Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Frar 2008 - TNC Kazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni

(Kawża T-107/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Joint stock company "Transnational Company Kazchrome" (TNC Kazchrome) (Actobe, Każakastan), ENRC Marketing AG (Kloten, L-Iżvizzera) (rappreżentanti: L. Ruessmann u A. Willems, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-regolament ikkontestat safejn huwa jimponi dazji antidumping fuq importazzjonijiet ta' siliko-manganiż li huma prodotti u/jew mibjugħa mir-rikorrenti;

tordna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni in solidum sabiex iħallsu d-danni tar-rikorrenti inklużi l-interessi għal ħsarat li ġarrbu b'riżultat tal-ftuħ illegali tal-kawża, żbalji ta' fatt u żbalji ta' evalwazzjoni, inkluż il-ksur ta' prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju mill-Kummissjoni, u l-adozzjoni żbaljata tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/2007;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż tagħhom u tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u in solidum mal-Kunsill, għal dawk tar-rikorrenti safejn mhumiex koperti mill-Kunsill.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li huma rispettivament produtturi u esportaturi ta' siliko-manganiż lejn l-Unjoni Ewropea, jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/2007 ta' l-4 ta' Diċembru 2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Każakstan u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta' siliko-manganiż li joriġinaw fl-Ukrajna1.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti wettqu żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, kisru r-Regolament Bażiku2 u naqsu milli jagħtu motivazzjonijiet skond l-Artikolu 253 KE billi inkludew il-Każakastan u eskludew l-Indja mill-investigazzjoni antidumping; billi ċaħdu d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li huma joperaw bħala entità ekonomika waħda; meta stabbilew il-prezz ta' l-esportazzjoni; meta evalwaw kif u sa liema punt l-importazzjoni tas-siliko-manganiż mill-Każakastan ikkawżat ħsara lill-industrija tal-Kommunità; billi akkumulaw l-importazzjonijiet mill-Każakastan ma' l-importazzjonijiet miċ-Ċina sabiex issir din l-evalwazzjoni u meta evalwaw l-interessi tal-Komunità.

Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru d-dritt tagħhom ta' smigħ u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, ta' non-diskriminazzjoni u ta' proporzjonalita, peress li fost l-oħrajn, ir-rikorrenti ma ngħatawx aċċess għal informazzjoni li kienet rilevanti għall-konklużjonijiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u peress li l-impenn offrut mir-rikorrenti ġie miċħud.

____________

1 - ĠU L 317, p. 5.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, p. 1)