjin, soġġetti għar-rekwiżit, fejn xieraq, ta’ esperjenza professjonali supplimentari”. Dawn l-attivitajiet jinkludu fil-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni l-ittestjar ta’ prodotti mediċinali f’laboratorju għall-kontroll tal-prodotti mediċinali, fil-punt (e) il-provvista, il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u t-tqassim u l-għoti ta’ prodotti mediċinali sikuri u effikaċi tal-kwalità meħtieġa fl-ispiżeriji miftuħa għall-pubbliku (50), u fil-punt (f) il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali sikuri u effettivi tal-kwalità meħtieġa fl-isptarijiet.

148. F’dan il-każ, l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 95/2004 jissuġġetta t-twettiq awtonomu ta’ ċerti attivitajiet ta’ spiżjar għall-kisba ta’ kompetenzi speċjalizzati, b’tali mod li, qabel din il-kisba, l-ispiżjar jista’ jeżerċita dawn l-attivitajiet biss taħt is-superviżjoni ta’ professjonist tas-saħħa li għandu dawn il-kompetenzi.

149. Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, huwa neċessarju, l-ewwel, li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar l-akkwist ta’ kompetenzi speċjalizzati meħtieġa mid-dritt Ċek hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, li jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-aċċess għall-attivitajiet ta’ spiżerija biss għal esperjenza professjonali supplimentari.

150. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2005/36, “esperjenza professjonali” tfisser it-twettiq attwali u legali tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru (51). Fil-fehma tiegħi, huwa ċar minn din id-definizzjoni li din l-esperjenza għandha tkun konkreta u reali biżżejjed biex tippermetti lill-ispiżjar iwettaq, fi tmiem din il-prattika, l-attività kkonċernata.

151. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36, l-imsemmija esperjenza tista’ tikkostitwixxi biss suppliment għat-taħriġ miksub minn qabel minn spiżjar taħt il-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-direttiva. Fil-fatt, ħlief billi jevita s-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki li jirregolaw il-professjoni ta’ spiżjar, Stat Membru ma jistax jimponi esperjenza professjonali li, fir-realtà, ikollha n-natura ta’ taħriġ iċċertifikat addizzjonali.

152. Issa, nosserva li, skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 95/2004, il-ħiliet speċjalizzati tal-ispiżjar jinkisbu jew billi wieħed jgħaddi minn taħriġ speċjalizzat iċċertifikat b’eżami ta’ ċertifikazzjoni, jew billi jikseb esperjenza professjonali addizzjonali.

153. Evidentement, l-ewwel kundizzjoni li tikkonsisti fit-tlestija b’suċċess ta’ taħriġ speċjalizzat ma tissodisfax id-definizzjoni tal-“esperjenza professjonali addizzjonali” li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta.

154. Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, inqis li, minkejja l-isem tagħha, lanqas din ma tissodisfa din id-definizzjoni. F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 95/2004 (52), it-talba għar-reġistrazzjoni taħt l-esperjenza professjonali addizzjonali għandha tiġi ppreżentata lil istituzzjoni akkreditata u li, fi tmiem dan il-perijodu ta’ taħriġ iċċertifikat b’attestazzjoni, il-Ministeru għandu joħroġ diploma ta’ ħila speċjalizzata. Jidhirli li, fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-esperjenza professjonali supplimentari, kif irregolata mid-dritt Ċek, tammonta għal taħriġ speċjalizzat addizzjonali.

155. Madankollu, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tikkaratterizza l-fondatezza tal-ilment allegat mill-Kummissjoni.

156. Fil-fatt, huwa neċessarju, fit-tieni lok, li jiġi ddeterminat sa fejn Stat Membru ospitanti jista’ jimponi, għal ċerti attivitajiet professjonali tal-ispiżjara, il-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati li jmorru lil hinn mir-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali supplimentari fis-sens tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36.

157. Fuq dan il-punt, inqis li l-analiżi letterali ta’ din id-dispożizzjoni toffri element ta’ interpretazzjoni utli. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tagħha jsegwi li, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ taħriġ meħtieġa mid-Direttiva 2005/36, l-ispiżjara għandhom tal-inqas ikunu awtorizzati jaċċedu għall-attivitajiet li ssemmi din id-dispożizzjoni. Jidhirli li, mill-użu tat-terminu “tal-inqas”, isegwi, mingħajr ambigwità, li l-Artikolu 45(2) ta’ din id-Direttiva jirrikjedi biss li l-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għall-attivitajiet li jkopri, suġġett, fejn xieraq, għal esperjenza professjonali supplimentari (53). Isegwi, b’mod korrelattiv, li dawn l-Istati huma liberi li jagħmlu l-aċċess għal attivitajiet oħra li ma humiex imsemmija f’din id-dispożizzjoni suġġett għal rekwiżiti ta’ taħriġ addizzjonali (54).

158. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-qari tal-premessa 25 tad-Direttiva 2005/36 li minnha jsegwi li, lil hinn minn kamp minimu ta’ attivitajiet li l-ispiżjara li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ bażiku għandu jkollhom aċċess għalihom, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu kundizzjonijiet ta’ taħriġ addizzjonali għall-aċċess għal attivitajiet li ma jaqgħux taħt dan il-kamp minimu (55).

159. Barra minn hekk, nirrileva li l-premessa 44 ta’ din id-direttiva tiddikjara li “[d]in id-Direttiva hija bla ħsara għal miżuri meħtieġa sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumatur”. Jidhirli li din il-formulazzjoni tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimponu, sabiex jintlaħaq dan l-għan, taħriġ speċjalizzat għal ċerti attivitajiet li jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenza.

160. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Ċeka teżiġi l-kisba ta’ kompetenzi speċjalizzati jirriżultawx mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(2)(c), parzjalment (e), u (f) tad-Direttiva 2005/36.

161. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-qasam tal-metodi tal-laboratorju u tal-analiżi fil-qasam tas-saħħa li jaqgħu taħt l-Artikolu 11(7) tal-Liġi Nru 95/2004, nosserva li l-Artikolu 45(2)(c) tad-Direttiva 2005/36, li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni, isemmi l-ispezzjoni tal-prodotti mediċinali f’laboratorju ta’ kontroll tal-prodotti mediċinali. Issa, kemm mit-titolu ta’ dan il-qasam kif ukoll mill-kjarifiki mogħtija mir-Repubblika Ċeka jista’ jiġi dedott li dawn il-metodi jirrigwardaw it-tekniki relatati mal-eżamijiet imwettqa fil-laboratorju. Sa fejn dan il-qasam huwa distint mill-ispezzjoni tal-prodotti mediċinali f’laboratorju ta’ kontroll tal-prodotti mediċinali, ma jaqax, fil-fehma tiegħi, fil-kamp minimu ta’ attivitajiet previst fl-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva.

162. It-tieni, fir-rigward tal-qasam tal-farmaċija klinika, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-provi meħtieġa għaliha biex tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (56). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tesponix kif dan il-qasam jaqa’ taħt xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 u sempliċiment issostni li l-argumenti tar-Repubblika Ċeka ma huma bbażati fuq ebda referenza rilevanti għal-leġiżlazzjoni Ċeka. Minn dan isegwi li l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex ipprovata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

163. Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-farmaċija tal-isptarijiet, tat-teknoloġiji farmaċewtiċi u tal-prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi, nosserva li, skont l-Artikolu 11(10) u (11) tal-Liġi Nru 95/2004, dawn l-attivitajiet huma marbuta mal-preparazzjoni ta’ forom farmaċewtiċi partikolarment kumplessi, li huma mifhuma, fis-sens ta’ din il-liġi, bħala prodotti mediċinali sterili intiżi għall-applikazzjoni parenterali ppreparati f’postijiet speċjalizzati fl-ispiżeriji. Fil-fehma tiegħi, sabiex ma jsirx qari estensiv wisq tal-Artikolu 45(2)(f) tad-Direttiva 2005/36 (57), tali attivitajiet ma jistgħux jiġu mqabbla mal-preparazzjoni ta’ prodotti mediċinali sikuri u effikaċi tal-kwalità meħtieġa fl-isptarijiet. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-punt ma jagħmilx distinzjoni skont il-grad ta’ kumplessità tal-prodotti mediċinali ppreparati fl-isptarijiet ma jidhirlix li jikkostitwixxi kriterju ta’ interpretazzjoni deċiżiv. Skont il-loġika li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ssegwi, din id-differenza jidhirli, għall-kuntrarju, li tiġġustifika b’mod sħiħ li l-preparazzjoni ta’ forom farmaċewtiċi li għandhom, fid-dawl tad-definizzjoni tagħhom, livell għoli ta’ teknikalità ma tkunx inkluża fil-kamp minimu ta’ attivitajiet previst fl-Artikolu 45(2) tal-imsemmija direttiva.

164. Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-qasam tal-farmaċija dispensatorja, għandu jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 11(8) tal-Liġi Nru 95/2004, li jipprovdi li l-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati f’dan il-qasam hija kundizzjoni għat-twettiq awtonomu ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ spiżerija. Issa, ma jistax jiġi miċħud li l-provvista u t-tqassim tal-prodotti mediċinali fi spiżeriji miftuħa għall-pubbliku, kif imsemmija fl-Artikolu 45(2)(e) tad-Direttiva 2005/36, jippreżumu neċessarjament it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ spiżerija u jikkostitwixxu komponent essenzjali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-imsemmi qasam, li jaqa’, barra minn hekk, taħt l-eżerċizzju normali tal-professjoni ta’ spiżjar, jaqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva.

165. Għar-raġunijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-ħames ilment jintlaqa’ biss fuq dan l-aħħar punt.

F.      Sommarju talanaliżi

166. L-analiżi tar-rikors twassalni għall-konklużjoni li l-ewwel ilment u, parzjalment, il-ħames ilment huma fondati. Il-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

VI.    Konklużjoni

167. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames ilmenti kif ġej:

1)      Ir-Repubblika Ċeka:

–        - billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ persuna li twettaq perijodu ta’ adattament u l-istatus ta’ applikant li jixtieq iħejji ruħu għat-test tal-kapaċità, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013, u

–        - billi ssuġġettat it-twettiq awtonomu tal-attivitajiet marbuta mal-ġestjoni ta’ spiżerija għall-kisba ta’ ħiliet speċjalizzati, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 45(2)(e) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18; ĠU 2008, L 93, p. 28; ĠU 2014, L 305, p. 115; u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115.).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132)


4      Bejn wieħed u ieħor EUR 270.


5      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/55 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat‑18 ta’ Jannar 2016.”


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑33/04, EU:C:2005:750, punt 70); tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 49), u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punt 32).


7      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni) (C‑552/15, EU:C:2017:698, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


8      Sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑97/17, EU:C:2018:285, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


9      Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑525/14, EU:C:2016:714, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑64/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:264, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Ġestjoni u prattika forestali tajba) (C‑432/21, EU:C:2023:139, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10) (C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara l-punt 3.1 tal-opinjoni motivata u, b’mod iktar partikolari, l-iżviluppi li jinsabu fil-paġna 155 ta’ din l-opinjoni.


17      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Les Entreprises du Médicament (C‑20/22, EU:C:2022:1028, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ mediku bażiku) (C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Minn dan l-artikolu jsegwi, essenzjalment, li l-Istat Membru jista’ jirrikjedi miżuri kumpensatorji jekk it-taħriġ jirrigwarda suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-prova ta’ kwalifiki meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti jew jekk il-kamp tal-attivitajiet professjonali miftuħ għall-professjoni huwa usa’ fl-Istat Membru ospitanti milli fl-Istat Membru ta’ oriġini.


20      Skont l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2005/36, “awtorità kompetenti” tfisser “kwalunkwe awtorità jew korp inkarigat speċifikament minn Stat Membru sabiex joħroġ jew jirċievi diplomi ta’ taħriġ u dokumenti oħrajn jew informazzjoni u sabiex jilqa applikazzjoni u jieħu deċiżjonijiet, imsemmija f’din id-Direttiva”.


21      Din id-definizzjoni tal-kelma “stabbiliti” (déterminer) hija dik mogħtija mid-disa’ edizzjoni (li qiegħda tiġi ppubblikata) tad-Dictionnaire de l’Académie française. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-Direttiva 2005/36 huma omoġenji fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit. Ara, fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(g) u (h), rispettivament, ta’ din id-direttiva, bil-lingwa Ġermaniża “festgelegt”; Estonjana “kehtestab” u “määrab”; Ingliża “shall be laid down” u “shall be determined”; b’dik Taljana “sono determinati” u “sono determinate”, u b’dik Ċeka “stanoví”.


22      F’dan ir-rigward, infakkar li għalkemm l-awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti fir-rigward tal-forma u tal-mezzi sabiex jinkiseb ir-riżultat previst minn direttiva, il-miżuri ta’ traspożizzjoni għandhom, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, ikunu suffiċjentement preċiżi u ċari. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, U.I. (Rappreżentant doganali indirett) (C‑714/20, EU:C:2022:374, punti 57 sa 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑311/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:257, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara l-punt 2.2.2. tal-intimazzjoni.


25      Ara l-punt 3.3. tal-opinjoni motivata.


26      Ara l-punt 2.2.2. tal-intimazzjoni.


27      Ara l-punt 3.3 tal-opinjoni motivata.


28      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 11(1) u għall-Artikolu 17(1) tal-Liġi Nru 48/1997.


29      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Decker (C‑120/95, EU:C:1998:167) u tat‑28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171).


30      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, EU:C:2006:325), u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑255/09, EU:C:2011:695).


31      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002 (C‑232/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja”, EU:C:2002:291).


32      Dan it-titolu jinkludi l-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/36.


33      Din l-espressjoni tikkorrispondi għat-titolu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/36.


34      Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, in-“n-natura temporanja u ta’ kultant tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun stmata każ b’każ, b’tenut kont b’mod partikolari tat-tul taż-żmien, tal-frekwenza, tar-regolarità u tal-kontinwità tagħha.”


35      Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/36, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li d-dikjarazzjoni tkun akkumpanjata minn dokumenti. Mingħajr ma jissemmew id-dokumenti kollha elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-artikolu, il-produzzjoni tagħhom hija maħsuba biex tippermetti lill-Istati jivverifikaw il-kwalifiki jew l-esperjenza professjonali tal-fornitur u jiżguraw, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, li dan joffri garanziji suffiċjenti relatati b’mod partikolari mal-integrità tiegħu u mal-għarfien tiegħu tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti.


36      Madankollu, din id-deċiżjoni tista’ tiġi posposta taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/36.


37      Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 biex tiffaċilità l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u prova oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 86).


38      Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/16, “[m]eta reġistrazzjoni ma’ korp pubbliku ta’ sigurtà soċjali hija mitluba fl-Istat Membru ospitanti għat-twettieq mal-korpi ta’ assigurazzjoni tal-kontijiet relatati mas-servizzi magħmula lil persuni assigurati bl-iskemi ta’ sigurtà soċjali, l-Istat Membru għandu jeżenta liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra stabbiliti fi Stat Membru ieħor minn din it-talba, fil-każi ta’ provvista ta’ servizzi li jirrikjedu vjaġġi minn-naħa tal-persuna konċernata. Madankollu, il-persuni kkonċernati għandhom jissupplixxu lil dan il-korp l-informazzjoni bill-quddiem, jew, f’każi urġenti, sussegwentement, li tikkonċerna s-servizzi pprovduti.”


39      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 52.


40      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 53.


41      Ara l-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara l-punt 2.4.3 tal-intimazzjoni.


43      Ara l-punt 3.5.3.1 tal-opinjoni motivata, u huwa speċifikat li dan l-ilment ma huwiex indirizzat fl-opinjoni motivata addizzjonali.


44      Vyhláška č. 187/2009 Sb., o minimálních požadavcích na studijní programy všeobecné lékařství, zubní lékařství, farmacie a na vzdělávací program všeobecné praktické lékařství (Digriet Nru 187/2009 Sb., dwar ir-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ studju ta’ mediċina ġenerali, dentistrija u għall-programm ta’ formazzjoni tal-prassi tal-mediċina ġenerali).


45      Ara l-punt 2.4.6 tal-intimazzjoni.


46      Ara l-punt 2.4.6 tal-osservazzjonijiet dwar l-intimazzjoni.


47      Ara l-punt 3.5.1 tal-opinjoni motivata.


48      Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ispiżjara jinsabu fit-Taqsima 7 ta’ dan il-kapitolu.


49      L-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2005/36 irriproduċew l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/432/KEE tas‑16 ta’ Settembru 1985 li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 129). B’mod iktar wiesa’, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 huma intiżi sabiex jikkonsolidaw u jissimplifikaw is-sistema li tirriżulta mid-Direttiva 85/432. Ara, f’dan is-sens, il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (COM/2002/0119 final) (ĠU 2002, C 181 E, p. 183).


50      Għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-Artikolu 45(2)(e) tad-Direttiva 2005/36, il-Kummissjoni ssemmi biss, insostenn tar-rikors tagħha, l-attivitajiet ta’ provvista u ta’ tqassim tal-prodotti mediċinali.


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2011, Toki (C‑424/09, EU:C:2011:210, punt 28).


52      Nirreferi b’mod partikolari għall-paragrafi 3 u 5 ta’ din il-liġi.


53      Sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ma titneħħilhomx l-effettività tagħhom, tali garanzija neċessarjament twassal sabiex l-ispiżjar, li jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ kwalifiki professjonali, ikun jista’ jeżerċita l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36 b’mod awtonomu.


54      Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/432, il-Kummissjoni kellha tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposti xierqa dwar l-ispeċjalizzazzjonijiet fil-farmaċija, u b’mod partikolari dik fil-farmaċija tal-isptarijiet. Minn dan jista’ jiġi dedott li, lil hinn mir-rekwiżiti ta’ taħriġ bażiku u mill-kamp ta’ attivitajiet miftuħa abbażi ta’ dawn il-kwalifiki rregolati mill-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur kien irriżerva l-eżistenza ta’ taħriġ speċjalizzat. Sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar huma essenzjalment riprodotti fl-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2005/36, jidhirli li s-sistema li tirriżulta minn din id-direttiva hija intiża biss, bħal dik li tirriżulta mid-Direttiva 85/432, li toħloq kamp minimu ta’ attivitajiet li l-ispiżjara bi kwalifiki bażiċi għandu jkollhom aċċess għalihom.


55      Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 2005/36, “[i]t-titolari ta’ kwalifiki ta’ spiżjar huma speċjalisti fil-qasam tal-mediċini u, fil-prinċipju, għandu jkollhom aċċess fl-Istati Membri kollha għal firxa minima ta’ attivitajiet f’dan il-qasam”. Madankollu, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma bla ħsara għall-possibiltà ta’ Stati Membri li jimponu kondizzjonijiet addizzjonali għal taħriġ għall-aċċess għal attivitajiet li mhumiex inklużi fil-firxa minima koordinata ta’ attivitajiet. Dan ifisser li l-Istat Membru ospitanti għandu jkun jista’ jimponi dawn il-kondizzjonijiet fuq ċittadini li huma titolari ta’ dawn il-kwalifiki li huma koperti minn rikonoxximent awtomatiku fis-sens ta’ din id-Direttiva”.


56      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Dwar dan, infakkar li, fir-rigward tal-punt (e) tal-Artikolu 45(2) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni ma ssemmix, insostenn tar-rikors tagħha, l-attività ta’ preparazzjoni ta’ prodotti mediċinali.